Aqbeż għall-kontentut

Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-daħla tas-Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian.

Is-Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian (biċ-Ċiniż: 周口店北京人遗址; trażlitterata wkoll bħala Choukoutien) hija sistema ta' għerien fid-distrett suburban ta' Fangshan, f'Beijing, iċ-Ċina. Fis-sit saru bosta skoperti arkeoloġiċi, pereżempju nstab wieħed mill-ewwel eżemplari ta' Homo erectus (Homo erectus pekinensis), imlaqqam ir-"Raġel ta' Peking", u ġabra fina ta' għadam tal-jena ġganteska ta' wiċċha qasir Pachycrocuta brevirostris.

Minħabba interpretazzjonijiet differenti tal-evidenza, id-dati proposti ta' meta r-Raġel ta' Peking kien jgħix fis-sit ivarjaw ferm, inkluż: 700,000–200,000 sena ilu, 670,000–470,000 sena ilu, jew mhux qabel 530,000 sena ilu.[1][2][3]

Is-Sit tar-Raġel ta' Peking ġie skopert għall-ewwel darba minn Johan Gunnar Andersson fl-1921, u ġie skavat għall-ewwel darba minn Otto Zdansky fl-1921 u fl-1923, fejn instabu żewġ snien umani. Iktar 'il quddiem dawn ġew identifikati minn Davidson Black bħala li jappartjenu lil speċi li qabel ma kinitx magħrufa, u wara saru skavi estensivi. Fi xquq fil-ġebla tal-ġir b'depożiti ta' nofs il-Plejstoċen instabu l-fdalijiet ta' madwar 45 individwu, kif ukoll fdalijiet ta' annimali, u laqx tal-ġebel u għodod tat-tqattigħ.

L-eqdem fdalijiet ta' annimali jmorru lura għal saħansitra 690,000 sena ilu, b'għodod li jmorru lura sa 670,000 sena ilu,[4] filwaqt li skont awtorità oħra l-għodod li nstabu ma sarux qabel 530,000 sena ilu. Matul il-Paleolitiku ta' Fuq, is-sit ġie okkupat mill-ġdid, u l-fdalijiet ta' Homo sapiens u tal-għodod tal-ġebel u tal-għadam tagħhom ġew irkuprati wkoll mill-Għar ta' Fuq.

Il-krater ta' Choukoutien fuq l-asterojde 243 Ida ngħata isem il-pożizzjoni trażlitterata tas-sit. L-għerien jinsabu fir-raħal ta' Zhoukoudian, fid-distrett ta' Fangshan, fil-Lbiċ ta' Beijing ċentrali.

Storja tal-iskavi

[immodifika | immodifika s-sors]

Hawnhekk hawn raġel primittiv, issa kull ma fadlilna hu li nsibuh! —  Johan Gunnar Andersson, malli skopra s-Sit tar-Raġel ta' Peking.

Il-Mużew tas-Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian. Fiċ-ċentru jidher il-bust rikostruwit tar-Raġel ta' Peking.

Il-ġeologu Żvediż Johan Gunnar Andersson beda l-ewwel esplorazzjonijiet tiegħu fir-reġjun fl-1918 f'żona magħrufa lokalment bħala l-"Għolja tal-Għadam tat-Tiġieġ" li kienu ħasbu li l-abbundanza ta' fossili ta' għadam tar-rodituri kienu effettivament tat-tiġieġ. Madankollu, damu sal-1921 biex hu u l-paleontologu Amerikan Walter W. Granger jaslu fis-sit magħruf bħala l-"Għolja tal-Għadam tad-Draguni" fost il-bennejja ta' barriera lokali. Malli nnota xi kwarz abjad li ma kienx tal-inħawi, minnufih induna li dan seta' kien post tajjeb biex ifittex il-fdalijiet tal-bnedmin primittivi.

L-iskavi twettqu mill-assistent ta' Andersson, il-paleontologu Awstrijaku Otto Zdansky fl-1921 u fl-1923, fejn qala' ħafna materjal li ntbagħat lura lejn l-Università ta' Uppsala fl-Iżvezja għal analiżi ulterjuri. Fl-1926, Anderson ħabbar l-iskoperta ta' żewġ darsiet umani fost dan il-materjal, u s-sena ta' wara Zdansky ippubblika din is-sejba, u b'kawtela identifika s-snien bħala ?Homo sp.

Il-fossili tal-hekk imsejjaħ lupu ta' Zhoukidian, Canis variabilis, instabu fis-sistema ta' għerien u fis-sit arkeoloġiku ta' Zhoukoudian fl-1934, u ngħataw isem minn min skoprihom, Pei Wenzhong:

Għalkemm ma tistax tinsilet linja netta bejn l-Canis deskritt hawn fuq u C. lupus, id-differenzi kbar fid-daqs u fil-fattizzi tal-kranju, jidhru li huma biżżejjed biex tinħoloq, mill-inqas, varjetà ġdida, Canis lupus variabilis, għal-lupu żgħir ta' Zhoukoudian tal-Lokalità 1.

Proġett ta' Zhoukoudian

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-paleoantropologu Kanadiż Davidson Black, li kien qed jaħdem għall-Kulleġġ Mediku tal-Unjoni ta' Peking dak iż-żmien, kien eċitat bis-sejba ta' Andersson u ta' Zdansky, u applika għand il-Fondazzjoni Rockefeller għal finanzjament biex iwettaq skavi sistematiċi fis-sit. Il-finanzjament ingħata, u l-Proġett ta' Zhoukoudian beda bl-iskavi fl-1927 taħt is-superviżjoni tal-arkeologu Ċiniż Li Jie.

Dik il-ħarifa nstabet sinna mill-paleontologu Żvediż Anders Birger Bohlin, li Black ippropona li kienet ta' speċi ġdida msejħa Sinanthropus pekinensis. Is-sena ta' wara, l-iskavi ta' Black żvelaw iktar fossili tal-ispeċi l-ġdida tiegħu, inkluż snien, parti sostanzjali ta' xedaq mhux ta' adult, u xedaq sħiħ ta' adult bi tliet sinniet. Dawn is-sejbiet ippermettew lil Black jiżgura għotja addizzjonali ta' $80,000 mingħand il-Fondazzjoni, li huwa uża biex jistabbilixxi laboratorju tar-riċerka.

Laboratorju tar-Riċerka Ċenożojka

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Laboratorju tar-Riċerka Ċenożojka tal-Istħarriġ Ġeoloġiku taċ-Ċina ġie stabbilit fil-Kulleġġ Mediku tal-Unjoni ta' Peking fl-1928 bl-assistenza tal-ġeologi Ċiniżi Ding Wenjiang u Weng Wenhao, għar-riċerka u għall-analiżi tal-fossili li jinstabu. Black baqa' jaħdem fil-laboratorju bħala direttur onorarju, filwaqt li l-iskavi baqgħu għaddejjin fis-sit taħt il-paleontologu Yang Zhongjian u l-antropologi Pei Wenzhong u Jia Lanpo.

Il-kundizzjonijiet fis-sit kienu primittivi, u x-xjenzati kellhom jaslu sal-iskavi rekbin fuq il-ħmir u joqogħdu f-karavanseraj tul it-triq. Meta l-ewwel skutella ta' kranju nstabet fis-sit fl-1929, dan sar minn Pei, li kien qed jaħdem f'xaqq ta' 40 metru f'temp kiesaħ silġ, b'martell f'id waħda u xemgħa fl-oħra. It-tieni skutella ta' kranju ġiet skoperta qrib l-ewwel waħda fl-1930, u sal-1932 ġew stazzjonati kważi 100 ħaddiem fis-sit kuljum.

Minkejja l-kundizzjonijiet fis-sit, baqgħu jżuruh riċerkaturi eminenti. Il-paleontologu Franċiż Pierre Teilhard de Chardin kien viżitatur regolari tas-sit mill-1926. L-arkeologu Franċiż Henri Breuil żar is-sit fl-1931 u kkonferma l-preżenza ta' għodod tal-ġebel. F'dik l-istess sena, l-evidenza tal-użu tan-nar fl-għar ġiet aċċettata.

Il-ħawtiel Black miet fl-uffiċċju tiegħu fl-1934, b'waħda mill-iskutelli ta' kranju li nstabet fis-sit fuq l-iskrivanija tiegħu. L-antropologu Lhudi Ġermaniż Franz Weidenreich ħadlu postu bħala d-direttur onorarju tal-laboratorju, u l-iskavi baqgħu għaddejjin, u nstabu tliet skutelli ta' kranji oħra fl-1936.

B'kollox, fl-iskavi nstabu 200 fossila umana minn iktar minn 40 individwu, inkluż 5 skutelli ta' kranji kważi sħaħ, qabel ma waqfu ħesrem fl-1937 minħabba l-invażjoni Ġappuniża taċ-Ċina. Fost ir-rapporti dwar l-atroċitajiet Ġappuniżi, hemm it-tortura u l-qtil tal-ħaddiema fis-sit, fejn tlieta nqatlu b'daqqiet ta' bajjunetti, u ieħor ġie mġiegħel jiġbed rickshaw sakemm miet bil-ġuħ.

Fl-1941, il-biċċa l-kbira tas-sejbiet intilfu waqt li suppost kienu qed jiġu ttrasportati lejn post sikur u qatt ma reġgħu nstabu. B'xorti tajba, Weidenreich kien għamel kopji tal-fossili biex jippreserva l-karatteristiċ fiżiċi tagħhom.

Rikostruzzjonijiet ta' kranji li nstabu tar-Raġel ta' Peking.

Skavi ta' wara l-gwerra

[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-xogħlijiet tal-iskavi reġgħu bdew fl-1949, fejn instabu fossili ġodda tar-Raġel ta' Peking, inkluż 5 sinniet u frammenti ta' għadam tal-koxxa u tal-pexxun. Is-sena ta' wara, ġiet skoperta t-tielet darsa fil-materjal li kien intbagħat lura lejn Uppsala minn Zdansky fl-1921 u fl-1923.

Is-Sit tar-Raġel ta' Peking ġie ddeżinjat bħala "Sezzjoni tat-tip ta' depożiti fl-għerien tal-Plejstoċen Nofsani fit-Tramuntana taċ-Ċina" mill-Kungress Annwali tal-Kumitat Nazzjonali tal-Istratigrafija taċ-Ċina fl-1959, u nstab framment ta' mandibola.

Fl-iskavi mmexxija minn Pei fl-1966 instabu darsa u żewġ frammenti ta' kranju; wara ġie skopert li jaqblu mal-frammenti li kienu nstabu mill-iskavi preċedenti fl-1934 u fl-1936, u l-uniku eżempju eżistenti ta' skutella ta' kranju kważi sħiħa ġiet magħquda bħala ħaġa waħda.

Fl-iskavi fil-Lokalità 4 f'Zhoukoudian, li saru fl-1972–1973, instabet sinna ta' qabel id-dras ta' Homo sapiens.

Tekniki moderni tad-datazzjoni xjentifika jikkonfermaw li s-sit kien okkupat bejn 230,000 u 500,000 sena ilu.

Siti tal-iskavi

[immodifika | immodifika s-sors]

Sit tar-Raġel ta' Peking

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Lokalità 1, magħrufa wkoll bħala s-Sit tar-Raġel ta' Peking, kienet l-ewwel waħda li ġiet skoperta fl-1921, taħt id-direzzjoni ta' bennejja lokali. Oriġinarjament is-sit kien għar naturali tal-ġebla tal-ġir, iżda s-saqaf tiegħu kien ilu li ċeda, u b'hekk infirex saff sħiħ ta' breccia u radam fuq id-depożiti. Skavi bikrin fl-1921 u fl-1923 żvelaw evidenza ta' abitazzjoni umana bejn 200,000 sa 500,000 sena ilu. L-għar ġie skavat mill-1927-1937, u nstabu 200 fossila umana (minn 40 individwu) identifikati bħala tal-Homo erectus, iktar minn 10,000 biċċa litika, diversi saffi ta' rmied li jindikaw l-użu tan-nar fost il-bnedmin primittivi, kif ukoll fossili ta' annimali minn 200 speċi separata. Il-biċċa l-kbira ta' dan il-materjal intilef fl-1941 matul l-okkupazzjoni Ġappuniża u qatt ma reġa' nstab. L-iskavi reġgħu bdew fl-1949 u baqgħu jinstabu fossili u artefatti, tant li dan is-sit huwa wieħed mill-iżjed sorsi ta' materjal mill-Plejstoċen Nofsani.

Total ta' 13-il saff ġew skavati fis-sit sa fond ta' kważi 40 metru.

Saff Ħxuna Konsistenza Sejbiet
1-2 4 m Breccia u travertin Fossili u materjal litiku
3 3 m Breccia ħarxa u blokok tal-ġebla tal-ġir iffurmati biċ-ċediment tas-saqaf tal-għar Kranju tar-Raġel ta' Peking (1966), fossili u materjal litiku
4 6 m Irmied u blokok tal-ġebla tal-ġir Żona Kulturali ta' Fuq li kien fiha għadam maħruq, ġebel, fossili u materjal litiku
5 1 m Radam Fossili u materjal litiku
6 5 m Breccia, blokok tal-ġebla tal-ġir u ħmieġ tal-jeni Fossili u materjal litiku
7 2 m Ramel Fossili u materjal litiku
8-9 6 m Breccia u rmied Żona Kulturali t'Isfel li kien fiha l-biċċa l-kbira tal-fossili li ġew irkuprati tar-Raġel ta' Peking
10 2 m Laterit u rmied Fossili u materjal litiku
11 2 m Breccia L-ewwel kranju tar-Raġel ta' Peking (1929), fossili u materjal litiku
12 2 m Ramel aħmar Fossili
13 2 m Silt & Hyena dung Fossili u materjal litiku

Permezz ta' skavi f'foss ta' prova ntwera li s-saffi ta' taħt dawn ta' hawn fuq ma kienx fihom fossili jew materjal litiku u qatt ma ġew skavati.

Xaqliba tal-Lvant

[immodifika | immodifika s-sors]

Parti mis-Sit tar-Raġel ta' Peking, din ix-xaqliba ġiet skavata fl-1930–1958 u mill-ġdid fl-1978–1979 f'missjoni ta' riċerka multidixxiplinari. L-iskavi waslu sa fond ta' 7 metri qalb is-Saffi 3–6, u nstabu għodod tal-ġebel, għadam maħruq, irmied, u fossili ta' speċijiet ta' għasafar, rettili u mammiferi.

Sala tal-Ħamiem

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sala tal-Ħamiem ingħatat isimha minħabba l-bosta ħamiem li kienu jżuruha, u ġiet ikkollegata mas-Sit tar-Raġel ta' Peking minn għadd ta' ħaddiema fl-1928. Fl-iskavi li saru mill-1930 sal-1931 instab ħafna għadam tar-Raġel ta' Peking (inkluż mandibola, klavikola u għadam parjetali), sinjali tal-użu tan-nar (inkluż stikka tal-injam tal-aħmar maħruqa), u għodod tal-ġebel tal-kwarz u tal-ġebel ramli aħdar.

Għar ta' Fuq

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-parti ta' fuq tal-Għolja tal-Għadam tad-Draguni, fl-1930 ġie skopert l-Għar ta' Fuq, u ġie skavat fl-1933–1934, u matul dak iż-żmien is-saqaf u l-fetħa orjentata lejn it-Tramuntana tneħħew. Fl-iskavi nstabet evidenza ta' abitazzjoni umana fl-għar li tmur lura għal bejn 10,000 u 20,000 sena ilu. L-għar kien maqsum f'kwartieri tal-għajxien fin-naħa ta' fuq, u art funebri fin-naħa t'isfel, filwaqt li fetħa żgħira fin-naħa t'isfel kienet tintuża bħala nassa naturali għall-annimali. Fl-iskavi nstabu tliet kranji umani u fdalijiet oħra mill-inqas minn tmien individwi identifikati bħala Homo sapiens tal-perjodu Arkajku, għodod u ornamenti magħmulin mill-ġebel u mill-għadam, u ħafna għadam tal-annimali, inkluż skeletri sħaħ ta' mammiferi kbar li nqabdu fin-nassa tan-naħa t'isfel tal-għar. Barra minn hekk, trab abjad mifrux madwar il-fdalijiet fin-naħa t'isfel tal-għar indika li l-abitanti kienu jipprattikaw riti funebri.

Lokalitajiet oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Iktar minn 20 lokalità bil-fossili ġew skavati f'Zhoukoudian sa issa.

Dan ix-xaqq mit-Tramuntana għan-Nofsinhar huwa mimli b'ħamrija ħamranija, u jmur lura għall-Plejstoċen Nofsani. L-iskavi li saru fl-1921 flimkien ma' dawk tas-Sit tar-Raġel ta' Peking żvelaw fossili ta' mammiferi, inkluż ta' ħamster, ta' rinoċeront u ta' jena Ċiniża.

Dan ix-xaqq mil-Lvant għall-Punent ġie skopert fl-1927, huwa mimli bil-breccia, u jmur lura għall-aħħar tal-Plejstoċen Nofsani. L-iskavi fl-1933 żvelaw fossili ta' mammiferi, inkluż ta' porkuspin, ta' kelb raccoon u ta' baġer.

Dan ix-xaqq mit-Tramuntana għan-Nofsinhar ġie skopert fl-1927, huwa mimli b'tafal ramli safrani, u jmur lura għall-aħħar tal-Plejstoċen Nofsani. Fl-iskavi tal-1937–1938 instab materjal litiku, għadam u żrieragħ maħruqin (li jindikaw l-użu tan-nar mill-bnedmin primittivi), u fossili ta' xakalli u ta' ċriev. Skavi oħra fl-1973 żvelaw sinna umana ta' qabel id-dras u l-fdalijiet fossilizzati ta' 40 speċi ta' mammiferi, inkluż ta' makakk, ta' ħanżir, ta' ors u ta' żiemel.

Depożitu ta' Fuq

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan id-depożitu, li jinsab 60 metru 'l fuq mill-baċir tax-xmara, huwa mimli b'saffi tar-ramel u taż-żrar, u jmur lura għall-aħħar tal-Plioċen Bikri. Skavi mill-1937 sal-1938 żvelaw fossili ta' mammiferi inkluż ta' żibett u ta' far tal-bambù.

Dan l-għar ġie skopert fl-1967 u huwa kkollegat mal-Lokalità 4 fin-Nofsinhar tiegħu. Id-depożiti ffurmati permezz tas-sedimentazzjoni idrostatika f'kundizzjonijiet ta' ilma staġnat ma kien fihom l-ebda fossila jew artefatt relatat mal-bniedem.

Dan il-foss b'għamla ta' kolonna ġie skopert fl-1933, meta kienu qed isiru l-iskavi fil-Lokalità 3. Dan il-foss huwa mimli b'radam ħamrani, u jmur lura għall-aħħar tal-Plejstoċen Bikri. L-iskavi żvelaw il-fossili ta' 22 speċi ta' mammiferi, inkluż ta' tigra tan-nejbiet twal u ta' primat estint.

Dan ix-xaqq f'tumbata tal-ġebla tal-ġir xi kilometru fin-Nofsinhar tas-Sit tar-Raġel ta' Peking imur lura għall-bidu tal-Plejstoċen Nofsani u huwa l-iżjed sit bikri bi fdalijiet kulturali li ġie skavat sa issa f'Zhoukoudian. L-iskavi tat-tafal ramli fuq qiegħ irqiq madwar 50 metru 'l fuq mill-baċir tax-xmara żvelaw artefatti tal-ġebel, irmied u għadam maħruq, kif ukoll 36 speċi ta' għadam fossilizzati ta' mammiferi, inkluż ta' ċerva ġganteska tax-xedaq kbir u ta' tigra tan-nejbiet kbar.

Dan l-għar dejjaq tal-ġebla tal-ġir, 1.5 kilometru (0.93 mili) fin-Nofsinhar tas-Sit tar-Raġel ta' Peking imur lura għall-boidu tal-Plijoċen, u fih instabu wħud mill-eqdem fossili ta' Zhoukoudian, li jmorru lura 5 miljun sena. Mill-iskavi li saru fl-1933, fl-1951 u fl-1953 tal-ġebel ramli fuq saff irqiq madwar 70 metru 'l fuq mill-baċir tax-xmara nstabu iktar minn 600 fossila ta' ħut kważi sħaħ ta' erba' speċijiet differenti, tnejn minnhom estinti.

Dan is-sit relattivament mhux daqstant tal-qedem ġie skopert fl-1932 u jmur lura għal madwar 100,000 sa 200,000 sena ilu. Mill-iskavi li saru fl-1934–1935 ġew żvelati tliet saffi; saff ta' fuq ta' loess u ta' radam tal-ġebla tal-ġir; saff nofsani bl-irmied, bil-materjal litiku, bl-għadam maħruq u biż-żrieragħ tal-frott artab; u saff t'isfel tat-tafal aħmar, bil-materjal litiku u bil-fossili tal-għasafar u tal-mammiferi, inkluż ta' rinoċeront sufi, ta' ċerva ġganteska u ta' għażżiela. Dan is-sit għadu qed jiġi skavat bir-reqqa.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sit tar-Raġel ta' Peking f'Zhoukoudian ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

  1. 1 2 3 "Zhoukoudian Peking Man Site". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-20.
  2. Climatic cycles investigated by sediment analysis in Peking Man’s Cave, Zhoukoudian, China., Zhou, C., Lui, Z., Wang, Y.; Journal of Archaeological Science 27, 2000, pp. 101-109.
  3. Encyclopedia of Prehistory: Volume 3: East Asia and Oceania, Chuan Kun Ho; Human Relations Area Files, Inc., 2001, p. 352.
  4. “Middle Pleistocene climate and habitat change at Zhoukoudian, China, from the carbon and oxygen isotopic record from herbivore tooth enamel”, Gaboardia, Deng and Wang, Quaternary Research 63, 2005, p. 331.