Aqbeż għall-kontentut

Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa tar-rotot Ewropej tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu

Il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu jew Camino de Santiago (bil-Latin: Peregrinatio Compostellana) huwa network ta' rotot u mogħdijiet tal-pellegrini jew pellegrinaġġi li kollha jwasslul għas-santwarju tal-appostlu San Ġakbu l-Kbir fil-katidral ta' Santiago de Compostela, fir-reġjun ta' Galizja fil-Majjistral ta' Spanja, fejn jingħad li l-appostlu jinsab midfun. Ħafna nies isegwu xi waħda minn dawn ir-rotot bħala forma ta' eżerċizzju spiritwali jew irtir għat-tkabbir spiritwali tagħhom. Ir-rotot huma popolari wkoll ma' dawk li jħobbu jimxu fin-natura jew inkella jmorru fil-kampanja bir-rota jew biż-żiemel waħedhom jew ma' gruppi turistiċi.

Il-Camino Francés jew ir-Rotta minn Franza ilu Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fi Spanja mill-1993 u fl-2015 ġie estiż bir-Rotot tat-Tramuntana ta' Spanja wkoll.[1][2]

Pellegrinaġġ Kristjan ewlieni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Katridral ta' Santiago de Compostela, Spanja

Il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu kien wieħed mill-iktar pellegrinaġġi Kristjani importanti matul it-tieni parti tal-Medjuevu, u min kien jagħmel dan il-pellegrinaġġ seta' jikseb l-indulġenza plenarja.[3] Fost il-pellegrinaġġi ewlenin l-oħra kien hemm il-Via Francigena (il-Pellegrinaġġ ta' San Franġisk) lejn Ruma u l-pellegrinaġġ lejn Ġerusalemm.

Stejjer leġġendarji jirrakkontaw li l-fdalijiet tal-katavru ta' San Ġakbu ġew ittrasportati b'dgħajsa minn Ġerusalemm sat-Tramuntana ta' Spanja, fejn l-appostlu jinsab midfun fil-belt Spanjola ta' Santiago de Compostela. L-isem Santiago joriġina mill-evoluzzjoni lokali bil-Galizjan tal-Latin Vulgari Sancti Iacobi, jiġifieri San Ġakbu.

Il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu fih diversi rotot u mogħdijiet differenti li jwasslu sa Santiago de Compostela. Tradizzjonalment, kif jagħmlu ħafna pellegrini, il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu jibda mid-dar tal-pellegrin u jispiċċa fil-katidral ta' Santiago de Compostela. Minkejja dan, hemm għadd ta' rotot jew mogħdijiet li jitqiesu bħala prinċipali. Matul il-Medjuevu, ħafna pellegrini kien jagħmlu l-pellegrinaġġ tul waħda mir-rotot jew mill-mogħdijiet. Madankollu, il-Pesta s-Sewda, ir-Riforma Protestanta, u l-irvelli politiċi fis-seklu 16 fl-Ewropa kienu wasslu biex ma tibqax daqshekk popolari. Fis-snin 80 tas-seklu 20, ftit mijiet ta' pellegrini kienu jirreġistraw fl-uffiċċju tal-pellegrini f'Santiago de Compostela. F'Ottubru 1987, il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu ġie ddikjarat bħala l-ewwel Rotta Kulturali Ewropea mill-Kunsill tal-Ewropa u fl-1993 ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-pellegrinaġġ kulma jmur beda jattira iktar u iktar pellegrini internazzjonali u turisti.

Kull meta Jum San Ġakbu (il-25 ta' Lulju) jinzerta l-Ħadd, il-katidral ta' Santiago de Compostela jiddikjara Sena Qaddisa jew tal-Ġublew. Skont meta jkun hemm sena bisestili, is-Sena tal-Ġublew taħbat kull ħames, sitta jew 11-il sena. L-iktar reċenti kienu l-1982, l-1993, l-1999 u l-2004 u issa jmiss l-2021, l-2027 u 2032.[4]

Storja ta' qabel il-Kristjaneżmu

[immodifika | immodifika s-sors]
Monument għall-pellegrini, f'Burgos

Ir-rotta prinċipali lejn Santiago de Compostela ssegwi rotta ta' żmien ir-Rumani, li kienet tibqa' sejra sal-kosta Atlantika ta' Galizja, u tintemm f'Kap Finisterre. Għalkemm illum il-ġurnata nafu li l-Kap Finisterre, l-iktar punt fil-Punent ta' Spanja, mhuwiex l-iktar punt fil-Punent tal-Ewropa (Cabo da Roca fil-Portugall huwa l-iktar punt fil-Punent tal-Ewropa kontinentali), il-fatt li r-Rumani kienu sejħulu Finisterrae (jiġifieri litteralment tmiem id-dinja bil-Latin) jindika li kienu jaħsbuha b'dak il-mod (li llum nafu li kien żbaljat). Fis-satra tal-lejl, it-Triq ta' Sant'Anna fis-sema bħal donnha tindika fejn hi r-rotta, u għalhekk ir-rotta tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu ngħatat il-laqam ta' "Voie lactée" – it-Triq ta' Sant'Anna bil-Franċiż.[5]

Arzella tal-pellegrini

[immodifika | immodifika s-sors]

L-arzella tal-pellegrina, li spiss tinstab fix-xtut tal-Galizja, ilha titqies bħala s-simbolu tal-Camino de Santiago. Matul is-sekli, l-arzella tal-pellegrini ngħatat diversi tifsiriet metaforiċi, prattiċi u mitiċi, anke jekk ir-rilevanza tagħha setgħet fil-fatt ġiet mix-xewqa tal-pellegrini li jkollhom tifkira x'jieħdu lura magħhom id-dar.

Żewġ verżjonijiet tal-iktar mit komuni dwar l-oriġini tas-simbolu għandhom x'jaqsmu mal-mewt ta' San Ġakbu, li miet martri bil-qtugħ ir-ras f'Ġerusalemm fis-sena 44 W.K. Skont il-leġġendi Spanjoli, kien qatta' xi żmien jipprietka l-Vanġelu fi Spanja, iżda reġa' lura l-Ġudea wara li ra xbieha tal-Verġni Marija fix-xatt tax-xmara Ebro.[6][7]

Verżjoni 1: Wara li Ġakbu l-Kbir miet, id-dixxipli tiegħu ttrasportaw il-katavru tiegħu lejn il-Peniżola Iberika biex jindifen fil-post li issa jissejjaħ Santiago de Compostela. F'nofs ta' baħar, lil hinn mill-kosta ta' Spanja, maltempata qawwija ħakmet id-dgħajsa, u l-katavru ntilef fil-baħar. Madankollu, wara ftit żmien, il-mewġ tella' l-katavru l-art, u dan instab mal-kosta mgħotti bl-arzelli tal-pellegrini.
Verżjoni 2: Wara li Ġakbu l-Kbir miet, il-katavru tiegħu ġie ttrasportat b'dgħajsa mmexxija minn anġlu lejn il-Peniżola Iberika biex jindifen fil-post li issa jissejjaħ Santiago de Compostela. Kif id-dgħajsa bdiet toqrob lejn l-art, inzerta kien qed jiġi ċċelebrat tieġ ta' żewġ żgħażagħ tul il-kosta. Iż-żagħżugħ miżżewweġ kien riekeb żiemel, u malli ż-żiemel lemaħ id-dgħajsa, sfratta lejn il-baħar biż-żagħżugħ b'kollox. Permezz ta' miraklu, kemm iż-żiemel kif ukoll iż-żagħżugħ ħarġu mill-baħar ħajjin, miksija arzelli tal-pellegrini.[8]

Mir-rabta tagħha mal-Camino, l-arzella tal-pellegrini bdiet tirrappreżenta l-pellegrinaġġ inġenerali, kemm lejn xi santwarju speċifiku kif ukoll lejn il-ġenna, bħalma nsibu fil-Bibbja fil-Ktieb tal-Lhud 11:13, li jidentifika l-Kristjani "kienu barranin u għorba fuq l-art".

Uħud mis-simboli tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu

Bħala s-simbolu tal-Camino de Santiago, l-arzella tal-pellegrini tidher spiss ħafna tul ir-rotot u l-mogħdijiet tal-pellegrinaġġ bħala sinjal li l-pellegrini jsegwu biex ikunu jafu fejn iridu jmorru. Barra minn hekk, l-arzella spiss tinġarr fuq il-pellegrini stess li jkunu qed jagħmlu l-pellegrinaġġ lejn Santiago de Compostela. Il-biċċa l-kbira tal-pellegrini jirċievu jew jixtru arzella tal-pellegrini fil-bidu tal-pellegrinaġġ tagħhom u jew iħituha mal-ħwejjeġ jew mal-basket tagħhom, jew inkella jdendluha qisha ġiżirana m'għonqhom jew iwaħħluha ma xi zokk li jkunu qed jużaw bħala bastun.

Barra minn hekk, fl-antik l-arzella tal-pellegrini kienet taqdi rwol iktar prattiku għaliex kienet tintuża qisha skutella mill-pellegrini biex jixorbu minnha meta jgħaddu ħdejn xi għajn.

Matul il-Medjuevu, l-arzella tal-pellegrini kienet tintuża bħala prova li wieħed lesta l-pellegrinaġġ iktar milli simbolu li jintlibes waqt il-pellegrinaġġ.[9]

L-għasluġ tal-pellegrini kien simbolu ieħor tal-pellegrinaġġ li kien jintuża (u xi kultant għadu jintuża) mill-pellegrini bħala bastun fi triqithom lejn is-santwarju ta' Santiago de Compostela fi Spanja. Ġeneralment, l-għasluġ kien ikun zokk b'qisu granpun fit-tarf tiegħu li miegħu l-pellegrini setgħu jwaħħlu xi ħaġa (pereżempju xi qargħa ħamra mnixxfa (simbolu ieħor tal-pellegrinaġġ) li kienu jużaw bħala kontenitur tal-ilma jew tal-inbid).[10]

Rotta Medjevali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Codex Calixtinus fil-Katidral ta' Santiago de Compostela

L-iktar żjarat bikrin fis-santwarju ddedikat lil San Ġakbu f'Santiago de Compostela jmorru lura għas-seklu 9 meta kien hemm ir-Renju tal-Asturjas u tal-Galizja. Il-pellegrinaġġ sas-santwarju sar l-iktar pellegrinaġġ magħruf fil-Medjuevu, u saret drawwa li kull min ilesti l-pellegrinaġġ u jerġa' jaqbad triqtu lura d-dar jilbes arzella tal-pellegrini bħala prova li lesta l-pellegrinaġġ. Din il-prassi nbidlet ta' taħt fuq iżda s-simbolu baqa' jintuża u sar emblematiku.[11]

L-ewwel pellegrini ddokumentati kienu ġew minn xi rħula qabel il-Pirinej u żaru s-santwarju f'nofs is-seklu 11, iżda milli jidher il-pellegrini bdew jiżdiedu sew għall-ħabta tas-seklu 12 meta bdew jiġu minn ferm iktar 'il bogħod. L-ewwel pellegrini ddokumentati li kienu ġew mill-Ingilterra wettqu l-pellegrinaġġ bejn l-1092 u l-1105. Madankollu, sal-bidu tas-seklu 12, il-pellegrinaġġ sar organizzat sew.

Wieħed mill-iktar figuri li ħeġġeġ il-pellegrinaġġ fis-seklu 12 kien il-Papa Kallistu II, li beda s-Snin tal-Ġublew ta' Compostela.[12] Il-gwida uffiċjali ta' dawk iż-żminijiet kien il-Codex Calixtinus (il-Kodiċi ta' Kallistu). Dan ġie ppubblikat lejn l-1140, u l-ħames ktieb tal-Kodiċi għadu jitqies bħala s-sors definittiv għal ħafna gwidi moderni. Erba' rotot tal-pellegrinaġġ elenkati fil-Kodiċi joriġinaw fi Franza u jingħaqdu lkoll f'Puente la Reina, Spanja. Minn hemmhekk, rotta prinċipali definita sew taqsam it-Tramuntana kollha ta' Spanja u tgħaqqad flimkien il-bliet ta' Burgos, Carrión de los Condes, Sahagún (iċ-ċentru tal-Camino Francés), León, Astorga, u Santiago de Compostela.

Il-ħtiġijiet ta' kuljum tal-pellegrini tul ir-rotta lejn Santiago de Compostela u lura kienu ssodisfati minn sensiela ta' sptarijiet ta' vera u oħrajn li kienu eks sptarijiet u kienu jintużaw qishom bereġ jew lukandi/hostels biex jilqgħu lill-pellegrini. Din l-idea ġiet żviluppata u għadha teżisti sa llum fejn hemm ħafna albergues li jilqgħu lill-pellegrini u jkopru l-ispejjeż bid-donazzjonijiet. Xi rħula tul il-Camino għad għandhom dan il-kunċett f'isimhom bħal pereżempju Hospital de Órbigo. L-"isptarijiet" jew albergues spiss kienu jkunu mmexxija mill-Ordnijiet Kattoliċi u kien ikollhom il-protezzjoni rjali.

Il-pellegrini fil-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu (1568)

L-arkitettura Romaneska, ġeneru ġdid ta' arkitettura ekkleżjastika, kienet disinjata b'arkati kbar biex ilaħħqu mal-folol kbar ta' pellegrini devoti.[13] Għalkemm ħafna mill-pellegrini kienu jkunu foqra, xorta waħda tul ir-rotta kien ikun hemm ħwienet bħal dawk attwali li kienu jbigħu kull xorta ta' tifkiriet, simboli u affarijiet bħal pereżempju l-arzella tal-pellegrini. Il-pellegrini spiss kienu jitolbu lil San Rokku u sa llum il-ġurnata tul ir-rotot għadek tara ħafna xbihat tiegħu bis-Salib ta' San Ġakbu.

Ir-rotot tal-pellegrinaġġ lejn Santiago de Compostela kienu possibbli minħabba l-protezzjoni u l-libertà pprovduta mir-Renju ta' Franza, minn fejn kienu joriġinaw il-maġġoranza tal-pellegrini. Ħafna Franċiżi kummerċjanti (inkluż uħud minn Gascogne u minn inħawi oħra li ma kinux taħt il-kuruna Franċiża) bdew jgħixu fil-bliet u fl-irħula tul ir-rotot tal-pellegrinaġġ, kif nistgħu naraw mill-kunjomijiet li nstabu fl-arkivji. Il-pellegrini kienu jiġu milqugħa minn nies bħal Domingo de la Calzada, li mbagħad sar qaddis.

Il-pellegrini kienu jimxu tul il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu għal xhur jekk mhux għal snin sħaħ, qabel jaslu fil-pjazza ċentrali quddiem il-katidral ta' San Ġakbu u jagħtu ġieħ lill-qaddis patrun tal-pellegrinaġġ. Ħafna kienu jaslu f'kundizzjonijiet finanzjarji u ta' saħħa batuti ħafna minħabba l-mard jew is-serq jew minħabba t-tnejn li huma. Tradizzjonalment il-pellegrini jpoġġu idejhom fuq il-pilastru eżatt kif tidħol mill-bieb prinċipali tal-katidral, kif wieħed jista' jixhed meta jara kif ittiekel il-pilastru tant hija prassi li ilha ssir għal żmien twil.[14]

L-isem popolar bl-Ispanjol għat-Triq ta' Sant'Anna fis-sema huwa El Camino de Santiago. Skont leġġenda Medjevali, it-Triq ta' Sant'Anna ffurmat mit-trab li qalgħu l-pellegrini.[15] Leġġenda oħra tgħid li meta eremita ra kewkba tiddi qawwija fuq għolja ħdejn San Fiz de Solvio, huwa għarraf lill-isqof ta' Iria Flavia, li sab qabar hemmhekk bi tliet katavri, u wieħed minnhom beda jingħad li kien ta' San Ġakbu. Sussegwentement, il-post beda jissejjaħ "l-għalqa tal-kewkba" (Campus Stellae, li biż-żmien, x'aktarx kienet tiġi ppronunzjata ħażin u saret "Compostela").[16] Leġġenda oħra dwar l-oriġini li tissemma fir-raba' ktieb tal-Ktieb ta' San Ġakbu tirrakkonta kif il-qaddis deher lill-Karlu Manju f'ħolma, u ħeġġu biex jillibera l-qabar tiegħu mill-Musulmani billi wrieh kif jasal permezz tar-rotta tat-Triq ta' Sant'Anna.

Bħala penitenza

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja adottat sistema ta' ritwali, magħrufa bħala penitenza, sabiex wieħed jindem u jpatti temporanjament għal dnubietu. Skont din is-sistema, il-pellegrinaġġi kienu forma adattata biex wieħed ipatti ta' dnubietu b'penitenza temporanja, u dawn setgħu jintużaw bħala atti ta' penitenza għal dawk li kienu jkun ħatja għal ċerti reati. Kif imsemmi fl-Enċiklopedija Kattolika:[17]

Fir-reġistri tal-Inkwiżizzjoni f'Carcassone...insibu l-erba' postijiet li ġejjin magħrufa bħala ċentri fejn isiru l-akbar pellegrinaġġi li jiġu imposti bħala penitenzi għar-reati l-iktar gravi: il-qabar tal-Appostli f'Ruma, is-santwarju ta' San Ġakbu f'(Santiago de) Compostela, il-qabar ta' San Tumas f'Canterbury, u r-relikwi tat-Tliet Slaten Maġi f'Cologne.

Fil-Fjandri għad hemm it-tradizzjoni li priġunier fis-sena jirċievi l-maħfra u jinħeles bil-patt u l-kundizzjoni li, akkumpanjat minn gwardja, il-priġunier jimxiha sa Santiago de Compostela b'basket tqil ma' dahru.

Żmien l-Illuminazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul il-gwerra tal-Indipendenza Amerikana, John Adams (li mbagħad sar it-tieni President Amerikan) irċieva l-ordni mill-Kungress biex imur Pariġi ħalli jikseb fondi għall-kawża. Waqt il-vjaġġ tiegħu bil-vapur fl-1779, beda dieħel l-ilma fil-vapur, allura kellu jiżbarka maż-żewġ uliedu subien f'Finisterre. Minn hemmhekk kompla tul ir-rotta tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu bil-kontra sabiex jasal Pariġi bl-art minflok bil-baħar. Ma waqafx iżur il-belt ta' Santiago de Compostela, u iktar 'il quddiem f'ħajtu tassew iddispjaċih ta' dan. Fl-awtobijografija tiegħu, Adams jiddeskrivi d-drawwiet u l-akkomodazzjoni mogħtija lill-pellegrini ta' San Ġakbu fis-seklu 18 u ddeskriva l-leġġendi li kien sema' bihom matul il-vjaġġ tiegħu.[18]

Il-proneputi ta' Adams, l-istoriku Henry Adams, żar León fost bliet Spanjoli oħra matul il-vjaġġ tiegħu fl-Ewropa bħala żagħżugħ, għalkemm ma għamilx il-pellegrinaġġ kollu.[19] Vjaġġatur ieħor tul il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu fi żmien l-Illuminazzjoni kien in-naturalista Alexander von Humboldt.

Pellegrinaġġ modern

[immodifika | immodifika s-sors]
Simbolu modern tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu

Minkejja li jingħad li l-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu ilu jsir bla waqfien minn żmien il-Medjuevu, ma tantx hemm rakkonti ta' pellegrinaġġi li saru fiż-żminijiet moderni għajr il-pubblikazzjoni tal-1957, The Road to Santiago, tal-istudjuż tal-kultura Spanjola u l-vjaġġatur Walter Starkie.[20] L-azzjoni biex il-pellegrinaġġ jerġa' jingħata l-ħajja kienet appoġġata mill-gvern Spanjol ta' Francisco Franco, li kien ħerqan ferm li jippromwovi l-istorja Kattolika ta' Spanja. Jean Mitchell-Lanham fil-ktieb tiegħu saħansitra jikteb li l-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu reġa' kiseb il-popolarità li kellu fil-Medjuevu biss fis-snin 90 tas-seklu 20.[21]

Minn dak iż-żmien 'l hawn, mijiet ta' eluf (iktar minn 300,000 fl-2017[22]) ta' pellegrini Kristjani u mhux saru jagħmlu dan il-pellegrinaġġ kull sena mid-djar tagħhom jew minn punti tat-tluq differenti madwar l-Ewropa, sa ma jaslu f'Santiago de Compostela. Il-biċċa l-kbira jivvjaġġaw bil-mixi, uħud bir-rota, u ftit jagħmlu bħalma kienu jagħmlu xi pellegrini tal-Medjuevu u jivvjaġġaw fuq żiemel jew ħmar. Apparti dawk li jagħmlu l-pellegrinaġġ għal skopijiet reliġjużi, oħrajn jagħmluh għax iħobbu jimxu fin-natura, oħrajn għaliex iħobbu jivvjaġġaw u jiskopru postijiet kulturali, u oħrajn iqisu l-esperjenza bħala rtir spirtwali mill-ħajja moderna.[23]

Il-lista ta' rotot tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu hija tassew twila iżda dawn li ġejjin imma fost l-iktar popolari jew magħrufin.

Il-Camino Francés, jew ir-Rotta Franċiża, hija l-iktar rotta popolari. L-aħħar parti tar-rotta hija wkoll il-Via Regia. Storikament, minħabba l-Codex Calixtinus, il-biċċa l-kbira tal-pellegrini kienu jiġu minn Franza: tipikament minn Arles, Le Puy, Pariġi, Vézelay, u uħud minn Saint Gilles. Cluny, il-post fejn hemm l-abbazija Medjevali famuża, kien punt tat-tluq ieħor importanti għall-pellegrini, u fl-2002 ġie integrat fir-rotta Ewropea tal-pellegrinaġġ li tikkollega lil Vézelay u Le Puy.

Il-maġġoranza tal-Ispanjoli jqisu l-fruntiera ma' Franza fil-Pirinej, bħala l-punt tat-tluq naturali. L-iktar punt tat-tluq komuni bil-qabża fil-Camino Francés huwa Saint-Jean-Pied-de-Port, fuq in-naħa Franċiża tal-Pirinej, b'Roncesvalles fuq in-naħa Spanjola hija punt tat-tluq popolari ieħor. Id-distanza minn Roncesvalles sa Santiago de Compostela li tgħaddi minn León hija madwar 800 kilometru.[24]

Wieħed mis-sinjali għall-pellegrini tul ir-rotot

Il-Camino Primitivo, ir-Rotta Primittiva jew Oriġinali, hija l-iktar rotta antika li twassal għal Santiago de Compostela. Ilha teżisti mis-seklu 9 u tibda minn Oviedo.[25]

Il-Camino Portugués, jew ir-Rotta Portugiża, hija t-tieni l-iktar rotta popolari. Din tibda mill-katidral ta' Liżbona (għal total ta' madwar 610 kilometri) jew mill-katidral ta' Porto fit-Tramuntana tal-Portugall (għal total ta' madwar 227 km), u tagħti għall-Galizja minn Valença.[26]

Il-Camino del Norte, jew ir-Rotta tat-Tramuntana, jimxuha inqas nies u tibda fil-belt ta' Irun fil-Pajjiż Bask fil-fruntiera ma' Franza, jew xi kultant f'San Sebastián. Hija rotta inqas popolari minħabba t-tibdil fl-elevazzjoni, meta mqabbla mal-Camino Francés pereżempju li hija kważi kollha għall-wita. Ir-rotta ssegwi l-kosta tul il-Bajja ta' Biskajja sa meta toqrob lejn Santiago de Compostela. Għalkemm ma tgħaddix minn wisq ċentri storiċi ta' interess bħal fil-Camino Francés, iż-żiffa tal-baħar speċjalment fis-sajf tfisser li t-temperaturi jkunu iktar baxxi. Din ir-rotta jingħad li kienet l-ewwel waħda li użaw il-pellegrini biex jevitaw li jivvjaġġaw mit-territorji li kienu okkupati mill-Musulmani fil-Medjuevu.[27]

Ir-rotta tal-Ewropa Ċentrali reġgħet ħadet il-ħajja wara l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin. Ir-rotot Medjevali bħall-Camino Baltico (ir-Rotta Baltika) u l-Via Regia fil-Polonja jgħaddu mit-territorju li llum jagħmel parti mill-Polonja u jibdew iktar 'il fuq u lejn il-Lvant, saħansitra mill-Istati Baltiċi u l-Ukrajna.[28]

Akkomodazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi Spanja, fi Franza u fil-Portugall, l-akkomodazzjoni tal-pellegrini jipprovdu akkomodazzjoni f'qishom dormitorji għal dawk il-pellegrini li jkollhom credencial (ara iktar 'l isfel). Fi Spanja din it-tip ta' akkomodazzjoni tissejjaħ refugio jew albergue, li huma simili għal hostels.

Dawn jistgħu jkunu mmexxija mill-parroċċa lokali, mill-kunsill lokali, minn sidien privati jew minn assoċjazzjonijiet tal-pellegrini. Xi drabi dawn ir-refugios ikunu jinsabu f'monasterji, bħal pereżempju dak ta' Samos, fi Spanja.

L-aħħar hostel tul ir-rotta tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu huwa l-Hostal de los Reyes Católicos, tefgħa ta' ġebla bogħod mill-Katidral ta' Santiago de Campostela. Il-kostruzzjoni oriġinali kienet saret minn Ferdinand u Isabel, il-Monarki Kattoliċi. Illum sar lukanda lussuża ta' ħames stilel, magħrufa bħala Parador, li għadha tipprovdi servizzi b'xejn lil numru limitat ħafna ta' pellegrini kuljum.

Credencial jew passaport tal-pellegrini

[immodifika | immodifika s-sors]
Passport tal-pellegrini mimli timbri

Il-biċċa l-kbira tal-pellegrini jixtru u jġorru magħhom dokument imsejjaħ credencial[29], il-passaport tal-pellegrini li jagħtihom aċċess għall-akkomodazzjoni tal-pellegrini tul ir-rotot. Il-credencial jiġi ttimbrat bis-sello uffiċjali ta' San Ġakbu ta' kull belt, raħal jew refugio fejn joqogħdu l-pellegrini. Permezz ta' dan id-dokument, il-pellegrini jkollhom prova ta' fejn raqdu u fejn kielu fil-pellegrinaġġ biex fl-aħħar meta jmorru fl-Uffiċċju tal-Pellegrini f'Santiago de Compostela jkollhom prova ċara li segwew rotta uffiċjali u b'hekk jikkwalifikaw biex jirċievu compostela.

Il-compostela hija ċertifikat li l-pellegrini jkunu wettqu l-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu. Biex wieħed jikkwalifika għal compostela jrid jimxi mill-inqas 100 kilometru jew jagħmel mill-inqas 200 kilometru bir-rota. Fil-prattika, min jagħmel il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu bil-mixi, l-iktar post li jaqbillu jibda minnu huwa Sarria, anke għaliex hemm kollegamenti tajbin bix-xarabank jew bil-ferrovija ma' postijiet oħra fi Spanja. Il-pellegrini li jaslu Santiago de Compostela li jkun mexew mill-inqas 100 km, jew għamlu mill-inqas 200 km bir-rota biex jaslu hemm (kif indikat fil-credencial tagħhom), u li jiddikjaraw li l-motivazzjoni tagħhom kienet mill-inqas parzjalment reliġjuża, ikunu eliġibbli għal compostela mill-Uffiċċju tal-Pellegrini f'Santiago de Compostela.

Il-compostela ilha tingħata bl-indulġenza mill-bidu tal-Medjuevu u għadu jsir hekk sal-lum matul is-Snin tal-Ġublew.[30]

L-Uffiċċju tal-Pellegrini jagħti iżjed minn 100,000 compostela kull sena lill-pellegrini minn iktar minn 100 pajjiż differenti. Madankollu, ir-rekwiżiti biex wieħed ikun jista' jirċievi compostela jiżguraw li mhux kull min jagħmel il-pellegrinaġġ jirċievi compostela. Ir-rekwiżiti biex wieħed jirċievi compostela huma: 1) tagħmel Pellegrinaġġ għal raġunijiet reliġjużi/spiritwali jew mill-inqas ikollok attitudni li tfittex li tagħmel dan, 2) timxi l-aħħar 100 km jew tagħmilhom fuq żiemel jew tagħmel l-aħħar 200 km bir-rota, 3) tikseb għadd partikolari ta' timbri fuq credencial.[31]

Quddiesa tal-pellegrini

[immodifika | immodifika s-sors]

Kuljum fil-Katidral ta' Santiago de Compostela tiġi ċċelebrata quddiesa f'12:00 u fis-19:30.[32] Il-pellegrini li jkunu rċevew il-compostela l-ġurnata ta' qabel jissemmew b'isimhom, b'kunjomhom, il-pajjiż tal-oriġini u l-punt tat-tluq tal-pellegrinaġġ fil-quddiesa. Il-Botafumeiro, wieħed mill-ikbar inċensaturi fid-dinja, jintuża matul ċerti ċelebrazzjonijiet solenni biss u kull nhar ta' Ġimgħa fis-19:30, ħlief il-Ġimgħa l-Kbira.[33] Il-qassisin jipprovdu s-Sagrament tal-Qrar b'diversi lingwi. Fis-Sena tal-Ġublew tal-2010, il-Quddiesa tal-pellegrini, b'mod eċċezzjonali ġiet iċċelebrata erba' darbiet kuljum, fl-10:00, f'12:00, fis-18:00, u fis-19:30, sabiex ilaħħqu man-numru ikbar ta' pellegrini fis-Sena tal-Ġublew.[34]

Il-Xunta de Galicia (il-gvern reġjonali tal-Galizja) tippromwovi l-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu bħala attività turistika, b'mod partikolari fis-Snin tal-Ġublew (meta l-25 ta' Lulju jinzerta l-Ħadd). Wara l-investiment u l-kampanja ta' reklamar tal-Galizja għas-Sena tal-Ġublew fl-1993, l-għadd ta' pellegrini li lestew il-pellegrinaġġ qabad jiżdied ġmielu (kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt).

Sena Pellegrini
2019 347,578
2018 327,378
2017 301,036
2016 277,915
2015 262,458
2014 237,886
2013 215,880
2012 192,488
2011 179,919
2010 272,7031
2009 145,877
2008 125,141
2007 114,026
2006 100,377
2005 93,924
2004 179,9441
2003 74,614
2002 68,952
2001 61,418
2000 55,004³
1999 154,6131
1998 30,126
1997 25,179
1996 23,218
1995 19,821
1994 15,863
1993 99,4361
1992 9,764
1991 7,274
1990 4,918
1989 5,760²
1988 3,501
1987 2,905
1986 1,801
1985 690
1 Snin tal-Ġublew (Xacobeo/Jacobeo)2 Ir-Raba' Jum Dinji taż-Żgħażagħ f'Santiago de Compostela3 Santiago de Compostela l-Kapitali Ewropea tal-KulturaSors: L-arkivji ta' Santiago de Compostela.

Films u televiżjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu huwa ċentrali għall-ġrajja tal-film The Milky Way (1969), dirett mis-surrealista Luis Buñuel. Il-film għandu l-għan li jikkritika l-Knisja Kattolika, permezz tal-ġrajja ta' pellegrini moderni li jiltaqgħu ma' diversi manifestazzjonijiet ta' dogmi u ereżiji Kattoliċi.
  • The Naked Pilgrim (2003) jiddokumenta l-vjaġġ tal-kritiku tal-arti u tal-ġurnalista Brian Sewell lejn Santiago de Compostela għal Channel Five (il-Ħames Stazzjon) tar-Renju Unit. Il-protagonista jivvjaġġa bil-karozza tul ir-Rotta Franċiża, u jżur ħafna bliet u rħula tul ir-rotta, fosthom Pariġi, Chartres, Roncesvalles, Burgos, León u Frómista. Sewell, Kattoliku mhux wisq prattikant, jibqa' impressjonat mill-ġrajjiet ta' pellegrini oħra u minn dak li jara b'għajnejh. Is-sensiela tilħaq il-qofol tagħha bir-rispons emozzjali ta' Sewell fil-Quddiesa f'Santiago de Compostela.
  • Il-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu kien is-suġġett ċentrali tal-film Saint Jacques... La Mecque (2005) dirett minn Coline Serreau.
  • Fil-film The Way (2010), miktub u dirett minn Emilio Estevez, Martin Sheen isir jaf li ibnu (Estevez) miet fil-bidu tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu u jiddeċiedi li jagħmel il-pellegrinaġġ minfloku sabiex ilestih kollu f'isem ibnu. Il-film ġie ppreżentat fil-Festival Internazzjonali tal-Films ta' Toronto f'Settembru 2010[35] u ntwera għall-ewwel darba f'Santiago de Compostela f'Novembru 2010.
  • Fis-sensiela televiżiva tiegħu fuq PBS travel Europe, Rick Steves ikopri Northern Spain and the Camino de Santiago (It-Tramuntana ta' Spanja u l-Camino de Santiago) fis-sensiela 6.[36]
  • Fl-2013, Simon Reeve ppreżenta s-sensiela "Pilgrimage" (Pellegrinaġġ) fuq BBC2, fejn ixandar diversi rotot ta' pellegrinaġġi, inkluż il-Camino de Santiago fl-episodju 2.[37]
  • Fl-2014, Lydia B Smith[38] u Future Educational Films ħarġu Walking the Camino: Six Ways to Santiago[39] (Il-Mixja tal-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu: Sitt Rotot Lejn Santiago de Compostela) fid-diversi swali taċ-ċinema fl-Istati Uniti u l-Kanada. Il-film juri r-rakkonti u l-perspettivi ta' sitt pellegrini waqt il-pellegrinaġġ rispettiv tagħhom minn Franza sa Santiago de Compostela. Fl-2015, ġie distribwit fid-dinja kollha u fis-swali taċ-ċinema tal-Ewropa, tal-Awstralja u ta' New Zealand. Dan l-aħħar ixxandar fuq NPTV u għadu jintwera fil-festivals relatati mal-Ispirtwalità, mal-Moħħ, mal-Ġisem, mal-Ivvjaġġar u mal-Avventura.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Camino Francés jew ir-Rotta minn Franza ilu Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fi Spanja mill-1993 u fl-2015 ġie estiż bir-Rotot tat-Tramuntana ta' Spanja wkoll. Il-valur universali straordinarju ġie rrikonoxxut mill-UNESCO abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

  1. ^ a b ""Routes of Santiago de Compostela: Camino Francés and Routes of Northern Spain". UNESCO". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  2. ^ Starkie, Walter (1965) [1957]. The Roads to Santiago: Pilgrims of St. James. University of California Press.
  3. ^ "Kent, William H. (1913). "Indulgences" . In Herbermann, Charles (ed.). Catholic Encyclopedia. New York: Robert Appleton Company". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  4. ^ ""Holy Years at Santiago de Compostela"". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-16. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  5. ^ ""Medieval footpath under the stars of the Milky Way". Telegraph Online. Arkivjat 17-12-2006". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-12-17. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  6. ^ Chadwick, Henry (1976), Priscillian of Avila, Oxford University Press.
  7. ^ Fletcher, Richard A. (1984), Saint James's Catapult : The Life and Times of Diego Gelmírez of Santiago de Compostela, Oxford University Press.
  8. ^ Starkie, Walter (1965) [1957]. The Roads to Santiago: Pilgrims of St. James. University of California Press.
  9. ^ ""The Scallop Shell And Other Symbols of The Camino". Follow the Camino". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  10. ^ ""The pilgrim's gourd on the Camino de Santiago" - Vive el Camino". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  11. ^ Waldron, Thomas (1979). "The Sign of the Scallop Shell". The Furrow. 30 (10): 646–649.
  12. ^ ""Brief history: The Camino – past, present & future". Arkivjat 01-03-2012". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-01. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  13. ^ ""Romanesque Architecture - Durham World Heritage Site". www.durhamworldheritagesite.com". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  14. ^ Davies, Bethan; Cole, Ben (2003). Walking the Camino de Santiago. Pili Pala Press. p. 179. ISBN 0-9731698-0-X.
  15. ^ Bignami, Giovanni F. (26 March 2004). "Visions of the Milky Way". Science. 303 (5666): 1979. JSTOR 3836327. S2CID 191291730.
  16. ^ Aruna Vasadevan (5 November 2013). "Santiago de Compostela (La Coruña, Spain)". In Trudy Ring; Noelle Watson; Paul Schellinger (eds.). Southern Europe: International Dictionary of Historic Places. Taylor & Francis. pp. 621–624. ISBN 978-1-134-25965-6.
  17. ^ ""Pilgrimages". New Advent Catholic Encyclopedia". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  18. ^ ""John Adams autobiography, part 3, Peace, 1779–1780, sheet 10 of 18". Harvard University Press". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  19. ^ Henry Adams, The Education of Henry Adams.
  20. ^ Starkie, Walter (1965) [1957]. The Roads to Santiago: Pilgrims of St. James. University of California Press.
  21. ^ Mitchell-Lanham, Jean (2015). The Lore of the Camino de Santiago: A Literary Pilgrimage. Two Harbors Press. p. xv. ISBN 978-1-63413-333-3.
  22. ^ "Erimatica. "Estadística de peregrinos del Camino de Santiago a 2018". Camino de Santiago. Guía definitiva: etapas, albergues, rutas". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  23. ^ ""The present-day pilgrimage". The Confraternity of Saint James. Arkivjat 15-07-2006". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-07-15. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  24. ^ ""Informe estadístico Año 2016" (PDF). Oficina del Peregrino de Santiago de Compostela" (PDF). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  25. ^ ""Primitive Way-Camino de Santiago Primitivo"". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-02-28. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  26. ^ "The Confraternity of Saint James. "The Camino Portugués". Arkivjat 30-06-2016". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-06-30. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  27. ^ ""Camino del Norte". Camino Ways". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  28. ^ Camino Polaco. Teologia - Sztuka - Historia - Teraźniejszość - Edited by Fr. dr. Piotr Roszak and professor dr. Waldemar Rozynkowski. published by Wydawnictwo Naukowe Uniwersytetu Mikołaja Kopernika (Toruń); volume 1 (2014), volume 2 (2015), volume 3 (2016).
  29. ^ Barry Smith, Olimpia Giuliana Loddo and Giuseppe Lorini, "On Credentials", Journal of Social Ontology, DOI: https://doi.org/10.1515/jso-2019-0034
  30. ^ ""The Compostela". Confraternity of Saint James. Arkivjat 19-01-2015". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-01-29. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  31. ^ ""The Compostela". Oficina del Peregrino de Santiago de Compostela". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  32. ^ ""Masses Hours". catedraldesantiago.es. Catedral de Santiago de Compostela. Arkivjat 12-08-2016". Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-12. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  33. ^ ""The Botafumiero". catedraldesantiago.es. Catedral de Santiago de Compostela. Arkivjat 12-08-2016". Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-12. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  34. ^ ""The Holy Year: When Does the Holy Year Take Place?". catedraldesantiago.es. Catedral de Santiago de Compostela. Arkivjat 16-08-2016". Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-16. Miġbur 2021-02-13. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  35. ^ "The Way (2010)". IMDb.
  36. ^ "Rick Steves travel show, episode: "Northern Spain and the Camino de Santiago"". ricksteves.com.
  37. ^ "YouTube".
  38. ^ "Lydia B Smith". IMDb.
  39. ^ "Walking the Camino: Six Ways to Santiago".