Mikelanġlu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Ritratt ta' Mikelanġlu
Kopja taċ-ċertifikat tat-twelid ta' Mikelanġlu

Michelangelo di Lodovico Buonarroti Simoni[1] (Caprese, 6 ta' Marzu 1475Ruma, 18 ta' Frar 1564), magħruf bil-Malti bħala Mikelanġlu, kien skultur, arkitett u pittur Taljan tar-Rinaxximent, meqjus bħala wieħed mill-aqwa artisti fl-istorja kemm fl-iskultura u l-pittura kif ukoll fl-arkitettura. Il-versatilità li wera f'dawn id-dixxiplini kienet ta' ordni tant għolja li ħafna nies iqisuh bħala l-bniedem arketipiku Rinaxximentali, flimkien mal-kompatrijott tiegħu Leonardo da Vinci.

Xi wħud mix-xogħlijiet tiegħu fil-pittura, l-iskultura u l-arkitettura huma fost l-aktar famużi fid-dinja. Il-kontribut tiegħu f'kull qasam li ħadem fih matul ħajtu kien tassew tal-għaġeb waqt li l-ammont kbir ta' korrispondenza, abbozzi u memorji li baqgħu jeżistu, jagħmluh l-artista l-aktar dokumentat tas-seklu 16.

Tnejn mill-aktar xogħlijiet magħrufa tiegħu, il-Pietà u David, skolpihom qabel għalaq it-tletin sena. Minkejja li kien iqis il-pittura inferjuri għall-iskultura, Mikelanġlu ħoloq tnejn mix-xogħlijiet fl-affresk l-iżjed influwenti fl-istorja tal-arti tal-Punent: ix-xeni mill-Ġenesi fis-saqaf u L-Aħħar Ġudizzju fuq il-ħajt tal-altar tal-Kappella Sistina f'Ruma. Bħala arkitett, Mikelanġlu kien pijunier fl-istil Manjerista bid-disinn li fassal għall-Bibljoteka Lawrenzjana. Fl-età 72 sena ħa post Antonio da Sangallo ż-Żgħir bħala l-arkitett tal-Bażilika ta' San Pietru. Mikelanġlu ttrasforma l-pjan u n-naħa tal-Punent tlestiet skont id-disinji tiegħu waqt li l-koppla tkompliet wara mewtu bi ftit modifiki.

Kemm kienet kbira tal-pożizzjoni ta' Mikelanġlu narawh mill-fatt li kien l-ewwel artista tal-Punent li l-bijografija ġiet pubblikata matul ħajtu.[2] Żewġ bijografiji ġew pubblikati matul ħajtu; f'waħda minnhom, l-awtur Giorgio Vasari, kien tal-fehma li Mikelanġlu kien il-quċċata ta' dak kollu li kien inkiseb fl-arti mill-bidu tar-Rinaxximent, opinjoni li baqgħet valida fl-istorja tal-arti għal sekli sħaħ.

Kien ammirat ħafna mill-kontemporanji tiegħu li laqqmuh id-Divin.[3] Kien perfezzjonista mill-ikbar u ttrijonfa fl-arti kollha li ħadem fihom; jekk kien isib l-inqas difett f'waħda mix-xogħlijiet tiegħu, kien iqisu bħala diżastru.[4]

Bijografija[editja]

Familja[editja]

Dehra ta' Firenze, skont inċiżjoni mill-Liber chronicarum (1493), fiż-żgħożija ta' Mikelanġlu

Mikelanġlu twieled fl-1475, f'Caprese, raħal fit-Toskana qrib il-belt ta' Arezzo.[5] Kien it-tieni mill-ħames ulied subien ta' Lodovico di Leonardo di Buonarroti Simone u Francesca di Neri del Miniato di Siena.[6] Ommu mietet fl-1481, meta Mikelanġlu kellu sitt snin. Il-familja Buonarroti Simone kienu ilhom jgħixu Firenze għal aktar minn tliet mitt sena u kienu jżommu mal-partit tal-Gwelfi u ħafna minnhom kellhom kariga pubblika. Il-fortuna tal-familja bdiet tmajna fi żmien nannuh u missieru, li ma kienx irnexxielhom iżommu l-pożizzjoni soċjali tal-familja u saru jgħixu minn fuq xi impjiegi mal-gvern,[2] fejn fosthom missieru kien maġistrat ġudizzjarju tar-raħal żgħir ta' Caprese meta twieled Mikelanġlu. Lura Firenze kienu jgħixu mid-dħul żgħir minn barriera tal-irħam u razzett żgħir li kellhom f'Settignano,[7] il-belt fejn Mikelanġlu kien joqgħod matul il-marda twila u l-mewt t'ommu; hemmhekk kienu jieħdu ħsiebu familja ta' naġġar tal-ġebel.[6]

Missieru ġiegħlu jistudja l-grammatka ma' Maestro Francesco da Urbino f'Firenze. Mikelanġlu ried isir artista, u meta għarraf lil missieru b'din ix-xewqa, dan ma tantx ħa pjaċir billi dak iż-żmien din il-professjoni ftit kienet rikonoxxuta. Ludovico di Leonardo kien tal-fehma li dan ix-xogħol ma kienx jixraq il-prestiġju tal-linja tar-razza tiegħu. Mikelanġlu bid-determinazzjoni qawwija li kellu, minkejja żgħożitu, irnexxielu jikkonvinċi 'l missieru jħallih jimxi mal-ħajra artistika kbira li kellu, li skontu, bdiet mat-trobbija tiegħu mill-mara tan-naġġar. Kien jgħid: "Flimkien mal-ħalib erdgħajt il-furmaturi u l-imrietel li bihom skolpejt l-istatwi tiegħi".[8]

Baqa' jinġieb ma' familtu matul ħajtu kollha. Meta ħuh il-kbir daħal patri Dumnikan f'Pisa, hu ħa f'idejh r-responsabbiltà tal-familja. Ħa fi ħsiebu l-patrimonju tal-Buonarroti u kabbru bix-xiri tal-art u d-djar, u rranġa wkoll iż-żwieġ tan-neputijiet tiegħu Francesca u Leonardo ma' familji tajba ta' Firenze.[9]

Apprendistat[editja]

Ritratt ta' Mikelanġlu minn Daniele da Volterra, li jpinġih bi mnieħru mgħaffeġ

Il-ħila artistika kbira fl-iskultura ta' Mikelanġlu bdiet tidher minn mindu kien żgħir ħafna u fi żmien qasir beda jibbrilla f'dan il-qasam. F'April tal-1488, meta kellu tnax-il sena, fuq il-parir tal-pittur żagħżugħ Francesco Granacci, daħal jaħdem mal-aħwa famużi Ghirlandaio. Il-familju tiegħu u Ghirlandaio iffirmaw kuntratt għal tliet snin:[10]

 1488. Jiena, Ludovico di Lionardo Buonarota, dan l-ewwel jum ta' April, nikteb 'l ibni Michelangelo bħala apprendista ma' Domenico u Davide di Tommaso di Curran, għat-tliet snin li ġejjin taħt dawn il-kundizzjonijiet: li l-imsemmi Michelangelo għandu jibqa' għaż-żmien miftiehem ma' dawk msemmija hawn biex jitgħallem l-arti u l-prattika tal-pittura u jobdi l-istruzzjonijiet tagħhom, u li dawk l-imsemmija Domenico u Davide iħallsuh f'dawn is-snin is-somma ta' erbgħa u għoxrin fjorin ta' piż eżatt: sitta matul l-ewwel sena, tmienja fit-tieni sena u għaxra fit-tielet, is-somma totali ta' sitta u disgħin lira.[11] 

Baqa' apprendista għal sena u wara, taħt it-tmexxija ta' Bertoldo di Giovanni, beda jżur il-Ġnien ta' San Marco tal-Medici, fejn kien jistudja l-iskulturi antiki miġburin hemmhekk. L-ewwel xogħlijiet artistiċi tiegħu impressjonaw lil Lorenzo il Magnifico, li stiednu biex imur joqgħod fil-palazz tiegħu ta' Via Longa, fejn Mikelanġlu ltaqa' ma' Angelo Poliziano u umanisti oħra madwar il-Medici, bħal Giovanni Pico della Mirandola u Marsilio Ficino.[12] Permezz ta' dawn ġie f'kuntatt mat-teoriji idealisti ta' Platun, ideat li kellhom isiru s-sisien ta' ħajtu u xogħlu, riflessi fil-ħidma skulturali u poetika tiegħu.

Skont Vasari, darba huwa u ħiereg mill-ġnien tal-Medici, jew, skont Benvenuto Cellini mill-Kappella Brancacci, fejn hu u xi studenti oħra kienu jitgħallmu jpinġu l-affreski ta' Masaccio, Pietro Torrigiano tah daqqa ta' ponn u kissirlu mnieħru u baqa' ħajtu kollha b'imnieħru mgħaffeġ kif jidher ċar mir-ritratti kollha tiegħu.[13][14]

Vjaġġ artistiku[editja]

Ritratt ta' Lorenzo il Magnífico, l-ewwel patrun ta' Mikelanġlu, minn Vasari

Wara l-mewt ta' Lorenzo il Magnifico, fl-1492, Mikelanġlu telaq minn Firenze lejn Venezja u mbagħad mar joqgħod Bolonja. Hemmhekk skolpixxa numru ta' xogħlijiet influwenzati mix-xogħol ta' Jacopo della Quercia. Iżda fl-1496 iddeċieda li jitlaq lejn Ruma, belt fejn kien ħa jkollu suċċessi kbar. Hemm beda għaxar snin ta' intensità artistika kbira, li warajhom, ta' tletin sena, kien sar magħdud mal-aqwa artisti. Meta kellu tlieta u għoxrin sena skolpixxa l-Pietà tal-Vatikan, wara l-Bakku tal-Bargello (1496)[15] u wara din għamel it-Tondo Pitti . Fl-istess perjodu pinġa l-kartuna għall-Battalja ta' Cascina, li issa ntilfet, għas-Signoria ta' Firenze u David, kapulavur tal-iskultura, ta' komplessità kbira minħabba d-djuq tal-blokka tal-irħam, li tqiegħed quddiem il-Palazzo della Signoria f'Firenze u sar is-simbolu tal-ideali ċiviċi għoljin tar-Rinaxximent.[16]

F'Marzu tal-1505, il-Papa Ġulju II ordnalu biex jagħmillu monument għal qabar: Mikelanġlu ppjana kumpless arkitettoniku u skulturali li aktar mill-prestiġju tal-Papa, kien ifaħħar it-trijonf tal-Knisja. L-iskultur, mimli ħeġġa għal dan ix-xogħol, mar jogħqod Carrara għal tmien xhur biex jieħu ħsieb hu stess l-għażla u t-tmexxija tal-qtugħ tal-irħam meħtieġ. Sfortunatament, meta mar lura Ruma, sab li l-Papa kien tilef l-interess fil-proġett tal-mosulew, billi kien moħħu fit-tibdil li kien qiegħed jagħmel Bramante f'San Pietru. Mikelanġlu, irrabjat telaq minn Ruma u mar Firenze, iżda fl-aħħar ta' Novembru tal-1506, wara bosta sejħiet mill-Papa fejn heddu li jiskomunikah, iltaqa' miegħu Bolonja.[17]

F'Mejju tal-1508 qabel li jmexxi x-xogħol ta' dekorazzjoni tas-saqaf tal-Kappella Sistina, li l-affreski ta' fiha lesta erba' snin wara, b'ħafna xogħol iebes u solitarju. F'dan ix-xogħol iddisinja struttura arkitettonika grandjuża, ispirata mill-forma tas-saqaf. Fit-tema biblika ġenerali tas-saqaf, il-Ġenesi, Mikelanġlu tah interpretazzjoni Neoplatonika u ħoloq interpretazzjoni tal-figuri li kellhom isiru s-simbolu tal-arti tar-Rinaxximent.

Il-Papa Ġulju II, patrun kbir ieħor ta' Mikelanġlu, impinġi minn Raffaello Sanzio

Wara l-mewt ta' Ġulju II, f'Mejju tal-1513, l-artista ipprova għat-tieni darba jkompli x-xogħol tal-mosulew tal-Papa. Għal dan il-għan skolpixxa ż-żewġ figuri tal-Ilsiera u l-Mosè, li jirriflettu l-enerġija tturmentata, it-terribbiltà ta' Mikelanġlu. Iżda dan it-tieni attentat ma rnexxiex wisq.

Fl-aħħar, wara l-mewt ta' Bramante (1514) u Raffaello (1520), Mikelanġlu kiseb il-fiduċja sħiħa tal-Papa.

 Il-fatt li Mikelanġlu dam ħafna ma ġie rikonoxxut uffiċjalment f'Ruma ġie attribwit għall-istil mhux ortodoss tiegħu. Kien jonqsu dak li Vitruvju sejjaħ decorum, jiġifieri r-rispett għat-tradizzjoni.[18] 

Fl-1516, imqabbad minn Ljun X, beda l-faċċata tal-Bażilika ta' San Lorenzo, xogħol li fl-1520 kellu jitlaq b'niket kbir. Mill-proġett oriġinali baqa' bosta disinji u abbozz tal-injam. Mill-1520 sal-1530 Mikelanġlu ħadem f'Firenze u bena s-Sagristija l-Ġdida ta' San Lorenzo u l-Biblijoteka Lawrenzjana. Wara l-Qerda ta' Ruma fl-1527 u t-tkeċċija tal-Medici minn Firenze, Mikelanġlu, skont kif jgħidu, ħa sehem fil-gvern tar-Repubblika Fjorentina l-ġdida, u nħatar gvernatur u prokuratur tal-bini u l-fortifikazzjoni tas-swar, u ħa sehem fid-difiża tal-belt assedjata mit-truppi papali. Fl-1530, wara l-waqgħa tar-Repubblika, il-maħfra ta' Klement VII ħelsitu mill-vendetta ta' dawk li kienu jżommu mal-Medici.[19] Minn din is-sena kompla x-xogħol fuq is-Sagristija l-Ġdida u l-qabar ta' Ġulju II.

Fl-1534 xaba' mis-sitwazzjoni politika l-ġdida li kienet twaqqfet f'Firenze, ħalla l-belt u mar joqgħod Ruma, fejn aċċetta ordni minn Klement VII biex jaħdem fuq l-altar tal-Kappella Sistina fejn, bejn l-1536 u l-1541, pinġa l-pittura manjifika ta' L-Aħħar Ġudizzju. Sas-sena 1550 kien għadu jaħdem fuq il-qabar ta' Ġulju II u l-affreski tal-Kappella Pawlina li jirrappreżentaw Il-Konverżjoni ta' San Pawl u It-Tislib ta' San Pietru.

L-imħabbiet ta' ħajtu[editja]

Qabar ta' Cecchino dei Bracci iddisinjat minn Mikelanġlu

Mikelanġlu fittex li jinternalizza t-teoriji neoplatoniċi tal-imħabba u għamel sforzi kbar biex jinkiseb bilanċ emottiv li rarament jintlaħaq. L-inklinazzjoni naturali tiegħu li jagħżel bħala s-suġġett il-forma fiżika – kien, fuq kollox, skultur tal-ġisem – flimkien mal-faxxinu tiegħu għaż-żagħżugħ u l-vigoruż, emblemi tas-sbuħija klassika,[20] ġiegħluh jagħżel is-sbuħija umana u l-imħabba iżjed senswali sa tard ħafna f'ħajtu. Dan il-kunflitt li bih l-artista għex ix-xewqa karnali tiegħu, tfaċċa wkoll fil-konfront mal-omosesswalità tiegħu.[21]

L-artista kellu relazzjonijiet ma' bosta żgħażagħ bħal Cecchino dei Bracci, li għalih kellu mħabba kbira. Meta miet Bracci fl-1543, Mikelanġlu ddisinja l-qabar tiegħu fil-knisja ta' Santa Maria in Aracoeli f'Ruma, u ta x-xogħol f'idejn id-dixxiplu tiegħu Urbino.[22] Kien hemm ukoll Giovanni da Pistoia, kittieb żagħżugħ u sabiħ li kien għal xi żmien ħabib intimu tiegħu, u jista' jkun li kellu relazzjoni ma' Mikelanġlu fiż-żmien meta beda jpinġi s-saqaf tal-Kappella Sistina. Din ir-relazzjoni hija riflessa f'xi sunetti appassjonati ħafna ddedikati lil Giovanni.[21]

Tommaso Cavalieri[editja]

Ir-rapiment ta' Ganimede, disinn magħmul għal Tommaso Cavalieri, miżmum f'Windsor Castle

Matul vjaġġ lejn Ruma fl-1532, iltaqa' mal-bniedem li kellu jkun l-ikbar imħabba ta' ħajtu, iż-żagħżugħ Tommaso Cavalieri, aristokratiku ta' intelliġenza mhux tas-soltu li kien iħobb l-arti. Ftit wara li sar jafu bagħatlu ittra li fiha stqarr: "Is-sema għamlet sew ma tħallix il-fehma sħiħa tas-sbuħija tiegħek".[23]

Irridu niftakru li l-membri tal-Akkademja Platonika ta' Firenze riedu jimitaw lill-belt Griega ta' Perikle. Din is-sħubija kulturali kienet tikkonsisti minn ċirku soċjali maskili, li fih, ir-relazzjoni bejn raġel u żagħżugħ kienet meqjusa bħala sentiment nobbli u onorevoli. F'dan l-ambjent wieħed jista' jifhem il-psikoloġija, il-gosti u l-arti ta' Michelangelo. L-artista kien jaħseb li s-sbuħija tar-raġel tiżboq lil dik tal-mara, u għalhekk, fl-imħabba li kellu għal Tommaso kien iħossu qiegħed iċedi għas-"sbuħija Platonika"[24].

Tommaso Cavalieri kien tfajjel ta' 17-il sena, ta' familja tajba, dilettant tal-arti, il-pittura kif ukoll l-iskultura. Varchi qal fuqu li kellu "temperament riżervat u modest u sbuħija inkomparabbli", kien attraenti ħafna u fl-istess ħin spirituż. Fl-ewwel laqgħa tagħhom, għamel impressjoni profonda fuq Mikelanġlu, u maż-żmien ir-relazzjoni inbidlet f'ħbiberija, b'passjoni u lealtà li damet sal-mewt.[25] Mikelanġlu, min-naħa l-oħra, kien raġel ta' 57, li kien fil-quċċata tal-fama tiegħu, kellu l-appoġġ ta' diversi papiet u Tommaso kien jammirah profondament. Jidher li l-ħbiberija ħadet xi żmien biex bdiet, imma meta ssaħħet saret profonda ħafna tant li Cavalieri, diġà miżżeweġ u bit-tfal, baqa' dixxiplu u ħabib tiegħu sal-mewt ta' Mikelanġlu u kien miegħu fis-siegħa tal-mewt tiegħu, meta l-kapitlu ta' mħabba kien ilu li temm.[26]

Vittoria Colonna[editja]

Ritratt ta' Vittoria Colonna impinġi minn Mikelanġlu

Vittoria Colonna kienet ġejja minn familja nobbli u kienet waħda min-nisa l-aktar notevoli tal-Italja Rinaxximentali. Meta kienet żagħżugħa żżewġet lil Fernando ta' Avalos, Markiż ta' Pescara, raġel ta' poter kbir li miet fil-Battalja ta' Pavia huwa u jiġġieled fuq in-naħa tal-Ispanjoli fis-servizz ta' Karlu I ta' Spanja. Wara l-mewt ta' żewġha, irtirat mill-ħajja tal-qorti u ddedikat ruħha għall-prattika tar-reliġjon. Issieħbet mal-grupp ta' riformisti Erażmisti ta' Juan de Valdés, Reġinaldu Pol u Lorenzo Ghiberti, li segwew duttrina opposta għal dik tal-kontrariforma.[27]

Mikelanġlu ltaqa' ma' din il-mara għall-ewwel darba fl-1536 fil-kunvent ta' San Silvestro f'Montecavallo, Ruma, u mill-ewwel kien hemm ġibda kbira bejniethom, forsi minħabba li t-tnejn kellhom l-istess fehmiet reliġjużi u kienu jħobbu ħafna l-poeżija. Skont Ascanio Condivi, Mikelanġlu "ħabb l-ispirtu divin tagħha" u, bħala ammiratur kbir ta' Dante, hi rrappreżentat dak li l-persunaġġ ta' Beatrice kien ifisser għall-poeta.[28] Dan jidher ċar meta wieħed jaqra l-poeżiji ddedikati lil Vittoria, u mid-disinji li taha, kollha ta' suġġetti reliġjużi: Pietà, Kruċifissjoni u Sagra Familja.[29]

Il-mewt ta' Vittoria fis-sena 1547 ħalliet lil Mikelanġlu b'niket profond. Kif stqarr hu nnifsu lil Ascanio Condivi: "Ma kellix uġigħ iżjed profond f'din id-dinja minn dak li ħassejt meta ħalliet din il-ħajja mingħajr ma bist xbinha jew ħaddejha, bħal ma bist idha meta mort naraha fuq is-sodda tal-mewt".[30]

L-aħħar snin[editja]

Qabar ta' Mikelanġlu iddisinjat minn Vasari fil-Bażilka ta' Santa Croce ta' Firenze

Matul l-aħħar għoxrin sena ta' ħajtu, Mikelanġlu ddedika ruħu fuq kollox għal xogħlijiet tal-arkitettura: mexxa x-xogħlijiet tal-Biblioteca Medicea Laurenziana ta' Firenze, u f'Ruma, ir-rimudellar tal-Piazza del Campidoglio, il-Kappella Sforza ta' Santa Marija Maggiore, l-aħħar xogħlijiet tal-Palazzo Farnese u, fuq kollox il-finalizzazzjoni ta' San Pietru fil-Vatikan. F'dan il-perjodu wettaq l-aħħar skulturi bħall-Pietà Palestrina jew il-Pietà Rondanini flimkien ma' ħafna disinji u poeżiji ta' ispirazzjoni reliġjuża.[31]

Fil-proġett tal-bażilika Vatikana, li ħadem fuqu matul l-aħħar snin ta' ħajtu, issemplifika d-disinn ta' Bramante filwaqt li żamm l-istruttura bis-salib Grieg u l-koppla kbira.

Miet fl-1564 f'Ruma, qabel ma ra x-xogħol tiegħu lest, fl-età ta' tmienja u tmenin sena. Kien miegħu s-segretarju tiegħu Daniele da Volterra u l-ħabib fidil tiegħu Tommaso Cavalieri. Kien ħalla bil-miktub li ried jindifen Firenze. Fit-testment li għamel quddiem it-tabib tiegħu Federico Donati, ried li "jħalli ruħu f'idejn Alla, ġismu fl-art u ġidu lill-qraba". Neputih Leonardo ġie inkarigat li jara li jseħħu l-aħħar xewqat tal-artista, u fl-10 ta' Marzu tal-1564 indifen fis-sagristija tal-knisja ta' Santa Croce. Fl-14 ta' Lulju kellu funeral solenni fejn fost l-oħrajn attendew Giorgio Vasari, Benvenuto Cellini, Bartolomeo Ammannati u Bronzino.[32] Fl-1570 Giorgio Vasari ddisinja l-monument ta' fuq qabru.

Xogħol ta' skultura[editja]

L-ewwel xogħlijiet[editja]

Kruċifiss ta' Santo Spirito, injam miżbugħ (1492-1494)

Bejn l-1490 u l-1492, Mikelanġlu għamel l-ewwel disinji li nafu bihom, studji fuq l-affreski Gotiċi ta' Masaccio u Giotto. Jaħsbu li fost l-ewwel skulturi li għamel kien hemm kopja ta' Ras ta' Fawun, li ntilfet. L-ewwel riljevi kienu l-Madonna tat-Taraġ u Il-Battalja taċ-Ċentawri, miżmumin fil-Casa Buonarroti ta' Firenze, li fihom diġà hemm definizzjoni ċara tal-istil tiegħu. Fihom wera ruħu bħala l-werriet assolut tal-arti Fjorentina tas-sekli erbatax u ħmistax, fl-istess ħin li stabbilixxa rabta aktar diretta mal-arti klassika. Ir-riljev fl-irħam f'Il-Battalja taċ-Ċentawri ispirat mit-tnax-il ktieb ta' Il-Metamorfożi ta' Ovidju juri l-ġellieda għarwenin fis-saħna sħiħa tat-taqbida, imħabblin ma' xulxin b'tensjoni qawwija, b'antiċipazzjoni tar-ritmi mserrpin tant użati minn Mikelanġlu fil-gruppi skulturali tiegħu.[33] Ascanio Condivi, fil-bijografija tiegħu tal-artista, qal li semgħu jgħid:

 … Li meta reġa' mar jaraha induna li kien ġab ruħu ħażin man-natura billi ma mexiex mal-inklinazzjoni tiegħu fl-arti tal-iskultura, u minn dak ix-xogħol, seta' jiġġudika dak kollu li seta' jasal biex jagħmel[15] 

Fost l-iskulturi ta' din l-epoka (madwar l-1490) insibu wkoll ir-riljev tal-Madonna tat-Taraġ, li d-disinn tiegħu jixbah xi ftit lil dawk ta' Donatello, imma fih hemm l-enerġija kollha tal-iskultura ta' Mikelanġlu, kemm fil-forma tat-trattament tal-pjani tal-figura kif ukoll fid-delinjazzjoni vigoruża u fl-anatomija ta' Ġesù tarbija bi ħjiel ta' contrapposto.

Wara l-mewt fl-1492 ta' Lorenzo il Magnifico, minn rajh għamel skultura tal-irħam Erkole li ħadem fuqha fid-dar tal-familja. Għażel dan is-suġġett billi Erkole kien mis-seklu 13, wieħed mill-patruni ta' Firenze. L-istatwa inxtrat minn Strozzi, li biegħha lil Giovan Battista Palla, li kien akkwistaha għar-re ta' Franza Neriku II u tqiegħdet fil-ġnien ta' Fontainebleau, fejn Rubens pinġiha qabel li għebet fl-1713. Baqa' biss dan id-disinn għal din l-istatwa miżmum fil-Casa Buonarroti.[34]

Wara għex għal xi żmien fil-kunvent ta' Santo Spirito, fejn studja l-anatomija fuq il-kadavri mill-isptar tal-kunvent. Lill-pirjol Niccolò di Giovanni di Lapo Bichiellini għamillu kurċifiss tal-injam miżbugħ li juri l-ġisem għarwien ta' Kristu bħala dak ta' adolexxenti żagħżugħ, mingħajr enfasi fuq il-muskolatura, minkejja li l-wiċċ hu ta' wieħed adult b'qis kemm kemm sproporzjonat imqabbel mal-ġisem. Kif inhu miżbugħ b'kuluri dgħajfa u b'linji ħfief tad-demm jaqbel perfettament mad-daqs tal-iskultura. Kien meqjus mitluf matul il-ħakma Franċiża sakemm reġa' nstab fl-1962, fl-istess kunvent, miksi b'saff oħxon ta' żebgħa li għamlu kważi ma jingħarafx.[35]

Anġlu f'San Duminku ta' Bolonja (1495)

Firenze taħt Piero de Medici, iben Lorenzo il Magnifico, ma kinitx togħġbu lil Mikelanġlu u għalhekk f'Ottubru tal-1494 telaq lejn Bolonja, fejn ra għall-ewwel darba r-riljevi fuq il-panelli tal-bieb tal-knisja ta' San Petronio ta' Jacopo della Quercia, skultur mill-aqwa tal-Gotiku tard, li l-istil tiegħu integra l-piegi merħijin tal-ilbies mal-emozzjoni tal-persunaġġi tiegħu. Francesco Aldovrandi ordnalu tliet skulturi biex jitkompla l-qabar ta' San Duminku, imsejjaħ Arca de San Domenico. Għalih skolpixxa anġlu għar-rkubtejh iżomm gandlier biex jagħmel par ma' ieħor magħmul minn Niccolò dell'Arca, flimkien ma' statwi ta' San Proklu u San Petronju, li issa jinstabu fil-Bażilika ta' San Duminku f'Bolonja. Meta lesta dawn ix-xogħlijiet, fiż-żmien ta' ftit iktar minn sena, mar lura lejn Firenze.[36]

F'dan iż-żmien il-patri Duminikan Girolamo Savonarola kien qiegħed iħeġġeġ li titwaqqaf repubblika teokratika, u minħabba l-kritika tiegħu fl-1495 il-Medici tkeċċew minn Firenze. Savonarola għamel sejħa għal ritorn lejn l-arti reliġjuża u l-qerda tal-arti pagana. Dawn il-priedki żergħu dubji serji f'moħħ Mikelanġlu, bejn il-fidi u l-għarfien, bejn il-ġisem u r-ruħ, u qajjem il-ħsieb ta' jekk is-sbuħija kinitx dnub u ta' jekk, bħalma kien jgħid dan il-patri, kellhiex titneħħa mill-arti l-preżenza tal-ġisem tal-bniedem. Fil-prietka tiegħu kontra l-assolutiżmu papali, fis-7 ta' Frar 1497, Savonarola organizza fil-Piazza della Signoria ħuġġieġa kbira, (il-Ħuġġieġa tal-Vanitajiet), fejn ordna li jinħarqu l-pitturi, il-ġojjelli, l-istrumenti mużikali u wkoll il-kotba ta' Boccaccio u ta' Petrarca. Għal dan l-għemil ġie skomunikat mill-Papa Alessandrur VI. Is-sena ta' wara Savonarola irrepeta l-istess azzjoni, sabiex fl-aħħar ġie arrestat u kkundannat għall-mewt bin-nar u miet fit-23 ta' Mejju 1498.[37]

F'Firenze, bejn l-1495 u l-1496, Mikelanġlu skolpixxa żewġ statwi li ntilfu: waħda ta' San Ġwann tifel u l-oħra Kupidu rieqed. Ta' San Ġwann mhux magħruf x'ġara minnha ħlief xi attribwizzjonijiet li saru f'diversi postijiet: hemm spekulazzjoni li tista' tkun l-iskultura li qiegħda fil-Mużew Kaiser Friedrich f'Berlin jew oħra, li qiegħda fil-Kappella tal-Salvatur f'Úbeda,[38] u fl-aħħar, li hija fuq il-bieb tas-sagristija ta' San Giovanni dei Fiorentini f'Ruma.[39] L-istatwa tal-Kupidu rieqed, imwettqa skont mudell Ellenistiku iktar klassiku, jgħidu li difnuha fl-art biex tieħu l-patina ta' statwa qadima u nbiegħet lill-Kardinal di San Giorgio, Raffaele Riario, bħala statwa antika awtentika mingħajr ma kien jaf Mikelanġlu. Aktar tard, inxtrat minn Cesare Borgia u fl-aħħar ingħatat lil Isabella d'Este, u aktar tard, fil-1632 intbagħtet l-Ingilterra bħala rigal għar-Re Karlu I u minn dak iż-żmien it-traċċja tagħha ntilfet għal kollox.[40]

F'Ruma għall-ewwel darba[editja]

Il-Bakku tal-Mużew tal-Bargello, Firenze, (1496–1498)

Mikelanġlu telaq lejn Ruma fl-20 ta' Ġunju 1496. L-ewwel xogħol li għamel hemm kien statwa ta' Bakku ta' qis naturali, tixbah ħafna l-istatwi klassiċi, li kien ordnaha il-Kardinal Riario u meta dan tkeċċa akkwistaha l-bankier Jacopo Galli. Aktar tard inxtrat minn Francesco I de Medici u issa tinżamm fil-mużew tal-Bargello ta' Firenze.[41] Aschanio Condivi kien l-ewwel wieħed li qabbel l-istatwa max-xogħlijiet tal-antikità klassika:

 … dan ix-xogħol, fl-għamla u l-manjiera tiegħu, f'kull waħda mill-partijiet tiegħu, jaqbel mad-deskrizzjoni tal-kittieba antiki, id-dehra ferrieħa tiegħu: l-għajnejn b'ħarsa furtiva u mimlijin żina, bħal dawk li taw ruħhom iż-żejjed għall-pjaċiri tal-inbid. F'idu l-leminija jżomm tazza, qisu fil-waqt li ħa jixrob, u jħares lejha bl-imħabba, ħa jtiegħem it-tjubija tax-xarba li vvinta; għal din ir-raġuni hu rrappreżentat inkurunat bil-weraq tad-dielja minsuġin f'kuruna… F'idu x-xellugija għandu għanqud għeneb, u jitgħaxxaq bih hemm satir żgħir ferrieħi u vivaċi ħdejn saqajh. 

Dan huwa ċarament l-ewwel xogħol kbir ta' Mikelanġlu, fejn tidher il-karatteristika tas-sesswalità li dejjem insibu fl-iskultura tiegħu u s-simbolu tal-ispirtu tal-edoniżmu klassiku li Savonarola u s-segwaċi tiegħu riedu jqaċċtu minn Firenze.[42] Waqt li kien qiegħed jaħdem fuq il-Bakku, Jacopo Galli ordnalu statwa ta' Kupidu bil-wieqfa, li aktar tard saret tappartjeni għall-kollezzjoni tal-Medici u li issa għebet.[40]

Il-Pietà tal-Bażilika ta' San Pietru tal-Vatikan (1496)

Fl-1497 bl-għajnuna tal-kollettur Galli, il-kardinal Francés Jean Bilhères de Lagraulas ordnalu statwa tal-Pietà bħala monument għall-mosulew tiegħu fil-kappella ta' Santa Petronilla fl-Bażilika antika ta' San Pietru, u li iktar tard tqiegħdet fil-binja ġdida ta' Bramante.

L-oriġinalità li biha Mikelanġlu ttratta dan ix-xogħol tidher fil-mod kif qata' drammatikament minn dawk li qabel kienu ħadmu fuq dan is-suġġett u dejjem urew in-niket kbir tal-omm bit-tifel mejjet f'dirgħajha. Mikelanġlu għamel il-Madonna żgħażugħa ħafna, serena u mħassba, u 'l Kristu qisu rieqed mingħajr l-ebda sinjal f'ġismu tal-martirju li kien sofra: l-iskultur warrab kważi kull dehra ta' uġigħ ħlief biżżejjed biex iġiegħel 'l-ispettatur li jirrifletti fuq il-mument kbir tal-mewt.[43] Dan huwa l-uniku xogħol ta' Mikelanġlu li hu ffirmat; fuq it-terħa ta' fuq sider il-Madonna kiteb: MICHAEL. ANGELVS. BONAROTVS. FLORENT[INVS].FACIEBAT

Riċentement ġie attribwit lil Mikelanġlu kurċifiss tal-avorju, bid-data bejn l-1496 u l-1497. Din ix-xbieha qiegħda fil-monasteru ta' Montserrat u tirrappreżenta, skont l-istoriku Anscari Mundó, l-aħħar agunija ta' Kristu, rasu inklinata lejn il-lemin, ħalqu miftuħ u għajnejh kważi magħluqin u nkurunat bix-xewk, b'ġisem ta' żagħżugħ b'dirgħajh miftuħin, mgħotti b'terħa mitwija bil-piegi irregolari marbuta b'ħabel doppju. Għandu anatomija tajba, realistika ħafna u juri l-ferita fuq il-lemin tal-kustilji. It-tul tiegħu hu 58.5 ċm. Mundó jaħseb li akkwistah l-Abbati Marcet fl-1920 matul vjaġġ lejn Ruma u ħaseb li kien ix-xogħol ta' Ghiberti. Fl-1958 tqiegħed fuq l-altar maġġur tal-Bażilika ta' Montserrat fejn jinsab illum il-ġurnata.[44]

Lura fit-Toskana[editja]

It-Tondo Taddei, fir-Royal Academy of Arts ta' Londra

Mar lura Firenze fir-rebbiegħa tal-1501, wara ħames snin 'il bogħod mit-Toskana. Wara l-mewt ta' Savonarola, Firenze ddikjarat ruħha repubblika ġdida ggvernata minn gonfaloniere, Piero Soderini, li kien jammira ħafna x-xogħol ta' Mikelanġlu u tah waħda mill-ordnijiet l-iktar importanti ta' ħajtu: id-David. Offrielu blokka kbira tal-irħam li kienet mitluqa f'Santa Maria del Fiore wara li kien beda jaħdem fuqha Agostino di Duccio fl-1464. Vasari spjega li meta tah il-kummissjoni, il-gonfaloniere ħaseb li l-blokka mhux tajba għal xejn u qallu jagħtiha liema forma jrid. Mikelanġlu għamel mudell tax-xama' u beda jiskolpixxi l-blokka fl-istess post fejn kienet tinsab mingħajr ma ħalla 'l ħadd jara x-xogħol tiegħu għal iktar minn sentejn u nofs, sakemm lestieha.[45]

Lil David irrappreżentah fil-mument ta' qabel il-ġlieda ma' Gulija, b'ħarsa mimljia inċertezza, personifikazzjoni simbolika tad-difiża tal-belt ta' Firenze kontra l-għedewwa tagħha. Il-Fjorentini kienu jqisu 'l David bħala s-simbolu rebbieħ tad-demokrazija.[46] Dan ix-xogħol juri l-għarfien tal-ġisem uman li kien kiseb Mikelanġlu sa dak iż-żmien. Benvenuto Cellini iddeskriva t-teknika li kien juża l-iskultur:

 … wara li kien iħażżeż il-prospettiva prinċipali fuq il-blokka, kien jibda jqatta' l-irħam min-naħa waħda qisu bl-intenzjoni li jagħmel riljev u b'dan il-mod, pass pass, joħroġ il-figura sħiħa.[47] 

Il-Madonna ta' Bruges fil-knisja tal-Madonna ta' Bruges

Meta l-istatwa kienet lesta, fuq il-parir ta' kummissjoni magħmula minn, fost oħrajn, l-artisti Francesco Granacci, Filippo Lippi, Sandro Botticelli, Giuliano da Sangallo, Andrea Sansovino, Leonardo da Vinci u Pietro Perugino, iddeċidew li jqegħduha fil-Piazza della Signoria in-naħa l-oħra mill-Palazzo Vecchio.[48] Biex tiġi kkonservata aħjar fl-1873 ittieħdet minn hemm għall-mużew tal-Galleria dell'Accademia, filwaqt li f'postha tqiegħdet kopja tal-irħam.[49]

Fl-istess ħin, ħadem fuq it-Tondo Taddei, riljev fl-irħam ta' 109 ċm fid-dijametru li juri 'l-Madonna bil-Bambin u San Ġwann Battista, tifel ukoll, fuq ix-xellug iżomm għasfur f'idejh. Il-figura ta' Ġesù u l-parti ta' fuq tal-Madonna huma kompluti, iżda l-bqija le. Ir-riljev kisbu Taddeo Taddei, patrun tal-pittur Raffaello Sanzio, u issa jinżamm fir-Royal Academy of Arts ta' Londra. Riljev ieħor, it-Tondo Pitti, ukoll fl-irħam, ordnat minn Bartolomeo Pitti, juri 'l-Madonna bilqiegħda b'Ġesù bilqiegħda fuq ktieb miftuħ fuq irkopptejn ommu. Dan ilu fil-Mużew tal-Bargello mill-1873, u bħall-ieħor mhuwiex komplut.[50]

Sal-1503 kien lesta Madonna bil-Bambin għall-kappella fil-knisja tal-Madonna ta' Bruges, ordnata min-negozjanti Fjamingi, Mouscron. Għalkemm il-moviment tal-ilbies jikkompara ma' dak fil-Pietà tal-Vatikan, ir-riżultat hu differenti, fuq kollox minħabba l-vertikalità tal-iskultura. Tidher f'waqt ta' telqa fejn l-id il-leminija tal-Madonna qisha għandha s-saħħa biss li żżomm il-ktieb biex ma jaqax u bix-xellugija qiegħda żżomm il-Bambin bil-ħlewwa waqt li b'kuntrast hu mimli ħajja.[51]

Fl-24 ta' April 1503, l-iskultur iffirma l-kuntratt mar-rappreżentanti tax-xirka tas-suf (Arte della Lana), li bih intrabat li jagħmel tnax-il xbieha tal-appostli għal Santa Maria del Fiore. Beda biss lil San Mattew, xogħol fuq biċċa rħam għolja 261 ċm, li ħalla mhux lest u issa jinsab fil-Galleria della Accademia ta' Firenze.[48]

Għall-kappella tal-Piccolomini tal-Katidral ta' Siena, bejn l-1503 u l-1504, għamel erba' xbihat, San Pawl, San Pietru, San Piju u San Girgor (tal-aħħar mhux żgur li għamlu hu), b'rikkezza ta' pigi fil-ħwejjeġ u bilanċ kbir bejn id-dellijiet u d-dwal. Minn wara huma mnaqxxin mingħajr dettalji billi kienu ħa jitqiegħdu f'niċeċ fl-altar magħmul minn Andrea Bregno bejn l-1483 u l-1485.[48]

It-traġedja tal-mosulew[editja]

Il-parti t'isfel tal-qabar ta' Ġulju II f'San Pietro in Vincoli f'Ruma, bl-iskulturi ta' Mosè, Rakel u Lija
L-ilsir ribell tal-Mużew tal-Louvre

Fis-sena 1505, il-Papa Ġulju II sejjaħlu biex imur Ruma u qallu li xtaqu jibni l-mosulew papali, li kien ħa jitqiegħed taħt il-koppla tal-Bażilika ta' San Pietru tal-Vatikan. Is-sensiela sħiħa ta' ġrajja matul l-erbgħin sena li ħa biex lesta l-qabar issejħet minn Ascanio Condivi "it-traġedja tal-mosulew", minħabba l-isfortuni waħda wara l-oħra li ġraw matul dan ix-xogħol.

L-artista kien iqis il-qabar ta' Ġulju II bħala l-ikbar xogħol ta' ħajtu. L-ewwel proġett li ppreżenta kien monument iżolat bi pjanta rettangolari u ta' forma ta' piramida imtarġa fi tliet livelli b'ħafna figuri skolpiti. Meta l-Papa qallu li jista' jibda, Mikelanġlu qatta' xi tmien xhur fil-barrieri ta' Carrara biex jagħżel il-blokki tal-irħam għal dan ix-xogħol. Fuq il-parir ta' Bramante, Ġulju II, bidel il-ħsieb u talab l-iskultur biex iwaqqaf ix-xogħol fuq il-mosulew u jieħu f'idejh il-pittura tas-saqaf tal-Kappella Sistina.

Fis-17 ta' April 1506, Mikelanġlu xaba' u telaq minn Ruma lejn Firenze, iżda fl-aħħar ta' Novembru, wara li Papa sejjaħlu bosta drabi u wasal biex jheddu bl-iskomunika, iltaqa' miegħu Bolonja. Il-Papa f'din il-belt qabdu jagħmel statwa kolossali tal-bronż tiegħu, il-Papa Ġulju stess, li lesta fi Frar tal-1508, u tqegħdet fil-faċċata tal-Bażilika ta' San Petronju. Din l-iskultura nqerdet f'Diċembru tal-1511 mir-ribelli Bolonjiżi.[52]

L-ilsir moribond tal-Mużew tal-Louvre

Fil-1513, meta lesta l-pittura tas-saqaf tal-Kappella Sistina, Mikelanġlu ħaseb li issa jista' jiskolpixxi l-istatwi tal-irħam għall-qabar, imma l-Papa Ġulju miet u x-xogħol ġie pospost għal għoxrin sena oħra. Saru sitt proġetti differenti u fl-aħħar fl-1542 il-qabar inbena f'forma ta' altar b'seba' statwi, u tqiegħed fil-Knisja ta' San Pietro in Vincoli u mhux fil-Bażilika tal-Vatikan.[53]

L-ikbar skultura tal-mosulew hija l-figura ta' Mosè, l-unika waħda mill-ewwel proġett li ġiet użata fix-xogħol finali. L-istatwa kolossali bit-"terribbiltá" tal-ħarsa tagħha għandha dinamiżmu tremend. Qiegħda fiċ-ċentru tal-parti t'isfel, b'mod li tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-proġett finali, flimkien mal-istatwi ta' Rakel u Lija, waħda fuq kull naħa. Il-bqija tal-monument inħadem mill-assistenti tiegħu.[54]

Għall-ewwel proġett, matul l-1513 u l-1516, għamel l-Ilsir moribond u l-Ilsir ribell (it-tnejn fil-Louvre), biex jissimbolizzaw il-ġnus pagani jirrikonoxxu l-fidi vera.[55] L-Ilsir moribond ifakkarna fix-xbihat ta' San Bastjan, ġismu mibrum b'moviment lura b'contrapposto immarkat, li hu enfasizzat mid-driegħ ix-xellugija fuq ras l-ilsir u bilanċjata bil-leminija fuq sidru.[43]

L-Ilsir ribell jekk tqabblu mad-disinji tal-bidu ta' Mikelanġlu (miżmumin f'Oxford) juri l-bidla li imponiet il-forma primittiva tal-blokka tal-irħam: riġlu l-leminija, li fid-disinn kienet nofsha moħbija waqt li fl-iskultura hija kompletament ċatta mal-blokka, fid-disinn dirgħajh huma marbutin wara dahru, filwaqt li fl-istatwa jidhru minn quddiem: tal-lemin titla' vertikalment mat-tarf tal-blokka, u tax-xellug tmur lura f'anglu rett, u fl-aħħar rasu hi mdawra 'l fuq b'tifkira ċara tal-espressjoni tal-iskultura tal-Laokoon u wliedu, li Mikelanġlu kien ra b'għajnejh stess l-iskoperta tagħha f'Ruma.[43]

Mill-1520, kompla jiskolpixxi erba' statwi ta' lsira, ta' daqs anzi ikbar minn ta' qabel u inqas irfinuti fix-xogħol , magħrufa bħala l-Ilsir żagħżugħ, l-Ilsir Atlante, l-Ilsir iqum u l-Ilsir bil-baffi.[56] Dawn baqgħu fil-ħanut tal-iskultur sal-1564, meta neputih Leonardo tahom lil Cosimo I de' Medici u tqiegħdu fil-Grotta tal-Buontalenti fil-ġnien tal-Boboli sakemm fl-1908 ittieħdu għal-dejjem fil-Galeria dell'Academia, f'Firenze.[57]

Għall-ħames proġett għall-qabar ta' Ġulju II kien lesta l-istatwa tal-Ġenju tal-Vittorja, għalkemm Vasari jgħid li kien iddisinjaha għall-ewwel proġett, imma f'dak il-pjan kienet imlibbsa għal kollox u kien biss fil-ħames proġett li dehret mikxufa. Però hemm qbil fuq il-fatt li kienet magħmula għall-mosulew tal-Papa. Din l-iskultura wara tqegħdet fis-sala taċ-Cinquecento tal-Palazzo Vecchio. Minn xi ittri bejn Vasari u n-neputi ta' Mikelanġlu, Leonardo, nafu li kienet għand l-iskultur meta miet fl-1564 u n-neputi ssuġġerixxa li titqiegħed fuq il-qabar ta' Mikelanġlu. Fl-aħħar, ingħatat lid-Duka Cosimo I de' Medici u tqegħdet fil-Palazzo Vecchio. Skont Tolnay din l-iskultura tirrapreżenta r-rebbieħ mirbuħ, ir-rebħa inevitabbli taż-żgħożija fuq ix-xjuħija.

L-oqbra tal-Medici[editja]

Il-Papa Klement VII, madwar is-sena 1520, inkarigah bil-proġett tal-oqbra tal-qraba tiegħu Lorenzo il Magnifico, missier il-Papa Ljun X u ħuh Ġuljanu (missier Klement VII stess), u żewġ oqbra għal membri oħra tal-familja, Ġuljanu II u Lorenzo II, fis-sagristija tal-Bażilika ta' San Lorenzo ta' Firenze. Il-Papa pproponielu erba' oqbra, wieħed ma' kull ħajt tal-pjanta kwadra tas-sagristija, Madonna bil-Bambin u x-xbihat tal-qaddisin Kożma u Damjanu, li kellhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-kamra fuq artal.[58]

Wara li ġie approvat, il-proġett ma bediex jitwettaq sal-1524, meta waslu l-blokki tal-irħam minn Carrara. Mikelanġlu qabbel l-iskulturi mal-arkitettura tal-ħitan; il-lavuri u gwarniċuni kollha jghinu fil-kuntrast ta' dell u dawl. Lesta żewġ oqbra, dawk ta' Ġuljanu II u Lorenzo II, li kull wieħed minnhom jikkonsisti f'sarkofagu kurvilinjari li fuqu hemm żewġ statwi li jissimbolizzaw il-ħin tal-ġurnata. F'ta' Lorenzo II, L-Għabex, hu rappreżentat b'raġel li qiegħed jixjieħ iżda xorta għadu f'saħħtu, li għandu qagħda simmetrika ma' Iż-Żernieq fuq il-lemin u fuqhom it-tnejn, f'niċċa, hemm l-istatwa ta' Lorenzo, in-neputi ta' Ljun X b'elmu ta' ġeneral Ruman f'rasu, li minħabba l-qagħda tiegħu jimmedita ma damx ma sar magħruf bl-isem ta' "il-ħassieb".[59]

Fuq il-qabar ta' Ġuljanu II hemm l-allegoriji ta' Il-Lejl, li minkejja li tissimbolizza l-mewt, tħabbar il-paċi suprem u Il-Jum li hu rappreżentazzjoni stramba ta' raġel imdaħħal fiż-żmien b'rasu mhux kompluta. Dan jissimbolizza l-għeja ta' ewl il-jum mingħajr il-ħajra għall-jum. Fuqhom hemm l-istatwa ta' Ġuljanu, ħu Ljun X, li tixbah sewwa l-iskultura ta' Mosè tal-qabar ta' Ġulju II; ġismu ta' atleta żagħżugħ jidher mill-kurazza li liebes. Fil-qosor, ir-ritratti ta' dawn in-nies tal-familja Medici huma iżjed spiritwali milli fiżiċi u juru iżjed il-karattru milli d-dehra fiżika. Meta lill-iskultur qalulu li dawn bilkemm jixbhu n-nies li jirrappreżentaw, wieġeb: "Min se jinduna għaxar sekli oħra?"[60]

Mikelanġlu għamel ukoll l-iskultura tal-Madonna bil-Bambin, simbolu tal-ħajja eterna li maż-żewġ naħat tagħha hemm l-istatwi ta' San Kożma u San Damjanu, il-protetturi tal-Medici, maħdumin fuq il-mudell ta' Buonarroti minn Giovanni Angelo Montorsoli u Raffaello da Montelupo, rispettivament. Hawnhekk hemm midfunin Lorenzo il Magnifico (l-ewwel patrun ta' Mikelanġlu) u ħuh Ġuljanu.[61] Dawn l-oqbra baqgħu ma tlestewx, bħall-iskulturi li jirrapreżentaw ix-xmajjar, li kellhom jitqiegħdu fil-parti t'isfel tal-oqbra l-oħra li kienu diġà lesti, billi Mikelanġlu telaq għal kollox lejn Ruma fis-sena 1534 minħabba s-sitwazzjoni politika f'Firenze.[62]

Għal dawn l-oqbra skolpixxa wkoll Tifel qiegħed kokka tal-irħam, tifel għarwien, mitwi fi tnejn, x'aktarx bil-ħsieb li jirrappreżenta l-erwieħ "mhux imwielda". Kienet waħda mill-skulturi li baqgħu fis-sagristija fis-sena 1534, meta Mikelanġlu telaq lejn Ruma. Din l-istatwa tinsab fil-Mużew tal-Ermitage f'San Pietruburgu.[63]

Xogħlijiet ta' skultura oħrajn[editja]

L-ewwel verżjoni tal-istatwa ta' Kristu ta' Minerva, ordnata minn Metello Vari u li nbdiet matul is-sena 1514, ġiet abbandunata minħabba difetti fl-irħam. Il-kuntratt tal-iskultura għamilha ċara li tkun "statwa tal-irħam ta' Kristu, ta' daqs naturali, għarwien, b'salib f'dirgħajh u s-simboli tal-passjoni fil-post fejn Mikelanġlu kien jidhirlu li hu l-aħjar". Minflokha saret verżjoni ġdida malajr malajr bejn l-1519 u l-1520 qabel ma għalaq iż-żmien li stipula l-kuntratt. Mikelanġlu ħadem fuqha Firenze u ntbagħtet Ruma u l-aħħar daqqiet ħalliehom f'idejn il-lavrant tiegħu Pietro Urbano. Però dan għamillha l-ħsara u kellu jinbidel ma' Federico Frizzi fuq suġġeriment ta' Sebastiano del Piombo.[64] L-istatwa tqiegħdet fil-knisja ta' Santa Maria sopra Minerva f'Ruma.[65]

Fl-1530, Baccio Valori, kummissarju tal-Papa Klement VII u l-gvernatur ġdid ta' Firenze, ordnalu statwa ta' Apollo jew ta' David. Jaħsbu li fil-bidu Mikelanġlu xaqleb lejn David, u l-forma tonda li tidher taħt is-sieq il-leminija kienet ġejja ras Gulija. Però, il-figura li ħarġet fl-aħħar hi mingħajr dubju ta' Apollo, trattat bħala Narċisju megħdi bih innifsu u b'ġisem li jevoka l-forma ta' mara f'poża ta' contrapposto ċar. L-istatwa tinsab fil-mużew Fjorentin tal-Bargello.

Il-bust ta' Brutu sar lejn l-1539 f'Ruma u jinsab wkoll fil-Bargello. Dan kien ordnat mill-Kardinal Niccolò Ridolfi u hu maħdum fuq stil antik, bħall-busti Rumani tal-ewwel u t-tieni seklu wara Kristu. Dan spiċċah id-dixxiplu tiegħu Tiberio Calcagni, l-iżjed fil-parti tal-ħwejjeġ. Għandu għoli ta' 74 ċm mingħajr pedestal. Vasari kien l-ewwel wieħed li xebħu mal-istatwi tal-antikità klassika u Tolnay osserva li dan ifakkru fil-bust Ruman ta' Caracalla li jinsab fi Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali ta' Napli.[56]

Jaħsbu li l-Pietà Fjorentina, imsejħa hekk għax qiegħda fid-Duomo ta' Firenze, inbdiet fis-sena 1550. Skont Vasari u Condivi, Mikelanġlu ppjana dan il-grupp skulturali bil-ħsieb li jindifen taħtu, ġewwa l-Bażilika ta' Santa Maria Maggiore f'Ruma. Aktar tard, bidel il-ħsieb billi xtaq jindifen Firenze u billi fl-1561 Francesco Bandini ried jixtriha. Dan qiegħed l-iskultura fil-ġonna Rumani ta' Montecavallo, fejn baqgħet sakemm ittieħdet fil-Bażilika ta' San Lorenzo ta' Firenze minn Cosimo III fl-1674 u wara fl-1722 tqiegħdet f'Santa Maria del Fiore. Fl-aħħar fl-1960 ittieħdet fil-mużew tal-Katidral.[66]

L-iskultura tal-Pietà Fjorentina fiha erba' persuni: Kristu mejjet li qiegħda żżommu ommu Marija, Marija Madalena u Nikodemu, li wiċċu hu awtoritratt ta' Mikelanġlu stess. L-istruttura hi piramidika, b'Nikodemu bħala l-quċċata u Kristu għandu figura mserrpa, tassew manjerista.[43] Fis-sena 1555, mhux magħruf sewwa, jekk hux b'inċident jew minħabba li x-xogħol ma għoġbux, Mikelanġlu kissirha f'bosta biċċiet. Vasari spjega l-inċident hekk:

 Forsi minħabba li l-ġebla kienet iebsa u mimlija żrar, żelaqlu l-iskarpell, jew forsi minħabba l-kritika ħarxa tiegħu nnifsu, qatt ma kien kuntent b'li jagħmel … Tiberio Calcagni staqsieh għaliex kisser il-Pietà u hekk tilef l-isforzi tal-għaġeb kollha li kien għamel. Mikelanġlu wieġbu li waħda mir-raġunijiet kienet li l-lavrant tiegħu xebbgħu bil-priedki l-ġurnata kollha, u wkoll għaliex kisser biċċa mid-driegħ tal-Madonna. Wara dan kollu, u diżgrazzji oħra, skopra xaqq fl-irħam u dan ix-xogħol sar ma jistax għalih, tilef il-paċenzja u kissru. 

Aktar tard, il-Pietà Fjorentina irrestawraha Tiberio Calcagni, però xorta waħda tidher xi ħsara fiha fi driegħ u f'riġel ta' Kristu.[67]

Il-Pietà Palestrina, xogħol ieħor bl-istess suġġett, twettqet madwar l-istess żmien (1556). Din l-iskultura, għolja żewġ metri u nofs u li tikkonsisti minn Kristu, il-Madonna u Marija Madalena, ma tlestietx għal kollox. Għalih Mikelanġlu uża biċċa rħam minn bini Ruman, u fuq in-naħa ta' wara għadha tidher parti minn dekorazzjoni antika ta' arkitravu Ruman. L-istatwa tqiegħdet fil-kappella tal-Palazzo Barberini ta' Palestrina u issa tinsab fil-Gallerija tal-Akkademja ġewwa Firenze.[68]

Mikelanġlu beda wkoll il-Pietà Rondanini , li kellha tkun l-aħħar skultura li ħadem fuqha lejliet mewtu. Ir-reliġjożità li nsibu f'dawn l-aħħar skulturi kienet ġejja mill-kriżi interna li kellu l-iskultur. Il-figuri tal-Pieta Rondanini huma tawwalin u Kristu u l-Madonna huma magħqudin flimkien qishom f'ġisem wieħed. Ħalliha mhux lesta bħala wirt, fl-1561, lill-qaddej fidil tiegħu Antonio del Franzese. Baqgħet għal sekli sħah fil-bitħa tal-Palazzo Rondanini u fl-1952 inkisbet mill-belt ta' Milan u tqiegħdet fiċ-ċentru ċiviku ta' Castello Sforza.[69]

Fost l-iskulturi tiegħu, il-Pietà Rondanini hi l-iżjed traġika u misterjuża. L-inventarju tad-dar tiegħu f'Ruma jirreferi għaliha bħala "statwa oħra mibdija ta' Kristu ma' figura oħra 'l fuq, delinjata u mhux kompluta".[70]

Xogħol ta' pittura[editja]

It-turment ta' Sant'Antnin[editja]

L-ewwel pittura attribwita lil Mikelanġlu hija It-turment ta' Sant'Antnin li pinġa meta kellu 12-il sena. Il-pittura, imsemmija mill-ewwel bijografi tal-artista bħal Giorgio Vasari, hi kopja b'xi bidliet ta' inċiżjoni magħrufa tal-Ġermaniż Martin Schongauer. Fi rkant fejn kienet deskritta bħala xogħol "mill-ħanut ta' Ghirlandaio" inxtrat minn negozjant Amerikan u ġiet suġġetta għal bosta analiżi fil-Metropolitan Museum ta' New York. Diversi esperti fix-xogħol ta' Mikelanġlu identifikawha definittivament bħala pittura tiegħu maħluqa matul l-apprendistat ma' Ghirlandaio, u fl-aħħar inxtrat mill-Mużew Kimbell.[71][72]

Id-dfin ta' Kristu[editja]

Id-dfin ta' Kristu, National Gallery ta' Londra (1500–1501)

Sas-sejba riċenti ta' It-turment ta' Sant'Antnin, Id-dfin ta' Kristu u l-Madonna ta' Manchester kienu l-pitturi l-iżjed bikrija attribwiti lil Mikelanġlu. Id-dfin ta' Kristu, pittura bit-tempera mhux kompluta u bid-data 1500–1501, tinsab fin-National Gallery ta' Londra. Mid-dokumenti ppubblikati fl-1980 huwa magħruf li matul iż-żjara tiegħu f'Ruma ingħata kummissjoni biex ipinġi titular għall-knisja ta' Sant'Agostino f'din il-belt u li l-artista ta lura l-ħlas li kien irċieva billi ma setax ilestih minħabba li mar lura Firenze fl-1501.

Dan il-kwadru, li għal ħafna snin kien hemm xi dubji dwar jekk kienx minn Mikelanġlu, fl-aħħar ġie rikonoxxut bħala xogħol tiegħu.[73] Fost il figuri li fih, dawk ta' Kristu u San Ġwann juru l-iktar qawwa waqt li l-figura ta' Ġużeppi minn Arimatea, wara Ġesù Kristu, tixbah b'mod kurjuż lil dik ta' San Ġużepp tat-Tondo Doni.[74]

It-Tondo Doni[editja]

Tondo Doni, Uffizi, Firenze (1504–1505)

It-Tondo Doni, magħrufa wkoll bħala s-Sagra familja (1504–1505), issa tinsab fil-Galleria Uffizi, Firenze. Din il-pittura bit-tempera tpinġiet għal Agnolo Doni bħala rigal tat-tieġ lil martu Maddalena Strozzi. Fl-ewwel pjan hemm il-Madonna mal-Bambin u wara hemm San Ġużepp, bi proporzjonijiet grandjużi u artikulat b'dinamiżmu kbir. Il-figuri ewlenin fil-kompożizzjoni li qiegħda f'ċirku ta' dijametru ta' 120 ċm, huma ttrattati bħala skultura u jiffurmaw piramida. Il-linja bażi tal-piramida hija mmarkata minn riġlejn il-Madonna għar-rkopptejha, rasha mdawra lejn il-lemin, fejn hemm il-Bambin b'ġismu mmejjel lejn ix-xellug, merfugħ minn San Ġużepp. Din l-ogħla parti tal-pittura permezz tal-linji tad-dirgħajn turi moviment ta' forma spirali.[75]

Mifrudin b'ringiela balavostri hemm San Ġwann l-Għammied u grupp ta' ignudi. Din il-pittura tista' titqis bħala rappreżentazzjoni ta' tliet epoki differenti fl-istorja tal-bniedem: l-ignudi jirrappreżentaw iċ-ċiviltà pagana, San Ġwann u San Ġużepp iż-żmien ta' Mosè u l-Madonna u l-Bambin żmien il-fidwa permezz tal-inkarnazzjoni ta' Ġesù. L-interpretazzjoni tkompli wkoll fl-irjus skolpiti fuq il-gwarniċ oriġinali, żewġ Sibilli (li jirrappreżentaw l-età pagana), żewġ profeti (li jirrappreżentaw l-età ta' Mosè) u r-ras ta' Kristu (li tirrappreżenta l-età tal-fidwa). Bejniethom hemm annimali, maskri tas-satiri u l-arma tal-iStrozzi.

F'dan ix-xogħol, l-artista wera li fil-pittura kellu l-ħila li jesprimi ruħu bl-istess grandjożità daqs fl-iskultura. It-Tondo Doni, fil-fatt, hu meqjus bħala l-punt tat-twelid tal-manjeriżmu.[76]

Is-saqaf tal-Kappella Sistina[editja]

Xbieha ta' Adam minn Il-Ħolqien ta' Adam fis-saqaf tal-Kappella Sistina.

Bejn Marzu u April tal-1508, l-artista rċieva kummissjoni minn għand Ġulju II biex iżejjen is-saqaf tal-Kappella Sistina. F'Mejju aċċetta, u l-affreski lestihom erba' snin wara, b'ħafna xogħol iebes u solitarju. Il-proġett tal-Papa li kien jikkonsisti fir-rappreżentazzjoni tat-tnax-il appostlu, Mikelanġlu bidlu f'wieħed ħafna iżjed wiesa' u kumpless. Bil-pittura fassal struttura arkitettonika grandjuża, ispirata mill-forma attwali tas-saqaf. It-tema Biblika tas-saqaf, Mikelanġlu taha interpretazzjoni Neoplatonika bir-rappreżentazzjoni ta' disa' xeni mill-Ġenesi, kull waħda mdawra minn erba' żgħażagħ irġiel għarwiena (ignudi), flimkien ma' tnax-il profeta u s-sibilli. Ftit aktar 'l isfel hemm l-antenati ta' Kristu. Dawn ix-xbihat brillanti saru tassew is-simbolu tal-arti tar-Rinaxximent.[41]

Saqaf tal-Kappella Sistina, dehra parzjali (1512). Għal Goethe bil-kontemplazzjoni tagħha wieħed jifhem il-ħila tal-bniedem.

Ix-xogħol bdieh fl-10 ta' Mejju, 1508, u rrifjuta l-għajnuna ta' pitturi esperti fl-affreski. Ordna li jitneħħa l-armar li kien qiegħed Bramante u poġġa armar ġdid iddisinjat minnu. Waqt li kien qiegħed jaħdem fuq l-ewwel affresk (Id-Dilluvju), kellu ħafna problemi hekk kif l-umdità kienet qiegħda tibdel il-kuluri u d-disinn, u għalhekk kellu jirrikorri għand Giuliano da Sangallo għal soluzzjoni u reġa' beda mill-bidu. Mikelanġlu tgħallem bit-tbatija t-teknika tal-affresk, kif jgħid Vasari:

 … f'ġurnata waħda għamel ix-xena kollha … Il-pittura ssir fuq ġips frisk, sakemm titlesta l-parti ppjanata … Il-kuluri użati fuq il-ħajt niedi jipproduċu effett li jinbidel meta jinxef … Dak li jinħadem fuq il-ġips frisk jibqa' għal dejjem, waqt li dak li jsir wara li jkun nixef jista' jitneħħa bi sponża niedja … 

Il-parti mpittra f'jum wieħed tissejjaħ "ġurnata"; ix-xena ta' Il-Ħolqien ta' Adam , waħda mill-iżjed spettakolari tas-saqaf, saret f'sittax-il ġurnata.[77]

Matul dan iż-żmien l-artista kellu ħafna tensjoni, minħabba d-diskussjonijiet kontinwi mal-Papa, l-għaġla biex ilesti l-pittura u l-fatt li ma kienx qiegħed jitħallas. Ix-xogħol enormi tal-pittura tas-saqaf tlesta u ntwera pubblikament fil-31 ta' Ottubru 1512.[78]

L-Aħħar Ġudizzju[editja]

Fuq ordni tal-Papa Klement VII, wara kkonfermata minn Pawlu III, Mikelanġlu aċċetta li jpinġi fuq il-ħajt tal-altar tal-Kappella Sistina L-Aħħar Ġudizzju jew Il-Ġudizzju Universali li beda fl-1536 u lesta fl-1541.

Dettall ta' L-Aħħar Ġudizzju, b'Ġesù Kristu ma ommu Marija (xellug) u San Bartilmew iżomm ġildu bl-awtoritratt ta' Mikelanġlu (lemin)

It-tema hi bbażata fuq l-Apokalissi ta' San Ġwann Evanġelista. Il-parti ċentrali jokkupaha Kristu li b'ġest qawwi jifred it-tajbin mill-ħżiena, u ma' ġenbu hemm ommu Marija, imbeżżgħa bil-ġest vjolenti ta' Binha.[79] Madwaru hemm il-qaddisin li jintgħarfu faċilment billi l-parti l-kbira minnhom iġorru s-simbolu tal-martirju tagħhom, fosthom San Bert, li fil-martirju tiegħu ġie misluħ; dan il-qaddis għandu mdendla f'idu ġildu stess, li fiha nistgħu nilmħu l-awtoritratt ta' Mikelanġlu. Eżatt taħt, hemm grupp ta' anġli bit-trumbetti, ħabbara tal-Ġudizzju. Ix-xeni kollha huma mimlijin b'għadd kbir ta' nies, fuq il-lemin ta' Kristu hemm dawk li ħa jitilgħu is-sema, u fuq ix-xellug hemm dawk li huma kkundannati biex imorru fid-dlam tal-infern, xi wħud minnhom fuq id-dgħajsa ta' Karonte msemmija fil-Kummiedja Divina ta' Dante. Fin-nofs ċrieki ta' fuq jidhru l-anġli bis-simboli tal-Passjoni ta' Kristu, fuq naħa waħda is-salib li miet fuqu u fl-oħra il-kolonna fejn ġie fflaġellat.[80]

Minkejja l-ammirazzjoni li attira dan ix-xogħol, kien hemm ħafna protesti kontra l-figuri għarwenin u l-pożizzjoni tal-karattri, minn nies importanti li kienu jqisuhom immorali. Iċ-ċerimonjier papali, Biagio da Cesena, qal il-pittura kienet diżonesta, iżda wieħed mill-kritiċi li kien l-aktar kontra l-figuri għarwenin kien Pietro Aretino li qal li "għandha ssir ħuġġieġa mill-pittura". Fl-1559, ġara li l-pittur Daniele da Volterra, fuq ordni tal-papa Pawlu IV Papa, beda jgħatti il-"parti mistħija" tal-figuri mikxufa u għalhekk tlaqqam "il Braghettone"; il-pittur miet wara sentejn mingħajr ma lesta x-xogħol tiegħu.

Wara li tlesta r-restawr li beda fl-1980, il-pittura reġgħet dehret kif ħalliha Mikelanġlu.[81]

Il-kappella Pawlina[editja]

Il-Martirju ta' San Pietru (xellug) u Il-Konverżjoni ta' San Pawl (lemin)

Wara li lesta L-Aħħar Ġudizzju, il-Papa Pawlu III qabdu jpinġi żewġ affreski kbar fil-Kappella Pawlina (li kienet imbniet minn Antonio da Sangallo l-iben), Il-Konverżjoni ta' San Pawl u Il-Martirju San Pietru. Mikelanġlu ħadem fuqhom mill-1542 sal-1550. Kien hemm bosta raġunijiet għaliex dawn ħadulu ħafna żmien, fosthom in-nar tal-1544, il-marda li qabditu li ttardjat it-tieni affresk sal-1546, il-mewt ta' ħabibu Luigi del Riccio fl-1546 u wara dik ta' Vittoria Colonna fl-1549.[82]

Jidher li l-ewwel affresk li lesta kien Il-Konverżjoni ta' San Pawl, li jixbah ħafna fl-istil tiegħu lil L-Aħħar Ġudizzju l-iżjed fil-figura ta' San Pawl, rasu 'l isfel u dirgħajh waħda tipponta lejn l-art u l-oħra lejn is-sħab. Dan ifakkar fit-tgħawwiġ tas-salvati u tal-ikkundanati madwar Ġesù fil-Ġudizzju. F'dan l-affresk tidher ukoll il-firda bejn is-sema u l-art, b'kuntrast bejn l-oġġett prinċipali tal-parti t'isfel, iż-żiemel li jħares lejn il-lemin, u tal-parti ta' fuq, Ġesù jħares lejn in-naħa l-oħra.[83]

Dan id-dinamiżmu qawwi hu ħafna iżjed imrażżan fl-affresk ta' wara, Il-Martirju ta' San Pietru, fejn naraw ritmu kompożittiv ibbilanċjat, imqabbel mad-diżordni li nsibu f'Il-Konverżjoni ta' San Pawl. Is-salib nofsu mtella' jifforma l-linja ewlenija dijagonali u l-figuri jagħmlu ħnejja lejn iċ-ċentru. Permezz tal-moviment ta' ras San Pietru, Mikelanġlu jiġbed l-attenzjoni għall-punt ewlieni tax-xena.[84]

Il-kruċifissjoni[editja]

Il-kruċifissjoni ta' Logroño, attribwit lil Mikelanġlu, kopja ta' pittura għal Vittoria Colonna

Fl-1540, Vittoria Colonna talbitu jpinġilha xbieha żgħira ta' Il-kruċifissjoni biex jgħinha fit-talb privat tagħha. Wara li ppreżentalha bosta abbozzi, li huma miżmumin fl-British Museum u fil-Louvre, l-artista pinġielha Kalvarju li Vittoria kienet kuntenta ħafna bih minħabba l-ispiritwalità tal-figuri. F'dan kien hemm biss Kristu, il-Madonna, San Ġwann u xi anġli. Vasari jiddeskrivih hekk:

 … u Mikelanġlu pinġa Pietà, li fiha naraw il-Verġni Marija ma' żewġ anġli u Kristu msallab mas-salib, jgħolli rasu u jirrikmanda ruħu lill-Missier, li hija xi ħaġa divina. 

Għalkemm hu jitkellem dwar tpinġija, l-artista spiċca biex għamel pittura.[85] Aktar informazzjoni dwar din il-pittura inkixfet f'ittra minn Vittoria lil Mikelanġlu:

 Fdajt li Alla jagħtik grazzja sopranaturali biex tpinġi dan il-Kruċifiss; meta rajtu sibtu hekk sabiħ li jiżboq, fl-aspetti kollha, kull ma stennejt; għaliex, ispirata mill-ħila prodiġjuża tiegħek, jien ridt dak li issa nara magħmul b'sbuħija kbira u li hu l-quċċata tal-perfezzjoni, sal-punt li ma nistgħax nixtieq aktar, u lanqas xtaqt daqshekk. 

Fl-1547, Vittoria mietet u hekk kienet l-imħabba li stqarr Mikelanġlu lejha, li reġa' ħa l-kwadru u żied fih Marija Madalena tħaddan is-salib ta' Kristu b'xalpa fuq spallejha simbolu tar-romol tagħha.[86]

Għalkemm il-kwadru oriġinali ntilef, hemm ħafna tpinġijiet u kopji magħmula mid-dixxipli ta' Mikelanġlu. Waħda minn dawn il-kopji, li xi storiċi jattribwixxu lil Mikelanġlu, tinsab Spanja fil-Katidral ta' Santa Maria de la Redonda ta' Logroño.

Xogħol arkitettoniku[editja]

Il-faċċata ta' San Lorenzo[editja]

Rikostruzzjoni ta' disinn ta' Mikelanġlu tal-faċċata tal-Bażilika ta' San Lawrenz f'Firenze, permezz ta' projezzjoni bid-dawl, 2007

Il-familja Medici iffinanzjat il-bini tal-Bażilika ta' San Lawrenz f'Firenze, imfassla minn Brunelleschi. Din inbdiet fl-1420 u matul iż-żjara tal-Papa Ljun X, fl-1515, il-faċċata tagħha kienet għadha mhux lesta u kellha biss kisja ta' ċlamit. Għal din l-okkażjoni, il-faċċata tal-knisja ġiet miksija b'kostruzzjoni temporanja magħmula minn Jacopo Sansovino u Andrea del Sarto. Il-Papa ddeċieda li jagħmel kompetizzjoni għad-disinn tal-faċċata, dejjem bil-flus tal-Medici. Mikelanġlu rebaħ din il-kompetizzjoni tad-disinn kontra Raffaello Sanzio, Jacopo Sansovino u Giuliano da Sangallo. Fid-disinn ried jaqqgħad flimkien l-arkitettura u l-iskultura tal-Italja kollha, billi jagħmel il-faċċata qisha altar kontroriformista mżejna b'ħafna statwi u riljevi tal-irħam u l-bronż. Taħt id-direzzjoni tiegħu, Baccio d'Agnolo għamel mudell tal-injam u billi dan ma għoġbux għamel mudell ieħor b'erbgħa u għoxrin figura tax-xama'. Fuq il-bażi ta' dan il-mudell, fid-19 ta' Jannar 1518, iffirma kuntratt għal bini tal-faċċata.[87]

Twieqi inginocchiate f'Palazzo Medici-Riccardi, ritratt tal-1908

Skont kif kiteb Mikelanġlu, kollu ħeġġa: "Qiegħed nippjana li nagħmel minn din il-faċċata ta' San Lawrenz, xogħol li hu l-mera tal-arkitettura u l-iskultura kollha tal-Italja." Bejn is-snin 1518 u 1519, Mikelanġlu żar il-barrieri tal-irħam ta' Carrara, imma dan kien kollu xogħol għalxejn, billi l-Papa riedu juża rħam mill-barrieri ta' Pietrasanta u Serravezza, barra t-territorju ta' Firenze. Fl-10 ta' Marzu 1520, il-Papa xolja l-kuntratt[88] meta l-artista beda jilmenta li l-irħam maħsub għall-faċċata kien qiegħed jintuża f'xogħlijiet oħra. It-tieni mudell tal-injam, li l-assistent tiegħu Urbano ħa għand il-Papa, illum jinżamm f'Casa Buonarroti.[89]

Titjib fil-Palazzo Medici Riccardi[editja]

Madwar is-sena 1517, wettaq xi xogħol ta' titjib fis-sular ta' isfel tal-Palazzo Medici-Riccardi, li bih għalaq l-arkati tal-loġġa fil-kantuniera ta' Via Longa u Via de'Gori u għamel l-arkitettura tal-bini aktar kompatta. Qiegħed ukoll twieqi fil-ħnejjiet li Vasari sejjaħ inginocchiate (għar-rkobbtejhom). F'Casa Buonarroti jinżamm d-disinn li ntuża għat-bidliet fil-palazz.[90]

Is-sagristija l-ġdida[editja]

Is-sagristija l-ġdida ta' San Lawrenz inbdiet bl-ordni ta' Ljun X fl-1520, imma kien fl-1523, taħt it-tmexxija ta' Klement VII, li l-bini tagħha ħa spinta ġdida. Din inbniet bl-għan li jitqegħdu fiha l-oqbra tal-mexxejja Medici ta' Firenze, Giuliano II, duka ta' Nemours, u Lorenzo II, duka ta' Urbino, li ma kinux ilhom li mietu, u Lorenzo il Magnifico u ħuh Guliano de' Medici. Din tinsab fil-Bażilika ta' San Lawrenz f'Firenze fuq in-naħa l-oħra mis-sagristija l-qadima li kienet nbniet minn Brunelleschi u żżejnet minn Donatello. Il-bini l-ġdid mexa mal-pjanta ta' qabel, li kienet tikkonsisti f'żewġ kwadri ta' wisa' differenti magħqudin bi ħnejja u b'koppla, ħitan lixxi maqsumin b'pilastri u gwarniċjuni magħmulin mill-Pietra Serena, ġebla griża tar-reġjun. Mikelanġlu kabbar il-parti ċentrali sabiex jipprovdi aktar spazju għall-oqbra u l-altar.

Fid-disinn vertikali biddel l-arkitettura tal-Quattrocento u qiegħed twieqi għomja fuq il-bibien. It-twieqi madwar il-koppla għamilhom forma ta' trapeżju biex jagħtu l-impressjoni ta' għoli akbar. Il-koppla hi magħmula minn kaxxi radjali.[91] Dawn il-kaxxi huma maqsumin f'ħames ringieli ta' wisa' dejjem tonqos, li jimitaw, anke fin-numru, lill-Panteon ta' Ruma. Dawn jispiċċaw f'kuruna radjata, li minnha tibda l-lanterna ta' forma perfetta u sbuħija delikata. Din hi l-element l-iżjed importanti fl-esterjuri tal-kappella. Minn barra, is-sagristija ta' San Lawrenz, kif biddilha Mikelanġlu, tidher koppla kbira miksija bil-madum u numru ta' twieqi kbar li jiffavorixxu l-logħob tad-dawl u d-dell fuq ġewwa. L-artista warrab l-ewwel disinn li fih kien ħalla l-ispazju ċentrali għall-monumenti funerarji. Fid-disinji ta' wara mexxa dawn il-monumenti għal mal-ħajt fejn ġew integrati kompletament fl-arkitettura.[92]

Il-Bibljoteka Lawrenzjana[editja]

Lil Klement VII ġietu wkoll l-idea li jibni librerija ġo Firenze biex jiġbor fiha l-kodiċi kollha tal-familja Medici u qabbad lil Buonarroti għal dan il-proġett. Il-librerija wara saret magħrufa bħala l-Bibljoteka Lawrenzjana. Il-proġett, li kellu għadd kbir ta' tibdiliet, inbeda fl-1523, malli kien intgħażel il-post fejn kien ħa jsir fil-kunvent tal-Bażilika ta' San Lawrenz fil-parti ta' fuq tan-naħa tal-Lvant tal-kjostru. Kellhom il-ħsieb li jkun hemm spazji differenti għall-kotba Latini u Griegi, u wkoll li l-kotba rari jitqiegħdu fi kmamar żgħar, iżda fl-aħħar spiċċaw billi organizzaw kollox f'kamra waħda kbira. Kien hemm il-problema ta' kif iserħu l-istruttura l-ġdida fuq il-ħitan eżistenti: fil-bibljoteka baxxew il-livell tas-saqaf u qiegħdu t-twieqi qrib ħafna flimkien biex jidhol iżjed dawl. L-atriju kien iddisinjat bħala post ta' moviment, ogħla u b'iżjed twieqi.[93] Fl-1533, il-Papa ta permess lil Mikelanġlu li jmur Ruma, bil-kundizzjoni li jħalli lesti d-dekorazzjoni u t-taraġ tal-atriju. Is-saqaf bil-kxaxen tal-bibljoteka hu magħmul b'motivi ellittiċi u rombiċi. Buonarroti fassal ukoll l-iskrivaniji kbar għall-qari. Għat-taraġ għamel ħafna disinji, u fl-aħhar, fl-1558, bagħat Ruma l-pjan finali, flimkien ma' mudell lil Bartolomeo Ammannati, li kien imqabbad minn Cosimo I de' Medici biex jibnih. Jeżistu iktar minn tletin paġna ta' disinji tal-Bibljoteka Lawrenzjana, għalkemm mill-korrispondenza matul l-ippjanar, huwa mifhum li hemm aktar.[94]

Il-Pjazza tal-Campidoglio[editja]

Inċiżjoni tas-sena 1568 ta' Etienne Dupérac ibbażata fuq il-proġett ta' Mikelanġlu

Wara Firenze, matul l-aħħar għoxrin sena ta' ħajtu f'Ruma, għamel pass kbir ieħor fl-arkitettura. Fl-1546 ġie nkarigat bl-iżvilupp tal-Pjazza tal-Campidoglio jew il-Campidoglio. Matul iż-żjara tal-Imperatur Karlu V, il-Papa Pawlu III fost il-bosta xogħlijiet oħra ta' tiżjin tal-belt għal din l-okkażżjoni, mexxa xi skulturi għall-għolja tal-Campidoglio. Fl-1537 qiegħed hemm l-istatwa tal-bronż ta' Marku Awrelju riekeb iż-żiemel, simbolu ta' awtorità imperjali u b'estenzjoni tal-kontinwità bejn Ruma imperjali u papali. Din l-iskultura kellha tkun iċ-ċentru tal-iżvilupp kollu.

Rikostruzzjoni assonometrika tal-proġett ta' Mikelanġlu għall-Campidoglio

Mikelanġlu, li għall-pjazza kellu viżjoni unifikata, poġġa l-Palazzo Senatorio (sede tal-muniċipju) fil-fond tal-pjazza, b'turġien tanġenti mal-faċċata, u llimitah fil-ġnub b'żewġ palazzi: il-Palazzo dei Conservatori u l-palazz imsejjaħ Palazzo Nuovo mibni mill-bidu. It-tnejn jaslu sat-taraġ li jitla' għall-Campidoglio. Il-faċċati tal-binjiet, fejn daż-żmien hemm il-Mużewijiet Capitolini, ġew imżejnin b'ordni ġganta ta' kolonni Korintin, korniċjuni u arkitravi. Iż-żewġ palazzi li kienu eżistenti ma kinux perpendikolari ma' xulxin u għalhekk il-pjazza Mikelanġlu għamilha trapeżojdali, biex fl-istess ħin jagħti l-illużjoni ta' iżjed fond.[95]

Il-motif użat fil-paviment tal-pjazza kien imfassal fuq gradilja kurvilinjari iskritta f'ellissi ċċentrata fuq il-bażi tal-istatwa ta' Marku Awrelju, maqsuma fi tnax-il sezzjoni. Din tfakkar fis-simbolu użat fl-antikità għat-tnax-il għelm taż-żodjaku u tirreferi wkoll għall-arkitettura Nisranija, bis-simbolu tat-tnax-il appostlu. It-trattament ta' Mikelanġlu jixbaħ it-tip ta' schemata medjevali biex jiġi kkoordinat iċ-ċiklu tal-qamar ma' interpretazzjonijiet oħra bħas-sigħat u ż-żodjaku. Insibu eżempju ta' dawn l-imfietaħ simboliċi fil-manuskritt tas-seklu 10 De Rerum Natura ta' San Iżidoru ta' Sivilja (li jittratta dwar l-astronomija u l-ġeografija).

Mikelanġlu ta l-post plastika straordinarja bl-għan li jgħaqqad l-ambjent arkitettoniku kollu. Ir-riżultat kien spazju miftuħ, speċjalment bejn iż-żewġ palazzi simetriċi, qisu sala li magħha hemm immedjatament ir-rampa kbira ċentrali tan-niżla, il-Cordonata Capitolina. Din ukoll għandha balavostri diverġenti biex tagħti effett viżwali unit mal-pjazza. L-unità totali ma ntlaħqetx sa wara ħafna meta nbena l-Palazzo Nuovo, iddisinjat minn Mikelanġlu biex jifred il-pjazza mill-knisja ta' Aracoeli. Il-faċċati nbew, fil-parti l-kbira, wara l-mewt tal-artista u għalkemm mhumiex implementazzjoni fidila għal kollox tal-proġetti tiegħu, huma kompożizzjoni artistika tal-għaġeb.[96]

Palazzo Farnese[editja]

Faċċata tal-Palazzo Farnese, f'Ruma

Mikelanġlu ġie nkarigat bil-bini tal-Palazzo Farnese fl-1546 minflok Antonio da Sangallo iż-Żgħir li kien qiegħed imexxi x-xogħol meta miet. Il-bini kien tela' sat-tieni sular.

Mikelanġlu lesta l-faċcata qabel ma għamel il-partijiet tal-ġenb u ta' wara. Żied l-għoli tat-tieni sular sabiex jagħmlu l-istess bħal ta' isfel. Il-korniċjun li Sangallo kien ħa jagħmel idjaq, bidlu f'wieħed usa' b'elementi dekorattivi li fihom taħlita tal-ordnijiet Doriku, Joniku u Korinzju. Biddel ukoll ir-ritmu tal-faċċata b'modifikazzjoni tat-tieqa ċentrali, li kabbarlha l-blata u tawwallha t-trabeazzjoni u fuqha qiegħed arma ġganta, għolja 'l fuq minn fuq tliet metri.

Il-parti ta' wara tlestiet snin wara minn Giacomo della Porta.[97]

Bażilika San Pietru[editja]

Mikelanġlu nħatar perit ta' Bażilika ta' San Pietru fl-1546 meta kellu 72 sena, wara l-mewt ta' Antonio da Sangallo iż-Żgħir. Il-Bażilika bdiet tinbena fejn kien hemm qabel bażilika Paleokristjana, fuq l-ordni tal-Papa Ġulju II u taħt id-direzzjoni tal-arkitett Bramante. Wara l-mewt ta' Bramante ħadha f'idejh Raffaelllo Sanzio, li mmodifika l-pjanta u ttrasformaha f'Salib Latin. Meta Mikelanġlu ġie nkarigat bix-xogħol, reġa' biddel il-pjanta mill-ġdid u mar lura, b'varjazzjonijiet żgħar, għall-idea oriġinali ta' Bramante ta' Salib Grieg, iżda ċekken l-erba' naħat tal-kwadru sabiex iż-żoni ż-żgħar ikollhom dawl dirett. B'mod partikolari mmodifika l-koppla ċentrali fil-pjanta ta' Bramante: neħħa ċ-ċirku ta' kolonni u taha profil ogħla. Billi neħħa l-kampnari, l-koppla saret l-element predominanti. Kiseb permess mingħand il-Papa, wara li dan ra l-pjanta tiegħu, biex iwaqqa' parti mill-bini ta' Sangallo u, mingħajr ma jibdel il-forma sostanzjali min-ġewwa, ikun jista' jimponi l-istil personali tiegħu u jagħti unità sħiħa lill-proġett. Ħafna mill-xogħlijiet twettqu bejn l-1549 u l-1558.[98]

B'tibdiliet żgħar fil-proġett maħsub minn Mikelanġlu, li ħalla abbozz għall-koppla ċentrali magħmul bejn l-1558 u l-1561, ix-xogħol tlesta 24 sena wara mewtu mill-arkitetti Giacomo della Porta u Domenico Fontana, b'għoli ta' 132 metru u dijametru ta' 42.5 metri.[99]

Santa Maria degli Angeli e dei Martiri[editja]

Inċiżjoni minn Étienne Dupérac li tirrappreżenta t-Termi ta' Dijoklezjanu qabel ma ġew trasformati fi knisja

Bil-konċessjoni permezz tal-bolla tas-27 ta' Lulju 1561, Papa Piju IV iddeċieda li jinstalla l-Kartużjani fit-Termi ta' Dijoklezjanu, wara li jiġu ttrasformati fi knisja.[100] Fl-1541 kien diġà kemm qassis Sqalli, Antonio del Duca, li kien talab lill-Papa biex joħloq knisja dedikata għall-qima tal-anġli, u fl-1550 kiseb permess għall-bini ta' erbatax-il altar temporanju, sebgħa dedikati lill-anġli u sebgħa lill-martri.[101] Fil-5 ta' Awwissu 1561, tqegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja u ġie nkarigat bil-proġett Mikelanġlu, li, skont Vasari, ippropona:

 … li jfassalha forma ta' salib, iċekkinha u jneħħi l-kappelli t'isfel, li s-soqfa tagħhom kienu ħa jaqgħu, sabiex il-partijiet ta' fuq ikunu dawk li jiffurmaw il-parti prinċipali. Is-saqaf tagħha jserrħu fuq tmien kolonni, li fihom jitnaqqxu l-ismijiet tal-martri u l-anġli; jagħtiha tliet bibien, wieħed fil-Lbiċ, ieħor fil-Majjistral u t-tielet fix-Xlokk, kif naraw illum; l-altar iqiegħdu fil-Grigal.[102] 

Ix-xogħol inbeda mill-ewwel, iżda kellu jieqaf fl-1563 minħabba nuqqas ta' flus. Meta fl-1565 saret knisja titulari (parrokkjali) bl-isem ta' Santa Maria degli Angeli e dei Martiri, ġie ordnat baldakkin tal-bronż għall-altar maġġur, iddisinjat minn Mikelanġlu, li llum jinsab fil-Mużew ta' Napli. Matul is-sekli ta' wara tant saru bidliet li kważi xejn ma baqa' mid-disinn oriġinali.[103]

Porta Pia[editja]

Porta Pia min-naħa ta' ġewwa skont id-disinn ta' Mikelanġlu

Papa Piju IV talab lil Mikelanġlu biex jagħmillu pjanta għall-Porta Pia, u l-artista għamillu tlieta, il-Papa għażel dik li kienet ħa tqum l-inqas u l-bini nbeda fl-1561.

Il-bieb inbena matul il-proċess ta' tiġdid urban li beda l-Papa Piju IV. It-triq il-ġdida li ġejja mill-Quirinale issemmiet Via Pia f'unur il-Papa; minn hemm tgħaddi dritt mill-bieb ta' Porta Pia, li jaqsam is-swar tal-belt. Inbena bħala tip ta' xenografija importanti fil-punt topografiku l-iżjed għoli tas-sur, bil-faċċata tħares 'il ġewwa lejn il-belt, għall-kuntrarju tat-tradizzjoni antika fejn il-bieb kien iħares 'il barra mill-belt bħala l-ewwel impressjoni tal-belt lil dawk li jżuruha. Il-midalji li ħarġu dak iż-żmien bis-suġġett tal-bini tal-bieb, maħdumin minn Giovanni Federico Bonzagni, juru kif kien id-disinn oriġinarjament. Il-proġett minn barra ma setax jitlesta minħabba l-mewt ta' Mikelanġlu fl-1565 u l-elezzjoni ta' Papa ġdid, Piju V, li waqqaf ix-xogħlijiet u minn barra sar biss ħajt sempliċi u bieb.[104]

Fl-1853, Virginio Vespignani rrestawra l-parti ta' fuq u, matul l-1861 u l-1868, inbena l-bieb minn barra.[105]

Disinji[editja]

Id-disinji ta' Mikelanġlu jifformaw ġabra kbira u importanti ħafna, minkejja li xi wħud inħarqu. Skont Vasari kien fiha, "disinji, noti u abbozzi magħmulin minn idejh, b'tali mod li l-ebda wieħed ma juri l-għeja li għadda minnha u l-bosta provi li kellhom jgħaddu minn ħsiebu sakemm titfaċċa l-perfezzjoni". L-ewwel disinji attribwiti lill-artista huma kopji magħmula fl-Bażilika Fjorentina ta' Santa Croce, tat-Tribut u l-Konsagrazzjoni ta' Masaccio u t-tpinġija tal-Alkemista, invenzjoni tiegħu stess (issa fil-British Museum), u kopja ta' Giotto miżmuma fil-Louvre, kollha miż-żmien tal-istudji tiegħu fil-palazz ta' Lorenzo il Magnifico, madwar is-sena 1490.[106]

Il-Battalja ta' Cascina[editja]

Kopja tal-parti ċentrali tad-disinn ta' Mikelanġlu ta' Il-Battalja ta Cascina, xogħol ta' Bastiano da Sangallo
Kopja tal-parti ċentrali tal-affresk ta' Leonardo da Vinci ta' Il-Battalja ta' Anghiari, magħmula minn Rubens

It-teknika ta' Mikelanġlu tidher bit-terribbiltá tagħha fix-xogħol għad-dekorazzjoni tas-sala tal-Gran Kunsill tal-Palazzo Vecchio. Fis-sena 1503, il-gvern Repubblikan ġdid, fl-okkażjoni tal-ħatra ta' Piero Soderini bħala Gonfaloniere, iddeċieda li jżejjen din is-sala bl-affreski, u għal dan il-għan qabbad lil Leonardo da Vinci biex ipinġi rappreżentazzjoni ta' Il-Battalja ta' Anghiari u lil Mikelanġlu biex ipinġi Il-Battalja ta' Cascina fuq il-ħajt ta' faċċata, u hekk ġew wiċċ imb'wiċċ l-akbar żewġ artisti tal-epoka. Mikelanġlu beda jaħdem fuq il-kartuna għal dan l-affresk, kif stqarr hu stess, fl-1504 wara li kien diġà rċieva żewġ pagamenti. It-tema hi spirata mill-Kronaka ta' Filippo Villani, li rrakonta x'ġara meta fl-1364 it-truppi ta' Firenze kienu qegħdin jattakkaw l-belt ta' Pisa qrib Cascina. Minħabba s-sħana qawwija, is-suldati neżgħu għarwenin biex imorru jgħumu fix-xmara Arno. Għalkemm il-Piżani ħadu din l-opportunità biex jattakawhom f'dak il-mument, xorta waħda rebħu l-Fjorentini. F'din il-pittura Mikelanġlu wera l-ħila li kellu fir-rappreżentazzjoni tan-nudi u l-moviment dinamiku u wkoll l-oriġinalità li teżawri l-possibilitajiet ta' espressjoni kollha, b'varjetà ta' tekniki; xi figuri huma delinjati bil-karbonċin u oħrajn waqt li għandhom linji qawwijin huma sfumati u mdawlin bil-ġibs.

Meta kellu jmur Ruma għax sejjaħlu l-Papa Ġulju II, l-artista telaq ix-xogħol fuq il-kartuna. L-affresk ta' Leonardo da Vinci fis-sala tal-Gran Kunsill, Il-Battalja ta' Anghiari ma damx ma tgħarraq u nqered, u jitfakkar biss minn kopja tal-parti ċentrali li għamel Rubens. Hemm ukoll kopja tal-parti ċentrali tal-Battalja ta' Cascina li għamel Bastiano da Sangallo.

Fis-sena 1515, matul żjara ġo Firenze tal-Papa Ljun X, sar tiżjin tal-belt kollha bbażat fuq Il-Battalja ta Cascina ta' Mikelanġlu. X'aktarx li l-kartuna ingħatat lil bosta artisti differenti biex jikkupjawha u jżejnu l-belt b'disinji minnha għall-miġja tal-papa. Fil-British Museum u fil-kollezzjoni tal-Uffizi hemm miżmumin studji ta' figuri individwali għal dan l-abbozz ta' Mikelanġlu. Vasari iddeskriva hekk id-disinn sħiħ:

 Mikelanġlu imlieh irġiel għarwenin jgħumu fix-xmara Arno minħabba s-sħana, fil-mument li s-suldati ntebħu bl-attakk li ġej fuqhom. U kif is-suldati kienu ħerġin jiġru mill-ilma biex jilbsu, l-id ispirata ta' Mikelanġlu pinġiethom, xi wħud jarmaw ruħhom bl-għaġla biex jgħinu lil sħabhom, oħrajn jorbtu l-kurazza u jxiddu biċċiet ta' armatura, u qatta kbira minnhom jintefgħu fil-battalja fuq iż-żwiemel … Meta raw dan l-abbozz, l-artisti l-oħra baqgħu ċċassati bl-ammirazzjoni u l-iskantament, għaliex kienet rivelazzjoni tal-quċċata ta' x'jista' jitwettaq fl-arti tal-tpinġija. Dawk li raw dawn il-figuri ispirati stqarrew li l-ebda artista ma kien żebaqhom, lanqas Mikelanġlu stess, u ħadd, qatt qatt, mhu ħa jilħaq din il-perfezzjoni. 

—Vasari, 1550[107]

Is-swar ta' Firenze[editja]

Studju tal-fortifikazzjoni tas-swar tal-Porta al Prato d'Ognissanti

Wara li t-tkeċċew il-Medici fl-1527 u twaqqfet ir-repubblika ġdida ta' Firenze fis-6 ta' April 1529, Mikelanġlu nħatar "gvernatur u prokuratur ġenerali tal-fortifikazzjonijiet", u għamel ħiltu kollha biex itejjeb is-swar Fjorentini. Id-disinji f'Casa Buonarroti huma kollha studji għall-bastjuni tal-bibien u tal-angoli tas-swar medjevali. Dak tal-angolu tal-Porta al Prato d'Ognissanti, fil-parti tal-Punent ta' Firenze hu wieħed notevoli għad-dettalji li fih.[108]

Mikelanġlu kkonċentra ħsiebu fuq id-difiża tal-belt u wera oriġinalità kbira f'din il-klassi ta' disinji li huma l-uniċi disinji militari, flimkien ma' xi oħrajn ta' Leonardo da Vinci. Fihom stabbilixxa t-trajettorji tal-balal tal-kanuni u l-firxa tagħhom. Is-swar kienu aktar difensivi milli offensivi u għalhekk fid-disinji kellhom għadd kbir ta' bastjuni ppuntati ħerġin 'il barra biex id-difensuri kienu jistgħu jilħqu fil-bogħod sewwa. L-ideat ta' Mikelanġlu ma kellhomx jiġu aċċettati, u f'xi wħud mid-disinji tiegħu tal-aħħar perjodu naraw it-tneħħija ta' punti għomja li ma setgħux jiġu protetti, kif x'aktarx qalulu xi esperti militari. Dawn l-aħħar disinji, l-eqreb għal dawk użati aktar tard fl-epoka tal-Barokk jixbhu ħafna lil dawk proposti mill-inġinier militari Vauban fix-xogħol tiegħu Manière de Fortier tas-sena 1689.[109]

Disinji oħra[editja]

L-Irxoxt (1520–1525) mill-kollezzjoni rjali ta' Windsor Castle
Epifanija, tpinġija ta' Mikelanġlu miżmuma fil-British Museum f'Londra
Pietà, tpinġija mitluba minn Vittoria Colonna

Għas-saqaf tal-Kappella Sistina, l-artista għamel sensiela ta' disinji bħala abbozzi, li fihom jidhru t-traċċi tal-manjeriżmu diġà karatteristiku ta' Mikelanġlu. Fost dan il-grupp hemm l-studji għan-nudi, miżmumin fil-British Museum ta' Londra, l-istudji għas-Sibilla Libica, b'verżjonijiet differenti li qegħdin fil-Metropolitan Museum of Art fi New York, diversi studji ta' figuri, sangwinja ta' Kristu fil-Limbu u ftit disinji fuq it-tema tal-Qawmien.[110]

Fil-bidu tas-seklu 15, fl-Italja daħal tip ta' disinn magħmul b'perfezzjoni kbira, biex jingħata bħala rigali. Leonardo da Vinci, fl-1500, għamel sensiela minn dawn biex joffrihom lil wieħed mill-patruni tiegħu. Mikelanġlu wkoll pinġa bosta sensieli, li rregala lil żgħażagħ li ħassu miġbud b'mod speċjali lejhom, imma l-akbar parti minnhom kienu għaż-żagħżugħ maħbub tiegħu Tommaso Cavalieri,[111] li Vasari iġġustifika bħala eżerċizzju ta' tagħlim:

 … sabiex jitgħallem ipinġi, għamillu ħafna mudelli, impinġijin bil-lapes iswed u aħmar, ta' rjus t'allat, u wara tpinġija ta' Ganimede mtella' lejn is-sema mill-għasfur ta' Ġove, ta' Tizju bl-ajkla tikollu l-fwied, Il-waqa' tal-karru tax-Xemx ma' Fetone u Bakkanalja tat-tfal, kollha xogħlijiet eċċezzjonali, tpinġijiet li qatt ma kien hemm tajbin daqshom.[112] 

It-trasformazzjoni fl-istil ta' Mikelanġlu tidher ċara fit-tpinġija tal-Pietà li rregala lil Vittoria Colonna madwar l-1540. F'dan ix-xogħol, il-figura ta' Kristu hi trattata b'delikatezza kbira. Fiha simmetrija organika ma' ommu Marija tħares lejn is-sema: hi b'dirgħajha mgħollijin f'nofs salib, filwaqt li binha għandu dirgħajh imniżżlin. Il-kompożizzjoni simmetrika hi msaħħa miż-żewġt anġli fil-ġenb u s-salib fl-isfond li jaqsam il-kartuna f'żewġ nofsijiet ugwali. Hemm iskrizzjoni meħuda mill-Paradiso tal-Kummiedja Divina ta' Dante: "Non vi si pensa quanto sangue costa" (Ma jaħsbux kemm tiswa demm).[113]

Baqa' ħafna tpinġijiet, speċjalment bil-ġibs aħmar:

  • Studju: Sant'Anna, madwar l-1505, Musée du Louvre, Pariġi.
  • Ras ideali, tpinġija bil-ġibs aħmar, madwar l-1533, Ashmolean Museum, Oxford.
  • Żewġ irġiel għarwiena jitqagħbdu, madwar l-1545–1550, Musée du Louvre, Pariġi.
  • Kruċifissjoni, 1550–1555, Musée du Louvre, Pariġi.
  • Epifanija, 1550–1553, British Museum, Londra.
  • Inżul mis-Salib, tpinġija bil-ġibs aħmar, madwar l-1555, Ashmolean Museum, Oxford.
  • Studju ta' raġel għarwien, tpinġija bil-pinna, Musée du Louvre, Pariġi.
  • Studju ta' wċuħ bil-profil mix-xellug, Studju ta' raġel mil-lemin, is-sider u parti mid-driegħ ta' fuq tar-raġel u Studju ta' driegħ leminija ta' raġel. It-tlieta qegħdin fil-Museo del Prado, li kisibhom fl-1931 imħollijin fil-wirt ta' Fernández-Durán. L-aħħar tnejn, preparatorji għall-Kappella Sistina, ġew identifikati bħala xogħlijiet ta' Mikelanġlu fl-2004.[114][115]


Xogħol poetiku[editja]

Skizz f'sunett dirett lil ħabibu Giovanni da Pistoia (1510)

Bħala poeta, Mikelanġlu ħalla tliet mitt kompożizzjoni li għandhom post prominenti fil-lirika tas-seklu 16 u li fihom jispikkaw ton enerġiku u awster u tensjoni kontinwa li toħloq immedjatezza espressiva ħerqana. Il-forom metriċi l-aktar abbundanti huma s-sunett u l-madrigal, iżda kiteb ukoll xi terzini. Skont Ascanio Condivi, Mikelanġlu iddedika s-sena 1503 għall-qari "... qatta' xi ħin ma jagħmel xejn fl-arti tal-iskultura, biex jintefa' fuq il-qari ta' poeti u oraturi bil-vernakular, u jikteb sunetti għall-pjaċir tiegħu".[116]

Il-formazzjoni tiegħu fil-palazz ta' Lorenzo il Magnifico msejsa fuq il-ħsieb Neoplatoniku tal-umanisti Pico della Mirandola u Ficino tispjega aħjar il-poeżija ta' Mikelanġlu,[117] bl-iskuntentizza kbira bih innfisu u b'madwaru li dejjem kellu, bl-idea "tal-preżenza tal-ispiritwalità fil-materjal", bl-entużjażmu tiegħu għall-estetika u s-sbuħija. Bil-poeżija, l-artista seta' jesprimi l-imħabbiet kollha tiegħu u d-dubji reliġjużi li kellu. L-ewwel sunetti kienu fuq ħwejjeġ li kellhom x'jaqsmu max-xogħol artistiku tiegħu, bħal dak fuq l-istatwa ta' Il-Lejl fil-qabar tal-Medici, li jgħid:[118]

 L-irqad għalija hena, l-iżjed li jien tal-ġebel,
u li l-ħażen u l-ħdura iebsa,
ma narahomx, ma nismagħhomx, hi x-xorti kbira tiegħi:
għalhekk tqajjimnix, tkellem bilmod!"  

Xi sunnetti oħra kienu iżjed ċajtiera bħal dak li kiteb lil ħabibu Giovanni da Pistoia, madwar l-1510, waqt li kien qiegħed ipinġi s-saqaf tal-Kapella Sistina. Fuq il-karta fejn kiteb dan is-sunett insibu skizz tal-pittur biż-żebgħa ċċarċar fuq wiċċu u fis-sunett ixebbaħ wiċċu ma' "paviment rikk" u ddeskriva kif tgħawweġ u mbaram biex jaħdem fuq is-saqaf. Jitlob lil ħabibu: "Il-pittura mejta tiegħi iddefendi issa Giovanni, u unuri, għax ma nħossnix f'posti, m'iniex pittur."[119]

Aktar tard u aktar numerużi hemm dawk miktuba lil Tommaso Cavaliere, ispirati minn Petrarca. L-ewwel wieħed bid-data tal-1532, jitkellem bil-miftuħ dwar l-imħabba lejn Tommaso u nistgħu inħossu kemm kienet kbira din il-passjoni ta' Mikelanġlu:[120]

 Ħa jieqfu għal mument il-ħin, u s-sigħat,
il-jum u x-xemx fil-mogħdija antika tagħha,
sabiex ngħannaq u mhux għax jistħoqqli,
il-mixtieq ħelu sinjur tiegħi
għal dejjem f'dawn id-dirgħajn indenji u lesti. 

It-tifħir żejjed liż-żagħżugħ tidher ukoll fl-ittra indirizzata lilu bid-data tal-1 ta' Jannar 1533, fejn Mikelanġlu jiddikjara:

 Għalhekk Sinjur, l-uniku dawl fid-dinja fl-era tagħna, ma tistax tkun sodisfatt bil-ħidma ta' bniedem ieħor għaliex m'hemm ħadd li jixbħek, jew daqsek … Għandi niket kbir għax ma nistax inġib lura l-imgħoddi tiegħi, u b'dan il-mod nista' nkun ta' servizz għal aktar żmien. Kif inhi, nista' noffri biss il-futur tiegħi li hu qasir għax jien xiħ … Dak kollu li għandi ngħidlek. Aqra qalbi billi l-pinna m'għandhiex ħila tesprimi ruħha sewwa. 

Jew f'din l-oħra: "Ismek jitmali qalbi u ruħi, u jimla 'l-waħda u 'l-oħra bi ħlewwa kbira, hekk li ma nħossx la n-niket u lanqas il-biża tal-mewt waqt li niftakar fih.[121]

Il-poeżiji li ddedika lil Vittoria Colonna kienu fil-parti l-kbira ta' tema reliġjuża, it-tnejn fihom tħassib dwaru nnifsu, u jikkonċentraw fuq id-dnub u s-salvazzjoni eterna, b'ton ta' dieqa u mrar. F'madrigal jiddeskrivi lil ħabiba bħala "tassew messaġġiera bejnu u s-sema, mara divina li lilha jitlob ħniena u kondexxenza biex bihom jerfa' l-miżerja tiegħu għall-għoli tal-mogħdija mħarbta lejn l-hena".[122]

L-aktar ħaġa interessanti fil-poeżiji ta' din l-epoka huwa s-sinteżi li għamel Mikelanġlu tat-teoriji Neoplatoniċi u l-prattika tal-Kristjaneżmu. Meta mietet Vittoria, Mikelanġlu sab ruħu fi stat, skont Condivi, "fejn matul żmien twil deher qisu miġnun", daħal f'tip ta' kurrent imkarkar mill-ossessjonijiet reliġjużi tiegħu. Dan kollu ġiegħlu jikteb sensiela ta' poeżiji pessimisti li fihom b'mod radikali spjega d-diżappunt assolut tal-valur tal-arti.[123]

L-ewwel edizzjoni tal-poeżija tiegħu ħarġet fis-sena 1623 minn neputih, Mikelanġlu ż-Żgħir. Kienet editjata ħafna u fiha l-pronomi maskili inbidlu f'femminili.[124] Din il-konfużjoni damet sal-edizzjoni tal-1863 minn Cesare Guasti, fejn mit-testi oriġinali ġiet iċċarata t-tifsira tal-poeżija indirizzata lil Tommaso Cavalieri.[125] Fost oħrajn, saru traduzzjonijiet tal-poeżija ta' Mikelanġlu minn awturi tat-tip tal-filosfu Amerikan Ralph Waldo Emerson fis-seklu 19.

Valutazzjoni[editja]

L-Aħħar Ġudizzju

Ix-xogħol ta' Mikelanġlu, meqjus mill-kontemporanji tiegħu bħala l-quċċata tal-arti tar-Rinaxximent, kien ukoll it-tmiem drammatiku tagħha. L-iskulturi, il-pitturi u l-arkitettura tiegħu kienu ammirati iżjed minn kollox u meqjusin bħala kreazzjonijiet superjuri għal dawk tal-antiki u ogħla min-natura stess. Iżda Mikelanġlu kien għadu ħaj meta bdiet il-kontroversja bejn dawk li kienu jfaħħru l-arti tiegħu u l-kritiċi tagħha, li maqdru n-nuqqas ta' proporzjon u naturalezza, b'kuntrast qawwi mal-grazzja u l-eleganza tal-arti ta' Raffaello. Lodovico Dolce fis-sena 1557, sejjaħ in-nudi ta' Mikelanġlu monotoni mqabbla mas-sbuħija u l-ħlewwa tax-xogħlijiet ta' Raffaello. Kien ikkritikat ukoll mill-knisja Taljana, matul it-tieni nofs tas-seklu 16, minħabba li x-xogħlijiet tiegħu ma kinux skont ir-regoli ġodda tal-Kunċilju ta' Trentu. Min-nofs is-seklu 18, il-kritika nqalbet f'adorazzjoni totali tal-arti tiegħu.[126]

Minħabba l-karattru profondament reliġjuż u l-ġenju tiegħu, Mikelanġlu sar meqjus bħala leġġenda, u kif ġie innutat qabel, xi kritiċi kienu tal-fehma li bis-sengħa li kellu fit-teknika tal-klassiċi seta' jiżboq anki lil dawn. Il-manjiera impulsiva tiegħu wasslitu biex f'żgħożitu jiddedika ruħu għal forom tal-arti, prinċipalment skulturali, fejn l-artista għandu prossimità mill-ikbar mal-ħidma tiegħu u ekk issir parti minnu, ħaġa li tintilef fl-arkitettura li l-Papa inkarigah biha ħafna drabi, l-iżjed fit-tieni fażi ta' ħajtu. L-ideat tiegħu niedew il-wasla immineti tal-arkitettura Barokka.[127]

L-affreski fuq is-saqaf tal-Kappella Sistina jirrappreżentaw il-viżjoni perfetta tat-twemmin neo-Platoniku tiegħu, li jisħaq li s-sbuħija tal-figura umana għandha karattru divin. Dan l-istess twemmin insibuh fis-sinjifikat tal-oqbra tal-Medici, fejn il-parti t'isfel tissimbolizza d-dinja materjali b'kuntrast mal-arkitettura imdawwla mill-koppla tas-sagristija l-ġdida, li tirrappreżenta d-dinja spiritwali.[41]

Bħala pittur, kellu influwenza profonda fuq il-ġenerazzjoni Manierista ta' wara. Pereżempju, Tintoretto kien influwenzat ħafna minnu fil-forom anatomiċi tal-iġsma u l-qagħdiet mibrumin, skorċjati u sfurzati. Fil-pjanta tiegħu tal-Bażilika tal-Vatikan, fejn ħadem għal kważi għoxrin sena minn ħajtu, issimplifika id-disinn li kien fassal għaliha Bramante, filwaqt li żamm l-istruttura f'salib Grieg u l-koppla kbira. Mikelanġlu ħoloq spazji madwar l-elementi ewlenin fuq kollox il-koppla, l-element dominanti tal-bini.

Fil-każ tal-iskultura, David ma jirrappreżentax ritorn għal mudelli tal-antikità Greko-Rumana iżda, għall-ewwel darba, xogħol li jiżboqhom. Ħafna mix-xogħlijiet tiegħu mhumiex lesti (non finiti bit-Taljan), iżda għandna niddistingwu bejn dawk li fihom l-awtur, intenzjonalment ħalla partijiet mhux magħmulin, bħal fit-tondi Taddei u Pitti, u dawk l-oħrajn li ma tlestewx minħabba fatturi esterni.

Fl-arti l-oħra[editja]

Saru diversi films fuq il-ħajja ta' Mikelanġlu. L-iżjed wieħed magħruf huwa x'aktarx il-film The Agony and the Ecstasy (L-Agunija u l-Estasi, 1965), ibbażat fuq ir-rumanz ta' Irving Stone u dirett minn Carol Reed li fih Charlton Heston jaħdem il-parti ta' Mikelanġlu u Rex Harrison il-parti tal-Papa Ġulju II.

Fl-1982, asterojde li sab Edward Bowell issemmiet 3001 Michelangelo.[128] Hemm ukoll kratere fuq il-pjaneta Merkurju bl-isem ta' Michelangelo.[129]

L-istazzjoni televiżiv Taljan RAI, fl-1990, għamel serje dokumentarja fuq il-ħajja ta' Mikelanġlu bit-titlu La Primavera de Michelangelo (Ir-Rebbiegħa ta' Mikelanġlu), ispirata mill-ktieb Una Stagione dei Giganti (Staġun tal-Ġganti) ta' Vicenzo Labella. Dan l-awtur flimkien ma' Julian Bond ħa ħsieb il-kitba tad-dokumentarju li kien dirett minn Jerry Londo u jaħdem fih bħala attur protagonista Mark Frankel. Ħafna mill-poeżiji tiegħu ġew adattati għal mużika fil-forma ta' lied. L-iżjed magħrufin fosthom huma dawk ta' Dmitrij Šostakovič, irrekordjati minn Dietrich Fischer-Dieskau.[130]

Referenzi u noti[editja]

  1. ^ Web Gallery of Art, image collection, virtual museum, searchable database of European fine arts (1100–1850)
  2. ^ a b Michelangelo (2008). Encyclopædia Britannica. Ultimate Reference Suite
  3. ^ Jacobs Fredrika, Marsyas, Michelangelo, and the Accademia del Disegno The Art Bulletin, Settembru 2002, p. 22.
  4. ^ Dr. Stanley, B.M.; Dr. Shek, R. (2006). California Social Studies - World History: Medieval to Early Modern Times. Holt, Rinehart & Winston
  5. ^ Charles de Tolnay, The Youth of Michelangelo, p. 11
  6. ^ a b C. Clément, Michelangelo, p. 5
  7. ^ Tolnay (1964)
  8. ^ Baldini (1982)
  9. ^ Tolnay (1964)
  10. ^ Giorgio Vasari, f'Le Vite de' più eccellenti pittori, scultori, ed architettori italiani, da Cimabue insino a' tempi nostri: descritte in lingua Toscana, da Giorgio Vasari pittore aretino, Firenze 1550, jafferma dan u jikkuntralja 'l Vita di Michelangelo Buonarroti raccolta per Ascanio Condivi da La Ripa Transone, Roma 1553. Kemm dam Mikelanġlu fil-ħanut ta' Ghirlandaio ġie diskuss ħafna.
  11. ^ Hodson (2000), p. 14
  12. ^ Tolnay, The Youth of Michelangelo, pp. 18–19
  13. ^ Minħabba din l-aggressjoni Torrigiano tkeċċa u mar ħafna postijiet u fl-aħħar spiċċa Spanja, fejn miet f'Sivilja fl-1528.
  14. ^ Hernández Perera (1988), p. 84
  15. ^ a b Pijoan (1966), p. 206
  16. ^ Pijoan (1966), p. 207
  17. ^ Pijoan (1966), p. 211
  18. ^ Ackerman, (1968), p. 7
  19. ^ Rubio (2001), p. 5
  20. ^ Bħal, pereżempju, David jew l-Ignudi tal-Kappella Sistina.
  21. ^ a b Francisco L. González–Camaño, Fedro: Revista de estética y teoría de las artes, numru 6, Diċembru tal-2007. ISSN 1697–8072
  22. ^ De Feo (1978), p. 594
  23. ^ Gonzalez Prieto (2008), p. 20
  24. ^ Arbor (1966), p. 177
  25. ^ Arbor (1966), p. 175
  26. ^ Girardi (1978), p. 590
  27. ^ Arbor (1966), pp. 199-200
  28. ^ Néret (2000)
  29. ^ Girardi (1978), p. 592
  30. ^ Pijoan (1966), p. 214
  31. ^ Rubio (2001), p. 7
  32. ^ Gonzalez Prieto (2008), p. 23
  33. ^ Gonzalez Prieto (2008), p. 9
  34. ^ Tolnay (1964)
  35. ^ Baldini (1982)
  36. ^ Baldini (1982)
  37. ^ Arbor (1966), pp. 38-39
  38. ^ M. Gomez-Moreno (1931), La escultura del Renacimiento en España, Barċellona
  39. ^ R. Longhi (1958) Parangoni, nru. 101 p. 59
  40. ^ a b Baldini (1982)
  41. ^ a b c Historia Universal del Arte: Vol. XI, 1984, Madrid, ed. Sarpe, ISBN 84-7291-588-3
  42. ^ Hodson (2000), p.32
  43. ^ a b c d Bozal Valeriano, Historia del Arte: La escultura, (Spanjol) Barċellona, Carroggio, 1983. ISBN 84-7254-313-7
  44. ^ Anscari M. Mundó, Un Santcrist d’ivori de Miquel Àngel Buonarroti?, (Katalan) Barċellona, Publicacions de l'Abadia de Montserrat2006, ISBN 84-8415-784-9
  45. ^ Arbour (1966), pp. 42-43
  46. ^ Hernández Perera (1988), p. 90
  47. ^ Hodson (2000), p. 42
  48. ^ a b c U. Baldini (1982)
  49. ^ Pijoan (1966), p. 210
  50. ^ Baldini (1982)
  51. ^ Baldini (1982)
  52. ^ Baldini (1982)
  53. ^ Baldini (1982)
  54. ^ Hernández Perera (1988), p. 94
  55. ^ Néret (2000)
  56. ^ a b Hodson (2000), p. 89
  57. ^ Baldini (1982)
  58. ^ Pijoan (1966), pp. 212-213
  59. ^ Arbour (1966), p. 166
  60. ^ Arbour (1966), p. 167
  61. ^ Baldini (1982)
  62. ^ Luciano Berti. . Albaicín / Sadea Editores, 1965
  63. ^ Baldini (1982)
  64. ^ Web Gallery of Art
  65. ^ Arbour (1966), p. 146
  66. ^ Baldini (1982)
  67. ^ Hodson (2000), p. 110
  68. ^ Baldini (1982)
  69. ^ Arbour (1966), p. 224
  70. ^ Pijoan (1966), pp. 214-215
  71. ^ (Ingliż) The Torment Of Saint Anthony. kimbellart.org. Aċċess tal-URL: 24 ta' April 2010.
  72. ^ El primer Miguel Ángel viaja a Texas. Europa Press, 14 ta' Mejju 2009. Aċċess tal-URL: 24 ta' April 2010 lingwa=Spanjol.
  73. ^ Rubiés (2001), p. 28
  74. ^ Salvini (1978), p. 159
  75. ^ González Prieto (2008), pp. 26-27
  76. ^ Hernández Perera (1988), p. 137
  77. ^ Rubiés (2001), p. 23
  78. ^ Néret (2000)
  79. ^ González Prieto (2008), pp. 58-59
  80. ^ Rubiés (2001), p. 34
  81. ^ González Prieto (2008), p. 21
  82. ^ Salvini (1978), p. 254
  83. ^ Salvini (1978), pp. 155-159
  84. ^ Salvini (1978), pp. 260-264
  85. ^ Salvini (1978), p. 266
  86. ^ Salvini (1978), p. 267
  87. ^ Néret (2000)
  88. ^ Il-Papa xolja l-kuntratt minħabba l-ispejjeż għoljin u d-dewmien minħabba l-bidla tal-barrieri. Arbour, (1966) p. 142.
  89. ^ Ackerman (1997), pp. 294-298
  90. ^ De Angelis (1978), p. 291
  91. ^ Hernández Perera (1988), pp. 35-38
  92. ^ De Angelis (1978), pp. 296-297
  93. ^ Ackerman (1997), pp. 88-106
  94. ^ Ackerman (1997), pp. 308-314
  95. ^ Hernández Perera (1988), p. 40
  96. ^ De Angelis (1978), pp. 328-345
  97. ^ Ackerman (1997), pp. 176-186
  98. ^ De Angelis (1978), pp. 346-349
  99. ^ Ackerman (1997), pp. 193-221
  100. ^ De Angelis (1978), p. 371
  101. ^ De Angelis (1978), p. 372
  102. ^ Ackerman (1997), p. 355
  103. ^ Ackerman (1997), p. 357
  104. ^ De Angelis (1978), pp. 376-378
  105. ^ Ackerman (1997), p. 351
  106. ^ Berti (1978), pp. 391-400
  107. ^ Hodson (2000), pp. 48-53
  108. ^ Ackerman (1997), pp. 315-317
  109. ^ Ackerman (1997), pp. 126-129
  110. ^ Berti (1978), pp. 458-460
  111. ^ Rubiés (2001), p. 19
  112. ^ De Feo (1978), p. 589
  113. ^ Girardi (1978), pp. 488-495
  114. ^ (Spanjol) Estudios de rostros de perfil hacia la izquierda. Museo Nacional del Prado
  115. ^ (Spanjol) Descubren dos dibujos de Miguel Ángel para la Capilla Sixtina en el Museo del Prado. Europa Press, 8 ta' Marzu 2004
  116. ^ Ascanio Condivi (1964), Vita di M. Buonarroti. Milan, p. 38
  117. ^ Garin (1978), p. 539
  118. ^ [1]
  119. ^ Michelango, sonetto 5
  120. ^ [2]
  121. ^ Néret (2000)
  122. ^ Néret (2000)
  123. ^ Villena, Luis Antonio de (2007), Sonetos completos de Miguel Ángel Buonarroti. Madrid: Cátedra. ISBN 978-84-376-0639-2.
  124. ^ Girardi (1978), p. 567
  125. ^ Néret (2000)
  126. ^ Tolnay (1964), pp. 49-50
  127. ^ Arbour (1966), pp. 244-245
  128. ^ 3001 Michelangelo (1982 BC1)
  129. ^ Gallant, R.; National Geographic Atlas of images our universe, 1986, ISBN 0-87044-644-4
  130. ^ Michelangelo Buonarroti, recmusic.org

Bibljografija[editja]

  • (EN) Ackerman, James S, The Architecture of Michelangelo, University of Chicago Press, 1986. ISBN 978-0-226-00240-8
  • (ES) Arbour, Renée, Miguel Ángel, Daimon, Barċelona, 1966.
  • (EN) Baldini, Umberto u Perugi Liberto, The Sculpture of Michelangelo, Rizzoli, 1982. ISBN 0-8478-0447-X
  • (ES) Berti, Luciano, Miguel Ángel: Los dibujos, Teide, Barċelona, 1978. ISBN 84-307-8163-3
  • (ES) Bozal, Valeriano, Historia del Arte: La escultura, Carroggio, Barċelona, 1983. ISBN 84-7254-313-7
  • (ES) Clément, Charles, Michelangelo, S. Low, Marston, Searle, & Rivington, ltd. Londra, 1892.
  • (EN) (EN) Condivi, Ascanio, The Life of Michelangelo, Pennsylvania State University Press, 1553. ISBN 0-271-01853-4
  • (ES) De Angelis d'Ossat, Guglielmo, Miguel Ángel: La arquitectura, Teide, Barċelona, 1978. ISBN 84-307-8163-3
  • (ES) De Feo, Francesco, Miguel Ángel: Nota biográfica, Teide, Barelona, 1978. ISBN 84-307-8163-3
  • (EN) Einem, Herbert von, Michelangelo. Trans. Ronald Taylor , Methuen, Londra, 1973
  • (ES) Garin, Eugenio, Miguel Ángel: El pensamiento, Teide, Barċelona, 1978. ISBN 84-307-8163-3
  • (EN) Gilbert, Creighton, Michelangelo On and Off the Sistine Ceiling. George Braziller, New York, 1994
  • (ES) Girardi, Enzo Noè, Miguel Ángel: Las cartas y las rimas, Teide, Barċelona, 1978. ISBN 84-307-8163-3
  • (ES) González Prieto, Antonio / Tello, Antonio, Grandes Maestros de la Pintura: Miguel Ángel, Sol 90, Barċelona, 2008. ISBN 978-84-9820-751-4
  • (ES) Hernández Perera, Jesús, Historia Universal del Arte: El Cinquecento italiano, Planeta, Barċelona, 1988. ISBN 84-320-8906-0
  • (EN) Hibbard, Howard, Michelangelo. New York: Harper & Row, 1974
  • (EN) Hirst, Michael and Jill Dunkerton, The Young Michelangelo: The Artist in Rome 1496–1501 National Gallery Publications, Londra, 1994
  • (ES) Hodson, Rupert, Miguel Ángel, escultor, Faenza, Firenze, 2000. ISBN 88-8138-044-7
  • (EN) Liebert, Robert, Michelangelo: A Psychoanalytic Study of his Life and Images, Yale University Press, New Haven u Londra, 1983. ISBN 0-300-02793-1
  • (EN) Néret, Giles, Michelangelo, Taschen, 2000. ISBN 978-3-8228-5976-6
  • (EN) Pietrangeli, Carlo, et al. The Sistine Chapel: A Glorious Restoration Harry N. Abrams, New York, 1994
  • Pijoan, Josep, Historia del Arte: Vol. 3, Salvat, Barċelona, 1966.
  • (EN) Rolland, Romain, Michelangelo, BiblioLife, 2009. ISBN 1-110-00353-6
  • Rubiés, Pere, Los Grandes Maestros de la Pintura: Miguel Ángel, Altaya, Barċelona, 2001. ISBN 84-487-0586-6
  • (EN) Sala, Charles, Michelangelo: Sculptor, Painter, Architect, Editions Pierre Terrail, 1996. ISBN 978-2-87939-069-7
  • (ES) Salvini, Roberto, Miguel Ángel: La pintura, Teide, Barċelona, 1978. ISBN 84-307-8163-3
  • (EN) Saslow, James M., The Poetry of Michelangelo: An Annotated Translation Yale University Press, New Haven u Londra,1991
  • (EN) Seymour, Charles, Jr. Michelangelo: The Sistine Chapel Ceiling. New York: W. W. Norton, 1972
  • (EN) Summers, David, Michelangelo and the Language of Art. Princeton University Press, 1981
  • (EN) Tolnay, Charles de, The Youth of Michelangelo, Princeton University Press, Princeton, NJ, 1947.
  • (EN) Tolnay, Charles de, The Art and Thought of Michelangelo. 5 vols. New York: Pantheon Books, 1964
  • (EN) Wilde, Johannes, Michelangelo: Six Lectures. Clarendon Press, Oxford, 1978

Ħoloq esterni[editja]