Aqbeż għall-kontentut

Dimitar Berbatov

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Berbatov)
Dimitar Berbatov
Informazzjoni personali
Isem sħiħDimitar Ivanov Berbatov
Twelid30 ta' Jannar 1981 (1981-01-30) (43 sena)
Blagoevgrad, Bulgarija
Tul1.89 m
RwolAttakkant
Mixtliet
1991–1998Pirin Blagoevgrad
1998CSKA Sofia
Karriera professjonali
SninKlabb
1998–2001CSKA Sofia
2001–2006Bayer Leverkusen
2006–2008Tottenham Hotspur
2008–2012Manchester United
2012–2014Fulham
2014–2015Monaco
2015–2016PAOK
2017–2018Kerala Blasters
Tim nazzjonali
1999–2010Bulgarija

Dimitar Ivanov Berbatov (bil-Bulgaru: Димитър Иванов Бербатов; twieled fit-30 ta' Jannar 1981) huwa eks-plejer tal-futbol Bulgaru. Hu hu r-rebbieħ għal seba' darbiet tal-Plejer Bulgaru tas-Sena.

Missier Berbatov, Ivan, kien futboler professjonali mat-tim lokali ta' Pirin Blagoevgrad, u ommu, Margarita, kienet ukoll professjonista fil-logħba tal-ħendbol. Bħala tfajjel, Berbatov kien iżomm mal-Milan u bħala mudell kellu lil Marco van Basten, sakemm waqt il-Kampjonati Ewropej tal-1996 li żvolġew ġewwa l-Ingilterra, Berbatov, ta' ħmistax-il sena skopra l-mudell il-ġdid tiegħu u dan kien Alan Shearer,[1] li kien jilgħab ma' Newcastle United. Berbatov saħanistra kien jorqod bil-flokk ta' Newcastle. Ommu wara kienet stqarriet bil-ħolma li Berbatov kellu li xi darba jilgħab ma' Newcastle.[2]

Bidu tal-karriera

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-karriera ta' Berbatov bdiet fil-klabb ta' Pirin Blagoevgrad, u kompla sakemm laqat għajn il-kowċ Dimitar Penev.

Ta' sbatax-il sena biss Berbatov sab ruħu ma' CSKA Sofia fejn segwa l-passi ta' missieru, Ivan, li lagħab ukoll għall-klabb bħala midfilder xellugi u aktar tard bħala difensur. Hu lagħab ma' CSKA fil-kampjonat Bulgaru bejn l-1998 u Jannar tal-2001 fejn iddebutta fl-istaġun 1998–99 bħala żagħżugħ ta' tmintax-il sena. Fl-istaġun ta' wara, hu ħalla impressjoni kbira meta skorja 14-il gowl f'27 logħba u rebaħ ukoll it-Tazza tal-Bulgarija fl-1999.

Bayer Leverkusen

[immodifika | immodifika s-sors]

Serje pożittiva ta' disa' gowls fi ħdax-il logħba fl-istaġun 2000–01 kien biżżejjed biex jipperswadu lil Bayer Leverkusen biex jiksbuh f'Jannar tal-2001. Berbatov beda kemmxejn bil-mod l-avventura tiegħu fil-Ġermanja b'sittax-il gowl f'67 apparenza mal-klabb. Madankollu hu kellu rwol kruċjali fiċ-Champions League matul l-ewwel staġun mal-klabb fejn skorja gowl memorabbli kontra Lyon, u gowl ieħor fil-kwarti tal-finali kontra Liverpool. Hu kellu wkoll parti fil-finali kontra Real Madrid fejn daħal bħala sostitut għal Thomas Brdaric wara 38 minuta.

Fl-istaġun 2001–02 Leverkusen spiċċaw fit-tieni post tal-Fußball-Bundesliga u t-Tazza tal-Ġermanja. Fl-istaġun ta' wara Berbatov stabilixxa ruħu bħala l-ewwel għażla fl-attakk ta' Bayer Leverkusen imma kien fl-istaġun 2003–04 li beda jibrilla fejn skorja 16-il gowl minn 24 partita. Iż-żewġ staġuni suċċessivi rawh jikber fit-talent fejn skorja 46 gowl li jinkludu ħamsa fil-Champions League 2004–05, fejn beda jattira diversi timijiet Ewropej.

Tottenham Hotspur

[immodifika | immodifika s-sors]

Diversi spekulazzjonijiet fuq il-futur tiegħu bdew jikbru, u f'Mejju tal-2006, Berbatov finalment iffirma mat-tim tal-Premier League Tottenham Hotspur għal somma ta' 16-il miljun,[3] fejn b'hekk sar l-aktar plejer Bulgaru fl-istorja li jiswa'. Wara li ngħata l-permess tax-xogħol hu ngħaqad ma' Tottenham nhar l-1 ta' Lulju 2006.

Berbatov skorja l-ewwel gowl kompetittiv żewġ minuti biss fid-debutt ġewwa daru fil-logħba tal-Premiership kontra Sheffield United ġewwa White Hart Lane. Flimkien ma' Robbie Keane hu fforma koppja promettenti fit-Tazza UEFA sakemm ġew eliminati minn Seville fil-kwarti tal-finali, u minkejja l-istil ta' Martin Jol li jagħmel rotazzjoni tal-plejers, Berbatov stabilixxa ruħu bħala l-ewwel għażla. Hu skorja ħames gowls f'erba' logħbiet matul il-fażi tal-gruppi tat-Tazza UEFA, bil-prestazzjonijiet tiegħu jagħtuh żewġ unuri tal-Plejer tal-Partita kontra Besiktas u Club Brugge.

Minkejja l-forma tajba li kellu fl-Ewropa, Berbatov ħa ż-żmien qabel ma adatta fil-Premiership. Madanakollu, hu beda bil-mod il-mod jikseb il-forma li wera fiż-żmien li qatta ma' Leverkusen bi prestazzjoni eċċellenti kontra Wigan, fejn skorja wieħed u ħoloq iż-żewġ gowls l-oħra fir-rebħa ta' 3–1. Nhar id-9 ta' Diċembru, 2006, Berbatov skorja l-ewwel doppjetta tiegħu għal Tottenham fir-rebħa ta' 5–1 kontra Charlton Athletic. L-ewwel gowl ta' Berbatov barra minn White Hart Lane wasal f'Goodison Park kontra Everton, minn passaġġ ta' Aaron Lennon. Spurs rebħu din il-logħba 2–1.

Berbatov u Robbie Keane ġew imsemmija bħala r-rebbieħa tal-unur tal-Plejer tax-Xahar ta' April, fejn saru l-ewwel plejers li qasmu dan l-unur minn mindu Dennis Bergkamp u Edu ta' Arsenal rebħu l-unur lura fi Frar tal-2004. Berbatov għalaq l-istaġun 2006–07 bi 12-il gowl minn 33 dehra fil-Premier League, u għamel ħdax-il assist.

Minħabba l-prestazzjonijiet impressjonanti, speċjalment fl-aħħar nofs tal-istaġun, hu rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena ta' Tottenham Hotspur għall-istaġun 2006–07. Berbatov kien ukoll inkluż fit-Tim tas-Sena tal-Premier League fil-21 ta' April 2007, fejn kien biss wieħed fost tliet plejers li kienu ġejjin minn timijiet oħra barra r-rebbieħa tal-kampjonat Manchester United (it-tnejn l-oħra kienu Steven Gerrard u Didier Drogba). L-ewwel tripletta tiegħu fil-Premier League waslet fid-29 ta' Diċembru 2007 meta skorja erba' gowls fir-rebħa ta' 6–4 fuq Reading.

L-ewwel finali ta' tazza li lagħab ma' Tottenham kien fl-24 ta' Frar 2008 meta lagħab fil-League Cup ġewwa Wembley Stadium fejn kontra Chelsea skorja l-gowl li ppareġġa l-iskor grazzi għal penalty. Tottenham ħarġu rebbieħa 2-1 wara l-ħin supplementari, b'Berbatov jikseb l-ewwel trofew fil-futbol Ingliż.[4] Berbatov għalaq l-istaġun bi ħmistax-il gowl fil-kampjonat, b'total ta' 23 gowl u 11-il assist bħall-istaġun preċedenti.

L-istaġun 2008-09 beda f'ċirkustanzi fejn Berbatov wera x-xewqa għal aktar kompetizzjoni. Il-plejer spiċċa bejn ħalltejn, b'diversi għajdut fuq offerta sostanzjali min-naħa ta' Manchester United u anki minħabba li ma ġiex magħżul mal-iskwadra għall-partita kontra Sunderland[5] u Chelsea.

Manchester United

[immodifika | immodifika s-sors]
Berbatov bil-flokk ta' United

Wara spekulazzjoni kbira fuq il-futur tiegħu, Berbatov kompla l-passaġġ tant mixtieq lejn Manchester United fl-aħħar ġurnata ta' trasferimenti, l-1 ta' Settembru 2008, għal somma ta' madwar £30.75 miljun, bi Fraizer Campbell jingħaqad ma' Tottenham b'self għal staġun bħala parti min-negozjati.[6] Berbatov ingħata kuntratt ta' erba' snin, u ħa l-flokk numru disgħa li qabel kien milbus minn Louis Saha.

Id-debutt ta' Berbatov wasal fid-derby tal-Ingilterra kontra Liverpool fejn immarkah b'assist lejn l-Arġentin Carlos Tévez. L-ewwel doppjetta tiegħu waslet fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League meta United barra minn darhom rebħu 3–0 lil Aalborg BK nhar it-30 ta' Settembru 2008. L-ewwel gowl fil-kampjonat wasal nhar it-18 ta' Ottubru 2008 fejn skorja t-tielet gowl fir-rebħa ta' 4–0 fuq West Bromwich Albion. L-ewwel gowl ta' Berbatov fil-ftuħ tas-sena l-ġdida wasal kontra Chelsea fejn f'Old Trafford United rebħu 3–0, waqt li fil-partita kontra Bolton Wanderers, skorja l-gowl rebbieħ lejn tmiem il-logħba, gowl li tefa' lil Manchester United fl-ewwel post tal-klassifika.

L-ewwel gowl tal-istaġun 2009–10 wasal fit-22 ta' Awwissu 2009, meta skorja t-tieni gowl fir-rebħa ta' 5–0 kontra Wigan Athletic. Wara prestazzjoni tajba kontra Wolfsburg fiċ-Champions League,[7] tliet ijiem wara skorja gowl b'rovexxata kontra Sunderland. Wara li fil-31 ta' Ottubru skorja gowl kontra Blackburn sofra minn problemi fiżiċi li ħallewh barra mil-logħob għal xahar. Id-disa' gowl tiegħu fil-Premier League kontra Everton fisser li Berbatov kien skorja ħames gowl fl-aħħar ħames logħbiet mal-ewwel ħdax. Fis-27 ta' Marzu 2010, Berbatov skorja l-ewwel doppjetta tiegħu mal-klabb fir-rebħa barra minn darhom bl-iskor ta' 4–0 kontra Bolton Wanderers.

Berbatov beda t-tielet staġun mal-klabb meta skorja fit-92 minuta fir-rebħa ta' 3–1 kontra Chelsea fl-FA Community Shield. Tmient ijiem wara hu skorja l-ewwel gowl personali u tal-klabb għall-istaġun fir-rebħa ta' 3–0 kontra Newcastled United fil-ftuħ tal-istaġun. Fid-19 ta' Settembru 2010, waslet l-ewwel tripletta tiegħu mal-klabb fir-rebħa kontra r-rivali eterni Liverpool. Din kienet l-ewwel tripletta minn plejer ta' Manchester United kontra Liverpool f'64 sena, minn meta Stan Pearson wettaq l-istess pass fl-1946.[8] Berbatov għamel il-100 dehra tiegħu mal-klabb fid-derby ta' Manchester tal-10 ta' Novembru. Fil-25 ta' Novembru, Berbatov ġie mniżżel fost sitt plejers oħra tal-United f'lista proviżorja ta' 55 plejer għall-FIFPro World XI 2010. Nhar is-27 ta' Novembru, Berbatov irnexxielu jilħaq rekord tal-Premier League meta skorja ħames gowls fir-rebħa ta' 7–1 kontra Blackburn, fejn irnexxielu jilħaq dan ir-rekord miksub minn Andrew Cole, Alan Shearer u Jermaine Defoe (u sar l-ewwel wieħed li mhux Ingliż li laħaq dan it-tragward).[9] Fl-20 ta' Diċembru, Berbatov ingħata s-seba' unur tiegħu tal-Plejer Bulgaru tas-Sena.

L-ewwel gowls għall-2011 kienet it-tielet tripletta tal-istaġun fir-rebħa ta' 5–0 fuq Birmingham City fit-22 ta' Jannar. Berbatov b'hekk sar l-ewwel plejer tal-United li skorja tliet tripletti fi staġun wieħed minn mindu Ruud van Nistelrooy wettaq dan il-pass fl-istaġun 2002–03. Hu spiċċa l-istaġun bħala l-aqwa skorer tal-kampjonat flimkien ma' Carlos Tévez u kien imniżżel fit-Tim tas-Sena tal-PFA għall-istaġun 2010–11.

Fil-31 ta' Awwissu 2012, kien tħabbar li Berbatov kien iffirma kuntratt ta' sentejn ma' Fulham għal tariffa mhux żvelata.[10] Huwa għamel id-debutt tiegħu fil-kampjonat l-għada, f'telfa ta' 3–0 kontra West Ham United, li qam minn fuq il-bank għal Fulham fit-tieni taqsima. Fil-15 ta' Settembru, huwa għamel id-debutt tiegħu f'darhu u skorja darbtejn fir-rebħa 3-0 kontra West Bromwich Albion.[11] Fis-27 ta' Ottubru, hu skorja t-tielet gowl ma Fulham li spiċċaw fid-drp ta' barra minn darhom kontra Reading. Fl-10 ta' Novembru, Berbatov lagħab 90 minuta kontra Arsenal, f'logħba fejn huwa għamel assist u skorja darbtejn għal dro oħra ta' 3-3.[12]

Wara li skorja kontra s-Southampton fis-26 ta' Diċembru, 2012, Berbatov kixef il-flokk tiegħu jiżvela l-kliem keep calm and pass me the ball bil-miktub fuq il-flokk ta' taħt – kien att li qala karta safra u wkoll qala kelma mill-maniġer Martin Jol, li ħaseb dak l-attakkant tiegħu li għamel kien Bad decision by the player. Fl-1 ta' Jannar 2013, Berbatov skorja l-ewwel gowl fil-Premier League tas-sena l-ġdida meta fetaħ il-punteġġ barra minn darhu kontra West Bromwich Albion f'rebħa importanti ta' 2-1 għal Fulham. [13]Fit-30 ta' Jannar 2013, f'għeluq sninu, hu skorja l-ewwel fir-rebħa ta' 3-1 kontra West Ham United. [14]

Statistika korretta sat-30 ta' Jannar 2013[15]

Klabb Staġun Kampjonat Tazza League Cup Ewropa Oħrajn[a] Total
Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls Preż Gowls
CSKA Sofia 1998–99 11 3 5 3 0 0 0 0 16 6
1999–00 27 14 4 2 2 0 0 0 33 16
2000–01 12 8 0 0 4 7 0 0 16 15
Total 50 25 9 5 6 7 0 0 65 37
Bayer Leverkusen 2000–01 6 0 0 0 0 0 0 0 0 0 6 0
2001–02 24 8 6 6 0 0 11 2 0 0 41 16
2002–03 24 3 0 0 0 0 7 2 0 0 31 5
2003–04 33 16 3 3 0 0 0 0 0 0 36 19
2004–05 33 20 1 1 0 0 10 5 0 0 44 26
2005–06 34 21 2 3 0 0 2 0 0 0 38 24
Total 154 68 12 13 0 0 30 9 0 0 196 90
Tottenham Hotspur 2006–07 33 12 5 3 3 1 8 7 0 0 49 23
2007–08 36 15 2 2 6 1 8 5 0 0 52 23
2008–09 1 0 0 0 0 0 0 0 0 0 1 0
Total 70 27 7 5 9 2 16 12 0 0 102 46
Manchester United 2008–09 30 9 3 1 0 0 9 4 0 0 42 14
2009–10 33 12 1 0 2 0 6 0 1 0 43 12
2010–11 32 21 2 0 0 0 7 0 1 1 42 21
2011–12 12 7 1 0 3 1 4 1 1 0 21 9
Total 108 48 7 1 5 1 26 5 3 1 149 56
Fulham 2012–13 22 9 2 0 0 0 24 9
Total 24 11 2 0 0 0 24 9
Total fil-karriera 405 181 39 24 18 3 79 33 3 1 543 248
Noti
  1. ^ Tinkludi kompetizzjonijiet oħrajn, fosthom l-FA Community Shield, is-Super Cup Ewropea, it-Tazza Interkontinentali, u t-Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-Klabbs.
CSKA Sofia
Tottenham
Manchester United
  1. ^ "No dream duel for Berbatov" (bl-Ingliż). UEFA. 2003-02-18.
  2. ^ Blackburn, Martin (2007-10-20). "Toon-mad Berbatov slept in Shearer shirt" (bl-Ingliż). The Sun. Miġbur 2018-12-30.
  3. ^ "Nine for Berbatov". tottenhamhotspur.com (bl-Ingliż). Miġbur 2008-12-30.
  4. ^ Jonathan Stevenson (2008-02-24). "Tottenham 2-1 Chelsea" (bl-Ingliż). BBC Sport. Miġbur 2008-12-31.
  5. ^ "Match Squad Update" (bl-Ingliż). Tottenham Hotspur. 2008-08-23. Miġbur 2008-12-31.
  6. ^ "Man Utd complete Berbatov switch" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2008-09-01. Miġbur 2008-12-31.
  7. ^ Richard Jolly (2009-09-30). "Berbatov takes his chance" (bl-Ingliż). ESPN Soccernet. Miġbur 2010-07-18.
  8. ^ "Liverpool sunk by Berbatov hat-trick" (bl-Ingliż). CNN. 2010-09-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-05-06. Miġbur 2010-09-19.
  9. ^ Chowdury, Saj (2010-11-27). "Man Utd 7–1 Blackburn" (bl-Ingliż). BBC. Miġbur 2010-11-27.
  10. ^ "Berbatov Signs For Fulham" (bl-Ingliż). Fulham FC. Miġbur 2012-08-31.
  11. ^ "Fulham 3–0 West Brom". BBC Sport (bl-Ingliż). British Broadcasting Corporation (BBC). 2012-09-15. Miġbur 2012-09-15.
  12. ^ "Arsenal 3–0 Fulham". BBC Sport (bl-Ingliż). British Broadcasting Corporation (BBC). 2012-11-10. Miġbur 2012-11-10.
  13. ^ "Caption This: Dimitar Berbatov's 'Keep Calm' shirt" (bl-Ingliż). inside World Soccer. 2012-12-17.
  14. ^ Fulham 3 West Ham United 1: match report (The Telegraph)
  15. ^ "Dimitar Berbatov" (bl-Ingliż). StretfordEnd.co.uk. Miġbur 2008-12-31.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]