Johann Wolfgang von Goethe

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Johann Wolfgang von Goethe
Geheimrat

Ħajja
Isem propju Johann Wolfgang Goethe
Twelid Frankfurt, 28 Awwissu 1749, 1749
Nazzjonalità Saxe-Weimar-Eisenach (en) Translate
L-ewwel lingwa Ġermaniż
Mewt Weimar, 22 Marzu 1832
Post tad-dfin Weimarer Fürstengruft (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (infart tal-mijokardju)
Familja
Missier Johann Caspar Goethe
Omm Catharina Elisabeth Goethe
Konjuga/i Christiane Vulpius (en) Translate
Koppja/i Lili Schönemann (en) Translate
Ulied
Aħwa
Familja
Tribù Goethe (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Leipzig
(1765 - 1768) : ġurisprudenza
Università ta' Strasburgu
(April 1770 - 1771) : ġurisprudenza
Livell tal-edukazzjoni Liċenzjat
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Adam Friedrich Oeser (en) Translate
Justus Christian Loder (en) Translate
Johann Schweighäuser (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni direttur tat-teatru
botaniku
politiku
pittur
filosofu
teologu
ġurist
kritiku tal-arti
kritiku tal-mużika
librar
poeta
kittieb tal-vjaġġi
fiżiku
letterat
rumanzier
drammaturgu
awtobijografu
diplomatiku
statista
bniedem universali
aforist
djarist
mineraloġist
żoologu
teoriku tal-arti
avukat
kompożitur
librettist
kittieb
artist viżiv
storiku tal-arti
Xogħlijiet importanti Faust
Id-Dbatijiet taż-Żagħżugħ Werther
Is-Snin tal-Apprendistat ta' Wilhelm Meister
L-Affinitajiet Elettivi
Prometew
Theory of Colours (en) Translate
Vjaġġ fl-Italja
Divan oċċidentali-orjentali
Egmont
L-Apprendist tas-Saħħar
Der Erlkönig
Maxims and reflections of Goethe (en) Translate
Premjijiet
Influwenzat minn Friedrich Schiller (en) Translate
Napuljun I ta' Franza
Hafez (en) Translate
Johann Gottfried Herder (en) Translate
Voltaire
Carl Linnaeus (en) Translate
William Shakespeare
Benedictus de Spinoza (en) Translate
Ossian (en) Translate
Sħubija Akkademja Ġermaniża tax-Xjenzi Leopoldina
Akademie gemeinnütziger Wissenschaften
Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi
Akkademja tax-Xjenzi ta' Göttingen
Akkademja tax-Xjenzi Prussjana
Istitut Arkeoloġiku Ġermaniż
mażunerija
Zentral-Dombauverein zu Köln von 1842
Soċjetà Sileżjana għall-Kultura Patrijottika
Towarzystwo Warszawskie Przyjaciół Nauk
Akkademja Russa tax-Xjenzi
Soċjetà Sileżjana għall-Kultura Patrijottika
Sächsischer Kunstverein (en) Translate
Moviment Sturm und Drang
klassiċiżmu ta' Weimar
Illuminiżmu
Moviment artistiku rumanz
lyric poetry (en) Translate
dramma
traġedja
Johann Wolfgang von Goethe, ritratt minn Tischbein fil-Campagna Romana matul il-vjaġġ fl-Italja (1786)

 Il-ħajja hi tal-ħajjin, u min hu ħaj irid ikun lest għall-bidliet. 

Johann Wolfgang von Goethe (Frankfurt am Main, 28 ta' Awwissu 1749 – Weimar, 22 ta' Marzu 1832) kien kittieb, poeta u drammaturgu Ġermaniż.

Il-kittieba Ingliża George Eliot iddeskrivietu bħala wieħed mill-ikbar letterati Ġermaniżi u l-aħħar bniedem universali. Il-ħidma tiegħu tiġbor fiha poeżija, dramma, letteratura, teoloġija, filosofija, umaneżmu u xjenzi, imma kien attiv ukoll fil-pittura, fil-mużika u fl-arti. Il-magnum opus tiegħu kien il-Faust; xogħol monumentali li ħadem fuqu għal xi sittin sena.

Goethe ivvinta l-kunċett ta' Weltliteratur (letteratura dinjija), li ġie mill-għarfien fil-fond u l-ammirazzjoni li kellu għax-xogħlijiet ewlenin ta' diversi kulturi nazzjonali, fosthom il-kultura Ingliża, Franċiża, Taljana, Griega, Persjana u Għarbija. Kellu influwenza qawwija wkoll fl-ambjent filosofiku ta' żmienu, b'mod partikulari fuq id-direzzjoni ta' Hegel u Schelling.

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Id-dar fejn twieled Goethe fi Frankfurt

Goethe hu meqjus minn ħafna bħala l-kittieb l-iżjed importanti li qatt ħareg mill-Ġermanja u wieħed mill-aħħar "bnedmin universali". Kien l-ewwel fost ulied Johann Caspar (1710 - 1782), bniedem kolt, doctor juris u kunsillier imperjali, u Katharina Elisabeth Textor (1731 - 1808). Twieled wara nofsinhar fit-28 ta' Awwissu 1749, għeluq l-ewwel sena miż-żwieġ tal-ġenituri tiegħu. Kien tifel ismar u b'għajnejh suwed u qisu mhux Ġermaniż. Katharina kellha xi diffikultajiet fil-ħlas minħabba n-nuqqas ta' sengħa tal-majjistra, u dan ħajjar 'il missierha, Johann Wolfgang Textor, sindku ta' Frankfurt, li jwaqqaf fil-belt taħriġ ostetriku obbligatorju. L-għada, Johann Wolfgang tgħammed skont ir-rit protestant. F'Diċembru tal-1750 twieldet it-tieni tifla, Cornelia Friederike Christiana (1750 -1777), li kienet tilgħab miegħu fi tfulithom; kellhom erba' ħuthom oħra imma dawn mietu ta' età żgħira.

Mill-1755 beda jitgħallem jikteb u jaqra bil-Ġermaniż fi skola pubblika, u mbagħad privatament, il-Latin, u wara, xi ftit Grieg u Lhudi, il-Franċiż, l-Ingliż, it-Taljan – missieru mar l-Italja fl-1740 u kiteb, b'Taljan mhux perfett, djarju tal-vjaġġ tiegħu – u iktar tard id-disinn u l-mużika: fil-25 t'Awwissu tal-1763 mar jisma' kunċert tal-pjanuforte ta' Mozart li kellu seba' snin liebes il-parrokka u bix-xabla fil-ġenb. Ta' żagħżugħ tgħallem l-iskerma u jirkeb iż-żiemel.

Fl-1756, faqqgħet il-Gwerra tas-seba' snin u meta l-Franċiżi rebħu l-belt ta' Frankfurt fl-1 ta' Jannar 1759, fid-dar ta' Goethe installa ruħu il-logotenent François de Théas. Mat-truppi Franċiżi ġew bosta atturi u kantanti u sa meta telqu fit-2 ta' Diċembru 1762, Goethe seta' jara għall-ewwel darba it-traġedji ta' Racine u ta' Corneille u l-kummiedji ta' Molière, barra xogħlijiet mużikali.

Meta kellu 17-il sena, wasallu ż-żmien li jmur Università: hu xtaq isegwi l-korsijiet tal-letteratura klassika u r-retorika f'Gottingen imma missieru riedu jistudja l-liġi f'Leipzig u mela fit-30 ta' Settembru 1765, Johann telaq minn Frankfurt għal dik il-belt sabiħa u moderna, b'somma ġmielha ta' 1.200 fjorin fil-but li tah missieru biex ikun żgur li jgħix komdu.

Leipzig (1765 - 1768)[immodifika | immodifika s-sors]

F'Leipzig ma damx ma daħal fil-ħajja frivola tas-soċjetà ta' dik il-belt, differenti minn dik ta' Frankfurt fejn tant kienet konservattiva u patrijarkali. Kellu relazzjoni ma' Kätchen Schönkopf u kiteb il-Die Laune des Verliebten (Il-kapriċċ ta' namrat), kummiedja arkadika u l-Die Mitschuldigen (Il-ħatjin flimkien), kummiedja oħra mingħajr pretensjoni. Kiteb ukoll bosta poeżiji bil-mużika miktuba minn ċertu Bernhard Breitkopf li Goethe kien imur sikwit għand il-familja tiegħu, proprjetarju ta' Dar Editriċi mużikali li saret famuża ħafna. Fuq dan il-perjodu, ikkummenta li kien beda jieħu d-drawwa li "jittrasforma fi xbieha, f'poeżija u jsegwi ġo fih kull ma jtih il-ferħ jew jagħmillu d-dwejjaq jew kull ma jokkupa l-ispirtu tiegħu",

Bejn Frar u Marzu tal-1768 mar Dresden fejn żar il-kollezzjonijiet tal-arti miġbura fil-belt u f'Ġunju sar jaf bil-mewt traġika ta' Winckelmann, li kien japprezzah ħafna.

Il-kitbiet tiegħu, però, ma ġewx apprezzati u hu stess ikkonvinċa ruħu li aħjar jitfa' fin-nar il-parti l-kbira ta' dak ix-xogħol tal-bidu, imma żamm iż-żewġ kummiedji, il-ġabra Annette li kienet magħmula minn lieder iddedikati lil Kätchen, l-odi ddedikati lil ħabibu Ernst Behrisch u xi xogħol ieħor. Minħabba infezzjoni fil-pulmun li ħa fl-Lulju tal-1768, iddeċieda li aħjar jerġa' lura Frankfurt u għamel hekk f'Awwissu.

Meta wasal Frankfurt, Goethe kien marid ħafna u saħansitra għamlulu operazzjoni f'għonqu u ħaseb li ma kienx għal din il-ħajja. Għalhekk beda jieħu sehem fid-devozzjonijiet t'ommu u tal-ħabiba tagħha Susanna Katharina von Klettenberg, mara ta' xi 45 sena li hu ftakar fiha bl-affezzjoni fil-Poeżija u verità, u fl-iStqarrijiet ta' ruħ sabiħa. Dan kien perjodu qasir li fih, barra minn dawn id-devozzjonijiet li fil-verità ħa sehem fihom mingħajr ħerqa, fl-istess ħin qara l-iStorija tal-knisja u tal-eretiċi ta' Gottfried Arnold u l-Imitazzjoni ta' Kristu. Goethe ma kienx baqa' jemmen imma kien iħares bis-simpatija u l-interess lejn l-ispiritwalità u kien iqis lilu nfisu bħala eretiku li l-insara, kieku setgħu, kienu bil-qalb jibagħtuh għall-kastig tal-ħruq.

Strażburgu (1770 - 1771)[immodifika | immodifika s-sors]

Johann Gottfried Herder

Meta reġa' ġie f'saħħtu, kien iż-żmien li jkompli l-istudji universitarji. Mar Strażburgu fejn seta' jitgħallem tajjeb il-Franċiż u jistudja f'Università ta' kultura Ġermaniża u wasal hemm fit-2 ta' April 1770. Hemm għamel ħafna ħbieb, bħal Johann Heinrich Jung-Stilling, li kien kiteb Iż-żgħożija ta' Heinrich Stilling u id-drammaturgu futur Jakob Michael Reinhold Lenz. Fil-bidu tas-sajf żar Alsace u Lorraine ma' żewġt iħbieb . Sar jaf 'il Johann Gottfried Herder, letterat u filosfu, diġà magħruf, li wara vjaġġ ġo Franza, kellu jgħaddi Settembru Strażburgu għal operazzjoni f'għajnejh. Għal Herder, li kien ammiratur tal-poeżija popolari, Goethe ikkompona il-lied Heidenröslein (Warda tax-xagħri).

Qara b'interess kbir il-kittieba Ingliżi Goldsmith, Fielding u Sterne u beda jinteressa ruħu fil-persunaġġ storiku Götz von Berlichingen u fil-persunaġġ tal-fantasija li kellu jikseb fama immortali, Faust. Fir-rebbiegħa tal-1771, kellu relazzjoni serja ma' Friederike Brion, bint qassis Protestant fir-reġjun viċin ta' Sessenheim, li kienet l-ispirazzjoni ta' bosta poeżiji, Willkommen und Abschied (Merħba u saħħa), Maifest (Festa ta' Mejju), Ob ich dich liebe, weiß ich nicht (Ma kontx naf li nħobbok) u Jetzt fühlt der Engel (Issa l-anġlu nħoss). Fis-sajf, ippreżenta t-teżi li biha kien ħa jikseb il-lawrja, imma din ma ġietx aċċettata u hekk ma ħax it-titlu ta' Duttur fil-liġi. Minflok, fis-6 ta' Lulju ppreżenta xi teżijiet fil-liġi li ġew approvati u bihom kiseb it-titlu iżjed baxx ta' Licentiatus juris. Telaq lil Friederike, imma baqa' ħabib magħha u reġa' ltaqa' magħha Sessenheim tmin snin wara, u mar lura Frankfurt.

Götz von Berlichingen[immodifika | immodifika s-sors]

Götz von Berlichingen

Meta mar lura Frankfurt, f'waħda mill-ittri tiegħu kiteb "Franfurt għadha l-bejta, in-nidus, jekk jogħġbok. Tajba biżżejjed biex tfaqqas l-għasafar; barra minn hekk, f'sens figurattiv, spelunca, toqba miżera. Il-Mulej jeħlisna minn dan id-dwejjaq! Amen". Fit-28 t'Awwissu 1771, il-jum meta għalaq 22 sena, Goethe kiseb il-permess li jaħdem fil-professjoni ta' avukat, li fir-realtà abbanduna wara erba' snin. Baqa' jikteb f'dawk is-snin meta deher Sturm und Drang (Burraxka u Ħeġġa), id-dramma poetika preromantika ta' Friedrich Maximilian Klinger. Kiteb li "żgħażagħ dħulin jidhru f'daqqa fil-pubbliku b'kuraġġ u preżunzjoni kbira tassew, kif tistenna minn dik l-età, u permezz tal-enerġija tagħhom jipproduċu ħafna affarijiet tajbin, jagħtu ħafna gost imma meta jabbużaw, idejqu u jġibu ħafna inkwiet".

Goethe kiteb storja drammatizzata, fil-proża, fuq Goffredu minn Berlichingen, li lesta fl-aħħar tal-1771, imma baqa' jaħdem fuqha sal-aħħar ta' Marzu tal-1773, u ġiet ippubblikata anonimament f'Ġunju ta' wara bit-titlu Götz von Berlichingen mit der eisernen Hand. Ein Schauspiel. Fl-1787 ġie ppubblikat, bil-permess ta' Goethe, test għall-qari u fil-1804 adattaha għall-palk u kellha l-ewwel rappreżentazzjoni f'Weimar it-22 ta' Settembru 1804.

Götz kiteb awtobijografija fl-1562 u Goethe qraha fl-edizzjoni tal-1731. Din tiddeskrivi l-istorja ta' fewdatarju żgħir Ġermaniż li jirribella u jżomm mal-bdiewa fir-rewwixta kontra l-Imperu fil-gwerra tal-1525. Goethe rrappreżenta t-tragedja tal-onestà u l-lealtà kavallereska – f'epoka li fiha l-kavallerija kienet waqgħet f’attività ta' serq, abbuż u arroganza – li ċedew kontra l-viltà, il-korruzzjoni u l-adulazzjoni. Imma hi wkoll denunċja tal-kondizzjonijiet magħkusin ta' socjetà li żżomm lin-nies intelliġenti milli jiżviluppaw u taħqar u topponi l-virtù.

Fir-realtà, Goethe, li mexa mal-kunċett möserjan li l-epoka fewdali klassika kienet "epoka tal-libertà", la fehem in-natura reazzjonarja tar-rewwixta tan-nobbli u lanqas in-natura progressiva tar-rewwixta tal-bdiewa, imma iddeskriva korrettament il-proċess storiku li bih il-kavalieri nbidlu f'nobbli tal-qorti ta' Stati assolutisti.

Wetzlar (1772)[immodifika | immodifika s-sors]

F'Mejju tal-1772, fuq il-parir ta' missieru, Johann mar joqgħod fil-belt ta' Wetzlar, fejn kien hemm il-Qorti Imperjali tal-Ġustizzja u nkiteb ma' dan it-tribunal fit-23 ta' Mejju biex jipprattika. Naturalment ittraskura x-xogħol legali: kien jippreferi jgħaddi ż-żmien fit-taverna tal-"Prinċep ereditarju", fejn kien jaf, fost oħrajn, lil Karl Wilhelm Jerusalem, bin teologu magħruf, żagħżugħ intellettwali bla kwiet, li kien qiegħed jinnamra ma' mara miżżewġa u l-avukat Johann Christian Kestner (1741-1800), li mingħandu għandna opinjoni interessanti fuq iż-żagħżugħ Goethe, li kien għadu mhux magħruf.

Charlotte Buff Kestner

"Għandu ħafna talenti, hu tassew ġenju u bniedem ta' karattru, għandu immaġinazzjoni straordinarjament ħajja, li biha jfisser ruħu l-iżjed bix-xbihat u x-xebh. Fl-imħabbiet tiegħu hu bla ħsieb, però sikwit jaf irażżan ruħu. Il-mod kif jaħseb hu nobbli. Ħieles mill-preġudizzji kemm jista' jkun, jagħmel li jiġih f'moħħu, mingħajr ma jagħti kas x'jaħsbu l-oħrajn. Kull xkiel jistmerru. Iħobb it-tfal u jaf imur magħhom. Hu stramb u fil-manjiera tiegħu, fid-dehra tiegħu, għandu bosta affarijiet li ma jiġbdukx imma jintgħoġob ħafna fost it-tfal u n-nisa u ħafna oħrajn. Għandu stima kbira għas-sess femminili. Il-prinċipji tiegħu għadhom ma ffermawx sew, dan mhux wieħed li nistgħu nqisuh bħala ortodoss, imma mhux għax imkabbar jew kapriċcuż jew għandu ħafna arja.

Ma jħobbx jiddisturba lill-oħrajn mill-paċi tal-konvinzjonijiet tagħhom. Jobgħod ix-xettiċiżmu, jipprova jsib il-verità u ċ-ċarezza fuq xi ftit ħwejjeġ ewlenin u jaħseb li sabha din iċ-ċarezza fuq l-affarijiet importanti. Imma skont jien, għadu ma kisibhiex. Ma jmurx il-knisja, ma jitqarbinx, jitlob rarament: "m'iniex biżżejjed ta' żewġ uċuħ biex nagħmel hekk", jgħid. Għar-reliġjon nisranija għandu ħafna rispett, imma mhux fil-forma kif jippreżentawha t-teoloġi. Jemmen fil-ħajja wara l-mewt, f'kundizzjoni aħjar. Ifittex il-verità, imma jippreferi jismagħha milli jispjegaha. Diġà għamel ħafna, jaf ħafna u qara ħafna; imma hu l-iżjed dak li ħaseb u rraġuna. L-interess ewlieni tiegħu hu fl-arti u fix-xjenza jew aħjar, fix-xjenzi kollha, barra dawn li jġibu l-ħobż… insomma, hu bniedem tassew notevoli."

Kestner kien għarus lit-tfajla Charlotte jew Lotte Buff (1753-1828) li, kif kiteb hu, "m'għandhiex sbuħija tal-għaġeb imma hi tfajla sabiħa u lili qatt ħadd ma għoġobni iżjed minnha" waqt li Goethe, li sar jafha fid-9 ta' Ġunju u kien imur jaraha kważi kuljum, qal fuqha li hi "minn dawk li magħmulin, jekk mhux biex jispiraw passjoni vjolenti, biex żgur iqajmu simpatija ġenerali".

Il-fittaġni taż-żjarat ta' Goethe ġegħlu 'l Lotte tgħidlu fis-16 ta' Awwissu li "m'għandu jistenna xejn iktar minn ħbiberija" u fil-11 ta' Settembru 1772, Goethe ħalla Wetzlar. Fi Frankfurt irċieva l-aħbar minn għand Kestner li Jerusalem, ħabibhom it-tnejn, kien qatel ruħu b'idejh fit-30 ta' Ottobru; din kienet l-istorja sħiħa tar-rumanz li jmiss In-niket taż-żagħżugħ Werther.

Il-Ġermanja tas-seklu 16[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Ġermanja tas-seklu 16 kellha mill-inqas 2000 dwana u kienet maqsuma fi kważi 300 stat żgħir assolutist iggvernat minn prinċpijiet li riedu jikkontrollaw bir-regolamenti burokratiċi u paternalistiċi kull aspett tal-ħajja, anki dik privata, tas-sudditi. Pereżempju, kien hemm regolament tal-Prinċipat ta' Baden tal-1766, dirett lejn is-sudditi, li kien imfassal biex "iżommhom mill-iżbalji u jreġġagħhom għat-triq id-dritta, barra li jgħallimhom, anki kontra r-rieda tagħhom, il-mod kif għandhom ifasslu l-ħajja domestika tagħhom, jieħdu ħsieb ir-raba' u jħaffu permezz ta' sistema ekonomikament iżjed produttiva, il-piż tat-tributi li kien id-dover tagħhom li jħallsu". Il-gvern żamm lill-bdiewa fl-istat ta' servi tal-gleba u ma ħalliex l-attività ekonomika imprenditorjali moderna tiżvillupa. Hekk kienu projbiti l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' ħafna ħwejjeġ, minħabba l-biża' li l-ħruġ tal-flus 'il barra jfaqqar lill-istat fil-Prussja; kien projbit ukoll il-bini ta' toroq kbar biex il-barranin jieħdu iżjed żmien fil-vjaġġi tagħhom u hekk jonfqu iżjed flus.

Kull gvern assolut seta' jqassam kif jogħġbu l-favuri u l-privileġġi, jitlob kull ħlas li jrid mis-sudditi, ibigħ kif ġie ġie l-bdiewa lil stati barannin bħala suldati u ma kienx jagħraf ebda opinjoni pubblika u ma jweġibx għall-għemil tiegħu. Dawn il-kundizzjonijiet, sikwit imsaħħin b'liġijiet grotteski, għamlu ħafna iżjed diffiċli l-iżvilupp ta' klassi ta' borgeżija imprenditorjali u kellhom effetti li damu ħafna fl-istorja Ġermaniża.

In-niket taż-żagħżugħ Werther (1774)[immodifika | immodifika s-sors]

Frontespizju tal-ewwel edizzjoni

Werther kien jaf żewġ għarajjes, Charlotte u Albert, u kien iżurhom spiss; beda jħobb lit-tfajla, li kellha grazzja miegħu wkoll, imma din (li l-ħbieb kienu jsibuha bħala Lotte) ċaħdet l-imħabba tiegħu għax kienet imwegħda biex tiżżewweġ lil Albert u 'l Werther setgħet ittih biss il-ħbiberija tagħha. Iddiżappuntat, iddeċieda li joqtol ruħu b'idejh.

Werther hu intellettwali borgiż li l-possibbiltà li jirnexxi tiddependi mill-ħila tiegħu li jimxi mal-konvenzjonijiet tal-qortijiet aristocratiċi żgħar Ġermaniżi. Kien jgħix kontradizzjoni doppja: ma setax jilħaq l-għan tal-umaneżmu borgiż ta' realizzazzjoni sħiħa tal-personalità tiegħu fir-realtà soċjali u ma setax jaċċetta l-konvenzjoni pjetistika ta' żmienu, li skontha l-imħabba bejn raġel u mara, jekk mhux permessa, trid tinbidel f'imħabba bejn l-aħwa. Il-kontradizzjoni ma nħallitx għaliex Werther ma kienx jaf jifred l-interessi soċjali mill-interessi individwali tiegħu: kien bniedem intellettwali f'Ġermanja semifewdali, li ma rnexxixilux jirrealizza ruħu, u l-kuxjenza tiegħu, li ma begħditx minn xulxin ġewwa fiha l-ħtiġijiet tar-raġuni minn dawk tas-sentiment, il-ħtiġijiet tal-ambizzjoni soċjali minn dawk tal-imħabba, imbuttatu għas-suwiċidju.

Meta ltaqa ma' Napuljun f'Erfurt fl-1808, Goethe seta' jara sewwa l-firda li kienet nieqsa f'Werther, bejn ambizzjoni u mħabba. Wieħed bħal Napuljun kien jaf jiddistingwi tajjeb, fil-ħajja tiegħu, bejn il-ħtieġa li jagħmel suċċess politiku u dik tas-sentimenti privati, fis-sens li billi ma kienx mifrud mir-realtà ta' soċjetà ferm iżjed matura, kellu din id-distinzjoni ċara sewwa ġewwa fih u kien jgħixha fil-qsim tal-kuxjenza tiegħu stess. Werther, minflok, għandu kuxjenza mhux maqsuma proprju għaliex jgħix mifrud mir-realtà; biex jibqa' jgħix, kien ikollu joqtol il-kuxjenza, kien ikollu jmut fil-kuxjenza tiegħu biex jista' jgħix mingħajr tbatija fir-realtà.

Il-qari tal-Werther, pittura ta' Wilhelm Amberg, 1870

Is-suċċess ta' dan ir-rumanz f'forma ta' ittri, miktub malajr minn Frar sa Marzu tal-1774, kien tal-għaġeb u kien ukoll il-kawża ta' xi ftit imitazzjonijiet li wasslu għas-suwiċidju. Goethe stess assista s-sejba tal-katavru ta' tfajla li kienet qatlet ruħha b'idejha f'Weimar bir-rumanz fil-but. Il-parti kbira tal-qarrejja emmnu li għarfu f'Werther, kif kiteb Benedetto Croce, "apologija tal-passjoni u raġuni, protesta kontra r-regoli, il-preġudizzji u l-konvenzjonijiet soċjali" u ma rawx minflok is-sustanza vera, ir-rappreżentazzjoni ta' marda, li però mhijiex marda psikika ta' individwu, imma l-marda tal-Germanja ta' dak iż-żmien.

Dak iż-żmien fl-art Ġermaniża, fost il-klassijiet tan-nofs, id-dwejjaq taċ-ċittadin magħluq bejn il-ħitan ta' wieħed mill-elf stat żgħir kien sentiment komuni. Werther, bħala borgiż, hu eżempju ta' dan imma fl-istess ħin parodija: l-għan ta' Goethe kien infatti li jwaqqa' għaċ-ċajt dan l-atteġġjament ta' passività fiżika u mentali, ħaġa li ma fehmuhiex għalkollox il-qarrejja inqas attenti. F'ħafna każi, sfortunatament, l-ironija minn taħt tal-kittieb Ġermaniż, fuq kollox l-interpretazzjoni tagħha żbaljata u mgħaġġla, spiċċat biex ħajret ħafna żgħażagħ ta' familji sewwa għas-suwiċidju.

Erbgħin sena wara, fil-Poeżija u verità, Goethe kiteb li "l-effett ta' dan il-ktieb kien kbir, anzi enormi, l-iżjed għax deher f'waqtu. Għaliex, bħalma suffarell hu biżżejjed biex jisplodi mina qawwija, anki splużjoni li ssir fil-pubbliku tisfa daqshekk qawwija għaliex id-dinja taż-żgħażagħ tkun diġà mminata u t-tifqigħa tkun hekk kbira għaliex kulħadd ikun ħa jisplodi bil-ħtiġijiet esaġerati tiegħu, il-passjonijiet mhux sodisfatti u n-niket immaġinarju."

Weimar (1775 - 1832)[immodifika | immodifika s-sors]

Ritratt ta' Goethe

Goethe sar jaf 'l Klopstock, lit-teologu Żvizzeru Johann Caspar Lavater – studjuż tal-fisjonjomika li kien jemmen li jista' jkun jaf mill-profil tal-uċuħ il-karattri tan-nies, u għal dan l-iskop, gegħel lill-pittur Schmoll ipinġi bosta ritratti ta' Goethe – u lill-filosfu Jacobi, li kien jammira 'l Spinoza.

F'April tal-1775 tgħarras lit-tfajla ta' 16-il sena Lili Schönemann, bint bankier, imma ħassar l-għerusija f'Ottobru għax l-idea tar-rabta taż-żwieġ ma felaħhiex u fis-7 ta' Novembru tal-1775 Goethe mar Weimar bħala preċettur ta' Carl August, Duka ta' Sassonja-Weimar-Eisenach, li kellu 18-il sena, tipiku tirann żgħir Ġermaniż ta' dak iż-żmien, li kien jiggverna stat żgħir magħmul biss mill-kapitali Weimar, belt ta' 600 abitant, mill-belt universitarja ta' Jena u xi ftit "bliet tal-pjaċir". Fl-1776, Goethe kien membru tal-Kunsill sigriet u fis-6 ta' Settembru tal-1779 inħatar kunsillier sigriet u stqarr: "tal-għaġeb għalija, bħal ħolma, li ta' 30 sena lħaqt l-ogħla grad onorifiku li ċittadin Ġermaniż jista' jilħaq". Fl-10 ta' April tal-1782 ingħata t-titlu nobiljari mill-imperatur Ġużeppi II u fl-1804 laħaq ministru.

Bejn is-snin 1776 u 1788 kien ħabib ma' Charlotte von Stein, mara li ħadet f'idejha l-edukazzjoni tiegħu għall-impieg li kien daħal għalih bħala preċettur u mbagħad kunsillier tad-duka. Stein kellha qabel kollox tittrasforma poeta famuż f'bniedem tad-dinja, u wara taqleb idolu mfissed tal-mument f'raġel li jirrispetta r-regoli tal-ħajja kif kienet fl-ambjent ristrett u rfinat li fih kienet tgħix id-dukessa Anna Amalia. Goethe laqa' tajjeb dan it-tagħlim ta' ekwilibriju, miżura u awtokontroll, li kien il-bażi tal-evoluzzjoni tiegħu, minkejja li qamlu ħafna sforzi u sagrifiċċji.

Din it-trasformazzjoni bil-mod, tidher ċara fl-ewwel għaxar snin li qatta' f'Weimar, karatterizzati minn ċertu faqar fil-xogħol poetiku. Kien hemm biss xogħlijiet li kienu għadhom ibbażati fuq il-poeżija ta' qabel, fosthom, pereżempju, L-għanjiet ta' Mignon inklużi fil-"Wilhelm Meister", iż-żewġ ballati "Is-sajjied" (Der Fischer) u "Ir-re tal-elfi" ("Erlkönig"), l-istupenda "Għanja lejlija tal-ġerrej" (Wanderers Nachtlied), poeżija li fiha r-ruħ tal-poeta bil-qajla tieħu post il-qalb kapriċċuża li kienet iddominat il-ħidmiet ta' qabel.

Charlotte von Stein

It-tfittx għall-verità aħħarija tar-ruħ iddominat kitbiet oħra; kiteb l-"Għanja tal-ispirti fuq l-ilma" (Gesang der Geister über dem Wasser), "Il-limiti tal-bniedem" (Grenzen der Menschheit) u "Id-divin" (Das Göttliche). Matul dan il-perjodu (mill-1777 għall-1785) Goethe kiteb ukoll ir-rumanz "Is-sejħa teatrali ta' Guliermu Meister" ("Wilhelm Meisters theatralische Sendung") u d-dramm, tal-1779, "Ifiġenja f'Tauride" ("Iphigenie auf Tauris"). Barra minn hekk, f'dawn is-snin kien imħabbat fuq bosta frontijiet differenti bħala kunsillier ministerjali għall-affarijiet militari, għall-vijabbiltà, għall-minjieri u għall-amministrazzjoni pubblika.

Kien ukoll supratendent tal-mużewijiet, u fl-1782 ingħata t-titlu nobiljari. Dan il-perjodu ta' bidliet radikali u mingħajr dubju negazzjoni tiegħu innifsu, intemm meta Goethe, fl-1786, mingħajr ma jaf ħadd, telaq lejn l-Italja. Hemm għadda sentejn hieni għalkollox fis-sensi u fir-ruħ fl-imħabba u s-seħer taċ-ċiviltà antika. Il-veduti, l-arti u l-karattru tal-poplu Taljan inkarnaw l-ideal tiegħu ta' għaqda bejn ir-ruħ u s-sensi. Hawn irnexxielu jagħti l-għamla definittiva lill-"Ifiġenja f'Tauride", li l-ewwel kienet miktuba fil-proża, imbagħad fil-proża ritmika, reġa' qalibha għall-proża u fl-aħħar irranġaha fil-Blankvers jew bil-pentapodija ġambika.

Dan ix-xogħol sar meqjus bħala l-evanġelju tal-umaneżmu. Dan id-dramm, bħad-drammi kollha ta' Goethe, kien biss traġedja li setgħet tiġri, infatti Ifiġenja salvat 'il ħuha mill-ġenn u lir-Re Toante mill-inġustizzja, imma fuq kollox minħabba l-qawwa morali tagħha, rebħet fuq id-destin u żammet il-libertà tagħha. Eżempju ieħor bl-istess għan kien Torquato Tasso, dramm ieħor li lesta fl-Italja (Goethe żar iċ-ċella ta' Tasso u d-dar ta' Ludovico Ariosto fil-belt ta' Ferrara u l-palazzi antiki tal-Estensi), fuq il-pożizzjoni prekarja ta' artista f'soċjetà kortiża. Goethe seta' juża l-esperjenzi personali tiegħu fil-qorti ta' Weimar fl-adattament għal-palk tal-emozzjonijiet tal-poeta żagħżugħ Taljan.

Fl-1788 mar lura Weimar fejn ma sabx wisq merħba. Il-pubblikazzjoni tal-"Eleġiji Rumani" ("Römische Elegien"), rakkont tal-perjodu Taljan, qajjem ħafna agħa bħalma għamlet ir-relazzjoni tiegħu ma' Christiane Vulpius, bejjiegħa tal-fjuri, li wara żżewweġ. Dawn il-grajjiet flimkien ġegħlu 'l Goethe jingħalaq f'xorta ta' iżolament soċjali, imma fuq kollox spiritwali. L-għarfien li ma kienx mifhum u d-dwejjaq tan-nixfa poetika li kien qiegħed iġarrab wassluh biex jistmerr u jiċħad dak kollu li kien imbiegħed minn kif kien jaħseb hu. Il-kriżi ta' dawk is-snin kienet gravi għall-aħħar, imma fl-1794, kif kien ġara fl-imgħoddi, il-wasla u l-ħbiberija ta' Friedrich Schiller salvawh minn din is-sitwazzjoni. Mill-1794 iddedika ruħu prinċipalment għal-letteratura, u wara ħajja ta' fekondità kreattiva straordinarja, miet fl-1832 f'Weimar, x'aktarx b'attakk tal-qalb.

Allavolja hemm ħafna polemika fuqhom, l-aħħar kliem tiegħu saru famużissmi. Kienu: "Mehr Licht" ("Aktar dawl").

Importanza storika[immodifika | immodifika s-sors]

Monument ta' Goethe f'Leipzig

L-importanza ta' Goethe fis-seklu 19 kienet enormi. Għal ħafna aspetti, beda ħafna kunċetti u ideat li maż-żmien saru familjari għal kulħadd. Goethe ipproduċa volumi ta' poeżija, saġġi, kritika u xogħlijiet xjentifiċi, fosthom teorija dwar l-ottika u riċerki li antiċipaw it-teorija evoluttiva u lingwistika. Kien affaxxinat mill-minerali u mill-mineraloġija (il-mineral Goethite imsemmi għalih). Bħala filosfu u kittieb, kien wieħed mill-figuri importanti tat-tranżizzjoni mill-Illuminiżmu għar-Romantiċiżmu.

Il-lista li ġejja tax-xogħlijiet l-iżjed importanti tista' tagħti idea tal-impatt li kellu fuq żmienu u żmienna:

Ir-rumanz miktub f’għamla ta' ittri, Die Leiden des jungen Werthers (in-niket taż-żagħżugħ Werther), ippubblikat fl-1774 jirrakkonta storja ta' mħabba mimlija niket li tispiċċa b'suwiċidju. Goethe ammetta li kien "qatel lill-eroj tiegħu biex isalva ruħu". Ugo Foscolo ħa l-ispirazzjoni biex jikteb ir-rumanz tiegħu f'forma ta' ittri Ultime lettere di Jacopo Ortis (L-aħħar ittri ta' Jacopo Ortis).

Il-poeżija epika Faust, inkitbet ftit ftit, u ġiet ippubblikata sħiħa biss wara mewtu. L-ewwel parti ġiet ippubblikata fl-1808 u għamlet sensazzjoni. L-ewwel verżjoni operistika bil-mużika ta' Spohr dehret fl-1814 u kienet l-ispirazzjoni tal-opri ta' Charles Gounod, Arrigo Boito u Ferruccio Busoni; il-poeżiji sinfoniċi ta' Richard Wagner u Franz Liszt, Gustav Mahler, u anki l-kantata Xeni tal-Faust ta' Robert Schumann. It-trama essenzjali ta' li wieħed "ibigħ ruħu lix-xitan" u jpartatha mal-qawwa f'din id-dinja kibret fl-importanza u saret metafora għat-trijonf tat-teknologija u tar-rivoluzjoni industrjali bit-tagħbija kollha tagħha ta' tbatija umana. Dan ix-xogħol poetiku ta' Goethe kien il-mudell għall-moviment poetiku sħiħ Ġermaniż imsejjaħ Innerlichkeit (introverżjoni), rappreżentat pereżempju minn Heinrich Heine. Ix-xogħlijiet ta' Goethe ispiraw ħafna kompożituri, fosthom Mozart, Beethoven, Schubert u Hugo Wolf.

L-influwenza ta' Goethe kienet importanti għaliex fehem it-tranżizzjoni u l-bidla tas-sensibbiltà Ewropea, l-interess li żdied fis-senswalità, fl-indeskrivibbli u fl-emozzjonali. Però ma kienx iper-emottiv jew sensazzjonalista, għall-kuntrarju, kien jipprietka l-qies u kien iqis l-eċċess bħala marda. "M'hemm xejn agħar mill-immaġinazzjoni mingħajr gost". Kien jargumenta li l-liġi tinbet mill-profondità tal-kultura ta' poplu u mill-art li jgħix fiha, u allura liġijiet razzjonali mhux dejjem jistgħu jiġu imposti minn fuq: teżi li ġabitu f'oppożizzjoni diretta ma' dawk li kienu jfittxu jwaqqfu monarkiji "mdawlin" imsejsin fuq liġijiet "razzjonali", pereżempju Ġużeppi II tal-Awstrija jew, iktar tard, Napuljun imperatur tal-Franċiżi.

Din il-bidla saret maż-żmien il-bażi tas-seklu 19. Dan għamlu, flimkien ma' Adam Smith, Thomas Jefferson, Ralph Waldo Emerson u Ludwig van Beethoven figura fundamentali bejn iż-żewġ dinjiet. Minn naħa waħda jfittex l-estetika, l-ordni u dettalji fini li hi t-timbru ta' Żmien ir-Raġuni u tal-perjodu neoklassiku fl-arkitettura; min-naħa l-oħra jfittex forma ta' espressjoni personali u intwittiva. L-ideat tiegħu fuq l-evoluzzjoni fformulaw il-mistoqsijiet li għalihom Darwin kellu jsib tweġiba.

Fost il-werrieta l-kbar tal-kitba u l-ħsieb Goethjan fil-letteratura Ġermaniża tas-sekla 19 insibu mingħajr dubju 'l Friedrich Nietzsche u fis-seklu 20 lir-rumanzier Thomas Mann u lill-kittieb Ernst Jünger.

Xogħlijiet ewlenin[immodifika | immodifika s-sors]

Kummiedji[immodifika | immodifika s-sors]

  • (1768) Die Laune des Verliebten (Il-kapriċċi tan-namrat) – xogħol Rokokò taż-żagħżugħ Goethe
  • (1769) Die Mitschuldigen (Il-ħatjin flimkien)

Rumanzi[immodifika | immodifika s-sors]

  • (1774) Die Leiden des jungen Werthers (In-niket taż-żagħżugħ Werther) – xogħol tal-perjodu Sturm und Drang ta' Goethe, bi tratti li jfakkru fir-Rokokò u l-Empfindsamkeit
  • (1777-1785) Wilhelm Meisters theatralische Sendung (Is-sejħa teatrali ta' Wilhelm Meister)
  • (1796) Wilhelm Meisters Lehrjahre (L-apprendistat ta' Wilhelm Meister)
  • (1809) Die Wahlverwandschaften (Affinitajiet elettivi)
  • (1821) Wilhelm Meisters Wanderjahre (Il-pellegrinaġġ ta' Wilhelm Meister)
  • (1811-33) Aus meinem Leben: Dichtung und Wahrheit (Minn ħajti: Poeżija u verità)

Drammi[immodifika | immodifika s-sors]

  • (1773) Götz von Berlichingen
  • (1774) Clavico
  • (1776) Stella
  • (1787) Iphigenie auf Tauris (Ifiġenja f'Tawride)
  • (1788) Egmont
  • (1790) Torquato Tasso
  • (1807/08) Pandora
  • (1808) Faust, l-1 Parti – Xogħol tal-perjodu tal-"Weimarer Klassik"
  • (1832) Faust, it-2 Parti - Xogħol tal-perjodu romantiku

Poeżija[immodifika | immodifika s-sors]

  • (1773) Prometheus ("Prometew)
  • (1782) Der Erlkönig (Ir-re tal-elfi)
  • (1790) Roemische Elegien (Eleġiji rumani)
  • (1794) Reineke Fuchs (Il-volpi Reineke)
  • (1797) Der Zauberlehrling (L-apprendista saħħar)
  • (1798) Hermann und Dorothea (Arminju u Dorotea)
  • (1819) West-oestlicher Divan (Id-divan tal-Lvant-Punent)

Saġġi[immodifika | immodifika s-sors]

  • (1790) Versuch die Metamorphose der Pflanzen zu erklären (Il-metamorfożi tax-xtieli), saġġ xjentifiku
  • (1799) Ueber den dilettantismus (Dwar id-dilettantiżmu (miktub f'kollaborazzjoni ma' Schiller
  • (1810) Zur Farbenlehre (Teorija tal-kuluri), saġġ xjentifiku
  • (1817) Italienische Reise (Vjaġġ fl-Italja)
  • (1832-1833) Nachgelassene Schriften (Xogħol postum)
  • (1836) Gespräche mit Goethe (Taħdita ma' Goethe)

Xogħol ieħor[immodifika | immodifika s-sors]

  • (1786) Novella (Novella)
  • (1793) Die Belagerung von Mainz (L-Assedju ta' Mainz). Goethe ħa sehem mad-duka fl-assedju ta' Mainz.


Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]