Aqbeż għall-kontentut

Camino Real de Tierra Adentro

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa tal-Camino Real de Tierra Adentro.

Il-Camino Real de Tierra Adentro (li bl-Ispanjol tfisser Mogħdija/Rotta Rjali tal-Art Interna), magħrufa wkoll bħala r-Rotta tal-Fidda jew fil-qosor Camino Real, kienet rotta Spanjola twila 2,560 kilometru (1,590 mil) bejn il-Belt tal-Messiku u San Juan Pueblo (Ohkay Owingeh), New Mexico (illum il-ġurnata fl-Istati Uniti), li kienet tintuża mill-1598 sal-1882. Kienet l-iżjed waħda fit-Tramuntana mill-erba' "mogħdijiet irjali" li kienu jikkollegaw il-Belt tal-Messiku mat-tributarji ewlenin tagħha matul u wara l-era kolonjali Spanjola.[1]

Fl-2010, 55 sit u ħames Siti ta' Wirt Dinji eżistenti tal-UNESCO tul is-sezzjoni Messikana tar-rotta tniżżlu kollettivament mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji, u jinkludu bliet, irħula, pontijiet, haciendas u monumenti oħra tul ir-rotta ta' 1,400 kilometru (870 mil) bejn iċ-ċentru storiku tal-Belt tal-Messiku (Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minnu nnifsu) u r-raħal ta' Valle de Allende, Chihuahua.[2]

Is-sezzjoni ta' 404 mili (650 kilometru) tar-rotta fl-Istati Uniti ġiet ipproklamata bħala l-Mogħdija Storika Nazzjonali ta' El Camino Real de Tierra Adentro, parti mis-sistema ta' mogħdijiet storiċi nazzjonali, fit-13 ta' Ottubru 2000. Ir-rotta storika tiġi ssorveljata kemm mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali kif ukoll mill-Uffiċċju tal-Ġestjoni tal-Art tal-Istati Uniti, bl-għajnuna mill-Assoċjazzjoni tal-Mogħdija ta' El Camino Real de Tierra Adentro (CARTA). Parti mill-mogħdija qrib San Acacia, New Mexico ġiet elenkata fir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi fl-2014.

Ir-rotta hija identifikata li tibda fil-Plaza Santo Domingo qrib ħafna taz-Zócalo u l-Katidral Metropolitan tal-Belt tal-Messiku. Imbagħad tibqa' għaddejja lejn it-Tramuntana minn San Miguel de Allende, u tintemm iktar fit-Tramuntana qrib Santa Fe, New Mexico, l-Istati Uniti.

Pre-Kolombjana

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-qalba tal-Belt tal-Messiku.

Ferm qabel waslu l-Ewropej, id-diversi tribujiet u renji indiġeni li kien hemm fl-isteppa ċentrali tat-Tramuntana tal-Messiku stabbilew ir-rotta li iktar 'il quddiem saret il-Camino Real de Tierra Adentro bħala rotta ewlenija għall-kaċċa u għall-kummerċ. Ir-rotta kkollegat il-popli tal-Wied tal-Messiku ma' dawk tat-Tramuntana permezz tal-iskambju ta' prodotti bħat-turkważ, l-ossidjana, il-melħ u r-rix. Sas-sena 1000 W.K. ġie stabbilit network kummerjċali rikk mill-Amerka Ċentrali sal-muntanji Rockies.[3]

Inkursjoni Ewropea

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Missjoni Spanjola ta' San Miguel f'Santa Fe, New Mexico. Din hija l-eqdem knisja fl-Istati Uniti.

Wara li Tenochtitlan inħataf fl-1521, il-konkwistaturi u l-kolonjalisti Spanjoli bdew sensiela ta' spedizzjonijiet bl-iskop ta' tkabbir tad-dominji tagħhom u ta' żieda tal-ġid għall-Kuruna Spanjola. L-isforzi inizjali tagħhom wassluhom biex isegwu l-mogħdijiet stabbiliti mill-indiġeni li skambjaw il-merkanzija bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar.

F'April 1598, grupp ta' scouts militari mmexxija minn Juan de Oñate, il-gvernatur kolonjali ġdid li nħatar għall-provinċja ta' Santa Fe de Nuevo México, intilef fid-deżert fin-Nofsinhar ta' Paso del Norte hu u jfittex l-aqwa rotta sa Río del Norte. Indjan lokali li kienu qabdu jismu Mompil pinġa mappa fir-ramel u indikalhom l-unika passaġġ sikur sax-xmara. Il-grupp wasal f'Río del Norte fin-Nofsinhar ta' El Paso u Ciudad Juárez fl-aħħar ta' April, fejn iċċelebra l-Festa Kattolika tat-Tlugħ is-Sema fit-30 ta' April, qabel qasam ix-xmara. Imbagħad immappja u estenda r-rotta sa Española, fejn Oñate stabbilixxa l-belt kapitali tal-provinċja l-ġdida. Din il-mogħdija saret magħrufa bħala l-Camino Real de Tierra Adentro, l-iżjed mogħdija fit-Tramuntana mill-erba' "mogħdijiet irjali" prinċipali – il-Caminos Reales – li kienu jikkollegaw il-Belt tal-Messiku mat-tributarji ewlenin f'Acapulco, f'Veracruz, f'Audiencia (il-Gwatemala) u f'Santa Fe.[4]

Wara r-Rewwixta ta' Pueblo tal-1680, li bil-vjolenza obbligat lill-Ispanjoli jirtiraw minn Nuevo México, il-Kuruna Spanjola ddeċidiet li ma tabbandunax il-provinċja kollha iżda żammet kanal lejn il-provinċja sabiex is-sudditi li kien għad fadal ma jiġux abbandunati hemmhekk. Il-Viċirè organizza sistema, l-hekk imsejħa conducta, biex ifornu l-missjonijiet, il-presidios u r-ranchos tat-Tramuntana. Il-conducta kienu jikkonsistu minn karovani ta' vaguni li kienu jitilqu kull tliet snin mill-Belt tal-Messiku lejn Santa Fe tul il-Camino Real de Tierra Adentro. It-traġitt kien jeħtieġ vjaġġ twil u diffiċli ta' sitt xhur, inkluż ġimagħtejn sa tliet ġimgħat ta' mistrieħ tul il-mogħdija.

Kien hemm ħafna inċertezzi li l-conducta u vjaġġaturi oħra kellhom jiffaċċjaw. L-għargħar tax-xmajjar setgħu jwasslu għal ġimgħat ta' stennija fuq ix-xtut sakemm il-karovana setgħet tgħaddi. Xi drabi oħra, nixfiet fit-tul fl-inħawi setgħu jwasslu biex l-ilma ikun skars u diffiċli li jinstab. L-iżjed sezzjoni tal-vjaġġ li kienet iebsa kienet il-qsim tal-Jornada del Muerto lil hinn minn El Paso del Norte: kważi 100 kilometru (62 mil) ta' deżert kbir mingħajr veġetazzjoni u mingħajr għejun tal-ilma biex jisqu lill-vjaġġaturi u lill-bhejjem tagħhom.

Il-pont ta' Ojuelos fl-Istat ta' Jalisco.

Apparti l-ħtiġijiet ta' sussistenza, l-ikbar periklu għall-karovana kien xi attakk mill-indiġeni. Gruppi ta' banditi kienu jħufu fit-territorju u kienu jheddu l-karovana mill-istat attwali tal-Messiku sal-istat ta' Querétaro, bit-tir li jakkwistaw xi oġġetti ta' valur. Mill-parti tan-Nofsinhar ta' Zacatecas 'il quddiem lejn it-Tramuntana, l-ikbar theddida kienu ċ-Chichimeca nattivi, li iktar kien hemm ċans li jattakkaw lill-karovana iktar ma tasal fit-Tramuntana. L-objettiv prinċipali taċ-Chichimeca kienu ż-żwiemel, iżda spiss kienu jaħtfu wkoll lin-nisa u lit-tfal. Sensiela ta' presidios tul il-mogħdija kienu jippermettu t-tibdil tat-truppi biex jipprovdu protezzjoni addizzjonali għall-karovani. Billejl, fl-iżjed żoni perikolużi, il-karovani kienu jiffurmaw ċirku bil-vaguni tagħhom bin-nies u l-bhejjem fuq ġewwa.

Il-Camino Real kienet tintuża b'mod attiv bħala rotta kummerċjali għal iktar minn 300 sena, minn nofs is-seklu 16 sas-seklu 19, l-iktar għat-trasport tal-fidda estratta mill-minjieri tat-Tramuntana. Matul dan iż-żmien, il-mogħdija ġiet imtejba b'mod kontinwu, u maż-żmien ir-riskji naqsu għaliex bdew ifeġġu il-haciendas u ċ-ċentri popolati.

Plaza de San Francisco, il-pjazza fejn hemm it-Templo de la Tercera Orden u t-Templo y Convento de San Francisco, li bdew jinbnew fl-1567, fil-belt ta' Sombrerete, Zacatecas. L-influwenza Spanjola mħallta ma' elementi lokali hija viżibbli, bħall-ġestjoni tal-barriera tal-ġebel ramli roża jew l-elementi Tlaxcaltec fid-daħla tat-tempju.

Matul is-seklu 18, is-siti tul il-Camino Real de Tierra Adentro żdiedu ferm. L-inħawi bejn Durango u Santa Fe saru magħrufa bħala l-"Mogħdija ta' Chihuahua". San Felipe el Real (illum il-ġurnata l-belt ta' Chihuahua), stabbilit fl-1709 biex jappoġġa l-minjieri tal-madwar, sar l-iżjed ċentru kummerċjali importanti u żona finanzjarja importanti tul dan is-segment.

San Felipe Neri de Alburquerque (illum il-ġurnata Albuquerque, New Mexico) ġie stabbilit fl-1706 u sar terminal importanti wkoll. Minħabba l-pożizzjoni difensiva tiegħu fil-Camino Real, Alburquerque sar iċ-ċentru tal-iskambju kummerċjali bejn Nuevo México u l-kumplament ta' Spanja l-Ġdida matul is-seklu 18, bil-kummerċ tal-bhejjem, tas-suf, tat-tessuti, tal-ġlud tal-annimali, tal-melħ u tal-lewż. Dan l-iskambju seħħ l-iktar mal-bliet bil-minjieri ta' Chihuahua, ta' Santa Bárbara u ta' Parral.

El Paso del Norte (illum il-ġurnata Ciudad Juárez) sar terminal ewlieni ieħor tul ir-rotta. Fl-1765, il-popolazzjoni ta' El Paso del Norte kienet stmata li kienet tlaħħaq l-2,635 abitant, u b'hekk inħoloq dak li dak iż-żmien kien l-ikbar ċentru urban fil-fruntiera tat-Tramuntana ta' Spanja l-Ġdida. El Paso del Norte sar ċentru importanti tal-agrikoltura u rancheria, magħrufa għall-inbejjed, għall-brandy, għall-ħall u għaż-żbib.

Hacienda de San Blas, fir-raħal ta' Pabellón de Hidalgo, hija hacienda tas-seklu 16, li issa tintuża bħala Mużew tar-Ribelljoni. Din hija eżempju tajjeb tal-haciendas agrikoli tul il-Camino Real de Tierra Adentro.

Fis-seklu 18, il-Kuruna Spanjola awtorizzat l-istabbiliment ta' Fieri tul il-Camino Real biex jiġi promoss il-kummerċ (għalkemm diġà kien hemm xi fieri qabel). Uħud mill-iżjed Fieri importanti tul il-Camino Real kienu jinkludu l-Fiera de San Juan de los Lagos f'Jalisco, il-Fiera de Saltillo, u l-Fiera de Chihuahua, li kellha importanza kbira għall-merkanti ta' Nuevo México. Il-Fiera de Taos kienet avveniment annwali importanti fejn il-Comanches u l-Utes kienu jiskambjaw l-armi, il-munizzjoni, iż-żwiemel, il-prodotti agrikoli, il-pelliċċi u l-laħmijiet mal-Ispanjoli. Spanja fl-istess ħin żammet monopolju fuq il-prodotti tal-provinċji tat-Tramuntana tagħha, u b'hekk ma kienx isir kummerċ mal-kolonja Franċiża ta' Louisiana.

Fit-tieni nofs tas-seklu 18, il-fruntiera tat-Tramuntana ta' Spanja l-Ġdida kienet tirrappreżenta interess fundamentali għall-Imperu Spanjol u għall-politika riformista tiegħu, bl-għan li tiġi żgurata s-sovranità Spanjola fuq il-provinċji tat-Tramuntana tagħha, li kienu fil-mira ġeopolitika ta' setgħat Ewropej oħra – speċjalment il-Brittaniċi u l-Franċiżi. Il-Kuruna Spanjola ħadmet qatigħ sabiex tinkorpora lin-nattivi fis-sistema soċjali u ekonomika tal-provinċji tagħha u tagħtihom raġunijiet sabiex jipparteċipaw fid-difiża tal-fruntiera Spanjola.

Għalhekk, il-Kaptan Nicolás de Lafora (assenjat mill-Markiż ta' Rubí ta' dak iż-żmien) jagħti deskrizzjoni tal-fruntiera ta' Spanja l-Ġdida fil-"Viaje a los presidios internos de la América septentrional" tiegħu, frott spedizzjoni li saret bejn l-1766 u l-1768. Din l-ispedizzjoni kienet parti minn kummissjoni ikbar dwar il-kwistjonijiet difensivi u l-kapaċitajiet militari inkarigati mill-Kuruna Spanjola lill-Markiż ta' Rubí, sabiex tiġi vvalutata l-kollokazzjoni tattika tal-presidios, tiġi spezzjonata r-reżiljenza tat-truppi, jiġu rieżaminati r-regolamenti militari u jiġi propost x'seta' jsir biex jissaħħu l-gvern u d-difiża tal-istat. Abbażi tar-rieżami tagħha, il-Markiż ippropona linja ta' presidios tul il-fruntiera tat-Tramuntana ta' Spanja l-Ġdida, li kellhom jiġu stabbiliti mill-Golf tal-Messiku sal-Golf ta' California, bħala protezzjoni mill-Utes, mill-Apaches, mill-Comanches u min-Navajos. Don José de Gálvez, il-kummissarju speċjali għal Spanja l-Ġdida għal Karlu III, ġie promoss bħala "Comandancia General de las Provincias Internas" ("Kmandant Ġenerali tal-Provinċji Interni") għall-provinċji tat-Tramuntana ta' Spanja l-Ġdida. Madankollu, huwa rrikonoxxa wkoll li kien impossibbli li tintrebaħ jew tiġi sostnuta gwerra twila man-nattivi minħabba n-nuqqas ta' riżorsi militari fl-inħawi. B'dak il-ħsieb, hu nnifsu ppromwova l-istabbiliment ta' paċi b'saħħitha fil-provinċji u preżenza kummerċjali ikbar fl-1779.[5]

Fl-1786, in-neputi ta' José de Gálvez, Bernardo de Gálvez, il-Viċirè ta' Spanja l-Ġdida, ippubblika l-"Istruzzjonijiet" tiegħu li kienu jinkludu tliet strateġiji biex jiġu indirizzati n-nattivi: it-tkomplija tal-pressjoni militari kontra t-tribujiet ostili u mhux allinjati; it-tisħiħ tal-formazzjoni ta' alleanzi mat-tribujiet amikevoli; u l-promozzjoni tad-dipendenza ekonomika ma' dawk in-nattivi li daħlu f'trattati ta' paċi mal-Kuruna Spanjola.

Fl-aħħar deċennju tas-seklu 18, inkisbet il-paċi bejn l-Ispanjoli u t-tribujiet Apache bis-saħħa tal-bidliet amministrattivi u strateġiċi msemmija hawn fuq. B'hekk, il-kummerċ tul il-Camino Real żdied bil-kbir b'prodotti mid-dinja kollha, inkluż prodotti mill-provinċji l-oħra ta' Spanja l-Ġdida, li twasslu bl-art; prodotti Ewropej li twasslu mill-flotta Spanjola; u prodotti li twasslu mill-ġifen ta' Manila kull sena f'Acapulco mill-Punent tal-Paċifiku. Bħala eżempju, l-iżjed prodotti tipiċi mibjugħa mill-merkanti fil-belt ta' Parral tul il-"Mogħdija ta' Chihuahua" kienu jinkludu: il-Platoncillos minn Michoacán; il-Jarrillos minn Cuautitlán tal-Istat tal-Messiku; il-majjolika mill-Istat ta' Puebla; il-porċellana miċ-Ċina; u l-prodotti tat-tafal minn Guadalajara.

It-Templo de Nuestra Señora del Refugio, li jinsab fil-Hacienda La Pedriceña, attwalment fil-komunità ta' Los Cuatillos, fil-muniċipalità ta' Cuencamé, Durango. F'din il-hacienda hemm pitturi Barokki, u diversi abitazzjonijiet li kienu jintużaw għall-ġestjoni tal-proprjetà. Il-kappella tal-hacienda nbniet fis-seklu 18. Il-"Karba ta' Dolores" li tiġi ċċelebrata kull sena fil-Messiku fil-15 ta' Settembru biex titfakkar is-sejħa għall-indipendenza min-naħa ta' Miguel Hidalgo, ġiet organizzata minn din il-hacienda mill-President Benito Juárez fl-1864.

Is-seklu 19 ġab miegħu bosta bidliet kemm għall-Messiku kif ukoll għall-fruntiera tat-Tramuntana tiegħu. Mill-Gwerer Napuljoniċi sal-bidu tal-Gwerra Messikana tal-Indipendenza, il-gvern kolonjali ma kienx stabbli u tħabat biex ikompli jibgħat ir-riżorsi lill-provinċji tat-Tramuntana. Dan wassal biex jiġu stabbiliti fornituri oħra u rotot oħra f'dawk il-provinċji. Fl-1807, il-merkant u l-aġent militari Amerikan Zebulon Pike ntbagħat biex jesplora l-fruntieri tal-Lbiċ bejn l-Istati Uniti u Spanja l-Ġdida, bl-intenzjoni li jsib mogħdija biex iwassal il-kummerċ Amerikan f'Nuevo México u f'Nueva Vizcaya (Chihuahua). Pike nqabad fis-26 ta' Frar 1807 mill-awtoritajiet Spanjoli fit-Tramuntana ta' Nuevo México, u bagħtuh tul il-Camino Real sal-belt ta' Chihuahua biex jiġi interrogat. Meta Pike kien f'din il-belt, huwa kiseb l-aċċess għal diversi mapep tal-Messiku u sar jaf bl-ilmenti li kien hemm fir-rigward tad-dominju Spanjol.

Fl-1821, wara 11-il sena ta' ġlied, il-Messiku kiseb l-indipendenza tiegħu minn Spanja. Il-Camino Real baqa' jkollu rwol importanti f'dan il-perjodu, peress li l-vjaġġaturi kienu jikkomunikaw bejniethom dwar l-avvenimenti li kienu qed iseħħu fiċ-ċentru tal-pajjiż u jwasslu l-aħbarijiet lill-irħula u lill-villaġġi tal-provinċji interni. Matul il-Gwerra Messikana tal-Indipendenza, il-Camino Real intużat mill-forzi ribelli u rjalisti. Pereżempju, wara li l-liberatur Miguel Hidalgo y Costilla nieda l-gwerra tal-indipendenza, huwa uża r-rotta biex jirtira mill-Battalja tal-Pont ta' Calderón li ġiet miġġielda fix-xtut tax-xmara Calderón, 60 kilometru (37 mil) fil-Lvant ta' Guadalajara fejn attwalment hemm Zapotlanejo, Jalisco sat-Tramuntana, u eventwalment wasal fil-Bjar ta' Baján f'Coahuila fejn inqabad u ġie ġustizzjat mill-forzi rjalisti.

Bejn l-1821 u l-1822, wara tmiem il-Gwerra Messikana tal-Indipendenza, ġiet stabbilita l-Mogħdija ta' Santa Fe biex it-territorju tal-Istati Uniti ta' Missouri jiġi kkollegata ma' Santa Fe. Għall-ewwel, il-merkanti tal-Istati Uniti ġew arrestati u ntefgħu l-ħabs talli ġabu prodotti bil-kuntrabandu fit-territorju Messikan. Madankollu, il-kriżi ekonomika kbiret fit-Tramuntana tal-Messiku u dan wassal għal żieda fin-nuqqas ta' tolleranza fil-konfront ta' dan il-kummerċ. Fil-fatt, il-Mogħdija ta' Santa Fe (Sendero de Santa Fe) ipprovdiet is-swieq tant meħtieġa għall-prodotti lokali (bħall-qoton) u għall-prodotti manifatturati minn New Mexico. B'hekk, iċ-ċittadini minn New Mexico kien favur din ir-rotta kummerċjali ġdida. Sal-1827, issawret rabta kummerċjali u ta' qligħ bejn Missouri, New Mexico u Chihuahua.

Fl-1846, id-diżgwid rigward il-fruntiera bejn Texas u l-Messiku mal-Istati Uniti wassal għall-invażjoni sussegwenti mill-forzi militari tal-Istati Uniti u faqqgħet il-Gwerra bejn il-Messiku u l-Istati Uniti. Waħda minn dawn il-qawwiet kienet ikkmandata mill-Ġeneral Stephen Kearny, li vvjaġġa mill-Mogħdija ta' Santa Fe biex tinħataf il-belt kapitali ta' New Mexico. Qawwa oħra kkmandata mill-Kurunell Alexander William Doniphan rebħet kontra grupp żgħir ta' kontinġenti Messikani tul il-Camino Real fl-inħawi ta' Los Brazitos fin-Nofsinhar ta' Las Cruces, New Mexico. Il-qawwiet ta' Doniphan komplew billi ħatfu lil El Paso del Norte u iktar 'il quddiem lill-belt ta' Chihuahua. Matul l-1846-1847, il-Camino Real de Tierra Adentro bdiet tintuża b'mod kontinwu, u l-forzi Amerikani użawha biex jivvjaġġaw lejn il-partijiet interni tal-Messiku. Fil-vjaġġ tagħhom, bosta vjaġġaturi Amerikani kienu jżommu ġurnali u kienu jiktbu ittri biex jiddeskrivu x'kienu qed jaraw matul il-vjaġġi tagħhom. Wieħed mis-suldati pprovda stima tal-popolazzjoni ta' diversi bliet tul il-Camino Real, inkluż: Algodones, New Mexico b'1,000 abitant; Bernalillo b'500 abitant; Sandía Pueblo bi 300 sa 400 ruħ, Albuquerque mingħajr ammont stmat iżda eżistenti għal seba' sa tmien mili tul ir-Rio Grande; Rancho de los Placeres b'200 jew 300 ruħ; Tomé b'2,000 ruħ; Socorro, deskritta bħala "belt konsiderevoli"; Paso del Norte b'5,000 sa 6,000 ruħ, u Carrizal, Chihuahua b'400 abitant. Is-suldati żammew noti wkoll tal-prodotti, tal-prezzijiet u tal-annimali li kienu jsibu matul il-vjaġġi tagħhom.

Permezz tat-Trattat ta' Guadalupe, Hidalgo ffirmat fi Frar 1848, il-gwerra ntemmet uffiċjalment, u l-Messiku ċeda l-biċċa l-kbira tat-territorji tat-Tramuntana tiegħu lill-Istati Uniti, inkluż partijiet li issa jagħmlu parti mill-istati tal-Istati Uniti ta' New Mexico, Colorado, Arizona u l-California, in-Nevada u l-Utah kollha.

Użu tal-isem

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-sezzjoni tar-rotta li tgħaddi mit-territorju tal-Istati Uniti, b'total ta' 646 kilometru (401 mil), ġiet iddikjarata bħala Mogħdija Storika Nazzjonali f'Ottubru 2000.

L-isem xi kultant joħloq konfużjoni, peress li meta kien hemm il-Viċirè ta' Spanja l-Ġdida, il-mogħdijiet kollha li kienu jgħaddu minnhom biż-żwiemel u bil-karrijiet kienu jissejħu "Camino Real", u għadd sinifikanti ta' mogħdijiet kienu ddeżinjati b'dan il-mod. B'mod simili, it-territorji interni kollha 'l barra mill-Belt tal-Messiku fl-imgħoddi kienu jissejħu "Tierra Adentro", partikolarment il-partijiet tat-Tramuntana tar-Renju. Għalhekk, il-parti tal-mogħdija bejn il-Belt ta' Querétaro u Saltillo ġiet imsejħa "La Puerta de Tierra Adentro" ("Il-Bieb tat-Tierra Adentro"). Storikament ġew iddeżinjati diversi "Caminos Reales de Tierra Adentro" fi Spanja l-Ġdida kollha, u x'aktarx li t-tieni l-iżjed importanti wara l-mogħdija ta' Santa Fe kienet dik minn Saltillo, Coahuila sal-provinċja ta' Texas.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Plakka tal-UNESCO li tinstab f'diversi komponenti ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sezzjoni li tinsab fit-territorju Messikan.

Is-sezzjoni tal-mogħdija fil-Messiku ġiet innominata biex tiżdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Novembru 2001 b'modifika fl-2010. Il-Camino Real ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1 ta' Awwissu 2010 b'żona ewlenija ta' 3,102 ettari u żona ta' lqugħ ta' 268,057 ettaru mifruxa fuq 60 sit storiku.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Il-Kulleġġ Antik ta' San Francisco Javier f'Tepotzotlán, Frar 2018.

Ħames siti, il-Belt tal-Messiku, il-Belt ta' Querétaro, il-Belt ta' Guanajuato, San Miguel de Allende u Zacatecas, kienu diġà ġew irrikonoxxuti bħala Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO separatament. Ir-rotta storika oriġinali ma taqbilx eżatt mar-rotta identifikata mill-UNESCO, peress li d-dikjarazzjoni tal-UNESCO ħalliet barra diversi sezzjonijiet bħal dik fit-Tramuntana ta' Valle de Allende f'Chihuahua u dik li tgħaddi mill-Hacienda de San Diego del Jaral de Berrio fi Guanajuato, kif ukoll is-sezzjoni fl-Istati Uniti. Għal din ir-raġuni, ġiet proposta estensjoni possibbli fil-futur. L-Instituto Nacional de Antropología e Historia (INAH) qed iwettaq riċerka biex isib u jiġbor l-evidenza għal sezzjonijiet u siti addizzjonali mis-sezzjonijiet oriġinali tal-mogħdija storika oriġinali, pereżempju pontijiet, mogħdijiet, haciendas, eċċ. li jistgħu jiġu inklużi fost il-komponenti ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-Belt tal-Messiku u l-Istat tal-Messiku

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-000: iċ-Ċentru Storiku tal-Belt tal-Messiku.

1351-001: il-Kulleġġ Antik tat-Templo de San Francisco Javier f'Tepotzotlán.

1351-002: Aculco de Espinoza.

1351-003: il-Pont ta' Atongo.

1351-004: is-sezzjoni tal-Camino Real bejn Aculco de Espinoza u San Juan del Río.

Veduta panoramika ta' Plaza del Zócalo bil-Palacio Nacional quddiem u maġenbu il-Katidral Metropolitan, l-Eks Muniċipju u l-binja pariġġu.

L-Istat ta' Hidalgo

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-005: it-Templo y exconvento de San Francisco f'Tepeji del Río de Ocampo u l-pont.

1351-006: is-sezzjoni tal-Camino Real bejn il-pont ta' La Colmena u l-Hacienda de La Cañada.

L-Istat ta' Querétaro

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-007: iċ-Ċentru Storiku ta' San Juan del Río.

1351-008: il-Hacienda de Chichimequillas.

1351-009: il-Kappella tal-Hacienda de Buenavista.

1351-010: iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Querétaro.

L-Istat ta' Guanajuato

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-011: il-Pont ta' El Fraile.

1351-012: l-Antiguo Real Hospital de San Juan de Dios f'San Miguel de Allende.

1351-013: il-Pont ta' San Rafael fil-Belt ta' Guanajuato.

1351-014: il-Pont ta' La Quemada.

1351-015: is-Sanctuario de Jesús Nazareno de Atotonilco fil-muniċipalità ta' San Miguel de Allende.

1351-016: iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Guanajuato u l-minjieri biswitha.

L-Istat ta' Jalisco

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-017: iċ-Ċentru Storiku u l-Pont ta' Lagos de Moreno.

1351-018: iċ-Ċentru Storiku ta' Ojuelos de Jalisco.

1351-019: il-Pont ta' Ojuelos de Jalisco.

1351-020: il-Hacienda de Ciénega de Mata.

1351-021: iċ-Ċimiterju l-Antik ta' Encarnación de Díaz.

L-Istat ta' Aguascalientes

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-022: il-Hacienda de Peñuelas.

1351-023: il-Hacienda de Cieneguilla.

1351-024: iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Aguascalientes.

1351-025: il-Hacienda de Pabellón de Hidalgo.

L-Istat ta' Zacatecas

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-026: il-Kappella ta' San Nicolás Tolentino tal-Hacienda de San Nicolás de Quijas.

1351-027: ir-raħal ta' Pinos.

1351-028: it-Templo de Nuestra Señora de los Ángeles tar-raħal ta' Noria de Ángeles.

1351-029: it-Templo de Nuestra Señora de los Dolores f'Villa González Ortega.

1351-030: il-Colegio de Nuestra Señora de Guadalupe de Propaganda Fide.

1351-031: iċ-Ċentru Storiku ta' Sombrerete.

1351-032: it-Templo de San Pantaleón Mártir fir-raħal ta' Noria de San Pantaleón.

1351-033: Sierra de Órganos.

1351-034: is-sett arkitettoniku tar-raħal ta' Chalchihuites.

1351-035: is-sezzjoni tal-Camino Real bejn Ojocaliente u Zacatecas.

1351-036: l-Għar ta' Ávalos.

1351-037: iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Zacatecas.

1351-038: is-Santwarju ta' Plateros.

L-Istat ta' San Luis Potosí

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-039: iċ-Ċentru Storiku ta' San Luis Potosí.

L-Istat ta' Durango

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-040: il-Kappella ta' San Antonio tal-Hacienda de Juana Guerra.

1351-041: il-Knejjes fir-raħal ta' Nombre de Dios.

1351-042: il-Hacienda de San Diego de Navacoyán u l-Pont del Diablo.

1351-043: iċ-Ċentru Storiku tal-Belt ta' Durango.

1351-044: il-Knejjes fl-irħula ta' Cuencamé u ta' Cristo de Mapimí.

1351-045: it-Templo de Nuestra Señora del Refugio fil-Hacienda La Pedriceña f'Los Cuatillos, fil-muniċipalità ta' Cuencamé.

1351-046: l-Iglesia Principal tar-raħal ta' San José de Avino.

1351-047: il-Kappella tal-Hacienda de la Inmaculada Concepción f'Palmitos de Arriba.

1351-048: il-Kappella tal-Hacienda de la Limpia Concepción f'Palmitos de Abajo.

1351-049: is-sett arkitettoniku ta' Nazas.

1351-050: ir-raħal ta' San Pedro del Gallo.

1351-051: is-sett arkitettoniku tar-raħal ta' Mapimí.

1351-052: ir-raħal ta' Indé.

1351-053: il-Kappella ta' San Mateo tal-Hacienda de San Mateo de la Zarca.

1351-054: il-Hacienda de la Limpia Concepción ta' Canutillo.

1351-055: it-Templo de San Miguel fir-raħal ta' Villa Ocampo.

1351-056: is-sezzjoni tal-Camino Real bejn Nazas u San Pedro del Gallo.

1351-057: il-Minjiera ta' Ojuela.

1351-058: l-Għar ta' Las Mulas de Molino.

L-Istat ta' Chihuahua

[immodifika | immodifika s-sors]

1351-059: ir-raħal ta' Valle de Allende.

Siti storiċi mhux iddikjarati tal-Camino Real fl-Istat ta' Chihuahua
[immodifika | immodifika s-sors]
  • Santa Bárbara
  • Parral
  • Chihuahua
  • Carrizal
  • Laguna de Patos
  • Ojo el Lucero
  • Puerto Ancho
  • Ciudad Juárez
    • Senucú
    • San Lorenzo
    • Misión de Nuestra Señora de Guadalupe
    • Presidio del Nuestra Senora del Pilar del Paso del Rio Norte
  1. ^ "AmericanHeritage.com / Camino Real". web.archive.org. 2008-12-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-01. Miġbur 2023-08-02.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Camino Real de Tierra Adentro". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-02.
  3. ^ "Vol. 8" (PDF). web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-12-27. Miġbur 2023-08-02.
  4. ^ "El Camino Real" (PDF). web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-12-26. Miġbur 2023-08-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Unknown (2013-08-10). "HGCyC: Historia, Genealogía, Ciencias y Curiosidades: Linea de Presidios de la Frontera Novohispana: 1770 - 1780". Miġbur 2023-08-02.
  6. ^ 20°54′57″N 100°44′55″W / 20.91593°N 100.74871°W / 20.91593; -100.74871