Ċittadella ta' Erbil
Iċ-Ċittadella ta' Erbil, lokalment imsejħa Qelat (bil-Kurd: قەڵای ھەولێر , قەراتی هەولێرێ, Qelay Hewlêr) hija għolja jew tumbata okkupata, u ċ-ċentru storiku tal-belt ta' Erbil fir-Reġjun tal-Kurdistan fl-Iraq. Iċ-ċittadella ġiet inkluża fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-21 ta' Ġunju 2014.[1]
L-iżjed evidenza bikrija ta' okkupazzjoni tat-tumbata taċ-ċittadella tmur lura għall-ħames millenju Q.K., u possibbilment qabel. Tissemma għall-ewwel darba fis-sors storiċi fit-tavli ta' Ebla għall-ħabta tal-2300 Q.K., u kisbet importanza partikolari matul il-perjodu Neo-Assirjan. Matul il-perjodu tas-Sassanidi u tal-Kaliffat Abbasid, Erbil kienet ċentru importanti għall-Kristjaneżmu. Wara li l-Mongoli ħakmu ċ-ċittadella fl-1258, l-importanza ta' Erbil naqset. Matul is-seklu 20, in-nisġa urbana ġiet immodifikata ferm, u b'hekk għadd ta' djar u ta' binjiet pubbliċi nqerdu. Fl-2007, il-Kummissjoni Għolja għar-Rivitalizzazzjoni taċ-Ċittadella ta' Erbil (HCECR) ġiet stabbilita biex tissorvelja r-restawr taċ-ċittadella. Fl-istess sena, l-abitanti kollha, għajr familja waħda, tkeċċew miċ-ċittadella bħala parti minn proġett kbir ta' restawr. Minn dak iż-żmien twettqu xogħlijiet ta' riċerka u ta' restawr arkeoloġiku fl-għolja minn diversi timijiet internazzjonali u b'kooperazzjoni ma' speċjalisti lokali. Il-gvern qed jippjana li jgħixu 50 familja fiċ-ċittadella ladarba tiġi rinnovata għalkollox.
Il-binjiet fil-quċċata tal-għolja huma estiżi fuq żona ovali ta' madwar 430 metru bi 340 metru (1,410 piedi b'1,120 pied) li jokkupaw 102,000 metru kwadru (1,100,000 pied kwadru). L-unika struttura reliġjuża li attwalment għadha teżisti hi l-Moskea ta' Mulla Afandi. L-għolja fiha bejn 25 u 32 metru (82 u 105 piedi) mill-pjanura tal-madwar. Meta kienet okkupata kollha, iċ-ċittadella kienet maqsuma fi tliet distretti jew mahalla: mil-Lvant għall-Punent is-Serai, it-Takya u t-Topkhana. Id-distrett tas-Serai kien okkupat mill-familji notevoli; id-distrett tat-Takya ngħata dak l-isemm għad-djar tad-dervish, li kienu jissejħu takya; u fid-distrett tat-Topkhana kienu jgħixu l-artiġjana u l-bdiewa.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Preistorja
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit taċ-ċittadella x'aktarx li kien okkupat saħansitra min-Neolitiku, peress li nstabu frammenti tal-fuħħar li possibbilment imorru lura għal dak il-perjodu max-xaqlibiet tal-għolja. Evidenza ċara tal-okkupazzjoni toħroġ fid-dieher mill-perjodu Kalkolitiku, bi bċejjeċ tal-fuħħar li jixbhu lil dawk tal-perjodi ta' Ubaid u ta' Uruk f'Jazira u x-Xlokk tat-Turkija, rispettivament.[2] Fid-dawl ta' din l-evidenza għall-okkupazzjoni bikrija, iċ-ċittadella ġiet imsejħa l-iżjed sit antik fid-dinja li ġie okkupat b'mod kontinwu.[3]
L-iżjed rekords storiċi bikrin
[immodifika | immodifika s-sors]Erbil titfaċċa għall-ewwel darba fis-sorsi letterarji għall-ħabta tal-2300 Q.K. fl-arkivji ta' Ebla. Skont Giovanni Pettinato, tissemma f'żewġ tavli bħala Irbilum.[4]
Il-belt sfat sew taħt id-dominju Sumerjan mill-ħabta tat-3000 Q.K. sal-wasla tal-Imperu Akkadjan (2335-2154 Q.K.) li għaqqad is-Semiti Akkadjani u s-Sumeri kollha tal-Mesopotamja taħt imperu wieħed.
Iktar 'il quddiem, Erridupizir, ir-re ta' Gutium, ħakem il-belt fl-2200 Q.K.[5]
Lejn l-aħħar tat-tielet millenju Q.K., Erbil tissemma fir-rekords storiċi tal-perjodu tat-Tielet Dinastija ta' Ur bħala Urbilum. Ir-Re Shulgi qered lil Urbilum fit-43 sena tar-renju tiegħu, u matul ir-renju tas-suċċessur tiegħu Amar-Sin, Urbilum ġiet inkorporata fl-istat tat-Tielet Dinastija ta' Ur. Fis-seklu 18 Q.K., Erbil tidher f'lista ta' bliet li nħakmu minn Shamshi-Adad tal-Mesopotamja ta' Fuq u minn Dadusha ta' Eshnunna waqt il-kampanja militari tagħhom kontra l-art ta' Qabra. Shamshi-Adad skjera gwarniġjoni fil-bliet kollha tal-art ta' Urbil. Matul it-tieni millenju Q.K., Erbil ġiet inkorporata fl-Assirja. Erbil serviet bħala punt ta' tluq għall-kampanji militari lejn il-Lvant.[6][7]
Mill-perjodu Neo-Assirjan sas-Sassanidi
[immodifika | immodifika s-sors]Erbil kienet belt importanti matul il-perjodu Neo-Assirjan. Il-belt ħadet sehem fir-rewwixta kbira kontra Shamshi-Adad V li qamet fir-rigward tas-suċċessjoni ta' Shalmaneser III. Matul il-perjodu Neo-Assirjan, isem il-belt kien jinkiteb bħala Arbi-Ilu, jiġifieri "Erba' Allat". Erbil kienet ċentru reliġjuż importanti li ġie mqabbel ma' bliet bħal Babilonja u Assur. L-alla femminili tagħha Ishtar ta' Erbil kienet waħda mid-divinitajiet prinċipali tal-Assirja, spiss imsemmija flimkien ma' Ishtar ta' Nineveh. Saru xi tiswijiet fis-santwarju tagħha mir-rejiet Shalmaneser I, Esarhaddon u Assurbanipal. Il-kitbiet imnaqqxa ta' Assurbanipal ifakkru l-ħolm tal-oraklu ispirat minn Ishtar ta' Erbil. Assurbanipal x'aktarx li kellu qorti f'Erbil matul parti mir-renju tiegħu u hemmhekk laqa' mibgħuta minn Rusa II ta' Urartu wara t-telfa tal-mexxej Elamit, Teumman.
Wara t-tmiem tal-Imperu Assirjan, Erbil għall-ewwel ġiet ikkontrollata mill-Medi u mbagħad ġiet inkorporata fl-Imperu Akemenid qabel ma saret parti mill-imperu ta' Alessandru l-Kbir wara l-Battalja ta' Gaugamela, li ġiet miġġielda qrib Erbil fit-331 Q.K.[8] Sussegwentement, wara l-qsim tal-imperu ta' Alessandru l-Kbir mill-ġenerali tiegħu (magħrufa bħala Diadochoi), il-belt ġiet imsejħa Arabella jew Arbela u saret parti mir-Renju Selewċid Ellenistiku. Wara s-seklu 1 Q.K., l-Imperu Ruman u l-Imperu Partiku ġġieldu għall-kontroll ta' Erbil jew Arbira, kif kienet magħrufa f'dak il-perjodu. Wara s-seklu 1 W.K., Arbela saret ċentru Kristjan importanti. Matul il-perjodu tas-Sassanidi, Erbil kienet is-sede ta' satrap (gvernatur). Fit-340 W.K., il-Kristjani f'Erbil ġew ippersegwitati u fit-358 il-gvernatur sar martri wara li kkonverta għall-Kristjaneżmu.[9] Skola Nestorjana ġiet stabbilita f'Erbil mill-Iskola ta' Nisibis għall-ħabta tal-521.[10] Matul dan il-perjodu, f'Erbil kien hemm ukoll tempju tan-nar Żoroastrijan.
Ħakma Musulmana sal-Ottomani
[immodifika | immodifika s-sors]Erbil inħakmet mill-Musulmani fis-seklu 7. Baqgħet ċentru Kristjan importanti sas-seklu 9, meta l-isqof ta' Erbil ittrasferixxa s-sede tiegħu lejn Mosul. F'nofs is-seklu 10, Erbil sfat taħt it-tmexxija tal-Kurdi Hadhabani sal-1063 meta ttieħdet mis-Seljuk. Mill-ewwel nofs tas-seklu 12 sal-1233, Erbil kienet is-sede tal-Begteginidi, dinastija Turkmena li saret prominenti taħt ir-renju ta' Zengi, l-atabeg ta' Mosul. Fl-1183, Zain ad-Din Yusuf, il-mexxej ta' Erbil, biddel l-alleanza tiegħu mas-Sultanat Ajjubid. Fl-1190 meta Zain ad-Din Yusuf miet, ħuh il-kbir Muzaffar al-Din Gökböri, li qabel kien il-gvernatur ta' Edessa, sar il-gvernatur il-ġdid ta' Erbil. Huwa ħoloq raħal iktar 'l isfel madwar il-belt ta' fuq it-tumbata taċ-ċittadella u stabbilixxa sptarijiet u madrasa. Meta Gökburi miet fl-1233 mingħajr eredi, il-kontroll ta' Erbil għadda għand il-Kaliff Abbasid al-Mustansir wara li assedja l-belt.
Meta l-Mongoli invadew il-Lvant Qarib fis-seklu 13, huma attakkaw lil Erbil għall-ewwel darba fl-1237. Huma serqu r-rikkezzi tar-raħal t'isfel iżda kellhom jirtiraw kontra l-armata tal-kaliffat li avvanzat u ma rnexxilhomx jaħtfu ċ-ċittadella. Wara l-waqgħa ta' Bagdad f'idejn Hülegü u l-Mongoli fl-1258, huma rritornaw lejn Erbil u rnexxielhom jaħtfu ċ-ċittadella wara assedju li dam sitt xhur. Hülegü mbagħad ħatar gvernatur Kristjan għar-raħal u kien hemm influss ta' Kristjan Ġakobiti, li tħallew jibnu knisja.
Iktar ma għadda ż-żmien, bdew il-persegwitazzjonijiet tal-Kristjani, tal-Lhud u tal-Buddisti fl-Ilkanat kollu fl-1295 taħt Oïrat amir Nauruz. Dan seħħ malajr fir-renju tal-Ilkan Ghazan. Fl-1297, wara li Ghazan ħassu b'saħħtu biżżejjed biex jegħleb l-influwenza ta' Nauruz, huwa ordna l-waqfien tal-persegwitazzjonijiet.
Matul ir-renju tal-Ilkan Öljeitü, uħud mill-abitanti Kristjani rtiraw miċ-ċittadella biex jaħarbu l-persegwitazzjoni. Fir-rebbiegħa tal-1310, il-Malek (gvernatur) tar-reġjun ipprova jaħtafha mingħandhom bl-għajnuna tal-Kurdi. Minkejja l-aqwa sforzi ta' Mar Yahballaha, iċ-ċittadella ttieħdet mit-truppi tal-Ilkanat fl-1 ta' Lulju 1310, u d-difensuri kollha ġew massakrati flimkien mal-abitanti Kristjani kollha tar-raħal t'isfel.
Wara l-Battalja ta' Chaldiran fl-1514, Erbil sfat taħt il-kontroll tal-emirat ta' Soran, emirat semiindipendenti taħt l-Ottomani. Fis-seklu 18 l-Emirat ta' Baban ħa l-belt iżda reġgħet ittieħdet mill-mexxej ta' Soran Mir Muhammed Kor fl-1822. L-Emirat ta' Soran baqa' jmexxi fuq Erbil sa ma ttieħdet mill-ġdid mill-Ottomani fl-1851. Erbil saret parti mill-Vilayet ta' Musul fl-Imperu Ottoman sal-Ewwel Gwerra Dinjija, meta l-Ottomani ġarrbu telfa kontra l-Imperu Brittaniku. Ir-raħal kellu bejn wieħed u ieħor 3,200 abitant, inkluż minoranza mdaqqsa ta' Lhud.
Era moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Matul is-seklu 20, iċ-ċittadella għaddiet minn bidliet urbani u soċjali sinifikanti. Inbena tank tal-ilma tal-azzar għoli 15-il metru (49 pied) fil-quċċata taċ-ċittadella fl-1924, sabiex jipprovdi l-ilma ppurifikat lill-abitanti, iżda dan ikkawża wkoll ħsara lill-pedamenti tal-binjiet minħabba li skula iktar ilma. L-għadd ta' abitanti gradwalment naqas matul is-seklu 20, filwaqt li l-belt taħt iċ-ċittadella kibret u l-abitanti iktar għonja marru jgħixu fi djar ikbar u iktar moderni bil-ġonna. Fl-1960, iktar minn 60 dar, moskea, u skola twaqqgħu sabiex titwitta triq dritta li tikkollega d-daħla tan-Nofsinhar mad-daħla tat-Tramuntana. Saru xi xogħlijiet ta' restawr fl-1979 fuq id-daħla tan-Nofsinhar taċ-ċittadella u l-ħammam. Fl-2007, it-840 familja l-oħra tkeċċew miċ-ċittadella bħala parti minn proġett kbir ta' restawr u ta' preservazzjoni tan-natura storika taċ-ċittadella. Dawn il-familji ġew offruti kumpens finanzjarju. Familja waħda tħalliet tkompli tgħix fiċ-ċittadella sabiex jiġi żgurat li jibqa' jkun hemm abitazzjoni kontinwa fiċ-ċittadella għal 8,000 sena, u l-gvern qed jippjana li 50 familja jgħixu fiċ-ċittadella ladarba tiġi rinnovata. Fl-2004, il-Mużew tat-Tessuti Kurdi nfetaħ f'dar kbira rinnovata fil-kwartier tax-Xlokk taċ-ċittadella.
Ċittadella u bażar
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Erbil hija definita bit-tumbata ċirkolari ċentrali taċ-ċittadella, b'102,000 metru kwadru ta' art olzata 26 metru 'l fuq mill-bqija tal-belt, li x'aktarx li bdiet tinbena fi żmien il-qedem. Madwarha u taħtha lejn in-Nofsinhar hemm labirint sħiħ ta' toroq u sqaqien fejn għadha tħabbat il-qalba kummerċjali tal-belt sal-lum. L-abitazzjonijiet taċ-ċittadella għadhom jeżistu, għalkemm attwalment ħadd ma jgħix fihom, minħabba proġett ta' żvilupp tal-UNESCO għar-rinnovazzjoni tal-binjiet. L-eks resident Mahmoud Yasim, li trabba mas-seba' aħwa tiegħu fin-network ta' toroq u sqaqien ta' 8,000 sena flimkien ma' xi 830 familja oħra, jiddeskrivi l-komunità li kien hemm: "Kulħadd kien jaf lil xulxin dak iż-żmien. Konna ngħix fi djar mingħajr permess u kienu antiki ferm u parzjalment imwaqqgħin – iżda ħajjitna kienet tajba. Konna qrib kollox – il-bażar (is-suq), l-isptar u l-iskejjel ukoll". Bosta mill-abitanti kellhom qalbhom sewda li kellhom jitilqu meta l-awtoritajiet irrilokawhom fl-1997 – l-iktar lejn Qalai l-Ġdida (iċ-"Ċittadella l-Ġdida") – iżda bis-saħħa ta' hekk seta' jibda x-xogħol ta' rikostruzzjoni tal-istrutturi li kienu qed jaqgħu biċċiet, u jsir ir-restawr kull fejn kien possibbli fuq it-tkaħħil, ix-xogħol tal-ġibs u t-tiżjin imnaqqax distint. Huwa maħsub li ż-żona tas-suq iktar 'l isfel inħolqot fi żmien is-Sultan Muzafferddin Kokberi (1190-1233). F'dan il-perjodu, l-unika fl-istorja twila tal-belt meta Erbil iffjorixxiet bħala belt-stat indipendenti, inħoloq ukoll il-minaret li dan l-aħħar ġie rrestawrat fil-belt ta' Erbil u ġew stabbiliti l-madrasa (skejjel) ta' Muzafferddin.
Iż-żona madwar il-bażi tan-Nofsinhar taċ-ċittadella ngħatat attenzjoni mill-pjanifikaturi moderni tal-belt, u ġie stabbilit is-suq kbir fil-beraħ ta' Lana fejn fl-imgħoddi l-bankarelli tas-suq kienu jbigħu l-ġilda artiġjanali u issa ġew sostitwiti bi stabbiliment kummerċjali modern kbir. Is-suq imsaqqaf, magħruf bħala Qasariyah, għadu jeżisti u prattikament ma nbidilx: fih labirint ta' trejqiet u sqaqien protetti mix-xemx u mix-xita b'saqaf tal-ħadid. Taħt dan is-saqaf bosta bejjiegħa fil-ħwienet tagħhom ibigħu oġġetti importati l-iktar mil-Lvant Imbiegħed u diversi artiġjani juru fil-prattika s-sengħa li wirtu mingħand missirijiethom fl-aħħar tas-seklu 19 meta l-bażar ġie rrestawrat: ġojjelliera, skarpana, mastrudaxxi, landiera u biċċiera. Kull fejn ikun possibbli, il-kummerċjanti jinġabru maġenb xulxin u jbigħu l-istess oġġetti u b'hekk kull triq ikollha l-ispeċjalità tagħha, bħal dik fir-rokna tal-Grigal fejn jinbigħu l-għasel u l-prodotti tal-ħalib – jogurts u ġobnijiet flimkien mal-għasel lokali preġjat. Tradizzjoni preġjata oħra hi l-ħolqien taż-żraben Klash – sengħa Kurda unika tal-qedem fejn id-drapp abjad jitqiegħed fuq inkwini żgħar u jingħata l-forma ta' xedd is-saqajn. Dan, flimkien mad-drappijiet tradizzjonali li jinbigħu fis-suq tat-tessuti, huma popolari ferm speċjalment qabel iċ-ċelebrazzjonijiet annwali ta' Newroz meta ċ-ċittadini jilbsu lbies tradizzjonali.
Arkitettura u konfigurazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċittadella tinsab fuq għolja kbira – jew tumbata b'insejdament – b'għamla kważi ovali f'għoli ta' bejn 25 u 32 metru (82 u 105 piedi). Iż-żona tal-quċċata tat-tumbata hija 430 metru bi 340 metru (1,410 piedi b'1,120 pied) u hija kbira 102,000 metru kwadru (1,100,000 pied kwadru). Il-ħamrija naturali nstabet f'fond ta' 36 metru (118-il pied) taħt il-wiċċ attwali tat-tumbata. L-angolu tax-xaqlibiet tat-tumbata taċ-ċittadella huwa ta' madwar 45°. Tliet rampi, li jinsabu fix-xaqlibiet tat-Tramuntana, tal-Lvant u tan-Nofsinhar tat-tumbata, iwasslu sad-daħliet lejn id-djar ta' barra nett qrib is-swar. Id-daħla tan-Nofsinhar kienet l-eqdem u ġiet rikostruwita mill-inqas darba, fl-1860, u ġġarrfet fl-1960. Id-daħla attwali nbniet fl-1979. Id-daħla tal-Lvant tissejjaħ id-Daħla tal-Ħarem u kienet tintuża min-nisa. Mhuwiex ċar meta nfetħet id-daħla tat-Tramuntana. Sors partikolari jsostni li nfetħet fl-1924, filwaqt li sors ieħor josserva li fl-1944 kien hemm żewġ daħliet biss – id-daħliet tan-Nofsinhar u tal-Lvant.
Matul il-bidu tas-seklu 20, kien hemm tliet moskej, żewġ skejjel, żewġ takya u ħammam fiċ-ċittadella. Iċ-ċittadella kellha wkoll sinagoga sal-1957. L-unika struttura reliġjuża li għadha teżisti hi l-Moskea ta' Mulla Afandi, li ġiet rikostruwita fis-sit ta' moskea iktar bikrija tas-seklu 19. Il-ħammam inbena fl-1775 minn Qassim Agha Abdullah. Ma baqax jintuża matul is-snin 70 tas-seklu 20 u ġie rinnovat fl-1979, għalkemm bosta dettalji arkitettoniċi oriġinali ntilfu.
Meta kienet għadha okkupata, iċ-ċittadella kienet maqsuma fi tliet distretti jew mahalla: mil-Lvant għall-Punent is-Serai, it-Takya u t-Topkhana. Id-distrett tas-Serai kien okkupat mill-familji notevoli; id-distrett tat-Takya ngħata dak l-isemm għad-djar tad-dervish, li kienu jissejħu takya; u fid-distrett tat-Topkhana kienu jgħixu l-artiġjana u l-bdiewa. Inventarju tal-1920 juri li dak iż-żmien iċ-ċittadella kienet maqsuma f'506 roqgħa bid-djar. Minn dak iż-żmien, l-għadd ta' djar u abitanti kulma jmur naqas. Pereżempju, fl-1984 4,466 ruħ kienu jgħixu fi 375 dar, filwaqt li ċensiment tal-1995 wera li ċ-ċittadella kellha 1,631 abitant biss li kienu jgħixu f'247 dar. Sal-ftuħ tat-triq prinċipali mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, it-toroq taċ-ċittadella kienu jirradjaw 'il barra mid-daħla tan-Nofsinhar bħal friegħi ta' siġra. It-toroq kienu wesgħin bejn metru u 2.5 metri (3 piedi u 3 pulzieri u 8 piedi u 2 pulzieri) u t-tul kien ivarja bejn 300 metru (980 pied) għat-toroq il-kbar ewlenin u 30-50 metru (98-164 pied) għas-sqaqien.
Il-ħajt tal-perimetru taċ-ċittadella mhuwiex fortifikazzjoni kontinwa, iżda jikkonsisti mill-faċċati ta' madwar 100 dar li nbnew ħdejn xulxin. Peress li nbnew fuq jew qrib ix-xaqliba wieqfa tat-tumbata taċ-ċittadella, bosta minn dawn il-faċċati ġew imsaħħa b'riffieda sabiex jiġi evitat li jaqgħu jew iċedu. Kien hemm madwar 30 palazz tal-belt; il-biċċa l-kbira minnhom kienu jinsabu tul il-perimetru taċ-ċittadella. L-eqdem dar li għadha teżisti ċertament tmur lura għall-1893 kif joħroġ fid-dieher minn kitba mnaqqxa fuqha. L-eqdem djar jinsabu fin-naħa tax-Xlokk tat-tumbata, filwaqt li d-djar tul il-perimetru tat-Tramuntana jmorru lura għas-snin 30-40 tas-seklu 20. Qabel l-introduzzjoni ta' tekniki moderni tal-bini, il-biċċa l-kbira tad-djar fiċ-ċittadella nbnew madwar bitħa. Arkata olzata fuq il-bitħa, bejt ċatt u daħla mgħawġa biex jinħbew il-veduti tal-bitħa u n-naħa ta' ġewwa tad-dar kienu elementi karatteristiċi tad-djar taċ-ċittadella.
Riċerka u restawr
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2006 u fl-2007, tim mill-Università tal-Punent tal-Boemja, flimkien mal-Università ta' Salahaddin f'Arbil, wettaq stħarriġ estensiv u evalwazzjoni taċ-ċittadella kollha. Bħala parti minn dan il-proġett, sar kejl ġeodetiku taċ-ċittadella, u flimkien ma' immaġnijiet satellitari, ritratti fotografiċi regolari u ritratti mill-ajru, inħolqu mappa u mudell tridimensjonali diġitali tat-tumbata taċ-ċittadella u tad-djar ta' fuqha. Il-prospezzjoni ġeofiżika twettqet f'xi postijiet taċ-ċittadella għad-detezzjoni ta' traċċi ta' arkitettura iktar antika mirduma taħt id-djar attwali. L-investigazzjonijiet arkeoloġiċi kienu jinkludu stħarriġ arkeoloġiku fuq ix-xaqliba tal-Punent tat-tumbata taċ-ċittadella, u l-iskavi ta' trunċiera żgħira ta' prova fin-naħa tal-Lvant taċ-ċittadella.
Fl-2012, il-Kumissjoni Għolja għaż-Żamma u għar-Riabilitazzjoni taċ-Ċittadella ta' Erbil iddeċieda li jidentifika seba' żoni fi ħdan iċ-ċittadella biex isiru skavi, u biex jiġu mfittxija l-fdalijiet tal-ħajt u tal-fortifikazzjonijiet storiċi taċ-ċittadella. Il-Kummissjoni għażla l-punt E peress li kien jinsab fit-tarf tal-Majjistral taċ-ċittadella, fil-Punent tad-daħla prinċipali (Bab Ahmadi), u dan iffaċilita l-proċess biex jinstab il-ħajt storiku taċ-ċittadella. L-iskavi saru f'erba' staġuni mill-2013 sal-2015 taħt it-tmexxija ta' Dr. Abdullah Khurshid u bosta konsulenti barranin, inkluż Dr. John McCains mill-Università ta' Cambridge fir-Renju Unit. Parti mill-ħajt storiku taċ-ċittadella ta' Erbil ġiet skoperta, li ma kinitx viżibbli, u ma tantx konna nafu wisq dwarha għajr għal xi referenzi fil-kitbiet storiċi, fejn jissemma li l-ħajt kien jinsab madwar iċ-ċittadella, u b'hekk l-abitanti tagħha setgħu jiddefenduha mill-attakki tal-għedewwa u tal-invażuri.
Taħt it-tumbata taċ-ċittadella nstab qabar Neo-Assirjan b'kompartiment matul l-attivitajiet ta' kostruzzjoni fl-2008. Sussegwentement ġie skavat mis-Servizz tal-Antikitajiet lokali u minn arkeologi mill-Istitut Arkeoloġiku Ġermaniż (DAI). Ir-rikkezzi tal-qabar kienu nsterqu fi żmien il-qedem iżda xorta waħda kien għad hemm xi bċejjeċ tal-fuħħar li jmorru lura għas-sekli 8 u 7 Q.K. Il-kooperazzjoni bejn is-Servizz tal-Antikitajiet u d-DAI kompliet f'dik is-sena b'investigazzjoni ulterjuri tal-qabar u bi skavi żgħar fil-qrib u stħarriġ ġeofiżiku tal-madwar, fejn ipparteċipaw anke studenti mill-Università ta' Salahaddin. Dawn l-investigazzjonijiet żvelaw il-preżenza ta' arkitettura li x'aktarx tmur lura għall-perjodu Neo-Assirjan, kif ukoll iktar oqbra tas-sekli ta' wara.
Fl-2007, il-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan (KRG) stabbilixxa Kummissjoni Għolja għar-Rivitalizzazzjoni taċ-Ċittadella ta' Erbil (HCECR) għall-preservazzjoni u għar-restawr taċ-ċittadella bl-għajnuna tal-UNESCO. Fost affarijiet oħra, l-HCECR hija favur l-istabbiliment ta' żona estiża sa 300-400 metru (980-1,310 piedi) miċ-ċittadella fejn l-għoli tal-bini għandu jkun ristrett sa madwar 10 metri (33 pied). B'hekk tiġi żgurata d-dominanza viżwali taċ-ċittadella fuq il-madwar tagħha.
Fit-2 ta' April 2019, in-NASA ddeskriviet iċ-ċittadella storika bħala x'aktarx l-eqdem insedjament uman okkupat kontinwament fid-Dinja.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-8 ta' Jannar 2010, l-HCECR u l-Bord Statali Iraqqin għall-Antikitajiet u l-Wirt (SBAH) innominaw iċ-Ċittadella ta' Erbil fil-lista tas-siti indikattivi biex jitqiesu għal nomina bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. In-nomina ssostni li "Iċ-Ċittadella llum hija waħda mill-iżjed siti kulturali drammatiċi u viżwalment eċitanti mhux biss fil-Lvant Nofsani iżda anke fid-dinja". Żewġ ftehimiet oħra bejn l-HCECR u l-UNESCO ġew iffirmati f'Marzu 2010, u ġie żvelat li l-Governorat ta' Arbil kien se jiffinanzja l-proġett ta' restawr bi US$13-il miljun. L-ewwel xogħlijiet ta' restawr twettqu f'Ġunju 2010. Iċ-Ċittadella ta' Erbil ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-21 ta' Ġunju 2014. F'Jannar 2017, l-UNESCO indikat li s-sit seta' jitneħħa mil-lista minħabba l-progress kajman li kien sar fil-programm ta' restawr.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Mużew (Kulturali) Etnografiku u tat-Tessuti Kurdi;
- l-Istitut Franċiż tal-Lvant Qarib (bil-Franċiż: Institut français du Proche-Orient, IFPO);
- iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċittadella ta' Erbil;
- il-Ħammam Tradizzjonali (banju pubbliku);
- il-Moskea l-Kbira (il-Moskea ta' Mulla Effendi);
- il-Mużew tal-Ġebel u tal-Ħaġar Prezzjuż ta' Erbil;
- il-Ħwienet tal-Antikitajiet taċ-Ċittadella;
- il-Kummissjoni Għolja għar-Rivitalizzazzjoni taċ-Ċittadella ta' Erbil (HCECR), l-uffiċċju prinċipali;
- id-Dar Storika tat-Turkmeni;
- il-Wirja tal-Minjaturi tal-Kostumi tal-Kurdistan;
- l-Arkivju tal-Mużika tal-Kurdistan;
- l-Assoċjazzjoni Kurda tat-Turiżmu;
- il-Mużew ta' Barzani;
- iċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella ta' Erbil;
- iċ-Ċentru ta' Interpretazzjoni taċ-Ċittadella ta' Erbil;
- il-Wirja tat-Twapet Magħmula bl-Idejn;
- il-Moskea ta' Mulla Ibrahim Dogramachi.
-
Iċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella ta' Erbil.
-
Il-Mużew (Kulturali) Etnografiku tat-Tessuti Kurdi.
-
Il-Mużew tal-Ġebel u tal-Ħaġar Prezzjuż ta' Erbil.
-
Id-Dar Storika tat-Turkmeni.
-
L-Istitut Franċiż tal-Lvant Qarib.
-
Wirja ta' Minjaturi tal-Kostumi tal-Kurdistan (xellug) u tal-Arkivju tal-Mużika tal-Kurdistan (lemin).
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Xi ritratti taċ-Ċittadella ta' Erbil matul ix-xogħol tar-restawr fl-2014.
-
Sqaq taċ-Ċittadella ta' Erbil.
-
Il-Kastell ta' Hawler.
-
Ix-xogħol ta' restawr tal-2014.
-
Ix-xogħol ta' restawr tal-2014.
-
Ix-xogħol ta' restawr tal-2014.
-
Ix-xogħol ta' restawr tal-2014.
-
Ix-xogħol ta' restawr tal-2014.
-
Is-swar taċ-ċittadella.
-
Bitħa interna ta' dar tradizzjonali fiċ-Ċittadella ta' Erbil.
-
Bitħa interna ta' dar tradizzjonali fiċ-Ċittadella ta' Erbil.
-
Ornamenti u dettalji ta' dar tradizzjonali fiċ-Ċittadella ta' Erbil.
-
Ornamenti u dettalji ta' dar tradizzjonali fiċ-Ċittadella ta' Erbil.
-
Gallarija ta' dar tradizzjonali fiċ-Ċittadella ta' Erbil bix-xogħol ornamentali tal-ħadid.
-
Ħajt storiku taċ-Ċittadella ta' Erbil.
-
Djar antiki dilapidati madwar iċ-ċittadella.
-
Djar antiki dilapidati madwar iċ-ċittadella.
-
Djar antiki madwar iċ-ċittadella.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Erbil Citadel". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-30.
- ^ Nováček, Karel; Chabr, Tomáš; Filipský, David; Janiček, Libor; Pavelka, Karel; Šída, Petr; Trefný, Martin; Vařeka, Pavel (2008), "Research of the Arbil Citadel, Iraqi Kurdistan, First Season", Památky Archeologické, 99: 259–302, ISSN 0031-0506. p. 276.
- ^ Naval Intelligence Division (1944), Iraq and the Persian Gulf, Geographical Handbook Series, p. 529.
- ^ Martha A. Morrison, David I. Owen, eds, General Studies and Excavations at Nuzi 9/1; Volume 2 In Honor of Ernest R. Lacheman. Eisenbrauns, 1981, ISBN 0931464080.
- ^ "Timeline". web.archive.org. 2014-08-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-08-14. Miġbur 2023-10-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Villard, Pierre (2001), "Arbèles", in Joannès, Francis (ed.), Dictionnaire de la civilisation mésopotamienne, Bouquins (bil-Franċiż), Pariġi: Robert Laffont, pp. 68-69, ISBN 978-2-221-09207-1.
- ^ Eidem, Jesper (1985), "News from the eastern front: the evidence from Tell Shemshāra", Iraq, 47: 83–107, ISSN 0021-0889, p. 83.
- ^ Nováček, Karel; Chabr, Tomáš; Filipský, David; Janiček, Libor; Pavelka, Karel; Šída, Petr; Trefný, Martin; Vařeka, Pavel (2008), "Research of the Arbil Citadel, Iraqi Kurdistan, First Season", Památky Archeologické, 99: 259–302, ISSN 0031-0506, p. 260.
- ^ Sourdel, D. (2010), "Irbil", in Bearman, P.; Bianquis, Th.; Bosworth, C.E.; van Donzel, E.; Heinrichs, W.P. (eds.), Encyclopaedia of Islam (second ed.), Brill Online, OCLC 624382576.
- ^ Morony, Michael G. (1984), Iraq after the Muslim conquest, Princeton: Princeton University Press, ISBN 978-0-691-05395-0, p. 352.