Gotiku

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-iskulturi tal-portal ċentrali tal-Katidral ta' Chartres.

Il-Gotiku kien stil ta' arti Medjevali li żviluppa fit-Tramuntana ta' Franza mir-Rumanesk fis-seklu 12 W.K., immexxi mill-iżvilupp simultanju tal-arkitettura Gotika. Infirex fil-Punent tal-Ewropa kollha, u fil-biċċa l-kbira tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Ewropa, kif ukoll fl-Ewropa Ċentrali, għalkemm qatt ma ħassar l-istil iktar klassiċi fl-Italja. Fl-aħħar tas-seklu 14 żviluppa l-istil sofistikat tal-qorti tal-Gotiku Internazzjonali, li baqa' jevolvi sal-aħħar tas-seklu 15. F'ħafna nħawi, speċjalment fil-Ġermanja, l-arti Gotika Aħħarija baqgħet għaddejja anke fis-seklu 16, qabel ma ħaditilha postha l-arti Rinaxximentali. Il-mezzi primarji fil-perjodu Gotiku kienu jinkludu l-iskulturi, il-pitturi f'panewijiet, il-ħġieġ ikkulurit, l-affreski u l-manuskritti bil-minjatura. Il-bidliet faċilment rikonoxxibbli fl-arkitettura mir-Rumanesk għall-Gotiku, u mill-Gotiku għar-Rinaxximent, tipikament jintużaw biex jiġu ddefiniti l-perjodi artistiċi fil-mezzi kollha, għalkemm l-arti figurattiva żviluppat b'pass differenti u b'bosta modi.

Il-ħġieġ ikkulurit tal-Kappella Mqaddsa ta' Pariġi, Franza.

L-iżjed arti Gotika bikrija kienet l-iskultura monumentali, mal-ħitan tal-katidrali u l-abbaziji. Sikwit l-arti Kristjana kellha natura tipoloġika, u kienet tirrakkonta l-ġrajjiet tat-Testment il-Ġdid u tat-Testment l-Antik maġenb xulxin. Spiss kienu jintwerew xeni mill-ħajja tal-qaddisin. Ix-xbihat tal-Madonna nbidlu mill-għamla ikonika Biżantina għal omm iktar umana u premuruża, tfissed lill-Bambin Ġesù f'ħoġorha, b'imġiba raffinata ta' mara aristokratika.

F'dan il-perjodu nibtet l-arti sekolari biż-żieda tal-bliet, l-istabbiliment tal-universitajiet, iż-żieda fil-kummerċ, l-istabbiliment ta' ekonomija bbażata fuq il-flus u l-ħolqien ta' klassi tal-borgeżija li setgħet tikkummissjona x-xogħlijiet artistiċi u tkun patruna tal-arti, li wassal għall-proliferazzjoni tal-pitturi u tal-manuskritti bil-minjatura. Iż-żieda fil-litteriżmu u fl-għadd ta' letteratura vernakolari ħeġġew ir-rappreżentazzjoni ta' temi lajċi fl-arti. Bit-tkabbir tal-bliet, iffurmaw ix-xirkiet kummerċjali u spiss l-artisti kienu meħtieġa jkunu membri ta' xirka tal-pitturi. B'hekk, bis-saħħa tat-titjib fiż-żamma tar-rekords, iktar artisti huma magħrufa b'isimhom f'dan il-perjodu minn kwalunkwe perjodu preċedenti; xi artisti saħansitra ffirmaw l-opri tal-arti tagħhom.

Oriġini[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Dittiku ta' Wilton (1395-1459).

L-arti Gotika feġġet fl-Île-de-France, Franza, fil-bidu tas-seklu 12, fil-Knisja u Abbazija ta' St. Denis mibnija mill-patri superjuri Suger.[1] F'qasir żmien l-istil infirex lil hinn mill-oriġini fl-arkitettura u fl-iskultura, kemm monumentali kif ukoll personali bħala daqs, fl-arti fuq it-tessuti, u fil-pittura, b'varjetà ta' forom, inkluż l-affreski, il-ħġieġ ikkulurit, il-manuskritti bil-minjatura, u l-pitturi f'panewijiet.[2] L-ordnijiet monastiċi, speċjalment iċ-Ċisterċensi u l-Kartusjani, kienu bennejja importanti li xerrdu l-istil u żviluppaw varjanti distintivi tiegħu madwar l-Ewropa. Il-varjazzjonijiet reġjonali baqgħu importanti, anke meta sal-aħħar tas-seklu 14 kien evolva stil universali koerenti magħruf bħala l-Gotiku Internazzjonali, li kompla sal-aħħar tas-seklu 15 u lil hinn f'bosta nħawi.

Statwa Gotika Internazzjonali ta' Marija Maddalena tas-seklu 14 fil-Katidral ta' San Ġwann f'Toruń, il-Polonja.

Għalkemm kien hemm ferm iktar arti Gotika lajka milli hu maħsub illum il-ġurnata, peress li ġeneralment il-probabbiltà li l-arti reliġjuża kienet tibqa' teżisti kienet ogħla mill-art lajka, proporzjon kbir tal-arti prodotta dak iż-żmien kien arti reliġjuża, kemm jekk ikkummissjonata mill-knisja kif ukoll minn xi ħadd lajk. L-arti Gotika spiss kienet tipoloġika fin-natura tagħha, u kienet tirrifletti twemmin li l-avvenimenti tat-Testment l-Antik kienu jidhru qabel dawk tat-Testment il-Ġdid, u li tabilħaqq din kienet l-importanza prinċipali tagħhom. Ix-xeni tat-Testment l-Antik u tat-Testment il-Ġdid kienu jintwerew maġenb xulxin f'xogħlijiet bħall-iSpeculum Humanae Salvationis, u t-tiżjin tal-knejjes. Il-perjodu Gotiku ħabat ma' żieda f'daqqa mill-ġdid fid-devozzjoni Marjana, fejn l-arti viżiva kellha rwol ewlieni. Xbihat tal-Madonna żviluppaw mit-tipi stilizzati formali Biżantini, sal-Inkurunazzjoni tal-Madonna, għal tipi iktar umani u intimi, u ċ-ċikli tal-Ħajja tal-Madonna kienu popolari ferm. Artisti bħal Giotto, Fra Angelico u Pietro Lorenzetti fl-Italja, u l-pitturi Olandiżi bikrin, ġabu magħhom ir-realiżmu u iktar umanità naturali fl-arti. L-artisti tal-Punent, u l-patruni tagħhom, saru ferm iktar kunfidenti fl-ikonografija innovattiva, u beda jkun hemm iktar oriġinalità, għalkemm il-forom ikkopjati baqgħu jintużaw mill-biċċa l-kbira tal-artisti.

L-ikonografija ġiet affettwata minn bidliet fit-teoloġija, fejn ix-xbihat tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna saru iktar komuni mill-Mewt tal-Madonna, u fil-prattiki ta' devozzjoni bħad-Devotio Moderna, li pproduċiet trattamenti ġodda ta' Kristu f'suġġetti bħar-Raġel tad-Duluri, Kristu Ħosbien u l-Pjetà, li enfasizzaw it-tbatija u l-vulnerabbiltà umana tiegħu, f'moviment parallel ma' dak tax-xbihat tal-Madonna. Anke fil-pitturi tal-Aħħar Ċena, Kristu beda jintwera jesponi sidru biex juri l-ġerħiet tal-Passjoni tiegħu. Il-qaddisin bdew jintwerew iktar spiss u l-pitturi ta' fuq l-artal bdew juru l-qaddisin relevanti għall-knisja jew għad-donatur partikolari, minflok Kurċifissjoni jew il-Madonna bil-Bambin fuq it-tron, jew inkella bdew jokkupaw l-ispazju ċentrali (dan speċjalment għal xogħlijiet iddisinjati għall-kappelli laterali). Matul dan iż-żmien bosta karatteristiċi ikonografiċi li oriġinaw minn apokrifi tat-Testment il-Ġdid gradwalment bdew jiġu eliminati taħt il-pressjoni tal-kleru, bħall-qwiebel fin-Natività, minkejja li oħrajn kien laħqu ġew stabbiliti wisq u ġew meqjusa li ma jagħmlux ħsara.[3]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Mara u l-Unikornu huma sensiela ta' sitt tapizzeriji minsuġa fil-Fjandri; din it-tapizzerija partikolari tissejjaħ À Mon Seul Désir; tal-aħħar tas-seklu 15; suf u ħarir; 377 x 473 cm; tinsab fil-Mużew ta' Cluny, Pariġi.

It-terminu "Gotiku" fil-qasam tal-arti inizjalment beda jintuża bħala sinonimu għal "Barbariku", u għaldaqstant kien jintuża bħala dispreġjattiv.[4] Il-kritiċi tiegħu kienu jqisu dan it-tip ta' arti Medjevali bħala mhux mirqum u wisq imbiegħed mill-proporzjonijiet estetiċi u mill-għamliet tal-arti Klassika. L-awturi Rinaxximentali kienu jemmnu li s-Serqa ta' Ruma mit-tribujiet Gotiċi fl-410 kienet skattat id-deklin tad-dinja Klassika u tal-valuri kollha li huma kienu jgħożżu. Fis-seklu 15, diversi arkitetti u kittieba Taljani lmentaw li l-istili "barbariċi" ġodda li ffiltraw mit-Tramuntana tal-Alpi kienu ta' theddida simili għan-Neoklassiċiżmu promoss mir-Rinaxximent Bikri.[5] Il-kwalifikatur "Gotika" għal din l-arti ntuża għall-ewwel darba f'ittra ta' Raffaello lill-Papa Ljun X għall-ħabta tal-1518 u sussegwentement sar popolari permezz tal-artist u l-kittieb Taljan Giorgio Vasari,[6] li użah diġà fl-1530, u lill-arti Gotika sejħilha "diżordni" "mostruża u barbarika".[7] Raffaello sostna li l-ħnejjiet ippuntati tal-arkitettura tat-Tramuntana kienu eku tal-għorfiet primittivi li l-abitanti Ġermaniċi tal-foresti kienu jibnu billi jgħawġu s-siġar flimkien – leġġenda li tfaċċat ferm iktar 'il quddiem b'mod iktar pożittiv fil-kitbiet tal-moviment Romantiku Ġermaniż. L-"arti Gotika" ġiet ikkritikata bis-saħħa mill-awturi Franċiżi bħal Boileau, La Bruyère, Rousseau, qabel ma saret forma rikonoxxuta ta' arti, u t-terminoloġija saret fissa. Molière kien magħruf jikkummenta dwar il-Gotiku:

Il-gosti tossiċi tal-monumenti Gotiċi,

Dawn il-mostri odjużi ta' sekli ta' injoranza,

Li l-kurrenti barbari mexxew 'il quddiem.[8]

Fil-bidu tagħha, l-arti Gotika kienet tissejjaħ "xogħol Franċiż" (Opus Francigenum), u b'hekk dan juri l-prijorità ta' Franza fil-ħolqien ta' dan l-istil.

Pittura[immodifika | immodifika s-sors]

Simone Martini (1285-1344).

Il-pittura bl-istil Gotiku ma kinitx teżisti sal-ħabta tal-1200, iktar minn 50 sena wara l-bidu tal-arkitettura u tal-iskultura Gotika. It-tranżizzjoni mir-Rumanesk għall-Gotiku huwa tassew impreċiż u mhix tranżizzjoni netta xejn. Id-dettalji ornamentali Gotiċi spiss ġew introdotti qabel ma tfaċċaw wisq bidliet fl-istil tal-figuri jew tal-kompożizzjonijiet infushom. Imbagħad il-figuri saru iktar animati fil-pożi u fl-espressjoni ta' wiċċhom, spiss kienu jkunu iżgħar meta mqabbla mal-isfond tax-xeni, u kienu jiġu rranġati b'mod iktar ħieles fl-ispazju tal-pittura, meta kien ikun hemm fejn. Din it-tranżizzjoni seħħet l-ewwel fl-Ingilterra u fi Franza għall-ħabta tal-1200, fil-Ġermanja għall-ħabta tal-1220 u fl-Italja għall-ħabta tal-1300. Il-pittura matul il-perjodu Gotiku kienet tiġi pprattikata fuq erba' mezzi primarji: l-affreski, il-pitturi fuq il-panewijiet, il-manuskritti bil-minjatura u l-ħġieġ ikkulurit.

Affreski[immodifika | immodifika s-sors]

L-affreski baqgħu jintużaw bħala l-mezz prinċipali tan-narrattiva tal-pittura mal-ħitan tal-knejjes fin-Nofsinhar tal-Ewropa bħala kontinwazzjoni tat-tradizzjonijiet Kristjani Bikrin u Rumaneski. B'kumbinazzjoni, id-Danimarka u l-Iżvezja kkonservaw l-ikbar gruppi ta' affreski fil-knejjes bl-istil Biblia pauperum, li normalment kien ikun estiż sal-volti trasversali mibnija reċentement. Kemm fid-Danimarka kif ukoll fl-Iżvezja, l-affreski kważi ġew mgħottija għalkollox bil-ġir wara r-Riformazzjoni li kienet ippreservathom, iżda wħud baqgħu mhux mimsusa mill-ħolqien tagħhom. Fost l-ifjen eżempji mid-Danimarka hemm dawk tal-Mastru ta' Elmelunde mill-gżira Daniża ta' Møn li żejjen il-knejjes ta' Fanefjord, ta' Keldby u ta' Elmelunde. Albertus Pictor x'aktarx li huwa l-iżjed artist magħruf sew tal-affreski minn dak iż-żmien li ħadem fl-Iżvezja. Eżempji ta' knejjes Żvediżi b'affreski ppreservati sew jinkludu l-knejjes ta' Tensta, ta' Gökhem u ta' Anga.[9]

Ħġieġ ikkulurit[immodifika | immodifika s-sors]

Parti minn panew ta' ħġieġ ikkulurit Ġermaniż tal-1444 ta' Marija żżur lil Eliżabetta.

Fit-Tramuntana tal-Ewropa, il-ħġieġ ikkulurit kien forma importanti u prestiġjuża ta' pittura sas-seklu 15, meta ħaditilha postha l-pittura fuq il-panewijiet. L-arkitettura Gotika żidiet ferm l-ammont ta' ħġieġ fil-binjiet kbar, parzjalment biex ikun hemm lok għal spazji kbar ta' ħġieġ, bħal fir-rużuni. Fil-parti bikrija ta' dak il-perjodu kienet tintuża primarjament iż-żebgħa sewda u l-ħġieġ ikkulurit ċar jew b'kuluri jgħajtu, iżda fil-bidu tas-seklu 14 l-użu ta' komposti tal-fidda, impittra fuq il-ħġieġ li mbagħad kien jiddaħħal fil-fran, biex b'hekk setgħu jinkisbu għadd ta' varjazzjonijiet ta' kuluri, iċċentrati fuq l-isfar, sabiex jintużaw mal-ħġieġ ċar fuq opra waħda. Sal-aħħar tal-perjodu, id-disinni kulma jmur bdew jużaw biċċiet kbar tal-ħġieġ impitter, bl-isfar bħala l-kulur dominanti, u ftit biċċiet relattivament iżgħar b'kuluri oħra.[10]

Manuskritti u stampar[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sigħat ta' Jeanne d'Evreux, ta' Jean Pucelle, Pariġi, is-snin 20 tas-seklu 14.

Il-manuskritti bil-minjaturi jirrappreżentaw l-iżjed rekord komplut tal-pittura Gotika, u jipprovdu rekord tal-istili f'postijiet fejn ma għad fadal l-ebda xogħol monumentali. L-iżjed manuskritti bikrin mimlijin illustrazzjonijiet Gotiċi Franċiżi jmorru lura għal nofs is-seklu 13.[11] Bosta manuskritti bil-minjatura kienu Bibbji rjali, għalkemm il-kopji tas-Salmi tal-Bibbja kienu jinkludu illustrazzjonijiet ukoll; is-Salmi Pariġini ta' San Alwiġi, li jmorru lura mill-1253 sal-1270, fihom 78 paġna mimlija minjatura b'żebgħa tempera u folji tad-deheb.[12]

Matul l-aħħar tas-seklu 13, l-iskribi beda joħolqu kotba tat-talb għall-fidili, spiss magħrufa bħala l-kotba tas-sigħat minħabba l-użu tagħhom f'ħinijiet partikolari tal-jum. Fost l-iżjed bikrin hemm eżempju ta' William de Brailes li milli jidher inkiteb għal fidila mhux magħrufa f'villaġġ żgħir qrib Oxford għall-ħabta tal-1240. In-nobbli sikwit kienu jixtru dawn it-testi, u kienu jħallsu somom tajbin għall-minjaturi dekorattivi; fost l-iżjed ħallieqa magħrufa ta' dawn il-minjaturi hemm Jean Pucelle, u s-Sigħat ta' Jeanne d'Evreux tiegħu ġew ikkummissjonati mir-Re Karlu IV bħala rigal għar-reġina tiegħu, Jeanne d'Évreux.[13] L-elementi tal-Gotiku Franċiż preżenti f'dawn ix-xogħlijiet jinkludu l-użu ta' gwarniċi dekorattivi fil-paġni b'elementi mill-arkitettura ta' dak iż-żmien, fosthom figuri twal u dettaljati. L-użu ta' indikaturi spazjali bħala elementi ewlenin u ta' karatteristiċi naturali bħal siġar u sħab jindikaw ukoll l-istil Gotiku Franċiż tal-minjatura.

Minn nofs tas-seklu 14, il-litografiji tal-injam bit-test u bl-istampi milli jidher kienu bi prezz affordabbli għall-patrijiet parrokkjali fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn kienu l-iżjed popolari. Sal-aħħar tas-seklu, il-kotba stampati bl-illustrazzjonijiet, il-biċċa l-kbira ta' suġġetti reliġjużi, malajr kienu qed isiru aċċessibbli għall-klassi medja sinjura, l-istess bħall-inċiżjonijiet ta' kwalità pjuttost tajba ta' artisti bħal Israhel van Meckenem u Mastru E. S. Fis-seklu 15, l-introduzzjoni ta' pitturi stampati rħas, l-iktar fuq l-injam, għamluha possibbli biex anke r-raħħala jkollhom xbihat ta' devozzjoni fid-djar tagħhom. Dawn ix-xbihat żgħar irħas, spiss bi ftit kuluri ta' malajr, kienu jinbiegħu bl-eluf iżda issa huma tassew rari, peress li l-biċċa l-kbira minnhom kienu jiġu mwaħħlin mal-ħitan bil-kolla.

Pitturi tal-artali u fuq il-panewijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pitturi biż-żejt fuq it-tila ma sarux popolari qabel is-sekli 15 u 16 u kienu ċentrali għall-arti Rinaxximentali. Fit-Tramuntana tal-Ewropa, l-iskola importanti u innovattiva tal-pitturi Olandiżi Bikrin essenzjalment hija stil Gotiku, iżda tista' titqies ukoll bħala parti mir-Rinaxximent tat-Tramuntana, peress li kien hemm dewmien twil qabel ma t-tqanqil mill-ġdid tal-interess Taljan fil-Klassiċiżmu kellu impatt kbir fit-Tramuntana. Pitturi bħal Robert Campin u Jan van Eyck użaw it-teknika tal-pitturi biż-żejt biex joħolqu xogħlijiet b'dettalji żgħar ħafna, b'perspettiva korretta, fejn ir-realiżmu apparenti ġie kkombinat mas-simboliżmu kumpless ferm li joħroġ fid-dieher preċiżament mid-dettall realistiku li setgħu jinkludu, saħansitra f'xogħlijiet żgħar. Fil-pitturi Olandiżi bikrin, mill-iktar bliet sinjuri tat-Tramuntana tal-Ewropa, realiżmu ġdid b'bosta dettalji fil-pittura biż-żejt ġie kkombinat ma' allużjonijiet teoloġiċi sottili u kumplessi, espressi preċiżament permezz ta' konfigurazzjonijiet ddettaljati ferm ta' xeni reliġjużi. Il-Pala ta' Mérode (is-snin 20 tas-seklu 15) ta' Robert Campin u t-Tlugħ is-Sema ta' Van Eyck f'Washington jew il-Madonna tal-Kanċillier Rolin (it-tnejn tas-snin 30 tas-seklu 15 ta' Jan van Eyck) huma eżempji ta' dan.[14] Fost is-sinjuri, il-pitturi fuq panewijiet żgħar, kulma jmur bdew isiru popolari ferm anke l-polittiċi ta' pitturi biż-żejt, spiss b'ritratti tad-donaturi fil-ġnub, għalkemm spiss ferm iżgħar mill-Madonna jew mill-qaddisin stess. Dawn normalment kienu jintwerew fid-djar.

Skultura[immodifika | immodifika s-sors]

Skultura monumentali[immodifika | immodifika s-sors]

Madonna bil-Bambin tal-avorju Franċiż tal-aħħar tas-seklu 13, għolja 25 cm.

The Gothic period is essentially defined by Gothic architecture, and does not entirely fit with the development of style in sculpture in either its start or finish. The facades of large churches, especially around doors, continued to have large tympanums, but also rows of sculpted figures spreading around them.

L-istatwi fil-Portal (Irjali) tal-Punent tal-Katidral ta' Chartres (għall-ħabta tal-1145) huma mtawlin b'mod eleganti iżda eżaġerat, iżda dawk fit-transett tal-Portal tan-Nofsinhar, mill-1215-1220, għandhom stil iktar naturalistiku u iktar maqtugħin mill-ħajt ta' warajhom, kif ukoll xi sensibilizzazzjoni dwar it-tradizzjoni klassika. Dawn ix-xejriet tkomplew fil-Portal tal-Punent tal-Katidral ta' Reims xi snin wara, fejn il-figuri kważi ġejjin għat-tond, kif saret drawwa meta l-Gotiku nfirex madwar l-Ewropa.[15] Il-Katidral ta' Bamberg x'aktarx li għandu l-ikbar ġabra ta' skulturi tas-seklu 13, li jilħqu l-qofol tagħhom fl-1240 bir-Rikkieb ta' Bamberg, l-ewwel statwa ekwestri ta' daqs reali fl-arti tal-Punent mis-seklu 6.

"Fl-Italja, il-Vanġelu tal-Gotiku ġie pprietkat mill-pulpti mhux mit-timpani, u l-unità tal-ħsieb tal-iskultur kienet opra tal-arti awtokonsistenti u awtonoma" (John Pope-Hennessy). Nicola Pisano (1258-1278) u ibnu Giovanni żviluppaw stil li spiss jissejjaħ Proto-Rinaxximent[16], bla dubju influwenzat mis-sarkofagi Rumani u kompożizzjonijiet sofistikati u ffullati, inkluż trattament simpatiku tan-nudità, f'panewijiet bir-riljievi fuq il-pulptu tal-Katidral ta' Siena (1265-1268), il-Funtana Maġġuri f'Perugia, u l-pulptu ta' Giovanni f'Pistoia tal-1301.[17]

Tiġdid ieħor tal-istil klassiku joħroġ fid-dieher fix-xogħol Gotiku Internazzjonali ta' Claus Sluter u s-segwaċi tiegħu f'Bourgogne u fil-Fjandri għall-ħabta tal-1400.[18] L-iskultura Gotika Aħħarija kompliet fit-Tramuntana, b'moda ta' pali kbar ħafna tal-injam u skolpiti għal fuq l-artali, b'bosta tinqix virtwuż u għadd kbir ta' figuri espressivi aġitati; l-iżjed għadd ta' eżempji tagħhom jinsabu fil-Ġermanja, wara bosta ikonoklażmi f'inħawi oħra. Tilman Riemenschneider, Veit Stoss u oħrajn komplew dan l-istil fis-seklu 16 sew, u gradwalment assorbew influwenzi Rinaxximentali Taljani.[19]

L-effiġji tal-oqbra ta' daqs reali bil-ġebel jew bl-alabastru saru popolari fost is-sinjuri, u evolvew oqbra grandjużi fuq diversi livelli, u l-Oqbra tal-iScaligeri ta' Verona tant kienu kbar li kellhom jitressqu 'l barra mill-knisja. Sas-seklu 15 kien hemm industrija li tesporta r-riljievi tal-artali bl-alabastru ta' Nottingham fi gruppi ta' panewijiet fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa għall-parroċċi li ma kinux jifilħu jixtru retabli tal-ġebel.[20]

Skultura portabbli[immodifika | immodifika s-sors]

L-għatu tas-Senduq ta' Walters, bl-Assedju tal-Kastell tal-Imħabba fuq ix-xellug, u tornew tal-ġostra fiċ-ċentru. Pariġi, 1330-1350.

It-tinqixiet żgħar, l-iktar għas-suq tan-nisa, saru industrija konsiderevoli f'Pariġi u xi ċentri oħra. Tipi ta' avorju kienu jinkludu polittiċi devozzjonali żgħar, figuri uniċi, speċjalment tal-Madonna, kaxxetti bil-mirja, moxtijiet, u sniedaq elaborati b'xeni Romantiċi, użati bħala rigali tal-għerusija.[21] L-għonja ħafna kienu jikkollezzjonaw opri tal-ħadid elaborati bil-ġojjelli u biż-żmalt, kemm lajċi kif ukoll reliġjużi, bħar-Relikwarju tal-Kuruna Mqaddsa tax-Xewk ta' Duc de Berry, sa ma bdew jispiċċaw bla flus, u reġgħu bdew idewbu l-minerali għall-flus kontanti.[22]

Dittiku tal-avorju, bil-fdalijiet taż-żebgħa kkulurita. L-adorazzjoni tas-Slaten Maġi u l-Kurċifissjoni. Il-wied ta' Meuse, Franza, għall-ħabta tal-1350.

L-iskulturi Gotiċi indipendenti mit-tiżjin arkitettoniku nħolqu primarjament bħala oġġetti ta' devozzjoni għad-dar jew maħsuba bħala donazzjonijiet għall-knejjes lokali[23], għalkemm riljievi żgħar bl-avorju, bl-għadam u bl-injam ikopru suġġetti reliġjużi u lajċi, u kienu jintużaw għall-knejjes kif ukoll għad-djar. Dawn l-iskulturi nħolqu minn artiġjani urbani, u l-iżjed tema komuni għall-istatwi tridimensjonali żgħar hija l-Madonna waħedha jew bil-Bambin.[24] Pariġi kienet iċ-ċentru prinċipali tax-xogħol bl-avorju, u dan ix-xogħol kien jiġi esportat lill-biċċa l-kbira tat-Tramuntana tal-Ewropa, minkejja li l-Italja wkoll kellha produzzjoni konsiderevoli. Eżemplar ta' dawn l-iskulturi indipendenti tinsab fost il-kollezzjonijiet tal-Knisja u l-Abbazija ta' St. Denis; il-Madonna bil-Bambin miksija bil-fidda tmur lura għall-1339 u fiha l-Madonna hija mgeżwra f'mantell kbir u qed iżżomm lill-Bambin Ġesù f'idejha. Kemm is-sempliċità tal-mantell kif ukoll l-età tenera tal-Bambin huma temi li ġew ripetuti fi skulturi oħra fit-Tramuntana tal-Ewropa li jmorru lura għas-seklu 14 u l-bidu tas-seklu 15. Kull skultura turi evoluzzjoni mill-istil tawwali u riġidu bikri, li kien għadu parzjalment Rumanesk, għal sensazzjoni spazjali u naturalistika fl-aħħar tas-seklu 12 u l-bidu tas-seklu 13. Suġġetti oħra tal-iskulturi Gotiċi Franċiżi kienu jinkludu figuri u xeni mil-letteratura popolari ta' dak iż-żmien. Xeni mill-poeżija tat-troubadours kienu partikolarment popolari fost l-artiġjani tal-kaxxetti bil-mirja u l-kaxxi żgħar, x'aktarx li kienu jintużaw min-nisa. Is-Senduq bix-Xeni Romantiċi (Walters 71264) tal-1330-1350 huwa eżempju tassew kbir mhux tas-soltu bi spazju għal għadd ta' xeni minn sorsi letterarji differenti.

Tifkiriet ta' pellegrinaġġi lejn is-santwarji, bħal domni, medalji u ampulli tat-tafal jew taċ-ċomb bix-xbihat kienu popolari u rħas ukoll. L-ekwivalenti lajċi tagħhom, l-armi, kien ikollhom sinjali ta' lealtà jew alleanza fewdali u politika li bdiet titqies bħala theddida soċjali fl-Ingilterra taħt il-"fewdaliżmu illeġittimu". Il-forom iktar irħas xi kultant kienu jingħataw b'xejn, bħal fil-każ tat-13,000 arma tad-drapp ordnati fl-1483 mir-Re Rikkardu III tal-Ingilterra, bl-emblema tiegħu ta' ċingjal abjad għall-investitura ta' ibnu Dwardu bħala l-Prinċep ta' Wales, li kien għadd kbir ħafna meta titqies il-popolazzjoni ta' dak iż-żmien.[25] Il-Ġojjell taċ-Ċinju ta' Dunstable, immudellat għalkollox bid-deheb u biż-żmalt, huwa verżjoni ferm iktar esklużiva, li kienet tingħata lil xi ħadd qrib jew importanti ħafna għad-donatur.

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Calkins, Robert G.; Monuments of Medieval Art, Dutton, 1979, ISBN 0525475613.
  • Cherry, John. The Holy Thorn Reliquary, 2010, British Museum Press (British Museum objects in focus), ISBN 0-7141-2820-1.
  • Cherry, John, in Marks, Richard and Williamson, Paul, eds. Gothic: Art for England 1400–1547, 2003, V&A Publications, London, ISBN 1-85177-401-7.
  • Henderson, George. Gothic, 1967, Penguin, ISBN 0-14-020806-2.
  • Hugh Honour and John Fleming, A World History of Art, 1st edn. 1982 (many later editions), Macmillan, Londra, page refs to 1984 Macmillan 1st edn. paperback. ISBN 0333371852.
  • Olson, Roberta J.M., Italian Renaissance Sculpture, 1992, Thames & Hudson (World of Art), ISBN 978-0-500-20253-1.
  • Pope-Hennessy, John, Introduction to Italian Sculpture, Volume 1, Italian Gothic Sculpture, 1955, Fourth Edition 1996, Phaidon Press, ISBN 0-7148-3014-3.
  • Robinson, James, Masterpieces of Medieval Art, 2008, British Museum Press, ISBN 978-0-7141-2815-3.
  • Rudolph, Conrad, ed., A Companion to Medieval Art: Romanesque and Gothic in Northern Europe, 2006, ISBN 978-1405198783.
  • Rudolph, Conrad, "Inventing the Gothic Portal: Suger, Hugh of Saint Victor, and the Construction of a New Public Art at Saint-Denis," Art History 33 (2010) 568–595.
  • Rudolph, Conrad, "Inventing the Exegetical Stained-Glass Window: Suger, Hugh, and a New Elite Art," Art Bulletin 93 (2011) 399–422.
  • Snyder, James. Northern Renaissance Art, 1985, Harry N. Abrams, ISBN 0136235964.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Stokstad (2005), 516.
  2. ^ Stokstad (2005), 544.
  3. ^ Émile Mâle, The Gothic Image, Religious Art in France of the Thirteenth Century, pp. 165-168.
  4. ^ "Gothic art | Medieval Architecture, Sculpture & Painting | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-15.
  5. ^ E. S. de Beer, Gothic: Origin and Diffusion of the Term; The Idea of Style in Architecture in Journal of the Warburg and Courtauld Institutes, Vol.11, 1948, pp. 143–62.
  6. ^ Vasari, Giorgio (1 January 1960). Vasari on Technique. Being the Introduction to the Three Arts of Design, Architecture, Sculpture and Painting, Prefixed to the Lives of the Most Excellent Painters, Sculptors and Architects. Dover Publications. ISBN 978-0-486-20717-9.
  7. ^ The art of the sublime: principles of Christian art and architecture by Roger Homan p. 70.
  8. ^ History of Architecture Super Review. Research & Education Assoc. ISBN 978-0-7386-6996-0.
  9. ^ "Introduction to the restoration of Danish wall paintings". web.archive.org. 2009-11-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-11-24. Miġbur 2023-08-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ Coe, 8–11.
  11. ^ Stokstad (2005), 540.
  12. ^ Stokstad (2005), 541.
  13. ^ Stokstad (2005), 542.
  14. ^ Lane, Barbara G,The Altar and the Altarpiece, Sacramental Themes in Early Netherlandish Painting, Harper & Row, 1984, ISBN 0-06-430133-8.
  15. ^ Honour u Fleming, 297–300; Henderson, 55, 82–84.
  16. ^ Pope-Hennessy, 11.
  17. ^ Olson, 11–24; Honour u Fleming, 304; Henderson, 41.
  18. ^ Snyder, 65–69.
  19. ^ Snyder, 65–69.
  20. ^ Victoria and Albert Museum, Digital Media webmaster@vam ac uk (2015-07-29). "Content no longer available". www.vam.ac.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-16.
  21. ^ Calkins, 193–198.
  22. ^ Cherry, 25–48; Henderson, 134–141.
  23. ^ Stokstad (2005), 537.
  24. ^ Stokstad (2005), 539.
  25. ^ Cherry (2003), 204.