Teatru tal-Opri Margravjali

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
It-Teatru tal-Opri Margravjali minn ġewwa

It-Teatru tal-Opri Margravjali (bil-Ġermaniż: Markgräfliches Opernhaus) huwa teatru tal-opri Barokk fir-raħal ta' Bayreuth, il-Ġermanja. Huwa nbena bejn l-1745 u l-1750.[1] Huwa wieħed mill-ftit teatri eżistenti ta' dak il-perjodu fl-Ewropa u ġie rrestawrat b'mod estensiv.[2] Fit-30 ta' Ġunju 2012, it-teatru tal-opri tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

It-teatru tal-opri nbena skont il-pjanta ddisinjata mill-arkitett Franċiż Joseph Saint-Pierre (għall-ħabta tal-1709-1754), il-bennej tal-qorti tal-Margravju (titlu ereditarju ta' prinċep) ta' Hohenzollern Federiku ta' Brandenburg-Bayreuth u martu l-Prinċipessa Wilhelmina tal-Prussja. It-teatru tal-opri ġie inawgurat fl-okkażjoni taż-żwieġ ta' binthom Elisabeth Fredericka Sophie mad-Duka Charles Eugene ta' Württemberg.

It-teatru tal-opri ta' Bayreuth minn barra

Id-disinn ta' kif inhu mgħammar minn ġewwa sar minn Giuseppe Galli Bibiena (1696-1757)[4] u ibnu Carlo minn Bologna bi stil tal-Barokk Aħħari. It-teatru tal-opri ġie ppreservat fil-kundizzjoni oriġinali tiegħu, għajr il-purtiera li ttieħdet mit-truppi ta' Napuljun fi triqithom lejn il-kampanja militari tar-Russja tal-1812. Il-gallarija rjali qajla ntużat mill-koppja Margravjali li kellhom għal qalbhom l-arti, għaliex kienu jippreferu post fir-ringiela ta' quddiem nett.

Il-Prinċipessa Wilhelmina, l-oħt il-kbira tar-Re tal-Prussja Federiku l-Kbir, kienet stabbiliet il-kumpanija teatrali Margravjali fl-1737. Fit-teatru tal-opri l-ġdid hija pparteċipat bħala kompożitriċi tal-opri u ta' Singspiele, kif ukoll bħala attriċi u direttriċi.[5] Illum tidher f'preżentazzjoni bid-dwal u bl-awdjo għat-turisti. Wara mewtha fl-1758, l-ispettakli waqfu ħesrem u l-binja ma baqgħetx tintuża, li hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li baqgħet fi stat tajjeb ta' konservazzjoni.

Pittura tal-1879 tat-Teatru tal-Opri Margravjali ta' Gustav Bauernfeind

Iktar minn mitt sena wara, it-tul kbir tal-palk ta' 27 metru attira lill-kompożitur Richard Wagner, li fl-1872 għażel lil Bayreuth bħala ċentru għal festival u ordna li tinbena l-binja tal-Festspielhaus fit-Tramuntana tar-raħal. Iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla saret fit-22 ta' Mejju, għeluq snin Wagner, u kienet tinkludi spettaklu fejn indaqqet is-Sinfonija Nru 9 ta' Beethoven, taħt id-direzzjoni ta' Wagner.[3]

Partijiet mill-film tal-1994 Farinelli nġibdu fit-Teatru tal-Opri Margravjali. It-teatru kien is-sit fejn kull sena kien isir il-Bayreuther Osterfestival sal-2009. Kull Settembru mis-sena 2000 sal-2009, it-teatru kien jospita il-Festival Barokk ta' Bayreuth, bi spettakli ta' opri rari bikrin. Il-festival tal-2009 kien jinkludi spettakli tal-festa teatrali ta' Andrea Bernasconi, L'Huomo, b'librett tal-Margravja Wilhelmina.

Il-plakka tal-UNESCO tat-Teatru tal-Opri Margravjali

It-teatru tal-opri ngħalaq f'Ottubru 2012 għal restawr u żvilupp mill-ġdid estensivi u reġa' nfetaħ fit-12 ta' April 2018.[6][7]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

It-Teatru tal-Opri Margravjali ta' Bayreuth ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Margravial Opera House in Bayreuth World heritage | Bavaria" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-03.
  2. ^ Goldmann, A. J.; Welters, Gordon (2018-04-16). "Inch by Inch, an Operatic Jewel Is Polished" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-03.
  3. ^ a b c d Centre, UNESCO World Heritage. "Margravial Opera House Bayreuth". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-10-03.
  4. ^ "Margravial Opera House - World Heritage Site - Pictures, Info and Travel Reports". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2021-10-03.
  5. ^ Kotnik, Vlado. "The Adaptability of Opera: When Different Social Agents Come to Common Ground (PDF)" (PDF). sfopera.com.
  6. ^ Brug, Manuel (2018-04-14). "Bayreuth hat mit dem Markgräflichen Opernhaus seinen schönsten Kulturtempel zurück" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-10-03.
  7. ^ Welle (www.dw.com), Deutsche. "Markgräfliches Opernhaus Bayreuth wie neu | DW | 12.04.2018". DW.COM (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-10-03.