Bibbja

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Bibbja antika ta' Gutenberg

Il-Bibbja (mill-Grieg βιβλία, jew biblìa, li tfisser kotba) hu l-ktieb mqaddes tar-reliġjon Lhudija u tar-reliġjon Nisranija.

Dawk li jemmnu li nkitbet taħt ispirazzjoni divina jsejħulha wkoll il-Kitba Mqaddsa jew l-iSkrittura Sagra.

Hi magħmula minn kotba differenti fl-oriġni, forma u kompożizzjoni, miktubin fuq firxa twila ta’ żmien, preċeduti minn tradiżżjoni orali ftit jew wisq twila. Jekk ngħoddu wkoll il-proċess ta’ kodifikazzjoni tal-kanoni bibliku, it-testi bibliċi ħadu iżjed minn elf sena biex jinkitbu.

Mal-Bibbja Lhudija l-Kristjaneżmu żied bosta kotba, tant li l-Bibbja kellha tinqasam fit-Testment il-Qadim (jew Rabta l-Qadima), li t-testi tiegħu inkitbu qabel il-ministeru ta’ Gesù Kristu, u t-Testment il-Ġdid (jew Rabta l-Ġdida), li jiddeskrivi "l-aħbar tajba" tal-miġja tal-Messija.

Bibbja Lhudija u Samaritana[editja]

Manuskritt tal-Pentatewku Samaritan ta’ Nablus (seklu XIII).

Il-terminu "Bibbja Lhudija"[1] s-soltu jintuża biex ifisser it-testi mqaddsa tar-reliġjon Lhudija. Però dan mhux sewwa għax l-etimologija ta’ Bibbja hi Griega (= kotba), u dan it-terminu mhux aċċettat mis-segwaċi tal-monoteiżimu Lhudi. It-terminu li jużaw dawn hu Tanak, li mhux kelma bl-ilsien Lhudi imma akronimu (T-N-K) magħmul mill-inizjali tal-partijiet li fihom inġabru is-36 ktieb:

Il-kotba kollha tal-Bibbja Lhudija nkitbu bil-Lhudi ħlief xi partijiet żgħar li inkitbu bl-Aramajk.

Fost il-Lhud ta’ l-antik, xi friegħi, in partikulari, is-sadduċej, kienu jqisu it-Torah biss bħala qaddisa, u mill-qedem is-samaritani kellhom pożizzjoni simili u kienu jqisu bħala kanoniċi il-Pentatewku u l-ktieb ta’ Ġoswè biss.

Il-komunitajiet Lhudin antiki tal-lingwa Griega, issa estinti, kienu jsegwu minflok kanoni iżjed miftuħ mill-kanoni Lhudi ta’ issa, dak li jgħidulu l-kanoni alessandrin, li ġej mill-verżjoni tas-Sebgħin tal-Bibbja. Fl-ewwel seklu WK, il-kanoni palestiniż, iżjed ristrett minn dak alessandrin, kien meqjus definittiv.

Bibbja Nisranija[editja]

Il-Bibbja Nisranija fiha it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid, li hu speċifikament Nisrani, jiġifieri għandu x’jaqsam ma’ Ġesù Kristu u t-twelied tal-Knisja appostolika.

Il-parti l-kbira tal-knejjes protestanti għat-Testment Antik isegwu il-kanoni Lhudi waqt li l-Knisja Kattolika u l-knejjes ortodossi jsegwu minflok il-kanoni alessandrin (b’xi differenzi), li fih kotba bil-Lhudi kif ukoll bill-Grieg. Il-kotba li ma jappartienux għall-kanoni tal-Bibbja Lhudija jgħidulhom dewterokanoniċi mill-Kattoliċi u apokrifi mill-protestanti li ħafna drabi idaħħluhom bħala appendiċi separati bejn iż-żewġ testmenti.

Anki għat-Testment il-Ġdid, miktub bil-Grieg (ħlief forsi l-evanġelju ta’ Mattew li jista’ jkun li nkiteb bil-Lhudi jew Aramajk), fl-antik kien hemm differenzi bejn il-knejjes fuq in-numru tal-kotba li aċċettaw bħala ispirati. In partikulari kien hemm xi dubbji fuq l-epistoli mhux attribwiti ta’ Pawlu ta’ Tarsu u fuq l-Apokalissi. Il-kotba kontroversjali tat-Testment il-Ġdid kienu jgħidulhom antilegomena.

It-Testament il-Qadim[editja]

It-taqsim tradizzjonali Nisrani hu f’ħames partijiet, jiġifieri il-Pentatewku, il-Kotba Profetiċi (ta' Kmieni = Kotba Storiċi u tat-Tard = profetiċi proprja), Kitba (jew Kotba ta’ l-Għerf), Dewterokanoniċi. In-numru tal-kotba jvarja skond il-kanoni diversi (Lhudi, protestant, kattoliku, ortodoss). Fit-tabella, barra l-ordinazzjoni Lhudija, nżommu ordni loġiku:


Kanoni Lhudi Kanoni ortodoss Kanoni Kattoliku Kanoni protestant (apokrifu*)
Torah jew Pentatewku
בראשית (Berexìt = Fil-Bidu) Γένεσις (Génesis = Oriġni) Genesis - Ġenesi Genesi
שמות (Xemòt = Ismijiet) Έξοδος (Èxodos = Ħarġa) Exodus - Eżodu Eżodu
ויקרא (Wajqrà = U Sejjaħ) Λευιτικό (Levitikó = Levitiku) Leviticus - Levitiku Levitiku
במדבר (Bemidbàr = Fid-Deżert) Αριθμοί (Aritmòi = Numri) Numeri - Numri Numri
דברים (Devarìm = Kliem) Δευτερονόμιο (Deuteronòmio = It-Tieni Liġi) Deuteronomium - Dewteronomju Dewteronomju
Profeti ta' Kmieni jew Kotba storiċi
יהושע (Jehoxwa') Ιησούς (Iesús) Iosue - Ġożwè Ġożwè
שופטים (Xofetìm - Mħallfin) Κριτές (Krités – Mħallfin) Iudicum - Mħallfin Mħallfin
שמואל (Samwél) A' Σαμουήλ (1 Samuèl –Samwel 1) jew A' Βασιλέων (1 Basiléon – Slaten 1) 1 Samuel - Samwel 1 Samwel 1
B' Σαμουήλ (2 Samwél–Samwel 2) jew B' Βασιλέων (2 Basiléon – Slaten 2) 2 Samuel - Samwel 2 Samwel 2
ספר מלכים (Sèfer Malkìm – Ktieb tas-Slaten) A' Βασιλέων (1 Basiléon - Slaten 1) jew Γ' Βασιλέων (3 Basiléon - Slaten 3) 1 Regum - Slaten 1 Slaten 1
B' Βασιλέων (2 Basiléon - Slaten 2) jew Δ' Βασιλέων (4 Basiléon - Slaten 4) 2 Regum - Slaten 2 Slaten 2
Profeti tat-Tard: Profeti kbar
ישעיהו (Ixa'ihàw) Ησαΐας (Esaìas) Isaias - Isaija Isaija
ירמיהו (Jermihàw) Ιερεμίας (Ieremías) Ieremias - Ġeremija Ġeremija
יחזקאל (Jehżqè'l) Ιεζεκιήλ (Iezekiél) Ezechièl - Eżekjel Eżekjel
Profeti tat-Tard: Profeti żgħar jew Tnax
הושע (Hoxè'a) Ωσηέ (Oseé) Osee - Hosegħa Hosegħa
יואל (Joèl) Ιωήλ (Ioél) Ioel - Ġoel Ġoel
עמוס ('Amòs) Αμώς (Amós) Amos - Għamos Għamos
עובדיה ('Obadiàh) Αβδιού (Abdiú) Abdias - Għabdija Għabdija
יונה (Jonàh) Ιωνάς (Ionás) Ionas - Ġona Ġona
מיכה (Mikà) Μιχαίας (Michaías) Michaeas - Mikea Mikea
נחום (Nahùm) Ναούμ (Naúm) Nahum - Naħum Naħum
חבקוק (Habaqqùq) Αβακούμ (Abakùm) Habacuc - Ħabakkuk Ħabakkuk
צפניה (Zefanjàh) Σοφονίας (Sofonìas) Sophonias - Sofonija Sofonija
חגי (Haggài) Αγγαίος (Aggaíos) Aggaeus - Ħaggaj Ħaggaj
זכריה (Zekarjàh) Ζαχαρίας (Zacharías) Zacharias - Żakkarija Żakkarija
מלאכי (Mal'aki) Μαλαχίας (Malachías) Malachias - Malakija Malakija
Kitba
תהילים (Tehillìm - Salmi) Ψαλμοί (Psalmòi - Salmi) + Sal 151 Psalmi - Salmi Salmi
משלי (Mixlè - Qwiel) Παροιμίες (Paroimíes - Qwiel) Prouerbia - Qwiel Qwiel
איוב ('Iòb) Ιώβ (Iòb) Iob - Ġob Ġob
שיר השירים (Xìr hasxirìm - L-Għanja ta’ l-Għanjiet) Άσμα Ασμάτων (Ásma asmáton – L-Għanja ta’ l-Għanjiet) Canticum (canticorum) - L-Għanja ta’ l-Għanjiet L-Għanja ta’ l-Għanjiet
רות (Rut) Ρουθ (Rùth) Ruth - Rut Rut
איכה ('Ekàh - Ajma) Θρήνοι (Thrénoi - Lamentazzjonijiet) Lamentationes - Lamentazzjonijiet Lamentazzjonijiet
קהלת (Qohèlet - Kohelet) Εκκλησιαστής (Ekklesiastés - Kohelet) Ecclesiastes - Koħelet jew Ekklesjasti Ekklesjasti
אסתר (Estèr) Εσθήρ (Esthér) Esther - Ester Ester
- Xi żieda ma’ Ester Ester passim Ester passim*
דניאל (Dani'èl) Δανιήλ (Danièl) Daniel - Danjel Danjel
- Xi żieda ma’ Danjel Danjel kap. 3; 13; 14 Danjel kap. 3;13;14*
- Έσδρας A' (1 Ésdras) Esdra greco* o 3 Esdra* 1 Esdra*
עזרא ('Ezrà) jinkludi נחמיה (Nehemjàh) Έσδρας B' (2 Ésdras) Esdra - Esdra Esdra
Νεεμίας (Neemías) jew Έσδρας Γ' (3 Ésdras)[2] Nehemia - Neħemija Neħemija
- Έσδρας Δ' * 4 Esdra* jew Apokalissi ta’ Esdra* 4 Esdra*
דברי הימים (Debarè hajomim - Cose dei giorni) A' Παραλειπομένων (1 Paraleipoménon - 1 Omissioni) 1 Paralipomenon - Kronaki 1 Kronaki 1
B' Παραλειπομένων (2 Paraleipoménon - 2 Omissioni) 2 Paralipomenon - Kronaki 2 Kronaki 2
- Ωδαι (Odai - Odi) - Odi*
Dewterokanoniċi
- Τοβίτ (Tobít) Tobit - Tobija Tobija*
- Ιουδίθ (Iudíth) Iudith - Ġuditta Ġuditta*
- A' Μακκαβαίων (1 Makkabáion) 1 Machabaeorum - Makkabin 1 Makkabin 1*
- B' Μακκαβαίων (2 Makkabáion) 2 Machabaeorum - Makkabin 2 Makkabin 2*
- Γ' Μακκαβαίων (3 Makkabáion) - -
- Δ' Μακκαβαίων (4 Makkabáion) - -
- Σοφία Σολομώντος (Sofía Solomóntos – Għerf ta’ Salamun) Sapientia - Għerf Għerf*
- Σοφία Σειράχ (Sofía Seirách – Għerf ta’ Sirach) Siracides - Siraċidi Siraċidi*
- Βαρούχ (Barúch) Baruch - Baruk Baruk*
- Επιστολή Ιερεμία (Epistolé Ieremía) Epistula Ieremiae - Ittra ta’ Ġeremija jew Baruk kap. 6 Ittra ta’ Ġeremija jew Baruk kap. 6*

It-testi li l-protestanti jgħidulhom "apokrifi" ma jikunsidrawhomx bħala kanoniċi imma ssoltu jżiduhom bħala appendiċi mal-Bibbji (pereżempju il-Bibbja ta’ Luteru jew il-Bibbja tar-Re Ġakmu ta’ l-Ingilterra) biex, għalkemm ma jistgħux ikunu ta’ sisien għall-fidi, jistgħu ikunu utli biex isaħħu l-pjetà ta’ l-insara. F’ħafna edizzjonijiet moderni però, l-iżjed f’edizzjonijiet iżjed kompatti u ekonomiċi, iħalluhom barra għal kollox.

It-Testament il-Ġdid[editja]

It-Testment il-Ġdid li jagħmel parti mill-Bibbja Nisranija biss, kien miktub oriġinarjament bil-Grieg b’ħafna semitiżmi, hu magħmul mill-erba’ Evanġelji, l-ittri ta’ l-appostlu Pawlu, l-Ittri Kattoliċi, l-Atti ta’ l-Appostli u l-Apokalissi, b’total ta’ 27 ktieb. Hemm qbil sostanzjali bejn id-diversi konfessjonijiet Insara (kattolika, ortodossa, protestanta) fuq in-numru u l-ordni tal-kotba, bl-unika differenza li fl-ordni Luteran l-aħħar kotba huma d-dewterokanoniċi, jiġifieri l-ittra lil-Lhud, l-ittri ta’ Ġakbu u ta’ Ġuda u l-Apokalissi, jiġifieri l-ittra lil-Lhud hi separata mill-ittri l-oħra Pawlini u l-ittri ta’ Ġakbu u ta’ Ġuda huma mifrudin mill-ittri kattoliċi.

Forom letterarji[editja]

Il-Bibbja fiha bosta forom letterarji differenti. Il-kelma biblia forsi qiegħda fil-plural biex tindika din il-varjetà ta’ forom letterarji. Fil-bidu t-trasmissjoni tal-ġrajjiet kienet bil-fomm u fil-periklu li tintilef. Infatti nafu li ngħaqdu flimkien iż-żewġ tradizzjonijiet tat-tramuntana u ta’ nofsinhar tal-Palestina u l-influwenza tal-kulturi orjentali li kellhom kuntatt magħha l-ewwel kittieba fil-Babilonja ma nistgħux ninjorawha.

Il-forom litterarji preżenti fil-kotba bibliċi jistgħu jitqassmu bejn wieħed u ieħor f'dawn li ġejjin:

  • forma storika: dawk it-testi li jagħtu deskrizzjoni f’kuntest storiku ta’ persuni u ġrajja. L-attendibbiltà storika ta’ dawn ir-rakkonti tvarja. Pereżempju, l-ewwel 11-il kapitlu tal-Ġenesi li jiddeskrivu l-ħolqien tad-dinja sa’ Abram (bidu tat-II millennju Q.K.), daż-żmien huma interpretati mill-eżeġeti nsara unanimament bħala simboliċi (rakkont tal-ħolqien, dnub oriġinali, dulluvju...). Anki fir-rumanzi ellenisti ta’ Tobija, Ġuditta, Ester il-kontestwalizzazjoni storika sservi biss bħala qafas għar-rakkont li għandu għan teoloġiku preċiż. Bil-kuntrarju, il-kotba li għandhom l-intenzjoni li jkunu tassew storiċi (Samwel, Slaten, Makkabej, ir-rakkonti evanġeliċi u l-Atti) jagħtu informazzjoni li rarament tirriżulta f’kuntrast mas-sorsi oħra minn dak iż-żmien. Għall-istejjer tal-patrijarki (Abram, Iżakk, Ġakobb-Iżrael, Ġużeppi) li qegħdin fil-Ġenesi, mhux possibbli nifluhom kritikament minħabba n-nuqqas totali ta’ sorsi storiċi fuq il-kulturi nomadi tal-Lvant tal-Qrib fit-II millennju Q.K.
  • forma leġiżlattiva: tinkludi t-testi bil-liġijiet jew regoli fl-ambitu soċjali jew reliġjuż, l-iżjed preżenti ġewwa t-Torah (p.eż. Levitiku hu ktieb li hu interament leġiżlattiv).
  • forma profetika: fiha l-orakli profetiċi, jiġifieri tħeġiġ morali imniedi minn nies li jqisu ruħhom bħala mibgħutin minn Alla. Dawn l-eżortazzjonijiet huma dejjem diretti lejn persuni definiti (slaten, individwi, komunitajiet ta’ fidili jew popolu sħieħ) li, bl-imġiba tagħhom tbegħdu mit-triq id-dritta. Anki l-eżortazzjonijiet li qegħdin fl-epistoli tat-testment il-ġdid jistgħu jitqisu taħt il-forma profetika.
  • forma apokalittika: tinkludi testi simboliċi, li spiss ma jinfthemux razzjonalment, bl-għan li juru l-pjan rebbiegħ u definittiv t’Alla fuq l-istorja. Dawn dehru f’perijodi ta’ inċertezza kbira fil-komunità tal-fidili ġejja minn persekuzzjonijiet politiċi li setgħu iġegħluhom iħossuhom abbandunati minn Alla. It-testi apokalittiċi kważi kollha qegħdin fil-kotba ta’ Danjel u l-Apokalissi. L-Apokalissi in partikulari, ma kienx deskrizzjoni ta’ dak li kellu jiġri fil-ġejjieni mbiegħed, imma rassikurazzjoni lill-Knisja ta’ dak iż-żmien, persegwitata b’qilla feroċi mill-imperatur Ruman Dijoklezjanu, li l-Qawmien mill-Mewt ikollu l-aħħar kelma.
  • forma ta’ l-għerf: din il-kategorija wiesa’ tinkludi it-testi kollha li ma joqogħdux fl-oħrajn. Tinkludi talb (p.eż. Salmi), poeżiji erotiċi (p.eż. Għanja ta’ l-Għanjiet), lamentazzjonijiet, meditazzjonijiet jew qwiel ta’ diversi tipi (Koħelet, Qwiel, Ġobb).

Messaġġ teoloġiku[editja]

Hu impossibbli li nagħtu definizzjoni univoka tal-messaġġ teoloġiku tal-kotba bibliċi. Minhom, infatti, ħarġu numru kbir ta’ konfessjonijiet reliġjużi ta’ ereżiji, kull waħda tiġġustifika ruħha b’qari u interpretazzjoni tat-test bibliku. Ma’ dan kollu, meta nfittxu kunċetti fundamentali teoloġiċi komuni għad-diversi konfessjonijiet, nistgħu insibu nukleji li fuqhom hemm qbil:

  • Jeżisti esseri perfett, spirtu pur, mhux rappreżentabbli taħt l-ebda sura, etern, immutabbli, omnipotenti, omnixxenti.
  • Fit-Testment il-Qadim Lhudi kien jissejaħ bl-isem komuni Alla (El jew Elohim), bl-isem komuni Mulej (Adonaj), bl-isem proprju JĦWH u b’diversi epiteti oħra: L-Ogħla, Etern, Qaddis, Qerried, Mulej tal-Qtajja. Fit-Testment il-Qadim Grieg u fit-Testment il-Ġdid kien imsejjah bl-ismijiet komuni Alla (Theos) u Mulej (Kyrios). Id-definizzjoni t’Alla bħala Missier hi bis fit-Testment il-Ġdid.
  • Alla ħalaq liberament u mix-xejn l-univers u l-bniedem, quċċata tal-ħolqien, karatterizzat minn tjubija oriġinarja.
  • F’ċertu punt fl-imgħodi l-bniedem fil-libertà tiegħu, għażel li jitbiegħed minn Alla (dnub oriġinali), u jdaħħal il-ħażen fil-ħolqien.
  • Alla għamel rabta ma’ Abram u d-dixxendenti tiegħu, il-poplu t’Iżrael. Intrabat li jipproteġi matul iż-żmien il-poplu tiegħu u li jeżiġi l-qima lejh biss. L-indħil t’Alla hu ċar partikularment f’xi ġrajjiet: il-ħelsien mill-Eġittu (Eżodu, it-XIII seklu QK); ir-rebħa ta’ l-Art Imwegħda ( is-sekli XIII-XI QK); It-tixrid ta’ l-10 tribù idolatri tat-tramuntana (seklu VIII QK); l-eżilju fil-Babilonja u r-ritorn (seklu VI QK) minn hemm.
  • Alla ta ‘l Mosè l-liġi, insostitwibbli u immodifikabbli, li tikkonsisti f'613-il mitzvòt (preċetti) u huma mqassrin fl-għaxar kmandamenti, bil-wegħda li jippremja 'l min jobdihom u jikkastiga ‘l min jiksirhom.
  • Il-poplu t'Iżrael tbiegħed ħafna drabi mil-liġi jew applikaha minn barra biss, u għalhekk kien mċanfar min-nies imsejħin minn Alla, il-profeti.
  • Alla wiegħed li jibgħat il-Messija għall-fidwa tal-poplu tiegħu.
  • Fit-tmiem taż-żmien jirxoxta l-mejtin, jiggarantilhom is-salvazzjoni eterna jew kundanna eterna skond l-imġiba li kellhom fil-ħajja lejn Alla u l-proxmu.

Fit-Testment il-Ġdid, aċċettat mill-insara imma mhux mil-Lhud, hemm kunċetti oħra:

  • Alla hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu.
  • Ġesù Kristu, il-Messija mistenni, iben Alla, wassal għal spjegazzjoni perfetta l-liġi ta’ Mosè, li tista’ tinġabar fil-qosor fl-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxmu.
  • Bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt, dawk kollha li jemmnu fih jieġu salvati u rikonċiljati ma’ Alla.

Qari u interpretazzjoni[editja]

Kif nifhmu l-Bibbja, il-mod kif naqrawha u l-interpretazzjoni tagħha, dixxiplina li tissejjaħ ermenewtika tal-Bibbja, u fatt teoloġiku, jiġifieri jiddependi mid-diversi komunitajiet reliġjużi. Din hi differenti mill-eżeġesi li din tikkonsisti f’li toħroġ is-sens minn parti tat-test, bl-għajnuna ta’ dixxiplini bħall-filoloġija u l-istorja, waqt li l-ermenewtika tfittex li tagħti u tispjega s-sens iżjed wiesa’ li l-awtur ried jagħti l-publiku tiegħu. Pereżempju fit-Testment il-Ġdid, u in partikulari fil-kitba ta’ Pawlu, insibu ermenewtika ġdida tal-kitba mqaddsa Lhudija.

Għalhekk l-ewwel differenza kbira fl-ermenewtika tal-Bibbja hi bejn il-Lhud u l-Insara: għalkemm hemm affinità parzjali bejn iż-żewġ reliġjonijiet, għaliex għandhom parti mill-kanoni tal-Bibbja fil-komuni, huma żviluppaw tradizzjonijiet differenti tal-fidi u għalhekk metodi interpretattivi u ermenewtiċi differenti.

It-test[editja]

Sorsi tat-test Lhudi[editja]

Foljo 474a tal-Kodiċi ta’ Leningrad wieħed mis-sorsi ewlenin tat-test Lhudi

Għat-Testment il-Qadim Lhudi, id-dokumenti l-izjed antiki huma dawk tar-Rotli tal-Baħar Mejjet, li nstabu fl-1947 u fihom frammenti ftit jew wisq sħaħ tat-testi kollha tal-Bibbja Lhudija. B’kollox ġejjin minn perijodu twil li jmur mill-250 Q.K. sat-68 AD.

Id-dokumenti l-iżjed awtorevoli miktuba mill-mażoreti u li jaqblu sostanzjalment mar-Rotli tal-Baħar Mejjet huma:

It-test kritiku (jiġifieri li jieħu kont tad-diversi dokumenti ewlenin) li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test Lhudi hu dak tal-Biblia Hebraica Stuttgartensia (BHS), ibbażat fuq L, miktub fl-1966 (1977, 1983, 1990) minn Karl Ellinger u W. Rudoph tad-Deutsche Bibelgesellschaft ta’ Stuttgart (għalhekk l-isem).

Sorsi tat-test Grieg[editja]

Paġna tal-Kodiċi Vatikan (seklu IV), wieħed mis-sorsi ewlenin tat-Grieg.

Għat-Testment il-Ġdid u t-Testment il-Qadim bil-Grieg, id-dokumenti l-iżjed antiki huma xi papiri li ġejjin mis-seklu II AD. Hemm xi ħamest elef manuskritti oħra konservati. L-iżjed awtorevoli minnhom huma dawn:

  • il-Kodiċi ta’ Efrem (C), Dan inkiteb fuq xi testi li kienu mħassrin (għalhekk jgħidulu Palinsest) mit-teologu Sirjan Efrem. Jaħsbu li ġej mis-seklu V.
  • il-Kodiċi ta’ Beza (D) jew Cantabrigensis (ta’ Cambridge), imsejjaħ hekk għax kien tal-kalvinista Teodoru minn Beza. Ġej mis-seklu V.

It-test kritiku (jiġifieri li jieħu kont tad-diversi dokumenti ewlenin) li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test tat-Testment il-Qadim bil-Grieg, inklużi l-kotba dewterokanoniċi hi l-edizzjoni ppublikata fl-1935 mill-filologu Ġermaniż Alfred Rahlfs.

It-test kritiku li daż-żmien jintuża bħala mudell għat-test Grieg tat-Testment il-Ġdid hu dak ta’ The Greek New Testament (GNT), minn K. Aland, M. Black, B. M. Metzger, A. Wikgren, Carlo Maria Martini, B. Aland. United Bible Societies. Edizzjonijiet: 1966, 1968, 1975, 1983 u 1993.

Verżjonijiet tal-Bibbja[editja]

San Ġlormu fl-istudju tiegħu, ta’ Domenico Ghirlandaio

Fost l-eluf tat-traduzzjonijiet tat-test bibliku għal-lingwi kollha tad-dinja, ta’ min isemmi dawn li ġejjin:

  • Pentatewku Samaritan (Torah e Ġożwè). Definit fis-seklu IV QK, mhux proprjament traduzzjoni tas-6 kotba Lhudin għax anki hu, hu miktub bil-Lhudi, imma fih differenzi notevoli mit-test mażoretiku kanoniku. Hu t-test uffiċjali tal-komunità żgħira Samaritana li għadha teżisti fl-Iżrael s’issa.
  • Pexitta Bl-aramajk, realizzata, skond it-tradizzjoni, mill-isqof tal-belt ta’ Edessa, Rabbula (miet fl-435), hu t-test uffiċjali ta’ diversi knejjes tat-tradizzjoni Sirjaka li qegħdin l-iżjed fil-Lvant tal-Qrib.
  • Sebgħin (jew Septuaginta, jew LXX, min-numru ta’ tradutturi oriġinali). Hi il- verżjoni Griega tat-Testment il-Qadim, antika iżjed mit-Test mażoretiku stess, miktuba l-Ixandra, l-Eġittu bejn ir-IV u t-II seklu QK. L-ewwel intużat mil-Lhud tal-ilsien Grieg u wara xxerdet fost l-insara. Flimkien mat-test Grieg tat-Testment il-Ġdid, hi l-verżjoni uffiċjali tal-knejjes ortodossi.
  • Vulgata (popolari). San Glormu fir-IV seklu qaleb għall-Latin it-test bibliku sħieħ. Il-Vulgata għal sekli sħaħ irrappreżentat it-test uffiċjali tal-Knisja u l-liturġija kattolika. Wara l-Konċilju Vatikan II, id-diversi knejjes kattoliċi nazzjonali żviluppaw u addottaw fil-kult liturġiku verżjonijiet fil-lingwi nazzjonali tagħhom.
Ritratt ta’ Martin Luteru (Lucas Cranach, 1529)
  • Bibbja ta’ Luteru. Il-verżjoni biblika Ġermaniża l-iżjed importanti, kellha influwenza notevoli fuq il-lingwa Ġermaniża stess. Luteru spiċċa it-TĠ fl-1522 u l-bibbja sħieħa fl-1534. Hi l-verżjoni ta’ riferiment, fit-test oriġinali jew fit-traduzzjonijiet tagħha għal ħafna knejjes protestanti.
  • Bibbja tar-Re Ġakmu (King James Version, KJV). Hi l-Bibbja Inġliża l-iżjed importanti. Kienet ikkommissjonata mir-re Ingliż, Ġakmu I ta’ l-Ingilterra. Ippubblikata fl-1611, tirrappresenta l-verżjoni uffiċjali tal-Knisja Anglikana u ta’ ħafna knejjes protestanti anglofoni.
  • It-Traduzzjoni tad-Dinja Ġdida tal-Kitba Mqaddsa (New World Translation of the Holy Scriptures) hi traduzzjoni magħmula mill-Kongregazzjoni Nisranija tax-Xhieda ta’ Jeħova. Bl-Inġliż dehret f’bosta volumi bejn l-1950 - 60. Wara ġiet tradotta f’diversi lingwi. L-ebda traduzzjoni biblika qatt ma rċeviet kritika daqs din.
  • Il-Bibbja ta’ Ġerusalemm (Bible de Jérusalem), realizzata bil-Franċiż bejn l-1947 u l-1955 hi x-xogħol ta’ l-École Biblique de Jérusalem. Għandha importanza fundamentali għall-użu sistematiku tan-noti u l-introduzzjoni tal-metodu storiku-kritiku. Is-sistema kritika tagħha qiegħda f’bosta verżjonijiet f’ilsna oħrajn.
  • Il-Bibbja TOB (abbrevjazzjoni ta’ Traduction Oecuménique de la Bible), ippubblikata bil-Franċiz fl-1975-1976, kienet magħmula minn eżeġeti kattoliċi u protestanti flimkien, appoġġata fl-aħħar minn studjużi ortodossi. Bħall-Bibbja ta’ Ġerusalemm, fiha sistema kritika utli ħafna, li tradotta qiegħda f’bosta verżjonijiet b'lingwi oħrajn.
  • Il-Bibbja Riformata maqluba għall-Franċiż mit-teologu Louis Segond, rivista fl-1979 u ppubblikata minn Nouvelle Edition de Genève.

Noti[editja]

  1. ^ F'din il-paġna Lhudi u Ebrajk huma sinonimi.
  2. ^ Fil-verżjoni tas-LXX, Neħemija hu nkorporat ma’ Esdra taħt it-titlu Έσδρας B'.

Storja tal-Bibbja bil-Malti[editja]

Dawn il-fatti huma meħuda mill-artiklu L-Istorja tal-Bibbja bil-Malti ta' Paul Mizzi [1] u hemm bżonn referenzi.

  • 1811: Dr Cleardo Naudi, Professur tal-Kimika fl-Università ta’ Malta, bl-appoġġ taċ-Church Missionary Society ipprepara abbozz ta' l-Evanġelju skond San Ġwann.
  • 1817: Dr Cleardo Naudi u Giuseppe Canolo ippublikaw l-Evanġelju skond San Ġwann. Dan l-Evanġelju kien ippubblikat f'żewġ kolonni maġenb xulxin, waħda t-traduzzjoni Maltija u l-oħra l-verżjoni Taljana ta' l-isqof Martini. Canolo kompla jaqleb il-bqija tat-Testment il-Ġdid u saħansitra l-Qadim imma dan qatt ma deher.
  • 1829: L-Erba' Evanġelji u l-Atti tradotti minn Mikiel Anton Vassalli ippublikati wara mewtu. Kien dam sitt snin jaħdem fuqhom.
  • 1847: The Society for Promoting Christian Knowledge ippubblikat it-Testment il-Ġdid sħieħ imħejji minn Michael Camilleri (1814-1903), ex-qassis Kattoliku Malti. Camilleri rreveda t-traduzzjoni ta' Vassalli (l-Evanġelji u l-Atti) u ttraduċa l-bqija tat-Testment il-Ġdid.
  • 1850: F.Panzavecchia ippublika l-Ġenesi.
  • 1844-1848: Richard Taylor ippublika n-narrativa tal-Passjoni ta' Kristu skond l-Erba' Evanġelji (1844), verżjoni ritmika tas-Salmi (1846), u l-Uffizzju tal-Ġimgħa Mqaddsa (1848).
  • 1870-72: Il-British and Foreign Bible Society ippubblikat l-Evanġelji skond San Mattew u San Ġwann u l-Atti ta' l-Appostli.
  • 1895: Ġużè Muscat Azzopardi ippubblika l-ewwel parti ta' l-Evanġelju skond San Mark u ssokta jippublika l-bqija ta' l-Evanġelji u l-Atti kull ġimgħa u wara ħariġhom f'ħames volumi: San Mattew (1895), San Mark (1915), San Luqa (1916), San Ġwann (1917), u L-Ktieb ta’ l-Appostli ta’ San Luqa (1924). Dawn kienu tradotti mill-Latin.
  • 1926: Il-British and Foreign Bible Society ippubblikat il-Ktieb tas-Salmi ppreparat minn J.Falzon. Falzon ma ħadimx minn fuq it-test Lhudi, iżda fuq it-traduzzjoni Taljana ta' Diodati mqabbla mal-Verżjoni Awtorizzata bl-Ingliż, il-Vulgata, u t-traduzzjoni qadima Maltija ta' Camilleri.
  • 1926-1932: Pietru Pawl Grima, Alphonse Maria Galea u Pietru Pawl Saydon qalbu Bibbja sħiħa għall-Malti u ppublikawha f'partijiet. Din it-traduzzjoni, barra l-parti ta’ Saydon kienet ibbażata fuq il-Vulgata.
  • 1929: Il-Ġenesi kien ippublikat fl-1929 minn Pietru Pawl Saydon. Saydon, kien Professur ta' l-Iskrittura Mqaddsa, ta' l-Ebrajk u l-Grieg bibliku fl-Universita’ ta' Malta, kellu taħriġ akkademiku sħiħ fl-istudji bibliċi u suġġetti relatati fl-Istitut Pontifikali Bibliku f'Ruma u ta’ l-Ebrajk, l-Aramajk u l-Grieg.
  • 1939-1965: G.Paris OP ippublika l-Erba' Evanġelji, l-Atti, ir-Rumani u l-ittri ta' Ġwanni u Ġakbu, imsejsin wkoll fuq il-Vulgata.
  • 1962-1980: It-Trinitarian Bible Society l-ewwel ippublikat l-Evanġelji u l-Atti separatament, u wara, fl-1971, it-Testment il-Ġdid kollu. Din it-traduzzjoni kienet magħmula mill-Verżjoni Awtorizzata Ingliża, b'referenza ta' spiss għat-test Grieg, għall-Verżjoni Franċiża ta' Louis Segond, u għall-Verżjoni Taljana ta' Dottore Giovanni Luzzi. Zammit kien l-ewwel wieħed li ppublika l-Bibbja sħieħa bil-Malti.
  • 1929-1990: Fl-1965 intlaħaq ftehim ma' Saydon li l-Għaqda Biblika Maltija biex tippublika l-Bibbja Maltija f'volum wieħed it-traduzzjoni tiegħu imma dan qatt ma seħħ. Is-Soċjetà tal-MUSEUM, il-werrieta tal-copyright, ippublikawlu xogħlu fi tlett volumi: it-Testment il-Ġdid fl-1977, l-ewwel volum tat-Testment il-Qadim fl-1982, u t-tieni wieħed fl-1990.

Ħoloq esterni[editja]