Aqbeż għall-kontentut

Pont tal-Paċi, Tbilisi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pont tal-Paċi ta' Tbilisi.

Il-Pont tal-Paċi, Tbilisi (bil-lingwa tal-Georgia: მშვიდობის ხიდი, mshvidobis khidi) huwa pont għan-nies bil-mixi b'għamla ta' qaws. Huwa kostruzzjoni tal-azzar u tal-ħġieġ, imdawwal b'bosta LEDs, fuq ix-xmara Kura, u jikkollega l-Park ta' Rike maċ-ċentru storiku fi Tbilisi ċentrali. Mill-ftuħ tiegħu fl-2010, l-istruttura saret punt ta' qsim importanti għan-nies bil-mixi fil-belt, kif ukoll attrazzjoni turistika sinifikanti u waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin l-iktar magħrufa tal-belt kapitali.

Il-pont fih 150 metru (490 pied) minn naħa għall-oħra tax-xmara Kura u ġie ordnat mill-Muniċipju ta' Tbilisi biex jinħoloq disinn kontemporanju li jikkollega ċ-ċentru storiku ta' Tbilisi mad-distrett il-ġdid. Il-ftuħ uffiċjali seħħ fis-6 ta' Mejju 2010.[1] Il-pont huwa estiż fuq ix-xmara Kura u jipprovdi veduta tal-Knisja ta' Metekhi, tal-istatwa tal-fundatur tal-belt Vakhtang Gorgasali, u tal-Fortizza ta' Narikala fuq naħa waħda, u tal-Pont ta' Baratashvili u tal-Palazz Ċerimonjali tal-Georgia.

Il-pont ġie ddisinjat mill-arkitett Taljan Michele De Lucchi, li kien iddisinja wkoll il-binjiet tal-Palazz Ċerimonjali tal-Georgia u tal-Ministeru tal-Intern fi Tbilisi; id-disinn tat-tidwil inħoloq mid-disinjatur tat-tidwil Franċiż Philippe Martinaud. L-istruttura tal-pont inbniet fl-Italja u ġiet ittrasportata lejn Tbilisi f'200 trakk, filwaqt li t-tidwil ġie installat fil-post waqt l-assemblaġġ tal-istrutturi.

Il-pont, b'disinn li jfakkar l-għamla ta' annimal tal-baħar, għandu kanopew tal-azzar u tal-ħġieġ b'għamla kurva fuq nett, li tleqq permezz tat-tidwil interattiv billejl, iġġenerat minn eluf ta' LEDs bojod. Il-parti ta' fuq nett għandha 1,208 sistema tal-LEDs. Il-panewijiet tal-ħġieġ fl-istruttura laterali fit-tul kollu tal-pont huma mgħammra b'sistemi lineari ta' LEDs b'konsum baxx tal-enerġija.[2]

It-tidwil, li jixgħel minn 90 minuta qabel inżul ix-xemx sa 90 minuta wara tlugħ ix-xemx, fih erba' programmi differenti ta' tidwil fuq il-kanopew kull siegħa. Xi kultant, il-pont jixgħel qisu bil-mewġ minn naħa għall-oħra tax-xmara. Xi drabi oħra, it-tidwil jibda bi strixxa ta' dawl fuq naħa, li tkompli min-naħa l-oħra sa ma d-dawl jiltaqa' fin-nofs, u mbagħad ibatti u jerġa' jibda. It-tielet programm jibda bit-tidwil tal-istrutturi ta' barra mal-kanopew, imbagħad għal żmien qasir idawwal il-kanopew kollu qabel ma jintefa għalkollox. Ir-raba' programm iwassal biex il-kanopew jiddi bħall-istilel, billi gruppi differenti jixgħelu u jintfew mat-tul kollu tal-pont.

Fi ħdan il-parti għall-mixi tal-pont, is-sistema tal-LEDS b'konsum baxx tal-enerġija, imdaħħla fl-istrutturi tal-ħġieġ, tiskatta permezz ta' 240 sensur taċ-ċaqliq meta jgħaddi xi ħadd bil-mixi, b'hekk tagħti l-impressjoni li d-dwal jixgħelu kull darba li xi ħadd jimxi fil-pont. Barra minn hekk, messaġġ bil-kodiċi dwar it-tabella perjodika tal-elementi jidher tul il-pont kull siegħa. Id-disinjatur tat-tidwil Martinaud iqis din il-komunikazzjoni bħala ċelebrazzjoni tal-"ħajja u tal-paċi bejn il-popli".

Il-kostruzzjoni ta' pont ġdid tal-azzar u tal-ħġieġ fid-distrett storiku ta' Tbilisi kienet kontroversjali. Diversi politiċi tal-oppożizzjoni, arkitetti u pjanifikaturi urbani kkritikawh u ilmentaw li l-pont kien qed jispikka wisq meta mqabbel maċ-ċentru storiku tal-belt u qed jgħatti l-attrazzjonijiet arkitettoniċi tiegħu.[3]

Il-pont ġie mlaqqam bħala l-pont "Always Ultra" minħabba x-xebħ ipperċepit tiegħu ma' maxi-pad tan-nisa.[4][5][6][7]

  1. ^ "The Bridge of Peace, Tbilisi, Georgia". archibaseplanet.com. Miġbur 2024-06-10.
  2. ^ "Home — Pharos Controls – Dynamic Lighting Control for Iconic Installations". www.pharoscontrols.com. Miġbur 2024-06-10.
  3. ^ Khabuliani, Khatuna (2016). "Some Considerations on Aspects of Tbilisi's Identity Through Architectural Narratives". Identity Studies. 6: 35–36.
  4. ^ "A new look for Old Tbilisi". The Economist.
  5. ^ Burford, Tim (2011). Lonely Planet: Georgia (bl-Ingliż). Bradt Travel Guides. p. 122. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  6. ^ "Flashy Bridge Symptomatic of Georgia's Malaise". iwpr.net (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-10.
  7. ^ Levine, Joshua (2013-11-01). "In Tbilisi, Georgia, Bold New Buildings Rise From the Ruins of Dead Empires" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-10.