Aqbeż għall-kontentut

Tpittir fuq il-Blat ta' Sierra de San Francisco

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Replika tat-Tpittir fuq il-Blat ta' Sierra de San Francisco fil-Mużew Nazzjonali tal-Antropoloġija fil-Belt tal-Messiku, il-Messiku.

It-Tpittir fuq il-Blat ta' Sierra de San Francisco huma arti pittografika preistorika fuq il-blat fil-katina muntanjuża ta' Sierra de San Francisco fil-Muniċipalità ta' Mulegé tar-reġjun tat-Tramuntana tal-istat ta' Baja California Sur fil-Messiku.[1][2][3]

It-tpittir fuq il-blat x'aktarx li huma l-prodotti artistiċi tal-poplu Cochimi fil-peniżola ta' Baja California. Dan il-grupp ta' nies ġie estint kulturalment fis-seklu 19 iżda minkejja dan huwa magħruf sew bis-saħħa tal-kitbiet tal-missjunarji Ġiżwiti tas-seklu 18. Dan it-tpittir fuq is-soqfa u l-ħitan tal-għerien u tal-postijiet imkennija fil-katina muntanjuża ta' Sierra de San Francisco ġie skopert għall-ewwel darba mill-Ewropej fis-seklu 18 permezz tal-missjunarju Ġiżwit Messikan José Mariano Rotea.[4][5]

Skont xi twemmin nattiv irreġistrat mill-Ġiżwiti u minn oħrajn, it-tpittir sar minn razza ta' ġganti — twemmin li ġie skartat minn investigaturi xjentifiċi mill-aħħar tas-seklu 19.[6] Dan it-twemmin jaf kien ġie ssuġġerit mid-daqs ikbar mill-ħajja reali tal-figuri umani (kif ukoll tal-annimali). Xi osservaturi spekulaw li t-tpittir kellu tifsiriet marbuta mal-maġija tal-kaċċa, ma' prattiki reliġjużi, jew mal-qima tal-antenati, iżda ma hemm l-ebda konsensus dwar dawn l-interpretazzjonijiet. Fost l-ispeċijiet ta' annimali mpittrin hemm iċ-ċriev, in-nagħaġ selvaġġ, il-fniek, il-puma, il-linċi, il-balieni, il-fkieren tal-baħar, il-ħut u l-għasafar. Hemm ukoll elementi astratti b'forom u b'għamliet differenti. Korp dejjem jikber ta' dati bir-radjokarbonju marbuta mat-tpittir issuġġerixxa epoki bikrin saħansitra mill-5500 Q.K. saħansitra għal epoki reċenti tal-kuntatt Ewropew fis-seklu 18.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tpittir fuq il-Blat ta' Sierra de San Francisco ġie nnominat bħala sit indikattiv fl-1989 u eventwalment sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1989.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[7]

It-tpittir fuq il-blat huwa mifrux f'madwar 250 sit differenti, li jinsab fil-Lvant tar-Riżerva ta' Bijosfera ta' El Vizcaino, Sit ta' Wirt Dinji ieħor tal-UNESCO. L-aċċess għat-tpittir fuq il-blat huwa kemxejn diffiċli minħabba l-pożizzjoni iżolata tas-siti, u dan għen ukoll biex jiġu mminimizzati l-vandaliżmu u l-qerda tagħhom.

Fiż-żona tat-tpittir fuq il-blat hemm waħda mill-iżjed konċentrazzjonijiet importanti tal-arti Pre-Kolombjana tal-Peniżola ta' Baja California. It-tpittir fuq il-blat huwa ta' kwalità eċċezzjonali skont l-istandards nazzjonali u internazzjonali: mhux biss bħala kwalità għolja, iżda anke bħala kobor, varjetà u oriġinalità tar-rappreżentazzjonijiet umani u tal-annimali, b'kuluri notevoli, u bi stat eċċellenti ta' preservazzjoni.

  1. Harry W. Crosby. 1997. The cave paintings of Baja California: discovering the great murals of an unknown people. Rev. and expanded ed. Sunbelt Publications, San Diego.
  2. María de la Luz Gutiérrez and Justin R. Hyland. 2002. Arqueología de la sierra de San Francisco: dos décadas de investigación del fenómeno Gran Mural. Instituto Nacional de Antropología e Historia, il-Belt tal-Messiku.
  3. Danny Palmerlee. 2007. Baja California and Los Cabos, 308 paġna.
  4. Francisco Javier Clavijero. 1789. Storia della California. 2 vols. Appresso Modesto Penzo, Venezja, l-Italja.
  5. Miguel del Barco. 1973. Historia natural y crónica de la antigua California. Edited by Miguel León-Portilla. Universidad Nacional Autónoma de México.
  6. Don Laylander. 2014. "The beginnings of prehistoric archaeology in Baja California, 1732-1913". Pacific Coast Archaeological Society Quarterly 50(1&2):1-32.
  7. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Rock Paintings of the Sierra de San Francisco". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-28.