Aqbeż għall-kontentut

Arċipelagu ta' Revillagigedo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Arċipelagu ta' Revillagigedo mill-ajru.

L-Arċipelagu ta' Revillagigedo, jew il-Gżejjer Revillagigedo (bl-Ispanjol: Islas Revillagigedo, IPA: [reˈβiʝa xiˈxeðo]), huwa magħmul minn grupp ta' erba' gżejjer vulkaniċi fl-Oċean Paċifiku li huma magħrufa għall-ekosistema unika tagħhom. Jinsab madwar 458 kilometru (285 mil) mill-Gżira ta' Socorro fin-Nofsinhar u fil-Lbiċ ta' Cabo San Lucas, it-tarf tan-Nofsinhar tal-Peniżola ta' Baja California, u bejn 698 u 1,092 kilometru (434 u 679 mil) fil-Punent ta' Manzanillo. Storikament l-arċipelagu huwa marbut mal-istat Messikan ta' Colima, peress li fl-1861 ingħataw biex tiġi stabbilita kolonja penali, u b'hekk il-gżejjer huma proprjetà u ġurisdizzjoni federali Messikana.[1]

F'Lulju 2016, l-Arċipelagu ta' Revillagigedo tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO,[2] u f'Novembru 2017 ġie ddikjarat bħala riżerva tal-baħar u park nazzjonali tal-Messiku.[3] Uħud mill-vulkani huma attivi, u l-aħħar żbroffar tal-Vulkan Bárcena seħħ fl-1953, u f'Socorro fl-1993. Biex wieħed jivvjaġġa lejn il-gżejjer mill-eqreb art idum madwar 26 sa 30 siegħa, peress li tipikament wieħed jasal għalihom bil-baħar; minkejja dan, fuq il-Gżira ta' Socorro jeżisti mitjar militari żgħir.[4]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

L-erja totali tal-arċipelagu tkopri 157.81 km2 (60.93 mil kwadru), mifruxa fuq medda mil-Lvant għall-Punent ta' madwar 420 km (261 mil). Fin-Nofsinhar tal-Gżira ta' Socorro hemm stazzjon navali b'popolazzjoni ta' 45 ruħ (persunal). Fuq il-Gżira ta' Clarión hemm gwarniġjon navali żgħir b'disa' rġiel. Il-kumplament tal-gżejjer huma diżabitati. L-arċipelagu ssemma għal Don Juan Vicente de Güemes, it-Tieni Konti ta' Revillagigedo u t-53 Viċirè ta' Spanja l-Ġdida.[5]

Gżira (isem alternattiv) Tul x

wisa' (km)

Erja (km2) L-ogħla quċċata (m)
Gżejjer interni (UTC-7, Żona tal-Ħin tal-Muntanji)
San Benedicto 4.315 x 2.490 5.94 Bárcena (310)
Socorro (San Tomás) 16.813 x 15.629 132.06 L-Għolja (Cerro) ta' Evermann (1,130)
Roca Partida 0.246 x 0.073 0.014 (34)
Gżira esterna (UTC-8, Żona tal-Ħin tal-Paċifiku)
Clarión (Santa Rosa) 8.544 x 3.686 19.80 Monte Gallegos (335)
Gżejjer Revillagigedo 420 x 115 157.81 L-Għolja (Cerro) ta' Evermann (1,130)

It-tliet gżejjer tal-Lvant jissejħu l-gżejjer interni u ż-żona tal-ħin tagħhom hija UTC-7 (Żona tal-Ħin tal-Muntanji), filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-istat ta' Colima għandu żona tal-ħin ta' UTC-6 (Żona tal-Ħin Ċentrali). Meta mqabbla mal-gżejjer interni, il-Gżira ta' Clarión tinsab sew lejn il-Punent, b'iktar minn 200 kilometru bogħod, u b'żona tal-ħin ta' UTC-8 (Żona tal-Ħin tal-Paċifiku). L-Arċipelagu ta' Revillagigedo huwa wieħed minn tliet gruppi ta' gżejjer Messikani fl-Oċean Paċifiku li ma jinsabux fuq il-blata kontinentali; l-oħrajn huma l-Gżira ta' Guadalupe u Rocas Alijos.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Sekli 16-19[immodifika | immodifika s-sors]

Montículo Cinerítico (quddiem) u Bárcena (wara), il-koni vulkaniċi fil-Gżira ta' San Benedicto, waħda mill-Gżejjer Revillagigedo. Il-Vulkan Bárcena ilu jeżisti fil-gżira mill-1952.

Ma teżisti l-ebda evidenza ta' abitazzjoni umana fuq xi waħda mill-gżejjer tal-arċipelagu qabel ma ġew skoperti mill-esploraturi Spanjoli. Hernando de Grijalva u l-ekwipaġġ tiegħu skoprew gżira diżabitata fid-19 ta' Diċembru 1533, u semmewha Santo Tomás (il-Gżira ta' Socorro) u fit-28 ta' Diċembru skoprew l-Isla de los Inocentes (San Benedicto) li ngħatat dak l-isem peress li nstabet nhar l-Innoċenti Mqaddsa.[6][7]

Mappa tal-Gżira ta' Socorro u l-kumplament tal-Arċipelagu ta' Revillagigedo, u l-kobor taż-żona ekonomika esklużiva tal-Punent tal-Messiku fil-Paċifiku.

F'Novembru 1542, Ruy López de Villalobos, hu u jesplora rotot ġodda fil-Paċifiku, reġa' skopra l-gżejjer ta' Inocentes u Santo Tomás u mmappja din tal-aħħar bħala Anublada ("Imsaħħba"). Villalobos kien l-ewwel wieħed li rrapporta li kien lemaħ il-Gżira ta' Roca Partida u taha l-isem attwali tagħha. Fl-1608, Martín Yánez de Armida, li kellu f'idejh spedizzjoni oħra, żar il-gżira Anublada u bidlilha isimha għal Socorro. Fl-1779 José Camacho kien l-ewwel wieħed li rrapporta li kien lemaħ il-gżira li kien għad fadal, u mmappjaha bħala Santa Rosa ("Santa Roża"). Santa Rosa iktar 'il quddiem ingħatat l-isem tal-Gżira ta' Clarion bħall-bastiment taħt il-kmand ta' Henry Gyzelaar.

Socorro u Bárcena fil-Gżira ta' San Benedicto huma indikati fuq din il-mappa tal-vulkani Messikani.

Il-Gżejjer Revillagigedo żaruhom għadd ta' esploraturi oħra: Domingo del Castillo (1541), Miguel Pinto (1772), Alexander von Humboldt (1811), Benjamin Morrell (1825), Sir Edward Belcher (1839) li ġabar l-ewwel kollezzjonijiet botaniċi, u Reeve, li ra l-iżbroffar tal-Għolja ta' Evermann fl-1848.[8] Fil-25 ta' Lulju 1861, il-President Benito Juárez iffirma digriet li ta l-kontroll territorjali tal-erba' gżejjer lill-istat ta' Colima. Il-pjan tiegħu kien li tinbena kolonja penali lil hinn mill-kosta fuq il-Gżira ta' Socorro; għalkemm dan il-pjan qatt ma twettaq, id-digriet li ta l-kontroll territorjali tal-arċipelagu lill-istat ta' Colima qatt ma tħassar. Fl-1865, l-ornitologu Andre Jackson Grayson żar il-Gżira ta' Socorro, u skopra l-ħamiem ta' Socorro, l-għasafar mimi ta' Socorro u l-kokki nani ta' Socorro li iktar 'il quddiem ingħataw ismijiet xjentifiċi b'kunjomu biex jagħtuh ġieħ.

Seklu 20[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bidu tas-seklu 20, Dr. Barton Warren Evermann, id-direttur tal-Akkademja tax-Xjenzi ta' California f'San Francisco, California, ippromwova l-esplorazzjoni xjentifika tal-gżejjer. L-iżjed kollezzjonijiet bijoloġiċi komprensivi nkisbu f'dak iż-żmien. Il-vulkan tal-Isla Socorro ngħata kunjomu bħala ġieħ. Fl-1957, il-Flotta Navali Messikana stabbiliet bażi navali fuq il-Gżira ta' Socorro u ilu li għandha preżenza permanenti fuq il-gżira minn dak iż-żmien. Hemm ukoll stazzjonament żgħir ħafna fil-Gżira ta' Clarión. Fil-21 ta' Marzu 1972, Pablo Silva García sar l-ewwel gvernatur ta' Colima li żar it-territorji gżejjer tal-istat tiegħu. Plakka ġiet żvelata biex tfakkar dan l-avveniment u biex taċċerta l-jedd ta' Colima fuq dan it-territorju.

L-ibħra madwar il-gżejjer il-kbar huma popolari mal-bugħaddasa; hemm varjetà ta' organiżmi tal-baħar, fosthom ċetaċji, klieb il-baħar u manta ġganteski. Il-viżitaturi normalment jibqgħu abbord bastimenti ta' spedizzjonijiet matul iż-żjara tagħhom fil-gżejjer, li hija ħaġa tajba mill-puntdivista ekoloġiku għaliex tipprevjeni l-introduzzjoni ta' xi speċijiet invażivi. Il-gżejjer jitqiesu perikolużi biex wieħed iżurhom fiżikament għajr għal skopijiet ta' għadis peress li diffiċli li jsir l-iżbark; uħud kważi tilfu ħajjithom f'tentattiv ta' żbark pereżempju fil-Gżira ta' Clarion.

Minn żmiem għal żmien l-arċipelagu jżuruh xi operaturi dilettanti tar-radju, li normalment jużaw il-prefiss tal-ITU XF4. Minħabba d-distanza tagħhom mill-art kontinentali, mil-lat ekoloġiku jitqiesu bħala "entità" separata mill-Messiku. Spedizzjonijiet minn organizzazzjonijiet involuti fil-konservazzjoni bijoloġika tal-gżejjer jżuru l-arċipelagu fuq bażi regolari biex jagħmlu xi riċerka fil-post. Ma teżisti l-ebda faċilità turistika u l-gżejjer ma għandhom l-ebda sors ta' ilma ħelu.[9]

Seklu 21[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-24 ta' Novembru 2017, il-President tal-Messiku Enrique Peña Nieto ħoloq l-ikbar żona protetta tal-baħar fl-Amerka ta' Fuq madwar il-Gżejjer Revillagigedo. Din iż-żona protetta tkopri 150,000 kilometru kwadru (57,000 mil kwadru) madwar il-gżejjer, u tipprojbixxi s-sajd, l-esplorazzjoni għall-materja prima, u l-iżvilupp tat-turiżmu fiż-żona protetta u fil-gżejjer.

Ekoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-Gżira ta' Socorro mill-ispazju. It-Tramuntana tinsab lejn ix-xellug, lejn in-naħa ta' fuq.

Il-Gżejjer Revillagigedo jospitaw bosta speċijiet ta' pjanti u ta' annimali endemiċi, u xi kultant jissejħu l-"Hawaii żgħira" tal-Messiku. Huma rikonoxxuti bħala ekoreġjun terrestri distint, li jagħmel parti miż-żona neotropikali. Il-Gżira ta' Socorro għandha l-ikbar diversità ta' flora, fawna u topografija. Il-gvern Messikan stabbilixxa l-gżejjer bħala Riżerva ta' Bijosfera fl-4 ta' Ġunju 1994. Ir-rivista Oceanographic Magazine ddikjarat fl-2020 li, "Il-bogħod, il-protezzjoni u l-oċeanografija partikolari tal-arċipelagu jagħmluh waħda mill-iżjed destinazzjonijiet b'bijodiversità ta' organiżmi tal-baħar fid-Dinja".[10]

Skont il-Fond Dinji għan-Natura (WWF), 14 mis-16-il unità tassonomika tal-gżejjer li huma aċċettati ġeneralment bħala għasafar terrestri residenti kif ukoll għasfur wieħed tal-baħar huma endemiċi, l-istess bħall-vertebrati terrestri nattivi kollha tal-gżejjer. Madankollu, dawn tal-aħħar jikkonsistu biss minn żewġ sriep (Masticophis anthonyi u Hypsiglena unaocularis) u żewġ igwani (Urosaurus auriculatus u Urosaurus clarionensis). Diversi unitajiet tassonomiċi ta' għasafar tal-baħar ma jitnisslux iktar lejn il-Grigal mill-Gżira ta' San Benedicto; il-kanġu mhuwiex preżenti bħala nissiel għalkemm jitnissel fir-reġjun u jżur il-gżejjer għall-ikel. L-albatross normalament ma tantx jinstab fl-arċipelagu lanqas. Fost l-għasafar terrestri, l-assenza tal-isponsuni, tant mifruxa fil-gżejjer lil hinn mill-kosta tal-Grigal tal-Paċifiku, hija l-iżjed waħda li tispikka.

Apparti l-għasafar nattivi, spiss ikun hemm għasafar tal-baħar li jpassu fuq il-gżejjer. Bahia Azufre (il-Bajja tal-Kubrit) fil-Gżira ta' Clarión milli jidher hija post tal-mistrieħ ippreferut, peress li hija waħda mill-ftit meded twal ta' bajjiet fil-gżejjer; fil-biċċa l-kbira, il-kosta hija magħmula l-iktar minn irdumijiet weqfin. L-arċipelagu huwa wkoll post fejn ipassu l-balieni tal-ġwienaħ kbar fix-xitwa fit-Tramuntana tal-Paċifiku.[11]

Il-Gżira ta' Socorro fiha bosta unitajiet tassonomiċi ta' pjanti endemiċi, filwaqt li l-Gżira ta' Clarión għandha ftit biss. L-ekosistema tal-Gżira ta' San Benedicto kważi nqerdet għalkollox fl-iżbroffar devastanti tal-Vulkan Bárcena fl-1 ta' Awwissu 1952. L-ekosistema minn dak iż-żmien 'l hawn irkuprat, iżda dan l-avveniment wassal għall-estinzjoni tal-għasfur tal-għana tal-blat tal-Gżira ta' San Benedicto. Il-biċċa l-kbira tal-pjanti nattivi, jekk mhux kollha, tal-Gżira ta' San Benedicto llum il-ġurnata jinsabu wkoll fil-Gżira ta' Clarión, iżda mhux fuq il-Gżira ta' Socorro għalkemm tinsab eqreb lejn in-Nofsinhar, minħabba l-irjieħ prevalenti u l-kurrenti tal-oċean. Il-flora nattiva tal-Gżira ta' Clarión hija pjuttost kondiviża bl-istess mod maż-żewġ gżejjer ikbar l-oħra.[12]

Meta mqabbel mal-interskambju bejn il-gżejjer, l-annimali u l-pjanti li kkolonizzawhom inizjalment milli jidher kollha ġew minn popolazzjonijiet mill-art kontinentali, ġeneralment lejn il-Grigal tal-Arċipelagu ta' Revillagigedo. Il-biċċa l-kbira tal-pjanti oriġinaw minn popolazzjonijiet fundaturi ta' Baja California, filwaqt li r-rettili endemiċi milli jidher oriġinaw direttament minn popolazzjonijiet tal-art kontinentali tal-inħawi ta' Sonora-Sinaloa. L-antenati tal-għasafar terrestri tal-gżejjer x'aktarx li oriġinaw mill-inħawi ġenerali tan-Nofsinhar tal-Amerka ta' Fuq u tat-Tramuntana tal-Amerka Ċentrali.[13]

Kif joħroġ fid-dieher mill-fatt li l-ebda unità tassonomika ta' għasafar terrestri endemiċi mhuma preżenti fuq iktar minn gżira waħda, u l-każijiet tal-għasafar tal-għana tal-blat tal-Gżejjer ta' Socorro u ta' Clarión, kif ukoll tal-ħamiem ta' Socorro u ta' Clarión, kull popolazzjoni ta' għasafar donnha kibret b'mod indipendenti. L-arċipelagu ġie rikonoxxut bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International minħabba l-għasafar tal-baħar u l-għasafar terrestri endemiċi li jitnisslu hemmhekk, fosthom dawn li ġejjin: Ilex socorroensis, Aristolochia socorroensis, Bidens socorrensis, Coreocarpus insularis, Eremosis littoralis, Erigeron socorrensis, Perityle socorrosensis, Zapoteca formosa subsp. socorrensis, Lepechinia hastata subsp. socorrensis, Salvia pseudomisella, Triumfetta socorrensis, Botrychium socorrense, Acianthera unguicallosa, Castilleja bryantii var. socorrensis Peperomia socorronis, Muhlenbergia solisii, Paspalum longum, Guettarda insularis, Meliosma nesites, Cestrum pacificum, Physalis mimulus, Citharexylum danirae u Verbena sphaerocarpa. Dawn huma endemiċi għall-Gżira ta' Socorro. Portulaca masonii huwa endemiku għall-Gżira ta' Clarion. Aristolochia islandica u Erigeron crenatus huma endemiċi għall-Gżira ta' San Benedicto. Fost il-pjanti li huma endemiċi għal żewġ gżejjer jew iktar hemm: Cryptantha foliosa, Bulbostylis nesiotica, Cyperus duripes, Croton masonii, Teucrium townsendii, Oenothera resicum, Aristida tenuifolia, Aristida vaginata, Spermacoce nesiotica u Nicotiana stocktonii.[14]

Theddidiet u konservazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Saħansitra fl-1956, intqal li:

"Il-ġejjieni tal-għasafar tal-gżejjer attwalment jidher li huwa wieħed sigur. Ma hemm l-ebda abitant uman, u l-ebda mammiferu għajr popolazzjoni moderata u stabbli ta' nagħaġ fil-Gżira ta' Socorro".[9]

Il-ħamiema ta' Socorro (Zenaida graysoni), li sal-2019 tgħix biss fil-magħluq.

Iżda l-ekoloġija unika tal-gżejjer minn dak iż-żmien 'l hawn ġiet mhedda minn speċijiet introdotti. In-nagħaġ ġew introdotti fil-Gżira ta' Socorro fl-1869. Xi qtates iddaħħlu wara l-1953, x'aktarx fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20. Il-ħnieżer iddaħħlu fil-Gżira ta' Clarión fl-1979, u l-fniek saru selvaġġi xi żmien iktar bikri.

Diversi speċijiet endemiċi tal-Gżira ta' Socorro issa huma mhedda bl-estinzjoni. L-għasafar mimi ta' Socorro (Mimodes graysoni) jammontaw għal inqas minn 400 individwu b'kollox. Il-pappagall endemiku ta' Socorro (Aratinga brevipes) u l-garnija ta' Townsend (Puffinus auricularis) huma fil-periklu wkoll. Il-ħamiem ta' Socorro (Zenaida graysoni) issa huma estinti fis-selvaġġ, iżda attwalment qed jitnisslu fil-magħluq. Is-sottospeċi tal-kokki nani ta' Socorro (Micrathene whitneyi graysoni) milli jidher hija estinta. Unitajiet tassonomiċi oħra ta' pjanti u ta' annimali fl-arċipelagu jitqiesu wkoll bħala mhedda jew kważi mhedda.[15]

Għadd ta' inizjattivi ta' konservazzjoni jiġu ddedikati għat-trażżin tal-qerda tal-ekosistemi nattivi tal-gżejjer. Dr. Harmunt Walter tal-Università ta' California, Los Angeles (UCLA) u Dr. Luis F. Baptista tal-Akkademja tax-Xjenzi ta' California kkoordinaw sforzi tat-tnissil u tal-introduzzjoni mill-ġdid għall-ħamiem ta' Socorro mill-1988, permezz tal-Istitut tal-Ispeċijiet Endemiċi tal-Gżejjer. Il-Comité Científico para la Conservación y Restauración del Archipiélago Revillagigedo ("Kumitat Xjentifiku għall-Konservazzjoni u l-Irpiljar tal-Gżejjer Revillagigedo") ġie stabbilit fl-1996, u huwa kumitat li jirrappreżenta diversi organizzazzjonijiet, inkluż il-Grupp tal-Konservazzjoni u tal-Ekoloġija tal-Gżejjer, l-Istitut tal-Ispeċijiet Endemiċi tal-Gżejjer, l-Università ta' Missouri–St. Louis (UMSL), l-Università Nazzjonali Awtonoma tal-Messiku (UNAM) u oħrajn. Huwa ppresedut minn Dr. Walter u Dr. Luis Medrano tal-UNAM huwa s-segretarju tiegħu. Il-Kumitat ilu jaħdem favur it-tneħħija tal-ispeċijiet eżotiċi mill-gżejjer, speċjalment il-madwar 2,000 nagħġa fil-Gżira ta' Socorro, biex b'hekk l-ekoloġija tal-gżejjer tkun tista' tirpilja, u favur l-adozzjoni ta' pjan ta' ġestjoni għall-promozzjoni tal-irkupru tal-ispeċijiet nattivi tal-gżejjer, inkluż l-introduzzjoni mill-ġdid tal-ħamiem ta' Socorro.

Brattstrom u Howell li taw perspettiva ottimistika fl-1956 stqarrew ukoll li:

"wieħed jittama li l-gvern Messikan joqgħod għassa kontra l-introduzzjoni ta' mammiferi bħal fniek, qtates, mogħoż u oħrajn li kemm-il darba wasslu għal ħerba fil-flora u fil-fawna ta' reġjuni bil-gżejjer".[9]

Żona tal-baħar protetta[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-25 ta' Novembru 2017, il-President tal-Messiku Enrique Peña Nieto ħa azzjoni biex iħares il-bijodiversità tar-reġjun billi ħoloq l-ikbar żona tal-baħar protetta fl-Amerka ta' Fuq madwar il-gżejjer, u pprojbixxa l-esplorazzjoni għall-materja prima, is-sajd u l-iżvilupp tat-turiżmu fil-gżejjer u qribhom. B'kollox, iż-żona tal-baħar protetta tkopri 4.6 % taż-żona ekonomika esklużiva tal-Messiku għas-sajd. Iż-żona tal-baħar protetta kkontribwew b'mod pożittiv għad-diversità fl-oċean, għat-titjib fil-ħabitats tal-ħut, u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Studju ppubblikat ħames snin wara l-istabbiliment taż-żona tal-baħar protetta sab li l-attività tas-sajd fi ħdan iż-żona protetta kienet naqset b'medja ta' 82 % għal kull bastiment. L-istudju sab ukoll li l-qabdiet tas-sajd industrijali fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Messiku ma kinux naqsu.[16]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

L-Arċipelagu ta' Revillagigedo ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Programa de Conservación y Manejo Reserva de la Biosfera Archipielago de Revillagigedo" (PDF).
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archipiélago de Revillagigedo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-14.
  3. ^ Busby, Mattha (2017-11-25). "Mexico creates vast new ocean reserve to protect 'Galapagos of North America'" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-14.
  4. ^ "Exploring Mexico's Revillagigedo Islands - Dive Training Magazine". Dive Training Magazine | Scuba Diving Skills, Gear, Education (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-14.
  5. ^ Naturales, Secretaría de Medio Ambiente y Recursos. "Complejo insular de Revillagigedo, estratégico desde La Colonia". gob.mx (bl-Ispanjol). Miġbur 2024-06-14.
  6. ^ Brand, Donald D. (1967). Friis, Herman R. (ed.). The Pacific Basin. A History of its Geographical Exploration. New York: American Geographical Society. p. 370.
  7. ^ American Geographical Society of New York (1967), Special publication, issue 38, p. 370, American Geographical Society, ISSN 0065-843X
  8. ^ Geological Survey (U.S.) U.S. Geological Survey professional paper, issue 492–493, p. 281, ISSN 1044-9620.
  9. ^ a b ċ Brattstrom, Bayard H. & Howell, Thomas R. (1956). "The Birds of the Revilla Gigedo Islands, Mexico". Condor. 58 (2): 107–120.
  10. ^ "Exploring the Revillagigedo Islands". Oceanographic (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-14.
  11. ^ Urban J., Jaramillo A. L., Aguayo A., Baker S.C., 2000, Migratory destinations of humpback whales wintering in the Mexican Pacific, Journal of Cetacean Research and Management 2(2), pp. 101–110.
  12. ^ "Island Conservation Database". web.archive.org. 2007-12-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-12-08. Miġbur 2024-06-14.
  13. ^ "BirdLife Data Zone". datazone.birdlife.org. Miġbur 2024-06-14.
  14. ^ "World Checklist of Vascular Plants: Royal Botanic Gardens, Kew". checklistbuilder.science.kew.org. Miġbur 2024-06-14.
  15. ^ Weick, Friedhelm (2006), Owls (Strigiformes): annotated and illustrated checklist, Springer, p. 187, ISBN 3-540-35234-1.
  16. ^ Favoretto, Fabio; López-Sagástegui, Catalina; Sala, Enric; Aburto-Oropeza, Octavio (2023-06-02). "The largest fully protected marine area in North America does not harm industrial fishing". Science Advances. 9 (22).