Bamberg

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bamberg
 Ġermanja
Amministrazzjoni
Stat sovranĠermanja
Federated state of GermanyBavarja
RegierungsbezirkOberfranken
Kap tal-Gvern Andreas Starke
Isem uffiċjali Bamberg
Ismijiet oriġinali Bamberg
Kodiċi postali 96001u 96052
Ġeografija
Koordinati 49°53′30″N 10°53′30″E / 49.8917°N 10.8917°E / 49.8917; 10.8917Koordinati: 49°53′30″N 10°53′30″E / 49.8917°N 10.8917°E / 49.8917; 10.8917
Bamberg is located in Germany
Bamberg
Bamberg
Bamberg (Germany)
Superfiċjenti 54.62 kilometru kwadru
Għoli 262 m
Fruntieri ma' Distrett ta' Bamberg
Demografija
Popolazzjoni 79,935 abitanti (31 Diċembru 2022)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0951
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Esztergom, Bedford, Feldkirchen in Kärnten, Praga, Rodez, Villach, Fredonia, Nagaokau Villa Carlos Paz
stadt.bamberg.de

Bamberg (pronunzja bil-Ġermaniż: [ˈbambɛʁk]; bil-Frankonjan tal-Lvant: Bambärch) huwa raħal f'Oberfranken, il-Ġermanja, max-xmara Regnitz qrib il-konfluwenza max-xmara Main. Ir-raħal imur lura għas-seklu 9, meta ismu oriġina mill-Kastell ta' Babenberch fil-qrib. Ikkwotat bħala wieħed mill-isbaħ irħula tal-Ġermanja, b'toroq Medjevali u l-ikbar sur antik intatt fl-Ewropa, iċ-ċentru storiku ta' Bamberg tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Mis-seklu 10 'il quddiem, Bamberg bena rabta ewlenija mal-popli Slavi, b'mod partikolari dawk tal-Polonja u ta' Pommern. Esperjenza perjodu ta' prosperità kbira mis-seklu 12 'il quddiem, u matul dan iż-żmien sar iċ-ċentru tal-Imperu Ruman Sagru għal ftit. L-Imperatur Enriku II ndifen fiċ-ċentru storiku, flimkien ma' martu Kunigunde. L-arkitettura tar-raħal minn dan il-perjodu influwenzat ferm dik tat-Tramuntana tal-Ġermanja u tal-Ungerija. Minn nofs is-seklu 13 'il quddiem, l-isqfijiet kienu prinċpijiet tal-Imperu u ta' Bamberg, u ssorveljaw il-kostruzzjoni ta' binjiet monumentali. Dan it-tkabbir ġie kkomplementat bil-kisba ta' porzjonijiet kbar tal-proprjetajiet tal-Kontijiet ta' Merano fl-1248 u fl-1260 mill-Papat, parzjalment permezz tax-xiri u parzjalment permezz tal-approprjazzjoni ta' fewdi li ma baqgħux jeżistu iktar.

Bamberg tilef l-indipendenza tiegħu fl-1802, wara s-sekolarizzazzjoni tal-artijiet tal-knisja, u sar parti mill-Bavarja fl-1803. Ir-raħal ġie kkollegat għall-ewwel darba mas-sistema ferrovjarja Ġermaniża fl-1844, u minn dak iż-żmien 'l hawn sar parti importanti tal-infrastruttura tagħha. Wara li rewwixta Komunista ħadet il-kontroll tal-Bavarja fis-snin ta' wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-gvern statali ħarab lejn Bamberg u baqa' hemm għal kważi sentejn qabel ma l-belt kapitali Bavarjana ta' Munich ma reġax ittieħed mill-unitajiet tal-Freikorps. L-ewwel kostituzzjoni repubblikana tal-Bavarja għaddiet f'Bamberg, u saret magħrufa bħala l-Bamberger Verfassung (il-Kostituzzjoni ta' Bamberg).

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Bamberg sar bażi importanti għall-militar tal-Bavarja, tal-Ġermanja u tal-Amerikani stazzjonati fil-Barrakki ta' Warner, sal-għeluq tagħhom fl-2014.

Affiljazzjonijiet storiċi[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-Prinċipat-Veskovat ta' Bamberg; 1245-1802;
  • L-Elettorat tal-Bavarja; 1802-1805;
  • Ir-Renju tal-Bavarja; 1806-1871;
  • L-Imperu Ġermaniż; 1871-1918;
  • Ir-Repubblika ta' Weimar; 1918-1933;
  • Il-Ġermanja Nażista; 1933-1945;
  • Il-Ġermanja okkupata mill-Alleati; 1945-1949;
  • Il-Ġermanja tal-Punent; 1949-1990;
  • Il-Ġermanja; mill-1990 sal-preżent.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tridimensjonali ta' Bamberg tas-seklu 17. Matthias Merian f'Danckerts, Historis, 1632.

Matul is-sekli ta' migrazzjoni u ta' insedjament Ġermaniċi ta' wara r-Rumani, ir-reġjun li iktar 'il quddiem ġie inkluż fid-Djoċesi ta' Bamberg ġie abitat fil-biċċa l-kbira mis-Slavi. Ir-raħal, imsemmi għall-ewwel darba fid-902, kiber qrib il-Kastell ta' Babenberch li ġie msemmi hekk f'ġieħ il-familja Babenberg. Wara li l-familja mietet, il-kastell għadda għand is-Sassoni.[2] Iż-żona ġiet Kristjanizzata l-iktar mill-patrijiet tal-Abbazija Benedittina ta' Fulda, u kienet taħt l-awtorità spiritwali tad-Djoċesi ta' Würzburg.

Fl-1007, l-Imperatur Ruman Sagru Enriku II għamel lil Bamberg wirt tal-familja u s-sede ta' djoċesi separata. L-iskop tal-imperatur kien li jnaqqas id-daqs tad-Djoċesi ta' Würzburg u li l-Kristjaneżmu jiġi stabbilit b'għeruq sodi fid-distretti ta' Oberfranken, fil-Lvant ta' Bamberg. Fl-1008, wara negozjati twal mal-Isqfijiet ta' Würzburg u ta' Eichstätt, li kellhom iċedu porzjonijiet mid-djoċesijiet tagħhom, ġew definiti l-konfini tad-djoċesi l-ġdida, u l-Papa Ġwanni XVIII ta l-konferma Papali tiegħu fl-istess sena. Enriku II ordna l-kostruzzjoni ta' katidral ġdid, li ġie kkonsagrat fis-6 ta' Mejju 1012. Il-knisja ġiet arrikkita b'rigali mill-Papa, u Enriku ddedikaha lill-Papa stess. Fl-1017 Enriku stabbilixxa wkoll l-Abbazija ta' Michaelsberg fuq l-għolja ta' Michaelsberg (l-"Għolja ta' San Mikiel"), qrib Bamberg, abbazija Benedittina għat-taħriġ tal-kleru. L-imperatur u l-mara tiegħu Kunigunde taw pussessi temporali kbar lid-djoċesi l-ġdida, u rċeviet bosta privileġġi li minnhom nibet il-poter lajk tal-isqof. Il-Papa Benedittu VIII żar ir-raħal ta' Bamberg fl-1020[3] biex jiltaqa' ma' Enriku II għal diskussjonijiet dwar l-Imperu Ruman Sagru. Meta kien hemm ordna li d-djoċesi jkollha dipendenza diretta fuq is-Santa Sede. Huwa kkonsagra personalment ukoll uħud mill-knejjes ta' Bamberg. Għal żmien qasir Bamberg kien iċ-ċentru tal-Imperu Ruman Sagru. Enriku u Kunigunde t-tnejn li huma ġew midfuna fil-katidral.

Tismija ta' Bamberg fuq l-injam mill-Kronaka ta' Nuremberg, 1493.

Minn nofs is-seklu 13 'il quddiem, l-isqfijiet kienu wkoll prinċpijiet tal-Imperu u mexxew lil Bamberg, filwaqt li ssorveljaw il-kostruzzjoni ta' binjiet monumentali. Fl-1248 u fl-1260 il-Papat kiseb porzjonijiet kbar tal-proprjetajiet tal-Kontijiet ta' Merano, parzjalment permezz tax-xiri u parzjalment permezz tal-approprjazzjoni ta' fewdi li ma baqgħux jeżistu iktar. Il-Veskovat l-antik ta' Bamberg kien magħmul minn territorju sħiħ estiż minn Schlüsselfeld f'direzzjoni lejn il-Grigal sal-Foresta Frankonjana, u barra minn hekk kellu fil-pussess tiegħu proprjetajiet fid-Dukati ta' Carinthia u Salzburg, f'Nordgau (illum il-ġurnata l-Oberpfalz), f'Thüringen, u mad-Danubju. Permezz tal-bidliet li rriżultaw mir-Riformazzjoni, it-territorju tal-Papat tnaqqas kważi bin-nofs bħala daqs. Mill-1279 l-istemma tar-raħal ta' Bamberg għandha forma ta' siġill.

Il-proċedimenti kontra s-sħaħar tas-seklu 17 wasslu għal madwar elf vittma f'Bamberg, u laħqu l-qofol tagħhom bejn l-1626 u l-1631, taħt it-tmexxija tal-Prinċep-Isqof Johann Georg II Fuchs von Dornheim. Id-Drudenhaus (ħabs tas-sħaħar) famuż, mibni fl-1627, ma għadux jeżisti llum il-ġurnata. Madankollu, rakkonti dettaljati ta' xi proċedimenti, bħal dak ta' Johannes Junius, għadhom jeżistu.[4][5]

Fl-1647 ġiet stabbilita l-Università ta' Bamberg bħala l-Academia Bambergensis.[6]

Il-Katidral ta' Bamberg.

Il-Bambrzy (Posen Bambergers) huma Pollakki Ġermaniżi b'dixxendenza mill-insedjaturi fiż-żona ta' Bamberg li nsedjaw il-villaġġi madwar Poznań fl-1719-1753.

Fl-1759, il-pussessi u l-ġurisdizzjonijiet tad-djoċesi fl-Awstrija nbigħu lil dak l-istat. Meta seħħet is-sekolarizzazzjoni tal-knisja fl-1802, id-djoċesi kienet tkopri 3,305 km2 (1,276 mil kwadru) u kellha popolazzjoni ta' 207,000 ruħ. B'hekk Bamberg tilef l-indipendenza tiegħu fl-1802 u sar parti mill-Bavarja fl-1803.

Ir-raħal ġie kkollegat għall-ewwel darba mas-sistema ferrovjarja Ġermaniża fl-1844, u minn dak iż-żmien 'l hawn sar parti importanti tal-infrastruttura tagħha. Wara li rewwixta Komunista ħadet il-kontroll tal-Bavarja fis-snin ta' wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-gvern statali ħarab lejn Bamberg u baqa' hemm għal kważi sentejn qabel ma l-belt kapitali Bavarjana ta' Munich ma reġax ittieħed mill-unitajiet tal-Freikorps. L-ewwel kostituzzjoni repubblikana tal-Bavarja għaddiet f'Bamberg, u saret magħrufa bħala l-Bamberger Verfassung (il-Kostituzzjoni ta' Bamberg).

Ix-Schlenkerla, waħda mill-birreriji u t-taverni ta' Bamberg.

Fi Frar 1926 ir-raħal ospita l-Konferenza ta' Bamberg, imlaqqa' minn Adolf Hitler fit-tentattiv tiegħu li jrawwem l-unità u li jrażżan in-nuqqas ta' kunsens fi ħdan il-Partit Nażista li dak iż-żmien kien għadu fil-bidu tiegħu. Bamberg intgħażel għall-pożizzjoni tiegħu f'Oberfranken, pjuttost qrib ir-residenzi tal-membri tal-fazzjoni Nażista dissidenti iżda xorta waħda fi ħdan il-Bavarja.[7][8]

Fl-1973, ir-raħal iċċelebra l-1,000 anniversarju tiegħu minn mindu ġie stabbilit.

Popolazzjoni storika[immodifika | immodifika s-sors]

Sena Popolazzjoni
1818 17,000
1885 31,521
1905 45,308
L-ikbar gruppi ta' residenti barranin
Nazzjonalità Popolazzjoni (2013)
It-Turkija 1,076
L-Italja 359
Il-Greċja 232
Il-Portugall 119
Spanja 115

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-raħal ta' Bamberg ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

L-Abbazija tal-Għolja ta' San Mikiel.

Bamberg jinsab f'Oberfranken, 63 km (39 mil) fit-Tramuntana ta' Nuremberg bil-ferrovija u 101 km (63 mil) fil-Lvant ta' Würzburg, bil-ferrovija wkoll. Ir-raħal jinsab fuq max-xmara Regnitz river, tliet kilometri (1.9 mil) qabel ma tnixxi fix-xmara Main.

Il-ġeografija tar-raħal hija msawra mix-xmara Regnitz u mill-għoljiet ta' Steigerwald, parti mill-artijiet għoljin Ġermaniżi. Mill-Grigal sal-Lbiċ, ir-raħal huwa maqsum l-ewwel fil-pjanura tax-xmara Regnitz, imbagħad fi gżira kbira u f'diversi gżejjer żgħar iffurmati miż-żewġ fergħat tax-xmara Regnitz (Inselstadt), u finalment fil-parti tar-raħal li tinsab fuq l-għoljiet (Bergstadt).

Seba' għoljiet ta' Bamberg[immodifika | immodifika s-sors]

Bamberg huwa estiż fuq seba' għoljiet, kull waħda bi knisja fil-quċċata. Dan wassal biex Bamberg jissejjaħ ir-"Ruma ta' Oberfranken" — għalkemm ċajta komuni fost il-gwidi turistiċi ta' Bamberg hi li jirreferu għal Ruma minflok bħala l-"Bamberg Taljana". L-għoljiet huma l-Għolja tal-Katidral, Michaelsberg, Kaulberg/Obere Pfarre, Stefansberg, Jakobsberg, l-Għolja ta' Altenburger u Abtsberg.

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Il-klima f'din iż-żona tvarja kemxejn bħala temperaturi u tinżel xita adegwata s-sena kollha. Is-sottotip tal-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen għal din il-klima hija "Cfb" (klima tal-baħar tal-kosta tal-Punent/klima oċeanika), b'ċertu influwenza kontinentali kif indikat mit-temperaturi medji ta' billejl fix-xitwa li jinżlu sew taħt iż-żero.[9]

Data klimatika għal Bamberg (1981-2010)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 15.8

(60.4)

19.9

(67.8)

24.4

(75.9)

31.8

(89.2)

33.3

(91.9)

35.5

(95.9)

37.9

(100.2)

38.3

(100.9)

33.3

(91.9)

27.6

(81.7)

21.9

(71.4)

16.0

(60.8)

38.3

(100.9)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 2.9

(37.2)

4.7

(40.5)

9.5

(49.1)

14.8

(58.6)

19.7

(67.5)

22.5

(72.5)

24.9

(76.8)

24.5

(76.1)

19.8

(67.6)

14.1

(57.4)

7.3

(45.1)

3.6

(38.5)

14.0

(57.2)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −3.2

(26.2)

−3.0

(26.6)

0.2

(32.4)

3.1

(37.6)

7.6

(45.7)

10.7

(51.3)

12.7

(54.9)

12.2

(54.0)

8.6

(47.5)

5.0

(41.0)

1.2

(34.2)

−1.8

(28.8)

4.4

(40.0)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −29.7

(−21.5)

−25.7

(−14.3)

−19.6

(−3.3)

−9.7

(14.5)

−4.1

(24.6)

−1.0

(30.2)

1.4

(34.5)

0.7

(33.3)

−2.5

(27.5)

−7.5

(18.5)

−18.0

(−0.4)

−27.3

(−17.1)

−29.7

(−21.5)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 47.1

(1.85)

39.0

(1.54)

49.4

(1.94)

41.5

(1.63)

64.4

(2.54)

61.4

(2.42)

78.0

(3.07)

55.3

(2.18)

56.8

(2.24)

51.1

(2.01)

51.9

(2.04)

55.0

(2.17)

650.9

(25.63)

Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 51.2 81.3 112.3 170.4 208.8 211.2 226.5 213.3 155.6 105.0 48.8 39.6 1,624
Sors: Météoclimat[10]

Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2013, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) għal kull abitant kien €56,723. B'hekk id-distrett huwa fl-għaxar post minn 96 distrett fil-Bavarja (medja kumplessiva: €39,691).

Attrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz l-Antik (Alte Hofhaltung).

Ir-raħal ta' Bamberg tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993 minħabba l-pjanta Medjevali tiegħu u l-binjiet storiċi ppreservati tassew tajjeb. Mill-Medju Evu, f'Bamberg dejjem kien hemm ġonna urbani. Id-distrett tal-Ġardinara tas-Suq flimkien mar-raħal fuq l-għoljiet u d-distrett tal-gżejjer huma parti integrali tas-Sit ta' Wirt Dinji. Fl-2005, il-muniċipalità stabbiliet unità għall-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji f'Bamberg. Fl-2019 infetaħ ċentru tal-viżitaturi u ta' interpretazzjoni.

Uħud mill-attrazzjonijiet prinċipali huma:

  • il-Katidral ta' Bamberg (1237), bl-oqbra tal-Imperatur Enriku II u tal-Papa Klement II;
  • l-Alte Hofhaltung, ir-residenza tal-isqfijiet fis-sekli 16 u 17;
  • in-Neue Residenz, ir-residenza tal-isqfijiet wara s-seklu 17;
  • il-Librerija Statali ta' Bamberg fir-Residenza l-Ġdida;
  • il-Muniċipju l-antik (1386), li nbena f'nofs ix-xmara Regnitz, u li huwa aċċessibbli permezz ta' żewġ pontijiet;
  • il-Klein-Venedig ("Venezja ż-Żgħira"), kolonja ta' djar tas-sajjieda mis-seklu 19 tul xatt tax-xmara Regnitz;
  • l-Abbazija ta' Michaelsberg, li nbniet fis-seklu 12 fuq waħda mis-"Seba' Għoljiet" ta' Bamberg; l-eks abbazija Benedittina, li fl-imgħoddi kellha birrerija, issa tospita l-Mużew tal-Birrerija ta' Oberfranken.[11]
  • l-Altenburg, kastell u eks residenza tal-isqfijiet.
Katidral

Il-Katidral ta' Bamberg huwa binja Rumaneska aħħarija b'erba' torrijiet. Ġie stabbilit fl-1004 mill-Imperatur Enriku II, tlesta fl-1012 u ġie kkonsagrat fis-6 ta' Mejju 1012. Iktar 'il quddiem ġie parzjalment meqrud min-nirien fl-1081. Il-katidral il-ġdid, li nbena minn San Otto ta' Bamberg, ġie kkonsagrat fl-1111 u fis-seklu 13 ingħata l-għamla attwali Rumaneska aħħarija tiegħu.

Il-katidral huwa twil 94 metru (308 piedi), wiesa' 28 metru (92 pied), għoli 26 metru (85 pied), u kull wieħed mill-erba' torrijiet huwa għoli madwar 81 metru (266 pied). Fih bosta opri tal-arti storiċi, bħall-qabar tal-irħam tal-fundatur u ta' martu, meqjus bħala wieħed mill-ikbar xogħlijiet tal-iskultur Tilman Riemenschneider, u mnaqqax bejn l-1499 u l-1513. Teżor ieħor tal-katidral huwa statwa ekwestri magħrufa bħala Der Bamberger Reiter. Din l-istatwa, possibbilment tal-Imperatur Konrad III, x'aktarx li tmur lura għat-tieni kwart tas-seklu 13. L-istatwa sservi wkoll bħala simbolu tar-raħal ta' Bamberg.

Neue Residenz

In-Neue Residenz (ir-Residenza l-Ġdida; 1698-1704) inizjalment kienet okkupata mill-prinċpijiet-isqfijiet, u mill-1864 sal-1867 mir-Re Otto tal-Greċja li ġie depost. Ir-Rosengarten (il-Ġnien tal-Ward) tar-residenza tħares fuq ir-raħal u fih iktar minn 4,500 warda.[12]

Altenburg
L-Altenburg.

L-Altenburg jinsab fuq l-ogħla waħda mis-seba' għoljiet ta' Bamberg. Issemma għall-ewwel darba fl-1109. Bejn l-1251 u l-1553 kien ir-residenza tal-isqfijiet ta' Bamberg. Wara li nqered fl-1553 minn Albert Alcibiades, il-Margravju ta' Brandenburg-Kulmbach, intuża bħala ħabs wara li sarulu xi tiswijiet ta' malajr, u kulma jmur il-kundizzjoni tiegħu baqgħet sejra għall-agħar.

Fl-1801, A. F. Marcus xtara l-kastell u rranġah għalkollox. Il-ħabib tiegħu, il-kittieb Ġermaniż famuż E.T.A. Hoffmann, li baqa' impressjonat ferm bil-binja, għex hemmhekk għal xi żmien. Is-sid ta' wara, Anton von Greifenstein, fl-1818 stabbilixxa assoċjazzjoni għall-preservazzjoni tal-kastell u din għadha teżisti u għad għandha l-istess għan. L-Altenburg illum il-ġurnata jospita ristorant.[13]

Attrazzjonijiet oħra

Fost knejjes oħra hemm il-Jakobskirche, li hija bażilika Rumaneska tas-seklu 11; is-St. Martinskirche; il-Marienkirche jew l-Obere Pfarrkirche (1320-1387), li dan l-aħħar ġiet irrestawrata għall-istil Gotiku oriġinali tagħha. Il-Michaelskirche, li hija knisja Rumaneska rrestawrata tas-seklu 12 fuq il-Michaelsberg u li qabel kienet l-Abbazija Benedittina ta' Michaelsberg sekolarizzata fl-1803 u li issa fiha l-Bürgerspital, jew dar għall-foqra, u l-mużew u kollezzjonijiet tal-arti muniċipali.

Mill-pontijiet li jikkollegaw is-sezzjonijiet iktar 'l isfel tar-raħal, l-Obere Brücke tlesta fl-1455. F'nofs dan il-pont, fuq gżira, hemm il-Muniċipju jew ir-Rathaus (li ġie rikostruwit fl-1744-1756). Il-liċeo, li qabel kien kulleġġ tal-Ġiżwiti, fih mużew tal-istorja naturali. Il-Palazz l-Antik (Alte Hofhaltung) inbena fl-1591 fis-sit ta' residenza antika tal-Kontijiet ta' Babenberg. Fost il-monumenti hemm il-funtana ta' Massimiljanu (1880), l-istatwi tar-Re Massimiljanu I tal-Bavarja, tal-Imperatur Enriku II u ta' martu, ta' Konrad III u ta' San Otto, l-isqof ta' Bamberg.

Barra minn hekk, hemm mini għaddejjin minn taħt ir-raħal. Dawn oriġinarjament inbnew bħala minjieri għall-estrazzjoni tal-blat tar-ramel li seta' jintuża għall-kostruzzjoni jew għat-tindif permezz ta' barraxa. Ix-xogħol fil-minjieri ntemm fl-1920 iżda n-network tal-mini ta' 7.5 mili (12.1-il km) baqa' preżenti. Il-mini ntużaw bħala xelter mill-attakki mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Parti min-network tal-mini hija aċċessibbli permezz ta' żjara ggwidata.[14]

Birra[immodifika | immodifika s-sors]

Bamberg huwa magħruf għar-Rauchbier affumikat u jospita 11-il birrerija[15], inkluż Brauerei Fässla, Brauerei Greifenklau, Brauerei Heller-Trum (Schlenkerla), Brauerei Kaiserdom, Keesmann Bräu, Klosterbräu, Mahrs Bräu, Brauerei Spezial, Gasthausbrauerei Ambräusianum, Kron Prinz, u Weyermann Röstmalzbierbrauerei. Weyermann Specialty Malting, stabbilita f'Bamberg fl-1879, tforni lill-birreriji madwar id-dinja. Kull sena f'Awwissu ssir is-Sandkerwa, ċelebrazzjoni ta' ħamest ijiem bil-birer.[16] Ir-reġjun ta' Oberfranken madwar Bamberg jospita iktar minn 200 birrerija. F'Ottubru u fil-bidu ta' Novembru ħafna mis-70 birrerija f'Bamberg u fil-madwar jiċċelebraw il-Bockbieranstiche b'verżjonijier speċjali ta' birer tat-tip Bock.[17]

Edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

L-Università ta' Bamberg, magħrufa bħala l-Università ta' Otto-Friedrich, toffri edukazzjoni għolja fl-oqsma tax-xjenza soċjali, l-istudji tan-negozju u l-umanitajiet, u għandha iktar minn 12,000 student.[18] L-Università tax-Xjenzi Applikati ta' Bamberg toffri edukazzjoni għolja fl-oqsma tas-saħħa pubblika. Bamberg jospita wkoll tmien skejjel sekondarji (gymnasiums):

  • Clavius-Gymnasium;
  • Dientzenhofer-Gymnasium;
  • Eichendorff-Gymnasium;
  • E.T.A. Hoffmann-Gymnasium;
  • Franz-Ludwig-Gymnasium;
  • Kaiser-Heinrich-Gymnasium;
  • Maria-Ward-Gymnasium;
  • Theresianum.

Barra minn hekk, hemm ukoll bosta istituti oħra tal-edukazzjoni primarja, sekondarja, teknika, vokazzjonali u għall-adulti.

Ġemellaġġi[immodifika | immodifika s-sors]

Bamberg huwa ġemellat ma':[19]

Louis-Alexandre Berthier.

Nies notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

Ritratti[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Town of Bamberg". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-15.
  2. ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Bamberg". Encyclopædia Britannica. Vol. 3 (11th ed.). Cambridge University Press. pp. 301–302.
  3. ^ Dengler-Schreibe, Karin (2002). Bamberg – For Newcomers and old friends. Reference to the visit to Bamberg by Pope Benedict VIII in 1020. Heinrichs-Verlag GmbH, Bamberg. p. 7. ISBN 9783898891066.
  4. ^ Auer, Katja. "Im Bund mit dem Teufel". Süddeutsche.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-09-15.
  5. ^ "bamberg". web.archive.org. 2007-08-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-08-19. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "The University of Bamberg and its Surroundings - Studies". web.archive.org. 2021-05-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-18. Miġbur 2022-09-15.
  7. ^ Kershaw, Ian (1999). Hitler 1889–1936: Hubris. New York: W. W. Norton & Company. pp. 274–78. ISBN 0-393-04671-0.
  8. ^ Toland, John (1976). Adolf Hitler. New York: Doubleday & Company. pp. 213–18. ISBN 0-385-03724-4.
  9. ^ "Bamberg, Germany Koppen Climate Classification (Weatherbase)". Weatherbase. Miġbur 2022-09-15.
  10. ^ "Météo climat stats | Moyennes 1981/2010 / Données Météorologiques Gratuites". meteo-climat-bzh.dyndns.org. Miġbur 2022-09-15.
  11. ^ "Franconian Brewery Museum - Stadt Bamberg - Tourismus". web.archive.org. 2014-08-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-08-31. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "The World's 10 Most Beautiful Gardens Revealed". web.archive.org. 2016-12-01. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-12-01. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "German castle Altenburg". web.archive.org. 2013-04-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-04-11. Miġbur 2022-09-15.
  14. ^ "Bamberg: Underground tour holds deeper understanding of city's history - Travel - Stripes". web.archive.org. 2015-01-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-01-23. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ "Bier in Bamberg - Stadt Bamberg - Tourismus". web.archive.org. 2014-07-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-04. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ "www.sandkerwa.de | sandkerwa.de". web.archive.org. 2013-08-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-08-23. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  17. ^ "Bockbieranstiche 2021: Termine und Brauereien rund um Bamberg auf einen Blick". web.archive.org. 2021-10-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-10-07. Miġbur 2022-09-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ "Die Universität Bamberg in Zahlen - Über die Uni Bamberg". www.uni-bamberg.de. Miġbur 2022-09-15.
  19. ^ Bamberg, Stadt. "Partnerstädte, Patenstädte und befreundete Städte". Stadt Bamberg (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-09-15.