Ben Foster
- Għal nies oħra bl-isem ta' Ben Foster, ara Ben Foster (diżambigwazzjoni).
Informazzjoni personali | |||
---|---|---|---|
Isem sħiħ | Ben Anthony Foster | ||
Twelid | 3 ta' April 1983 Leamington Spa, Ingilterra | ||
Tul | 1.93 m | ||
Rwol | Gowler | ||
Mixtliet | |||
–2000 | Racing Club Warwick | ||
Karriera professjonali | |||
Snin | Klabb | ||
2000–2001 | Racing Club Warwick | ||
2001–2005 | Stoke City | ||
2002 | → Bristol City (self) | ||
2002–2003 | → Tiverton Town (self) | ||
2004 | → Stafford Rangers (self) | ||
2004 | → Kidderminster Harriers (self) | ||
2005 | → Wrexham (self) | ||
2005–2010 | Manchester United | ||
2005–2007 | → Watford (self) | ||
2010–2012 | Birmingham City | ||
2011–2012 | → West Bromwich Albion (self) | ||
2012–2018 | West Bromwich Albion | ||
2018–2022 | Watford | ||
Tim nazzjonali | |||
2007–2014 | Ingilterra |
Ben Anthony Foster (twieled fit-3 ta' April 1983) huwa eks-plejer tal-futbol Ingliż li kien jilgħab bħala gowler, l-iktar riċentament ma' Watford.
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Racing Club Warwick
[immodifika | immodifika s-sors]Ben Foster beda l-karriera fil-futbol ma' Racing Club Warwick fis-sena 2000. Hu dam staġun mal-klabb sakemm wara ngħaqad ma' Stoke City.
Stoke City
[immodifika | immodifika s-sors]Matul iż-żmien ma' Stoke, Foster kellu żmien ta' self ma' Tiverton Town, Bristol City, Stafford Rangers, Kidderminster Harriers u Wrexham. Foster kellu jkun barra mill-azzjoni għal sitt xhur wara li bata minn uġigħ fil-ligament tal-irkoppa.[1]
Manchester United
[immodifika | immodifika s-sors]Alex Ferguson kien ntebaħ bit-talent ta' Ben Foster meta kien qed jilgħab ma' Wrexham, taħt self minn Stoke, meta l-kowċ ta' United kien qed jara lit-tifel tiegħu, Darren, fil-finali tal-LDV Vans Trophy, li Wrexham rebħu. Manchester United kienu qed ibatu għal xi snin biex jissostitwixxu lil-leġġenda Peter Schmeichel, fil-pożizzjoni ta' gowlkiper, u Ferguson iddeċieda li jikseb il-żagħżugħ Foster b'somma ta' £1 miljun.
Hu ngħaqad ma' Manchester United minn Stoke City fid-19 ta' Lulju 2005. Bejn l-2005 u l-2007, hu ġie msellef lit-tim ta' Watford. Il-kowċ ta' Watford, Aidy Boothroyd, stqarr li "Foster hu aħjar mill-gowlkiper kurrenti ta' Manchester United Edwin van der Sar"[2] u jemmen li "hu se jkun l-aqwa gowlkiper fid-dinja".[3] Ferguson, il-kowċ ta' Manchester United, kompla jistqarr li Foster se jkun is-sostitut għall-post ta' Edwin van der Sar bejn il-lasti ta' United u eventwalment jieħu post Paul Robinson bħala l-"gowlkiper li jmiss tal-Ingilterra".
Foster kellu staġun tajjeb ma' Watford, fejn irċieva tifħir kbir mill-opinjonisti tat-timijiet opposti u kummentaturi. L-istatura u l-kunfidenza tiegħu, kif ukoll l-interventi li għamel fuq ix-xuttijiet kienu mpressjonanti fl-ewwel staġun sħiħ professjonali. Foster għen lil Watford biex jilħqu l-Premier League billi rebħu lil Leeds United fil-finali tal-play-off.
Fl-10 ta' Awissu 2006, Foster reġa' ffirma staġun ieħor ta' self ma' Watford wara li Manchester United assiguraw is-servizzi tal-Pollakk Tomasz Kuszczak taħt self. Foster baqa' f'Vicarage Road għall-istaġun sħiħ 2006-07 hekk kif United ma kellhomx bżonn isejħulu lura.
F'Ġunju 2007, kien imħabbar li Foster kien se jiġi operat minħabba li kien weġġa' fil-ligament tal-irkoppa l-leminija.[4] Ir-ritorn tiegħu wasal f'logħba tar-riservi kontra Middlesbrough fis-6 ta' Marzu 2008. Foster iddebutta ma' Manchester United fil-15 ta' Marzu 2008 kontra Derby County, hekk kif Van der Sar kien imweġġa waqt li Kuszczak kien sospiż. United rebħu 1–0, b'Foster jagħmel żewġ interventi importanti biex żamm l-iskor favur United.
Però, minkejja din il-prestazzjoni, Ferugson ma bediex lil Foster għall-partita kontra Bolton Wanderers, u għażel lil Kuszczak li kien għadu kif serva s-sospensjoni. Ir-raġuni kienet li Foster ma kienx reġistrat, u b'hekk kien ineliġibbli biex jilgħab fil-kompetizzjoni Ewropea, b'hekk Kuszczak kien ikun l-uniku gowlkiper eleġibbli u disponibbli jekk Van der Sar ma jkunx irkupra mill-uġigħ.
Wara li sofra minn waqfa ta' tmien ġimgħat f'Settembru tal-2008 wara li kien għamel waqgħa ħażina fuq l-irkoppa f'logħba mat-tim tar-riservi ta' Manchester United, Foster għamel ir-ritorn tiegħu f'logħba miċ-Champions League kontra Celtic nhar il-5 ta' Novembru 2008. Nhar l-1 ta' Marzu 2009, Alex Ferguson għażel lil Foster bejn il-lasti għall-finali tal-League Cup 2009 ġewwa Wembley Stadium. Wara li l-partita spiċċat mingħajr gowls anke wara l-ħin barrani, waqt l-għoti tal-penalties Foster salva l-penalty mogħti mill-plejer ta' Tottenham Jamie O'Hara. Din, flimkien mal-iżball ta' David Bentley, taw lil United rebħa ta' 4–1 bil-penalties u t-titlu tal-League Cup. Għall-prestazzjoni tiegħu, hu ġie mogħti l-unur tal-plejer tal-partita.
B'Van der Sar imweġġa' għall-ewwel xahrejn tal-istaġun 2009–10, Foster ingħata l-opportunità li jkun in-numru wieħed. Bi prestazzjonijiet li xejn ma impressjonaw, fl-assenza għal darb'oħra ta' Van der Sar, postu ħadu Tomasz Kuszczak.
Birmingham City
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba li ma kienx garantit logħob regulari mal-United, Foster iffirma kuntratt għal tliet snin ma' Birmingham City nhar id-19 ta' Mejju 2010, bis-somma tilħaq madwar is-6 miljun sterlina.[5] Id-debutt tiegħu wasal fl-ewwel ġurnata tal-istaġun 2010–11 fil-pari ta' 2–2 kontra Sunderland. Mat-tim tal-Birmingham, Foster lagħab fil-finali tal-Carling Cup kontra Arsenal, mirbuħa bl-iskor ta' 2–1, b'dan l-unur ikun l-ewwel trofew maġġuri fi 48 sena.[6].
Internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-26 ta' Mejju 2006, Foster kien imsejjaħ fil-lista temporanja tal-Ingilterra għat-Tazza tad-Dinja 2006, minħabba li Robert Green kien weġġa' f'partita internazzjonali "B" kontra l-Belarus.
Wara li Foster reġa' ffirma self ieħor ma' Watford, hu kien imsejjaħ fl-ewwel tim ta' Steve McClaren bħala wieħed mit-tliet gowlkipers tal-partita ta' ħbiberija kontra l-Greċja. Hu ddebutta mal-Ingilterra fit-telfa tal-Ingilterra 1–0 kontra Spanja fis-7 ta' Frar 2007. Wara li kien ilu madwar sentejn nieqes mill-kamp internazzjonali, il-prestazzjoni tajba li wettaq fil-finali tal-Carling Cup wasslet lil Fabio Capello biex jagħżlu fost l-iskwadra Ingliża u deher bħala sostitut fit-tieni taqsima fir-rebħa ta' 4–0 fuq is-Slovakkja.
Il-prestazzjonijiet inkosistenti mal-United fl-ewwel partiti tal-istaġun 2009–10 wassluh biex ma jiġix mgħajjat fl-iskwadra mmexxiha minn Capello għall-aħħar żewġ konfronti validi għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Madanakollu minħabba li Robert Green ġie mkeċċi kontra l-Ukrajna u David James weġġa' fit-taħriġ, Foster sab ruħu bejn il-lasti kontra l-Belarus. Il-konfront intemm 3–0 favur l-Ingliżi. Ir-raba' partita tiegħu bil-flokk tal-Ingilterra wasal fl-14 ta' Novembru 2009 fil-logħba ta' ħbiberija kontra l-Brażil fil-Qatar, bil-partita tispiċċa f'telfa ta' 1–0.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Foster out for six months" (bl-Ingliż). Sky Sports. 2003-06-24. Miġbur 2007-08-19.
- ^ Kliem tradotti minn: "He's better than current Manchester United goalkeeper Edwin van der Sar."
- ^ Kliem tradotti minn: "He is going to be the best goalkeeper in the world."
- ^ "Knee surgery for Man Utd's Foster" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2007-06-06. Miġbur 2007-06-06.
- ^ "Birmingham sign Manchester United goalkeeper Ben Foster" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2010-05-19. Miġbur 2010-05-19.
- ^ "Blues earn Wembley glory" (bl-Ingliż). Sky Sports. 2011-02-27. Miġbur 2011-02-27.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Ben Foster fuq Soccerbase