Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Yosemite

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Wied ta' Yosemite mill-Veduta tal-Mina.

Il-Park Nazzjonali ta' Yosemite (pronunzja: /joʊˈsɛmɪti/ yoh-SEM-ih-tee)[1] huwa park nazzjonali f'California,[2][3] l-Istati Uniti. Imiss fix-Xlokk mal-Foresta Nazzjonali ta' Sierra u fil-Majjistral mal-Foresta Nazzjonali ta' Stanislaus. Il-park jiġi ġestit mis-Servizz tal-Parks Nazzjonali u jkopri 759,620 akru (1,187 mil kwadru; 3,074 km2) f'erba' kontej – iċċentrat f'Tuolumne u f'Mariposa, u estiż fit-Tramuntana u fil-Lvant lejn Mono u fin-Nofsinhar lejn Madera. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984[4] u huwa rikonoxxut internazzjonalment għall-irdumijiet tal-granit, għall-kaskati, għan-nixxigħat ċari, għall-foresti tas-siġar ġganteski tas-sequoia, għal-lagi, għall-muntanji, għall-mergħat, għall-glaċieri u għall-bijodiversità tiegħu.[5] Kważi 95 fil-mija tal-park huwa ddeżinjat bħala żona naturali selvaġġa.[6] Yosemite huwa wieħed mill-ikbar ħabitats u l-inqas frammentat fis-Sierra Nevada.

Il-ġeoloġija tiegħu hija kkaratterizzata mill-granit u minn fdalijiet ta' blat iktar antik. Madwar 10 miljun sena ilu, is-Sierra Nevada ġiet olzata u xxaqilbet biex tifforma x-xaqlibiet uniċi tal-katina muntanjuża, u dan żied il-pendil wieqaf tal-qigħan tan-nixxigħat u tax-xmajjar, u fforma kanjons fondi u dojoq. Madwar miljun sena ilu ffurmaw il-glaċieri fl-elevazzjonijiet l-iktar għoljin. Dawn iċċaqilqu 'l isfel tul ix-xaqlibiet u naqqxu u ffurmaw il-Wied ta' Yosemite b'għamla ta' U.

L-insedjaturi Amerikani Ewropej daħlu għall-ewwel darba fil-wied fl-1851. Vjaġġaturi oħra daħlu qabel, iżda James D. Savage ġie akkreditat li skopra ż-żona li mbagħad saret il-Park Nazzjonali ta' Yosemite.[7] L-Amerikani Nattivi ilhom jabitaw ir-reġjun għal kważi 4,000 sena, għalkemm il-bnedmin jaf żaru s-sit għall-ewwel darba saħansitra bejn 8,000 u 10,000 sena ilu.[8][9]

Yosemite kien kritiku għall-iżvilupp tal-kunċett tal-parks nazzjonali. Galen Clark u oħrajn għamlu pressjoni biex il-Wied ta' Yosemite jiġi protett mill-iżvilupp, u fl-aħħar mill-aħħar wasslu biex il-President Abraham Lincoln jiffirma l-Għotja ta' Yosemite tal-1864 li ddikjarat lil Yosemite bħala art ippreservata federalment.[10] Fl-1890, John Muir mexxa moviment li rnexxielu jimmotiva lill-Kungress jistabbilixxi l-Wied ta' Yosemite u l-inħawi tal-madwar bħala Park Nazzjonali. Dan għen biex iwitti t-triq għas-Sistema tal-Parks Nazzjonali. Yosemite jattira madwar erba' miljun viżitatur fis-sena. Il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jqattgħu l-maġġoranza tal-ħin tagħhom fis-seba' mili kwadri (18 km2) tal-wied. Il-park kiseb rekord ta' viżitaturi fl-2016, meta qabeż il-ħames miljun viżitatur għall-ewwel darba.[11] Fl-2023, il-park kellu kważi erba' miljun viżitatur.[12]

Il-kelma Yosemite (li oriġinat minn yohhe'meti, "dawk qattiela" bil-lingwa Miwok) storikament kienet tirreferi għall-isem li l-poplu Miwok ta lill-poplu Ahwahneechee, it-tribù indiġena residenti.[13][14][15] Qabel, ir-reġjun kien issejjaħ bħala "Ahwahnee" ("ħalq kbir") mill-unika abitanti indiġeni tiegħu, l-Ahwahneechee. It-terminu Yosemite bil-lingwa Miwok faċilment jiġi konfuż ma' terminu simili li jirreferi għal "ors grizzly", u dan huwa żball pjuttost komuni.[16]

Gwerer tal-Ahwahneechee u ta' Mariposa

[immodifika | immodifika s-sors]
Ċerimonja tal-Mono ta' Paiute tal-1872.
engraving of Dr Lafayette Bunnell, showing him as an older man with a craggy face, short bristly hair and a cropped grey beard.
Lafayette Bunnell ta isem il-Wied ta' Yosemite.

In-nattivi indiġeni ta' Yosemite jissejħu Ahwahneechee, jiġifieri "persuni li jgħixu fl-abitazzjonijiet" f'Ahwahnee. Il-poplu Ahwahneechee kien l-uniku tribù li għex fi ħdan il-konfini tal-park, iżda tribujiet oħra għexu fiż-żoni tal-madwar. Flimkien iffurmaw popolazzjoni indiġena ikbar f'California, imsejħa l-poplu Miwok tan-Nofsinhar tas-Sierra. Dawn huma relatati mat-tribujiet Mono u Paiute tat-Tramuntana. Tribujiet oħra bħall-poplu Miwok tas-Sierra Ċentrali u l-poplu Yokut, li t-tnejn għexu fil-Wied ta' San Joaquin u f'California ċentrali, żaru Yosemite biex jagħmlu kummerċ u biex jiżżewġu bejniethom. Din irriżultat f'taħlit bejn il-kulturi li għen biex tiġi ppreservata l-preżenza tagħhom f'Yosemite wara li l-insedjamenti Amerikani bikrin u l-iżvilupp urban heddew is-sopravivenza tagħhom. Il-veġetazzjoni u l-annimali tal-kaċċa fir-reġjun kienu simili għal dawk taż-żminijiet moderni; il-ġandar kien prodott tal-ikel bażiku, flimkien ma' żrieragħ u pjanti oħra, is-salamun u ċ-ċriev.

It-Tellieqa Sfrenata għad-Deheb tal-1848–1855 f'California kienet avveniment ewlieni li kellu impatt fuq il-popolazzjoni nattiva. Attirat iktar minn 90,000 Amerikan Ewropew lejn l-inħawi fl-1849, u kkawżat kompetizzjoni għar-riżorsi bejn il-minaturi tad-deheb u r-residenti. Madwar 70 sena qabel it-Tellieqa għad-Deheb, il-popolazzjoni indiġena kienet stmata li kienet tammonta għal 300,000 ruħ, u f'qasir żmien niżlet għal 150,000 ruħ, u għaxar snin biss wara, kien fadal biss 50,000 ruħ. Dan kien dovut ukoll minħabba l-mard, it-tnaqqis fir-rata tat-twelid, il-ġuħ u l-kunflitti. Il-kunflitt f'Yosemite, magħruf bħala l-Gwerra ta' Mariposa, kien parti mill-ġenoċidju ta' California, li kien jinvolvi l-qtil sistemiku tal-popli indiġeni fl-istat kollu bejn is-snin 40 u 70 tas-seklu 19. Il-gwerra bdiet f'Diċembru 1850 meta California ffinanzjat milizja statali biex tkeċċi l-popli nattivi mit-territorju kkontestat u biex toħnoq ir-reżistenza tal-Amerikani nattivi għall-influss tal-Amerikani Ewropej.

Skultura tal-Kap Tenaya magħmula minn Sal Maccarone.

It-tribujiet ta' Yosemite spiss serqu mingħand l-insedjaturi u l-minaturi, u xi kultant kienu joqtluhom, bi tpattija għall-isterminju/għad-domestikazzjoni tal-poplu tagħhom, u għat-telf tal-artijiet u tar-riżorsi tagħhom. Il-gwerra u l-formazzjoni tal-Battaljun ta' Mariposa kienu parzjalment ir-riżultat ta' inċident uniku li kien jinvolvi lil James Savage, kummerċjant minn Fresno, li ċ-ċentru kummerċjali tiegħu ġie attakkat f'Diċembru 1850. Wara l-inċident, Savage qanqal lil minaturi oħra u kiseb l-appoġġ tal-uffiċjali lokali sabiex jagħmel gwerra kontra n-nattivi. Huwa nħatar bħala Maġġur tal-Armata tal-Istati Uniti tal-Battaljun ta' Mariposa fil-bidu tal-1851. Hu u l-Kaptan John Boling kienu responsabbli għall-persegwitazzjoni tal-poplu Ahwahneechee, immexxi mill-Kap Tenaya, u ġegħeluhom imorru lejn il-Punent u 'l barra minn Yosemite. F'Marzu 1851 taħt il-kmand ta' Savage, il-Battaljun ta' Mariposa qabad madwar 70 Ahwahneechee u ppjana li jeħodhom lejn riżerva fi Fresno, iżda rnexxielhom jaħarbu. Iktar 'il quddiem f'Mejju, taħt il-kmand ta' Boling, il-battaljun qabad 35 Ahwahneechee, inkluż il-Kap Tenaya, u ġegħelhom jimmarċjaw lejn ir-riżerva. Il-biċċa l-kbira eventwalment tħallew jitilqu u l-bqija ħarbu. Tenaya u oħrajn ħarbu tul is-Sierra Nevada u insedjaw mal-Mono fil-Lag ta' Paiutes. Tenaya u wħud minn sħabu fl-aħħar mill-aħħar inqatlu fl-1853 jew minħabba li serqu xi żwiemel jew inkella minħabba kunflitt fil-logħob tal-azzard. Dawk li baqgħu ħajjin fost il-grupp ta' Tenaya u Ahwahneechee oħra ġew assorbiti fi ħdan it-tribù Mono tal-Lag ta' Paiute.

Rakkonti dwar dan il-battaljun kienu l-ewwel rapporti ddokumentati ta' Amerikani Ewropej li daħlu fil-Wied ta' Yosemite. Flimkien mal-unità ta' Savage kien hemm it-tabib Lafayette Bunnell, li iktar 'il quddiem kiteb dwar l-impressjonijiet tiegħu rigward il-wied f'The Discovery of the Yosemite (L-Iskoperta ta' Yosemite). Bunnell ġie akkreditat li ta l-isem lill-Wied ta' Yosemite, abbażi tal-intervisti tiegħu mal-Kap Tenaya. Bunnell kiteb li l-Kap Tenaya kien il-fundatur tal-kolonja tal-Ahwahnee. Bunnell bi żball kien jemmen li l-kelma "Yosemite" kienet tfisser "ors grizzly adult".

Preżenza kontinwa tal-popli indiġeni

[immodifika | immodifika s-sors]
Qoffa minsuġa minn Lucy Telles (1885–1955).

Wara l-Gwerra ta' Mariposa, l-Amerikani Nattivi baqgħu jgħixu fl-inħawi ta' Yosemite b'numri mnaqqsa. Il-kumplament tal-membri tat-tribù Ahwahneechee ta' Yosemite ġew imġiegħla jagħmlu rilokazzjoni lejn villaġġ li nbena fl-1851 mill-gvern statali. Huma tgħallmu jgħixu f'dan il-kamp b'drittijiet limitati, adattaw għall-bidla fl-ambjent u daħlu fl-industrija tat-turiżmu permezz tal-impjieg u n-negozji ż-żgħar, fejn immanifatturaw u bigħu l-merkanzija u pprovdew is-servizzi. Fl-1953, is-Servizz tal-Parks Nazzjonali pprojbixxa lin-nattivi kollha li ma kinux impjegati milli jirresjedu fil-park u keċċa lil dawk li ma kinux impjegati u li kellhom residenza. Fl-1969, bi ftit familji biss li kien għad fadal fil-park, is-Servizz tal-Park Nazzjonali keċċa l-kumplament tal-poplu nattiv li kien għadu jgħixu fi ħdan il-park (l-impjegati kollha tal-park u l-familji tagħhom) u ttrasferihom lejn żona b'abitazzjonijiet tal-gvern għall-impjegati tal-park u qered il-villaġġ bħala parti minn eżerċizzju tat-tifi tan-nar. Wara l-Mużew ta' Yosemite hemm il-Villaġġ Indjan ta' Ahwahnee" rikostruwit, li jinsab qrib iċ-Ċentru għall-Viżitaturi tal-Wied ta' Yosemite.

Sal-aħħar tas-seklu 19, il-popolazzjoni tal-abitanti nattivi kollha f'Yosemite, minkejja li kien diffiċli li wieħed ikun jaf fiċ-ċert, kienet stmata li kienet tlaħħaq bejn 30 u diversi mijiet. Il-poplu Ahwahneechee u d-dixxendenti tiegħu ma kienx faċli biex jiġu identifikati. L-aħħar persuna Ahwahneechee ta' nisel 100 % Ahwahneechee mietet fl-1931. Isimha kien Totuya jew Maria Lebrado. Hija kienet in-neputija tal-Kap Tenaya u waħda mill-ħafna li ġew imkeċċija mill-artijiet anċestrali. Il-poplu Ahwahneechee jgħix fil-memorja tad-dixxendenti tiegħu, in-Nattivi sħabhom ta' Yosemite, u permezz tal-wirja ta' Yosemite fil-Mużew ta' Smithsonian u ta' Yosemite. Bħala metodu ta' awtopreservazzjoni u reżiljenza, il-poplu indiġenu ta' California ppropona trattati fl-1851 u fl-1852 li kienu jistabbilixxu riżervi tal-art għalihom, iżda l-Kungress irrifjuta li jirratifikahom. Il-Ġens Miwuk tan-Nofsinhar tas-Sierra qed jipprova jikseb sovranità tribali u rikonoxximent federali. Is-Servizz tal-Parks Nazzjonali ħoloq politiki biex jipproteġi s-siti sagri u biex jippermetti lill-Poplu Nattiv jirritorna lejn art twelidu u juża r-riżorsi tal-park nazzjonali.

Turisti bikrin

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Siġra Ġganteska Mejta (għall-ħabta tas-snin 70 tas-seklu 19).
Il-Kaskata ta' Vernal (għall-ħabta tas-snin 70 tas-seklu 19).

Fl-1855, l-imprenditur James Mason Hutchings, l-artist Thomas Ayres u tnejn oħra kienu l-ewwel turisti li żaru l-park. Hutchings u Ayres kienu responsabbli għall-biċċa l-kbira tar-reklamar bikri ta' Yosemite, billi kitbu artikli u ħarġiet speċjali dwar il-wied. L-istil ta' Ayres kien mimli angularità esaġerata. Ix-xogħlijiet u r-rakkonti bil-miktub tiegħu ġew distribwiti fuq livell nazzjonali, u saret wirja tat-tpinġijiet tiegħu fil-Belt ta' New York. L-isforzi tar-reklamar ta' Hutchings bejn l-1855 u l-1860 żiedu t-turiżmu lejn Yosemite. In-nattivi appoġġaw it-tkabbir tal-industrija tat-turiżmu u ħadmu bħala ħaddiema ġenerali jew tat-tindif. Iktar 'il quddiem, kienu jagħmlu żifniet għat-turisti, kienu jagħmluha ta' gwidi, u kienu jbigħu oġġetti artiġjanali, l-iktar qfief minsuġa. Il-villaġġ Indjan u l-poplu tiegħu kien isaħħar lill-viżitaturi, speċjalment lil James Hutchings li kien jitkellem favur it-turiżmu lejn Yosemite. Hu u oħrajn kienu jqisu l-preżenza indiġeni bħala waħda mill-ikbar attrazzjonijiet ta' Yosemite.

Wawona kien kamp bikri tal-Indjani għall-popli Nuchu u Ahwahneechee li nqabdu u ġew rilokati lejn riżerva tul ix-xmara Fresno minn Savage u l-Battaljun ta' Mariposa f'Marzu 1851. Galen Clark skopra r-roqgħa forestali bis-siġar ġganteski tas-sequoia f'Wawona fl-1857. Huwa bena abitazzjonijiet sempliċi u t-toroq. Fl-1879 inbniet il-Lukanda ta' Wawona biex taqdi lit-turisti li kienu jżuru r-roqgħa forestali ta' Mariposa. It-turiżmu żdied, u miegħu żdied l-għadd ta' mogħdijiet u ta' lukandi.

Is-Siġra ta' Wawona, magħrufa wkoll bħala s-Siġra tal-Mina, kienet sequoia ġganteska li kibret fir-roqgħa forestali ta' Mariposa. Kienet twila 234 pied (71 metru), b'ċirkonferenza ta' 90 pied (27 metru). Meta nqatgħet mina wiesgħa karreġġata minn ġos-siġra fl-1881, saret saħansitra iktar popolari bħala attrazzjoni fejn it-turisti setgħu jmorru jieħdu xi ritratti. Il-karrozzini u l-karozzi kienu jgħaddu mit-triq li kienet tgħaddi minn ġos-siġra. Is-siġra ddgħajfet b'mod permanenti mill-mina, u fl-1969 waqgħet minħabba t-tagħbija tqila tal-borra. Ġie stmat li kellha 2,100 sena.

Il-Lukanda ta' Wawona (1985).
Woman in a long dress in front of a sign across a road. Wooden letters read "Camp Curry".
Jennie Curry quddiem il-Kamp ta' Curry (għall-ħabta tal-1900).

L-ewwel konċessjoni ta' Yosemite ġiet stabbilita fl-1884 meta John Degnan u martu stabbilew ħanut bil-prodotti tal-ħami u maħżen. Fl-1916, is-Servizz tal-Park Nazzjonali ta konċessjoni ta' 20 sena lill-Kumpanija tas-Servizz tal-Park ta' Desmond. Din xtrat jew bniet il-lukandi, l-imħażen, il-kampijiet, ħanut tal-prodotti tal-ħalib, garaxx u faċilitajiet oħra tal-park. Il-Lukanda Del Portal tlestiet fl-1908 minn fergħa sussidjarja tal-Linja Ferrovjarja tal-Wied ta' Yosemite. Kienet tinsab f'El Portal, California ftit 'il barra minn Yosemite.

Il-Kumpanija ta' Curry bdiet fl-1899, taħt it-tmexxija ta' David u Jennie Curry biex jipprovdu konċessjonijiet. Huma stabbilew il-Kamp ta' Curry, issa l-Villaġġ ta' Curry.

L-amministraturi tas-servizz tal-park ħassew li l-limitazzjoni tal-għadd ta' konċessjonarji fil-park kien iktar għaqli finanzjarjament. Il-Kumpanija ta' Curry u r-rivali tagħha, il-Kumpanija tal-Park Nazzjonali ta' Yosemite, kellhom jagħmlu fużjoni fl-1925 biex jiffurmaw il-Kumpanija tal-Park ta' Yosemite u ta' Curry (YP&CC). Il-kumpanija bniet il-Lukanda ta' Ahwahnee fl-1926–1927.

Għotja ta' Yosemite

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-park u tal-Kaskata ta' Vernal, ritratt tal-fotografu Eadweard Muybridge fl-1872.

Imħassbin bl-impatt tal-interessi kummerċjali, xi ċittadini inkluż Galen Clark u s-Senatur John Conness kienu favur il-protezzjoni ta' dawn l-inħawi. It-38 Kungress tal-Istati Uniti għadda leġiżlazzjoni, li ġiet iffirmata mill-President Abraham Lincoln fit-30 ta' Ġunju 1864, li ħolqot l-Għotja ta' Yosemite. Din kienet l-ewwel darba li xi art twarrbet mill-gvern tal-Istati Uniti speċifikament għall-preservazzjoni u għall-użu pubbliku, u ħolqot preċedent għall-ħolqien fl-1872 tal-Park Nazzjonali ta' Yellowstone, l-ewwel park nazzjonali tal-Istati Uniti. Il-Wied ta' Yosemite u r-Roqgħa Forestali ta' Mariposa ġew ċeduti lil California bħala park statali, u bord ta' kummissarji ġie stabbilit sentejn wara.

Galen Clark inħatar mill-kummissjoni bħala l-ewwel gwardjan tal-Għotja, iżda la Clark u lanqas il-kummissarji ma kellhom l-awtorità li jkeċċu lil dawk li kellhom proprjetà hemmhekk (fosthom Hutchings). Il-kwistjoni ma ġietx solvuta qabel l-1872 meta l-proprjetajiet ġew invalidati mill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Clark u l-kummissarji tkeċċew f'tilwima li waslet quddiem il-Qorti Suprema fl-1880. Iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema li affettwaw il-ġestjoni tal-Għotja ta' Yosemite jitqiesu bħala preċedenti fil-liġi dwar il-ġestjoni tal-art. Hutchings sar il-gwardjan il-ġdid tal-park.

L-aċċess tat-turisti għall-park ittejjeb, u l-kundizzjonijiet fil-Wied ta' Yosemite saru iktar ospitabbli. It-turiżmu żdied b'mod sinifikanti wara li tlestiet l-ewwel linja ferrovjarja transkontinentali fl-1869, filwaqt li r-rikba twila fuq iż-żwiemel biex wieħed jasal fl-inħawi kienet deterrent. Inbnew tliet toroq għall-istagecoaches f'nofs is-snin 70 tas-seklu 19 sabiex jipprovdu aċċess aħjar għall-għadd dejjem jikber ta' viżitaturi.

John Muir kien naturalist u esploratur Amerikan imwieled Skoċċiż. It-tmexxija ta' Muir żgurat li bosta parks nazzjonali ma jiġux mimsusa, inkluż Yosemite.

Muir kiteb artikli li wasslu biex l-inħawi jsiru iktar popolari u biex jiżdied l-interess xjentifiku fil-park. Muir kien wieħed minn tal-ewwel li tteorizza li l-formazzjonijiet tal-art ewlenin fil-Wied ta' Yosemite nħolqu minn glaċieri alpini, qabel xjenzati stabbilit bħal Josiah Whitney. Muir kiteb karti xjentifiċi rigward il-bijoloġija tal-inħawi. L-arkitett pajsaġġistiku Frederick Law Olmsted enfasizza l-importanza tal-konservazzjoni tal-Wied ta' Yosemite.

Sforzi għal żieda fil-protezzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
L-insedjatur bikri, Galen Clark.
Theodore Roosevelt u John Muir fil-Punt tal-Glaċieri.

Ir-ragħa eċċessiva tal-mergħat (speċjalment min-nagħaġ), il-qtugħ tas-siġar ġganteski tas-sequoia, u ħsara oħra wasslu biex Muir jitkellem favur iktar protezzjoni tal-park. Muir ikkonvinċa lil mistednin prominenti dwar l-importanza li l-inħawi jitpoġġew taħt protezzjoni federali. Wieħed minn dawn il-mistednin kien Robert Underwood Johnson, l-editur tar-rivista Century Magazine. Muir u Johnson għamlu pressjoni fuq il-Kungress biex ifassal l-Att li ħoloq il-Park Nazzjonali ta' Yosemite fl-1 ta' Ottubru 1890. Madankollu, l-Istat ta' California, żamm il-kontroll tal-Wied ta' Yosemite u tar-Roqgħa Forestali ta' Mariposa. Il-kitbiet ta' Muir żiedu s-sensibilizzazzjoni dwar il-ħsara kkawżata mir-ragħa tan-nagħaġ, u attivament għamel kampanja favur l-eliminazzjoni virtwali tar-ragħa mill-artijiet għoljin ta' Yosemite.

Il-park nazzjonali l-ġdid ġie taħt il-ġurisdizzjoni tat-Truppi I tar-Raba' Kavallerija tal-Armata tal-Istati Uniti fid-19 ta' Mejju 1891, li kkampja f'Wawona bil-Kaptan Abram Epperson Wood bħala l-aġent sovraintendent. Sal-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 19, ir-ragħa tan-nagħaġ ma baqgħetx problema, u l-Armata għamlet titjib ieħor. Madankollu, il-kavallerija ma setgħetx tintervjeni biex ittaffi l-kundizzjonijiet tal-park li kienu marru għall-agħar. Mill-1899 sal-1913, ir-riġmenti tal-kavallerija tad-Dipartiment tal-Punent, inkluż id-Disa' Kavallerija Sewda kollha (magħrufa bħala s-"Suldati ta' Buffalo") u l-Ewwel Kavallerija, stazzjonaw żewġ truppi f'Yosemite.

Muir u l-Klabb tas-Sierra tiegħu baqgħu jagħmlu pressjoni fuq il-gvern u n-nies influwenti għal Park Nazzjonali unifikat ta' Yosemite. F'Mejju 1903, il-President Theodore Roosevelt ikkampja ma' Muir qrib il-Punt tal-Glaċieri għal tlett ijiem. Matul dak il-vjaġġ, Muir ikkonvinċa lil Roosevelt jieħu l-kontroll tal-Wied ta' Yosemite u tar-Roqgħa Forestali ta' Mariposa mingħand California u jirritornah lill-gvern federali. Fl-1906, Roosevelt iffirma abbozz ta' liġi li bidlet dan il-kontroll.

Servizz tal-Parks Nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kaskata tal-Velu tal-Għarusa u El Capitan, ta' Carleton Watkins (għall-ħabta tal-1880).

Is-Servizz tal-Parks Nazzjonali (bl-Ingliż: National Park Service, NPS) ġie ffurmat fl-1916, u Yosemite ġie ttrasferit taħt il-ġurisdizzjoni ta' dik l-aġenzija. Tuolumne Meadows Lodge, Tioga Pass Road, u ż-żoni tal-kampeġġi fil-lagi ta' Tenaya u ta' Merced tlestew ukoll fl-1916. Il-karozzi bdew jidħlu fil-park b'ammonti dejjem jikbru wara l-ftuħ tal-awtostradi tajbin għal kull tip ta' temp li jagħtu għall-park. Il-Mużew ta' Yosemite ġie stabbilit fl-1926 permezz tal-isforzi ta' Ansel Franklin Hall. Fis-snin 20 tas-seklu 20, il-mużew kellu Amerikani Nattivi li kienu jagħmlu artiġjanat tradizzjonali, u bosta Miwok tan-Nofsinhar tas-Sierra baqgħu jgħixu fil-Wied ta' Yosemite sa ma tkeċċew mill-park fis-snin 60 tas-seklu 20. Għalkemm l-NPS għen biex jinħoloq mużew li kien jinkludi l-kultura tal-Amerikani Nattivi, l-azzjonijiet bikrin tiegħu u l-valuri organizzattivi tiegħu ma tantx kienu favur in-Nattivi ta' Yosemite u l-Ahwahneechee. L-NPS fil-bidu tas-seklu 20 ikkritika u rrestrinġa l-espressjoni u l-imġiba tal-kultura indiġena. Pereżempju, l-uffiċjali tal-park ippenalizzaw lin-nattivi talli kienu jilagħbu l-karti u jixorbu matul il-Jiem tal-Indjani tal-1924. Fl-1929, is-Sovraintendent tal-Park Charles G. Thomson ikkonkluda li l-villaġġ tal-Indjani estetikament ma kienx sabiħ u kien qed jillimita l-iżvilupp tal-insejdaturi ta' karnaġjon bajda. B'hekk ordna li l-kamp jinħaraq. Fl-1969, bosta residenti nattivi telqu biex ifittxu x-xogħol minħabba t-tnaqqis tat-turiżmu. L-NPS ġarraf id-djar vojta tagħhom, keċċa l-bqija tar-residenti, u qered il-villaġġ kollu. Dan kien l-aħħar insedjament indiġenu fi ħdan il-park.

Fl-1903 ġiet proposta diga fil-Wied ta' Hetch Hetchy fin-naħa tal-Majjistral tal-park. L-iskop tagħha kien li tipprovdi l-ilma u l-enerġija idroelettrika lil San Francisco. Muir u l-Klabb tas-Sierra opponew il-proġett, filwaqt li oħrajn, inkluż Gifford Pinchot, appoġġawh. Fl-1913, id-Diga ta' O'Shaughnessy ġiet approvata billi għadda l-Att ta' Raker.

Fl-1918, Clare Marie Hodges ġiet impjegata bħala l-ewwel ranger mara tal-park f'Yosemite. Wara Hodges fl-1921, Enid Michael ġiet impjegata bħala ranger staġonali tal-park u baqgħet f'din il-kariga għal 20 sena.

Id-Diga ta' O'Shaughnessy Dam fil-Wied ta' Hetch Hetchy.

Fl-1937, il-konservazzjonista Rosalie Edge, il-kap tal-Kumitat tal-Konservazzjoni ta' Emerġenza, irnexxielu jagħmel pressjoni fuq il-Kungress biex jixtri madwar 8,000 akru (3,200 ettaru) ta' siġar primordjali taż-żnuber taz-zokkor tul il-perimetru tal-Park Nazzjonali ta' Yosemite li kienu se jinqatgħu.

Sal-1968, il-konġestjoni tat-traffiku u l-parkeġġ fil-Wied ta' Yosemite matul ix-xhur tas-sajf saru punti ta' tħassib. L-NPS naqqas l-attrazzjonijiet artifiċjali li kienu jżidu l-viżitaturi tal-park, bħall-Firefall, fejn ġmar jikwu kienu jintefgħu 'l isfel minn irdum qrib il-Punt tal-Glaċieri billejl.

Fl-1984, il-preservazzjonisti pperswadew lill-Kungress biex jiddeżinja 677,600 akru (274,200 ettaru), jew madwar 89 fil-mija tal-park, bħala Żona Naturali Selvaġġa ta' Yosemite. Bħala żona naturali selvaġġa, din tiġi ppreservata fl-istat mhux mittiefes tagħha u l-bnedmin ikunu viżitaturi temporanji biss.

Fl-2016, il-Fond Fiduċjarju għall-Art Pubblika xtara l-Mergħa ta' Ackerson, roqgħa ta' 400 akru (160 ettaru) tul ix-xifer tal-Punent tal-park għal $2.3 miljun. Il-Mergħa ta' Ackerson oriġinarjament kienet inkluża fil-konfini proposti tal-park fl-1890, iżda qatt ma nxtrat mill-gvern federali. Ix-xiri u d-donazzjoni tal-mergħa kienet possibbli bis-saħħa ta' sforz kooperattiv tal-Fond Fiduċjarju għall-Art Pubblika, l-NPS, u l-Yosemite Conservancy. Fis-7 ta' Settembru 2016, l-NPS aċċetta d-donazzjoni tal-art, u b'hekk il-mergħa kienet l-ikbar żieda ta' art f'Yosemite mill-1949.

Mappa tal-park.

Il-Park Nazzjonali ta' Yosemite jinsab fis-Sierra Nevada ċentrali. Tliet żoni naturali selvaġġi jinsabu biswit Yosemite: iż-Żona Naturali Selvaġġa ta' Ansel Adams fix-Xlokk, iż-Żona Naturali Selvaġġa ta' Hoover fil-Grigal, u ż-Żona Naturali Selvaġġa ta' Emigrant fit-Tramuntana.

Il-park ta' 1,189 mil kwadru (3,080 km2) fih eluf ta' lagi u ta' għadajjar, 1,600 mil (2,600 km) ta' nixxigħat, 800 mil (1,300 kilometru) ta' mogħdijiet għall-mixi, u 350 mil (560 kilometru) ta' toroq. Żewġ Xmajjar Selvaġġi u Xeniċi ddeżinjati federalment, Merced u Tuolumne, jibdew fi ħdan il-konfini ta' Yosemite u jnixxu lejn il-Punent qalb l-għoljiet ta' qabel is-Sierra fil-Wied Ċentrali ta' California.

Blat u erożjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
El Capitan, blata monolitika tal-granit fix-xaqliba tat-Tramuntana tal-Wied ta' Yosemite.

Kważi l-formazzjonijiet kollha tal-art huma minquxa mill-blat granitiku tal-Batolit tas-Sierra Nevada (batolit huwa massa kbira ta' blat igneu intrużiv li fformat fil-fond taħt is-superfiċe). Madwar 5 % tal-formazzjonijiet tal-art tal-park (l-iktar fil-marġni tal-Lvant qrib il-Muntanja Dana) huma blat metaforfizzat vulkaniku u blat sedimentarju. Dawn il-qċaċet iffurmaw in-naħa ta' fuq il-magma granitika sottostanti.

L-azzjoni tal-erożjoni fuq tipi differenti ta' sistemi ta' ġonturi u ta' fratturi ġġenerati bl-olzar hija responsabbli għall-produzzjoni tal-widien, tal-kanjons, tal-koppli u ta' karatteristiċi oħra. Dawn is-sistemi ta' ġonturi u ta' fratturi ma jiċċaqilqux, u għaldaqstant mhumiex qasmiet tettoniċi. L-ispazjar bejn il-ġonturi huwa kkontrollat mill-ammont ta' siliċju fil-blat granitiku u granodjorit; iktar siliċju għandu t-tendenza li jifforma blat iktar reżistenti, li jirriżulta fi spazji ikbar bejn il-ġonturi u l-fratturi.

Il-pilastri u l-kolonni, bħall-Kolonna ta' Washington u l-Vleġġa Mitlufa, jiġu ġġenerati minn ġonturi trasversali. L-azzjoni tal-erożjoni fuq il-ġonturi ewlenin hija responsabbli għat-tiswir tal-widien u tal-kanjons li ffurmaw wara. L-iżjed forza unika li twassal għall-erożjoni f'dawn l-aħħar ftit miljuni ta' snin kienu l-glaċieri alpini l-kbar, li biddlu l-widien bix-xmajjar li qabel kellhom għamla ta' V f'kanjons minquxa bil-glaċieri b'għamla ta' U (bħall-Wied ta' Yosemite u l-Wied ta' Hetch Hetchy). L-esfoljazzjoni (ikkawżata mit-tendenza tal-kristalli fil-blat plutoniku li jespandu fis-superfiċe) li taġixxi fuq il-blat granitiku b'ġonturi bi spazju wiesa' hija responsabbli għall-produzzjoni ta' koppli bħan-Nofs Koppla u l-Koppla tat-Tramuntana, kif ukoll ta' ħnejjiet interni bħall-Ħnejjiet Irjali.

Karatteristiċi popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Quċċata tal-Katidral.

Il-Wied ta' Yosemite jirrappreżenta wieħed fil-mija biss mill-erja tal-park. Il-Veduta tal-Mini toffri veduta panoramika tal-wied. El Capitan huwa rdum tal-granit prominenti li jitfaċċa fl-għoli fuq il-wied, u huwa post ippreferut mix-xabbaturi tal-blat minħabba d-daqs imponenti tiegħu, ir-rotot differenti possibbli tat-tixbit, u l-aċċessibbiltà tiegħu s-sena kollha. Il-koppli tal-granit bħall-Koppla tas-Sentinella u n-Nofs Koppla huma 3,000 u 4,800 pied (910 u 1,460 metru), rispettivament, 'il fuq mill-art tal-wied. Il-park fih għexieren ta' koppli oħra tal-granit.

L-elevazzjonijiet għoljin ta' Yosemite fihom karatteristiċi importanti oħra bħall-Mergħat ta' Tuolumne, il-Mergħat ta' Dana, il-Katina Muntanjuża ta' Clark, il-Katina Muntanjuża tal-Katidral, u l-Quċċata ta' Kuna. Il-mogħdijiet tal-Quċċata tas-Sierra u tal-Quċċata Paċifika jgħaddu minn ġo Yosemite. Il-Muntanja Dana u l-Muntanja Gibbs huma magħmula minn blat metamorfiku aħmar. Il-qċaċet granitiċi jinkludu l-Muntanja Conness, il-Quċċata tal-Katidral, u l-Quċċata ta' Matterhorn. Il-Muntanja Lyell hija l-ogħla punt fil-park, b'għoli ta' 13,120 pied (4,000 metru). Il-Glaċier ta' Lyell huwa l-ikbar glaċier fil-park u wieħed mill-ftit li fadal fis-Sierra.

Il-park fih tliet irqajja forestali bis-siġar ġganteski tas-sequoia (Sequoiadendron giganteum); ir-Roqgħa Forestali ta' Mariposa (200 siġra), ir-Roqgħa ta' Tuolumne (25 siġra), u r-Roqgħa Forestali ta' Merced (20 siġra). Din l-ispeċi bħala volum hija l-ikbar, l-eqdem u l-ogħla siġra fid-dinja.

Ix-xmara Merced tnixxi qalb il-Wied ta' Yosemite, li huwa wied b'għamla tal-ittra U.

Is-sistemi tax-xmajjar Tuolumne u Merced joriġinaw tul il-qċaċet tas-Sierra fil-park u naqqxu l-kanjons sa fond ta' 3,000 u 4,000 pied (910 u 1,220 metru). Ix-xmara Tuolumne twassal għad-drenaġġ tat-Tramuntana kollha tal-park, b'erja ta' madwar 680 mil kwadru (1,800 km2). Ix-xmara Merced tibda fil-qċaċet tan-Nofsinhar tal-park, primarjament il-Ktajjen Muntanjużi tal-Katidral u ta' Clark, u twassal għad-drenaġġ ta' erja ta' madwar 511-il mil kwadru (1,320 km2).

Il-proċessi idroloġiċi, inkluż il-glaċjazzjoni, l-għargħar u r-rispons ġeomorfiku fluvjali, kienu fundamentali fil-ħolqien tal-formazzjonijiet tal-art tal-park. Il-park fih madwar 3,200 lag (ikbar minn 100 m2), żewġ ġibjuni, u 1,700 mil (2,700 kilometru) ta' nixxigħat. L-artijiet mistagħdra jiffjorixxu fil-baċiri tal-wied madwar il-park kollu, u spiss huma kkollegati idroloġikament mal-lagi u max-xmajjar fil-qrib permezz tal-għargħar staġonali u tal-ilma tal-pjan. Il-ħabitats tal-mergħat, mifruxa fl-elevazzjonijiet minn 3,000 sa 11,000 pied (910 sa 3,350 metru) fil-park, ġeneralment huma artijiet mistagħdra, l-istess bħall-ħabitats riparji max-xtut tal-mogħdijiet tal-ilma ta' Yosemite.

Il-Kaskata tal-Velu tal-Għarusa tnixxi minn wied b'għamla ta' U li nħoloq minn glaċier tributarju.

Yosemite huwa famuż għall-konċentrazzjoni kbira ta' kaskati f'erja żgħira. Bosta kaskati weqfin, kaskati mtarrġin glaċjali u widien sospiżi fil-park ikun fihom kaskati għoljin spettakolari, speċjalment matul April, Mejju u Ġunju (meta jdub il-borra). Il-Kaskati ta' Yosemite li jinsabu fil-Wied ta' Yosemite huma r-raba' l-ogħla kaskata fl-Amerka ta' Fuq b'għoli ta' 2,425 pied (739 metru) skont il-Bażi tad-Data tal-Kaskati Dinjin. Fil-wied jinsabu wkoll il-Kaskati Ribbon, b'volum ferm iżgħar, bl-ogħla kaskata vertikali unika ta' 1,612-il pied (491 metru). X'aktarx li l-iżjed kaskati prominenti tal-wied huma l-Kaskata tal-Velu tal-Għarusa (bl-Ingliż: Bridalveil Fall). Il-Kaskati ta' Wapama fil-Wied ta' Hetch Hetchy hija kaskata notevoli oħra. Mijiet ta' kaskati effimeri jsiru attivi fil-park wara xita qliel jew meta ddub il-borra.

Il-glaċieri tal-park huma relattivament żgħar u jokkupaw żoni li fil-biċċa l-kbira jkunu f'dell permanenti, bħas-cirques li jħarsu lejn it-Tramuntana u l-Grigal. Il-Glaċier ta' Lyell huwa l-ikbar glaċier f'Yosemite (il-Glaċieri ta' Palisades huma l-ikbar fis-Sierra Nevada) u jkopri 160 akru (65 ettaru. L-ebda wieħed mill-glaċieri ta' Yosemite mhuwa fdal tal-glaċieri alpini tal-Era Glaċjali li kienu responsabbli għat-tinqix tal-pajsaġġ ta' Yosemite. Minflok, iffurmaw matul wieħed mill-episodji neoglaċjali li seħħew matul id-dewbien tal-Era Glaċjali (bħall-Era Glaċjali ż-Żgħira). Bosta glaċieri ta' Yosemite għebu, bħall-Glaċier tal-Muntanja Sewda li ġie mmarkat fl-1871 u għeb sa nofs is-snin 80 tas-seklu 20. Iż-żewġ glaċieri finali ta' Yosemite – il-Glaċieri ta' Lyell u ta' Maclure – irtiraw matul l-aħħar 100 sena u huwa mistenni li se jgħebu bħala riżultat tat-tibdil fil-klima.

Yosemite fil-ħarifa.

Il-Park Nazzjonali ta' Yosemite għandu klima Mediterranja (Csa skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), jiġifieri l-biċċa l-kbira tal-preċipitazzjoni tinżel matul ix-xitwa miti, u l-istaġuni l-oħra jkunu kważi nexfin (inqas minn 3 % tal-preċipitazzjoni tinżel matul is-sajf sħun u twil). Minħabba l-olzar orografiku, il-preċipitazzjoni tiżdied bl-elevazzjoni sa 8,000 pied (2,400 metru) li mbagħad bil-mod il-mod tonqos qrib il-qċaċet. L-ammonti ta' preċipitazzjoni jvarjaw minn 36 pulzier (910 millimetru) f'għoli ta' 4,000 pied (1,200 metru) sa 50 pulzier (1,300 millimetru) f'għoli ta' 8,600 pied (2,600 metru). Tipikament il-borra ma takkumulax qabel Novembru fl-elevazzjonijiet għoljin. Issir fonda f'Marzu jew fil-bidu ta' April.

It-temperaturi medji ta' kuljum ivarjaw bejn 25 °F (−4 °C) u 53 °F (12 °C) fil-Mergħat ta' Tuolumne f'għoli ta' 8,600 pied (2,600 metru). Fid-Daħla ta' Wawona (elevazzjoni ta' 5,130 pied jew 1,560 metru), it-temperatura medja ta' kuljum tvarja bejn 36 u 67 °F (2 u 19 °C). F'elevazzjonijiet iktar baxxi taħt il-5,000 pied (1,500 metru), it-temperaturi jkunu iktar sħan; it-temperatura għolja medja ta' kuljum fil-Wied ta' Yosemite (f'elevazzjoni ta' 3,966 pied jew 1,209 metru) tvarja bejn 46 u 90 °F (8 u 32 °C). F'elevazzjonijiet 'il fuq minn 8,000 pied (2,400 metru), it-temperaturi tas-sjuf sħan u nexfin jiġu moderati minn maltempati frekwenti bir-ragħad, kif ukoll minn borra li jaf tippersisti sa Lulju.

Il-kombinament ta' veġetazzjoni niexfa, umdità relattiva baxxa u maltempati bir-ragħad jirriżulta f'bosta nirien frekwenti kkawżati mis-sajjetti.

Fil-kwartieri ġenerali tal-park (f'elevazzjoni ta' 4,018-il pied jew 1,225 metru), f'Jannar it-temperatura tilħaq medja ta' 38.0 °F (3.3 °C), filwaqt li f'Lulju t-temperatura tilħaq medja ta' 73.3 °F (22.9 °C). Fis-sajf l-iljieli jkunu iktar kesħin minn binhar. Medja ta' 45.5 jiem ikollhom temperaturi massimi ta' 90 °F (32 °C) jew ogħla u medja ta' 105.6 iljieli b'temperaturi tal-friża. It-temperaturi tal-friża ġew irreġistrati f'kull xahar tas-sena. It-temperatura għolja rekord kienet 112 °F (44 °C) fit-22 u fl-24 ta' Lulju 1915, filwaqt li t-temperatura baxxa rekord kienet ta' −7 °F (−22 °C) fl-1 ta' Jannar 2009. Il-preċipitazzjoni annwali medja tkun kważi 37 pulzier (940 millimetru), li tinżel f'67 jum. L-iżjed sena bl-ogħla preċipitazzjoni kienet l-1983 b'66.06 pulzier (1,678 millimetru) u l-iżjed sena niexfa kienet l-1976 b'14.84-il pulzier (377 millimetru). L-ogħla preċipitazzjoni f'xahar wieħed kienet 29.61 pulzier (752 millimetru) f'Diċembru 1955 u l-ogħla preċipitazzjoni f'jum wieħed kienet 6.92 pulzieri (176 millimetru) fit-23 ta' Diċembru 1955. Il-borra annwali medja tammonta għal 39.4 pulzier (1.00 metru). L-iżjed xitwa li kellha borra kienet dik tal-1948–1949 b'176.5 pulzier (4.48 metri). L-iżjed borra f'xahar wieħed kienet tammonta għal 175.0 pulzier (4.45 metri) f'Jannar 1993.

Data klimatika għall-Kwartieri Ġenerali tal-Park Nazzjonali ta' Yosemite, California, temp. normali mill-1991 sal-2020, temp. estremi mill-1905 sal-preżent
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 72

(22)

82

(28)

90

(32)

96

(36)

99

(37)

103

(39)

112

(44)

110

(43)

108

(42)

98

(37)

86

(30)

73

(23)

112

(44)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 58.7

(14.8)

64.2

(17.9)

70.4

(21.3)

77.0

(25.0)

83.3

(28.5)

91.3

(32.9)

97.4

(36.3)

97.5

(36.4)

93.7

(34.3)

85.1

(29.5)

70.9

(21.6)

59.3

(15.2)

99.1

(37.3)

Temp. għolja medja ta' kuljum f'°F (°C) 47.5

(8.6)

51.2

(10.7)

56.7

(13.7)

63.1

(17.3)

70.5

(21.4)

80.5

(26.9)

89.2

(31.8)

89.0

(31.7)

83.0

(28.3)

70.9

(21.6)

56.0

(13.3)

45.9

(7.7)

67.0

(19.4)

Temp. medja ta' kuljum f'°F (°C) 38.0

(3.3)

40.7

(4.8)

45.1

(7.3)

50.4

(10.2)

57.5

(14.2)

65.8

(18.8)

73.3

(22.9)

72.9

(22.7)

67.2

(19.6)

56.1

(13.4)

44.3

(6.8)

36.8

(2.7)

54.0

(12.2)

Temp. baxxa medja ta' kuljum f'°F (°C) 28.5

(−1.9)

30.2

(−1.0)

33.5

(0.8)

37.6

(3.1)

44.5

(6.9)

51.0

(10.6)

57.4

(14.1)

56.8

(13.8)

51.4

(10.8)

41.3

(5.2)

32.5

(0.3)

27.8

(−2.3)

41.0

(5.0)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 19.2

(−7.1)

22.0

(−5.6)

25.2

(−3.8)

28.4

(−2.0)

35.2

(1.8)

40.8

(4.9)

49.8

(9.9)

48.9

(9.4)

42.0

(5.6)

31.6

(−0.2)

25.4

(−3.7)

20.7

(−6.3)

15.7

(−9.1)

Temp. baxxa rekord f'°F (°C) −7

(−22)

1

(−17)

9

(−13)

12

(−11)

15

(−9)

22

(−6)

32

(0)

32

(0)

24

(−4)

19

(−7)

10

(−12)

−1

(−18)

−7

(−22)

Preċipitazzjoni medja f'pulzieri (mm) 6.98

(177)

6.49

(165)

5.47

(139)

3.17

(81)

1.92

(49)

0.46

(12)

0.29

(7.4)

0.16

(4.1)

0.40

(10)

1.56

(40)

4.05

(103)

5.60

(142)

36.55

(928)

Borra medja f'pulzieri (cm) 16.8

(43)

4.2

(11)

5.2

(13)

0.8

(2.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

0.0

(0.0)

3.4

(8.6)

5.1

(13)

35.5

(90.6)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 0.01 pulzieri) 8.9 9.0 11.0 7.2 6.4 2.2 1.1 0.9 2.0 3.5 5.9 8.5 66.6
Medja ta' jiem bil-borra (≥ 0.1 pulzieri) 2.5 1.4 1.5 0.4 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.0 0.5 1.5 7.8
Medja ta' sigħat tax-xemx kuljum 10.0 11.0 12.0 13.0 14.0 15.0 14.0 14.0 12.0 11.0 10.0 10.0 12.0
Indiċi ultravjola medju 2 4 6 7 9 10 11 10 8 5 3 2 6
Sors 1: NOAA (borra/jiem bil-borra fl-1981–2010).[17]
Sors 2: Weather Atlas.[18]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Yosemite ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[5]

Attività tettonika u vulkanika

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa ġeoloġika ġeneralizzata tal-inħawi ta' Yosemite (abbażi ta' immaġni tal-USGS).

Il-pożizzjoni tal-park kienet marġni kontinentali passiva matul il-perjodi Pre-Kambrijan u Paleożojku Bikri. Is-sedimenti oriġinaw minn sorsi kontinentali u ġew depożitati fl-ilma baxx. Dan il-blat ġie ddeformat u metamorfizzat.

Is-sħana ġġenerata mis-subduzzjoni tal-Plakka ta' Farallon taħt il-Plakka tal-Amerka ta' Fuq wasslet għall-ħolqieb ta' ark ta' gżejjer vulkaniċi tul il-kosta tal-Punent tal-proto-Amerka ta' Fuq bejn il-perjodi Devonjan Aħħari u Permjan. Il-materjal akkumula fin-naħa tal-Punent tal-Amerka ta' Fuq, u l-muntanji ġew olzati lejn il-Lvant f'Nevada.

L-ewwel fażi ta' plutoniżmu reġjonali bdiet 210 miljun sena ilu fit-Triassiku Aħħari u baqgħet għaddejja tul il-Ġurassiku sa madwar 150 miljun sena qabel il-preżent, li wasslet għall-ħolqien tal-Batolit tas-Sierra Nevada. Il-blat li rriżulta kellu kompożizzjoni fil-biċċa l-kbira granitika u jinsab madwar 6 mili (9.7 kilometri) taħt is-superfiċe. Għall-ħabta tal-istess żmien, l-oroġenija ta' Nevada bniet il-katina muntanjuża ta' Nevada (magħrufa wkoll bħala s-Sierra Nevada Anċestrali) sa għoli ta' 15,000 pied (4,600 metru).

It-tieni fażi ewlenija ta' kollokazzjoni plutonika damet minn madwar 120 miljun sa 80 miljun sena ilu matul il-Kretaċju. Din kienet parti mill-oroġenija ta' Sevier.

Minn 20 miljun sena ilu (fiċ-Ċenożojku) u sa 5 miljun sena ilu, l-estensjoni issa estinta ta' vulkani tal-Katina Muntanjuża tal-Kaskati żbroffat, u wasslet ammonti kbar ta' materjal igneu fl-inħawi. Dawn id-depożiti ignej ksew l-inħawi tat-Tramuntana ta' Yosemite. L-attività vulkanika ppersistiet għal iktar minn 5 miljun sena qabel il-preżent fil-Lvant tal-konfini attwali tal-park fil-Lag ta' Mono u fil-Wied Twil.

Olzar u erożjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-ġunturi tal-esfoljazzjoni jikkawżaw l-erożjoni fil-blat granitiku u joħolqu bosta koppli, fosthom in-Nofs Koppla.

Minn 10 miljun sena ilu, il-moviment vertikali tul il-qasma tettonika tas-Sierra bdiet tolza s-Sierra Nevada. Ix-xaqlib sussegwenti tal-blokk tas-Sierra u l-olzar aċċellerat li rriżulta tas-Sierra Nevada żiedu l-pendil tan-nixxigħat bi fluss lejn il-Punent. B'hekk in-nixxigħat kellhom fluss iktar veloċi u bdew inaqqxu l-widien iktar malajr. L-olzar addizzjonali seħħ meta l-qasmiet tettoniċi ewlenin żviluppaw lejn il-Lvant, u ffurmaw il-Wied ta' Owens Valley mill-Baċir u forzi estensjonali assoċjati mal-katina muntanjuża. L-olzar tas-Sierra reġa' aċċellera madwar żewġ miljun sena ilu matul il-Plejstoċen.

L-olzar u ż-żieda fl-erożjoni esponew il-blat granitiku għal pressjonijiet fis-superfiċe, u dan irriżulta fl-esfoljazzjoni (responsabbli għall-għamla ttundjata tal-bosta koppli fil-park) u fit-tiġrif tal-massa wara bosta fratturi fil-pjani tal-ġonturi (xquq; speċjalment vertikali) fil-plutoni li issa ssolidifikaw. Il-glaċieri tal-Plejstoċen komplew iħaffu dan il-proċess, filwaqt li l-ilma glaċjali li dab ittrasporta d-depożiti u s-sedimenti mill-baċiri tal-widien.

Diversi pjani vertikali tal-ġonturi kienu jikkontrollaw fejn kien ikun hemm erożjoni u kemm kienet tkun veloċi l-azzjoni tagħha. Il-biċċa l-kbira minn dawn ix-xquq twal, lineari u fondi ħafna huma orjentati lejn il-Grigal jew il-Majjistral u jiffurmaw settijiet paralleli li spiss ikunu spazjati b'mod regolari.

Tinqix glaċjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Cirque tal-granit illostrat glaċjalment fin-naħa ta' fuq tal-Kanjon ta' Tenaya.

Sensiela ta' glaċjazzjonijiet komplew jimmodifikaw ir-reġjun diġà minn madwar 2 jew 3 miljun sena ilu sa madwar 10,000 sena qabel il-preżent. Mill-inqas erba' glaċjazzjonijiet ewlenin seħħew fis-Sierra, lokalment magħrufa bħala Sherwin (imsejħa wkoll pre-Tahoe), Tahoe, Tenaya u Tioga. Il-glaċieri ta' Sherwin kienu l-ikbar u kienu jiksu l-Wied ta' Yosemite u widien oħra, filwaqt li stadji iktar 'il quddiem ipproduċew glaċieri ferm iżgħar. Glaċier ta' Sherwin kien kważi ċertament responsabbli għall-iskavi u għat-tiswir ewlenin tal-Wied ta' Yosemite u ta' kanjons oħra fl-inħawi.

Is-sistemi glaċjali kienu jilħqu fond sa 4,000 pied (1,200 metru) u ħallew il-marki tagħhom. L-itwal glaċier kien estiż tul il-Kanjon il-Kbir tax-xmara Tuolumne għal 60 mil (97 kilometru), u kien jibqa' għaddej ferm lil hinn mill-Wied ta' Hetch Hetchy. Il-Glaċier ta' Merced kien inixxi 'l barra mill-Wied ta' Yosemite għal ġol-fondoq tax-xmara Merced. Il-Glaċier ta' Lee Vining naqqax il-Kanjon ta' Lee Vining u tbattal fil-Lag ta' Russel (il-verżjoni ferm ikbar tal-era glaċjali tal-Lag ta' Mono). L-ogħla qċaċet biss, bħal dawk tal-Muntanja Dana u tal-Muntanja Conness, ma kinux miksijin bil-glaċieri. Il-glaċieri ladarba kienu jirtiraw spiss kienu jħallu moreni reċessjonali li kienu jaqtgħu xi lagi għalihom bħal-Lag ta' Yosemite, twil 5.5 mili (9 kilometri), li kien lag baxx li perjodikament kien jiksi l-biċċa l-kbira tal-baċir tal-Wied ta' Yosemite.

Ċerva fil-Wied ta' Yosemite.

Il-park għandu elevazzjoni li tvarja bejn 2,127 u 13,114-il pied (648 u 3,997 metru) u fih ħames żoni ta' veġetazzjoni ewlenin: il-boskijiet taċ-chaparral u tal-ballut, il-foresti muntanjużi baxxi, il-foresti muntanjużi għoljin, iż-żonasubalpina, u ż-żona alpina. Mis-7,000 speċi ta' pjanti ta' California, bejn wieħed u ieħor 50 % jokkorru fis-Sierra Nevada u iktar minn 20 % jokkorru fi ħdan il-park. Il-park fih ħabitat adattat għal iktar minn 160 pjanta rari, b'formazzjonijiet ġeoloġiċi lokali u ħamrija unika rari li jikkaratterizzaw il-firxa ristretta li jokkupaw bosta minn dawn il-pjanti.

Bil-ħabitat taċ-chaparral u x-xagħri, spiss fix-xemx, diversi rqajja' ta' siġar taż-żnuber, tal-abit u tas-sequoia, u meded ta' boskijiet u mergħat alpini, il-Park Nazzjonali ta' Yosemite jippreserva l-pajsaġġ tas-Sierra kif kien qabel l-insedjament Amerikan-Ewropew. B'kuntrast mal-artijiet tal-madwar, li ġew alterati b'mod sinifikanti bil-qtugħ tas-siġar, il-park fih xi 225,510 akru (91,260 ettaru) ta' foresti primordjali. Jekk wieħed iqishom flimkien, il-ħabitats varjati tal-park isostnu iktar minn 250 speċi ta' vertebrati, li jinkludu ħut, anfibji, rettili, għasafar u mammiferi.

Il-konfini tal-Punent ta' Yosemite fihom ħabitats iddominati minn foresti koniferi mħallta taż-żnuber ponderosa, taż-żnuber taz-zokkor, taċ-ċedru tal-inċens, tal-abit abjad, tal-abit ta' Douglas, u ta' ftit siġar ġganteski tas-sequoia, sparpaljati f'irqajja' miksijin bil-ballut iswed u bil-ballut tal-kanjons. Dawn il-ħabitats isostnu bijodiversità kbira. L-organiżmi selvaġġi jinkludu l-ors iswed, il-kojote, ir-raccoon, is-serp irjali tal-muntanji, ix-xaħmet l-art ta' Gilbert, il-bulebbiet ta' rasu bajda, il-bobcat, il-lontra tax-xmajjar, il-volpi griż, il-volpi aħmar, id-daqquqa kannella, żewġ speċijiet ta' skunks, il-kawgar, il-kokka tat-tikek, u l-friefet il-lejl.

F'elevazzjoni iktar għolja, il-foresti koniferi huma magħmula minn siġar tal-abit aħmar, taż-żnuber abjad tal-Punent, taż-żnuber ta' Jeffrey, taż-żnuber tax-xatt, u okkażjonalment taż-żnuber foxtail. F'dawn il-ħabitats jgħixu inqas speċijiet ta' organiżmi selvaġġi, minħabba l-elevazzjoni ogħla u l-kumplessità inferjuri tagħhom. L-annimali jinkludu l-iskojjattlu tal-art tal-mant dehbi, iċ-chickaree, il-marten sajjied, sultan iċ-ċawl ta' Steller, il-malvizz eremita, u l-isparvier tal-ħamiem Amerikan. Ir-rettili mhumiex komuni, iżda jinkludu l-boa tal-lastku, il-gremxul tar-reċinti tal-Punent, u l-gremxul alligaturi tat-Tramuntana.

Marmotta fil-Mergħat ta' Tuolumne.

Iktar ma l-pajsaġġ jogħla, is-siġar isiru iżgħar u iktar sparpaljati, b'żoni ta' granit espost bejn iz-zkuk. Dawn is-siġar jinkludu ż-żnuber tax-xatt, iż-żnuber tal-qoxra bajda, u t-tsuga tal-muntanji, li fl-ogħla elevazzjonijiet, iċedu l-pajsaġġ għal meded vasti tal-granit. Il-klima f'dawn il-ħabitats hija waħda qalila u l-istaġun tat-tkabbir huwa qasir, iżda l-ispeċijiet bħall-pika, il-marmotta ta' żaqqha safra, il-liebru ta' denbu abjad, is-sitta ta' Clark, u l-isponsun roża fl-iswed adattaw għal dawn il-kundizzjonijiet. Fil-ħabitats alpini bla siġar jgħixu n-nagħaġ tal-qrun il-kbir tas-Sierra Nevada. Din l-ispeċi tinstab fl-inħawi ta' Yosemite biss madwar il-Mogħdija Muntanjuża ta' Tioga, fejn teżisti popolazzjoni żgħira li ġiet introdotta mill-ġdid.

F'varjetà ta' elevazzjonijiet, il-mergħat jipprovdu ħabitat importanti. L-annimali jiġu jieklu l-ħaxix aħdar u jużaw il-fluss tal-ilma u l-ilma qiegħed f'bosta mill-mergħat. Il-predaturi jsegwu lil dawn l-annimali. Fl-interfaċċa bejn il-mergħat u l-foresti jgħixu bosta speċijiet ta' annimali minħabba l-prossimità ta' spazji fil-beraħ għall-foraġġ u l-kenn għall-protezzjoni. L-ispeċijiet li jiddependu ħafna fuq il-ħabitat tal-mergħat jinkludu l-kokka l-griża kbira, iż-żanżarell safrani, ir-rospu ta' Yosemite, u l-beaver tal-muntanji.

Problemi ta' ġestjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Ors iswed b'ċomba tal-widna fil-Wied ta' Yosemite.

L-orsijiet suwed ta' Yosemite fl-imgħoddi kienu magħrufa li kienu jidħlu fil-karozzi pparkjati biex jisirqu l-ikel. Din kienet attrazzjoni turistika mħeġġa għal bosta snin fil-postijiet tal-ġbir tal-iskart tal-park, fejn kienu jikkongregaw biex jieklu l-iskart u t-turisti kienu jieħdu pjaċir jeħdulhom ir-ritratti. Iż-żieda ta' avvenimenti fejn l-orsijiet bdew jaħsdu lill-bnedmin u ż-żieda fil-ħsarat ikkawżati lill-proprjetà wasslu għal kampanja aggressiva biex l-orsijiet ma jibqgħux jinteraġixxu man-nies u ma' ħwejjiġhom. Il-postijiet tal-ġbir tal-iskart fil-beraħ ingħalqu; minflok il-laned taż-żibel tpoġġew kontenituri apposta mhux aċċessibbli mill-orsijiet; il-kampeġġi ġew mgħammra b'kontenituri apposta fejn l-ikel jista' jissakkar ġo fihom u ma jkunx aċċessibbli għall-orsijiet biex il-viżitaturi ma jħallux l-ikel fil-karozzi tagħhom. Minħabba li l-orsijiet li jkunu aggressivi fil-konfront tan-nies normalment jinqatlu, il-persunal tal-park ħareġ b'modi innovattivi biex l-orsijiet jassoċjaw lill-bnedmin u lil ħwejjiġhom ma' esperjenzi bħal li jintlaqtu b'balla tal-lastku. Mill-2001, madwar 30 ors fis-sena nqabdu, tpoġġitilhom ċomba tal-widna u ttieħed kampjun tad-DNA tagħhom, biex jekk xi ors jikkawża xi ħsara, ir-rangers ikunu jistgħu jaċċertaw liema ors ikun qed jikkawża l-problema.

Minkejja r-rikkezza ta' ħabitats ta' kwalità għolja f'Yosemite, l-ors kannella, il-kondor ta' California, u l-vireo ta' Bell ġew estinti fil-park fi ħdan iż-żmien storiku, u 37 speċi oħra attwalment għandhom status speċjali bħala speċijiet ta' California jew federali li jinsabu fil-periklu ta' estinzjoni. L-iżjed theddidiet serji attwali jinkludu t-telf ta' reġim naturali tan-nirien, l-ispeċijiet eżotiċi, it-tniġġis tal-arja, il-frammentazzjoni tal-ħabitats, u t-tibdil fil-klima. Fuq bażi iktar lokali, fatturi bħal ilqit mill-karozzi u d-disponibbiltà ta' ikel tal-bniedem affettwaw lil xi speċijiet ta' organiżmi selvaġġi.

L-istilla safra xewkija tikkompeti mal-pjanti nattivi ta' Yosemite.

Il-Park Nazzjonali ta' Yosemite ddokumenta l-preżenza ta' iktar minn 130 speċi ta' pjanti mhux nattivi fi ħdan il-konfini tal-park. Dawn ġew introdotti f'Yosemite wara l-migrazzjoni tal-insedjaturi Amerikani Ewropej bikrin fl-aħħar tas-snin 50 tas-seklu 19. Disturbi naturali u kkawżati mill-bniedem, bħal nirien forestali u attivitajiet tal-kostruzzjoni, ikkontribwew għal żieda rapida fit-tifrix tal-pjanti mhux nattivi. Uħud minn dawn l-ispeċijiet jinvadu u jieħdu post il-komunitajiet tal-pjanti nattivi, u b'hekk ikollhom impatt fuq ir-riżorsi tal-park. Il-pjanti mhux nattivi jistgħu jwasslu għal bidliet sinifikanti fl-ekosistema billi jalteraw il-komunitajiet tal-pjanti nattivi u l-proċessi li jsostnuhom. Xi speċijiet mhux nattivi jistgħu jikkawżaw żieda fil-frekwenza tan-nirien jew iżidu n-nitroġenu disponibbli fil-ħamrija li jippermettu lil pjanti mhux nattivi oħra jistabbilixxu ruħhom. Bosta speċijiet mhux nattivi, bħall-istilla safra xewkija (Centaurea solstitialis), kapaċi jipproduċu għeruq twal li permezz tagħhom jikkompetu mal-pjanti nattivi għall-ilma disponibbli u jirbħulhom.

Ix-xewk barri (Cirsium vulgare), il-verbaskum komuni (Verbascum thapsus) u l-ħaxix ta' Klamath (Hypericum perforatum) ġew identifikati bħala organiżmi qerrieda f'Yosemite mis-snin 40 tas-seklu 20. Iktar reċentement speċijiet rikonoxxuti huma l-istilla safra xewkija (Centaurea solstitialis), ix-xnien ħelu (Melilot spp.), it-tut tal-Himalaya (Rubus armeniacus), it-tut tal-weraq maqtugħ (Rubus laciniatus) u l-pjanta xeblikija (Vinca major).

Iż-żieda fit-tniġġis tal-ożonu tikkawża ħsara lit-tessuti tas-siġar ġganteski tas-sequoia, u b'hekk isiru vulnerabbli għall-infestazzjonijiet tal-insetti u għall-mard. Minħabba li l-prinjoli ta' dan is-siġar jeħtieġu ħamrija maħruqa kemm hemm bin-nar biex jinbtu, it-trażżin storiku tan-nirien naqqas il-kapaċità tagħhom li jirriproduċu. In-nirien preskritti ppjanati jistgħu jgħinuhom jinbtu.

Nirien forestali

[immodifika | immodifika s-sors]
In-nirien fil-mergħat tal-Wied ta' Yosemite fl-2014.

Ir-residenti indiġeni kienu jqabbdu nirien żgħar apposta fil-bidu tas-snin 60 tas-seklu 19 u qabel biex jikklerjaw l-art mill-ħaxix ħażin u mill-arbuxxelli bħala parti mill-prattiki tal-biedja tagħhom. Dawn in-nirien huma komparabbli ma' prattiki kontemporanji bħall-ħruq ikkontrollat mis-Servizz Forestali tal-Istati Uniti u oħrajn. Għalkemm ma kienx l-għan primarju tagħhom, in-nattivi ta' Yosemite għenu l-preservazzjoni tal-bijodiversità u r-reżiljenza permezz ta' dawn in-nirien żgħar. L-Amerikani Nattivi kienu jużaw in-nar bħala għodda bikrija għall-ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi biex ċertu artijiet jibqgħu kklerjati, u b'hekk kien ikun hemm iktar ikel għall-annimali kbar u kienet titnaqqas il-possibbiltà ta' nirien forestali kbar li issa jeqirdu l-ekosistemi forestali. Xi nirien forestali mhux ikkontrollati bikrin tqabbdu b'mod aċċidentali mill-grupp tal-milizji mmexxi mill-Maġġur John Savage meta l-grupp ħaraq il-kamp tal-poplu Ahwahneechee f'tentattiv li jkeċċihom. Eventwalment in-nirien tad-djar infirxu lejn sezzjoni kbira tal-foresti u l-grupp tal-milizji spiċċa kellu jabbanduna l-attakk tiegħu biex isalva l-kamp tiegħu stess min-nirien.

In-nirien forestali jikklerjaw il-park mill-veġetazzjoni mejta, u jagħmlu spazju għal tkabbir ġdid. In-nirien żgħar jikkawżaw ħsara lill-introjtu ġġenerat mit-turiżmu. Matul l-aħħar ta' Lulju u l-bidu ta' Awwissu 2018, il-Wied ta' Yosemite u sezzjonijiet oħra tal-park ingħalqu temporanjament minħabba n-Nirien ta' Ferguson fil-konfini tal-Punent tal-park. L-għeluq kien l-ikbar wieħed fi kważi tletin sena.

Is-siġra emblematika tal-Park Nazzjonali ta' Yosemite.

Aċċess pubbliku

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Yosemite huwa miftuħ is-sena kollha, għalkemm xi toroq jagħlqu matul ix-xhur meta jkun hemm ħafna borra, normalment minn Novembru sa Mejju jew Ġunju. Ċerti mogħdijiet jingħalqu wkoll matul ix-xitwa, fosthom il-Mogħdija ta' 4 Mili u parti mill-Mogħdija taċ-Ċpar.

Il-konġestjoni tat-traffiku fil-wied tkun kbira matul l-eqqel staġun tas-sajf (Ġunju sa Awwissu) u sistema ta' karozza tal-linja mingħajr ħlas topera fil-wied. Il-parkeġġ fil-wied matul is-sajf spiss ikun mimli. Hemm alternattivi ta' tranżitu minn Fresno u minn Merced.

L-istorja naturali u kulturali tal-Wied ta' Yosemite hija ppreżentata fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi tal-Wied ta' Yosemite, fil-Mużew ta' Yosemite ta' biswitu, u fiċ-Ċentru Naturali f'Happy Isles. Iż-żewġ Għeliem Storiċi Nazzjonali tal-park huma LeConte Memorial Lodge tal-Klabb tas-Sierra (l-ewwel ċentru pubbliku għall-viżitaturi ta' Yosemite), u l-Lukanda ta' Ahwahnee. Il-Kamp 4 tniżżel fir-Reġistru Nazjzonali tal-Postijiet Storiċi.

Bosta nies jimxu tul il-mogħdija bil-kejbils tan-Nofs Koppla f'jum tas-sajf tal-2008.

Iktar minn 800 mil (1,300 kilometru) ta' mogħdijiet huma disponibbli għall-mixi — hemm minn kollox, minn mogħdijiet għal passiġġata ħafifa sa mogħdijiet muntanjużi diffiċli u li jdumu iktar minn jum wieħed. Il-mixja popolari tan-Nofs Koppla sal-quċċata tan-Nofs Koppla teħtieġ permess kull meta jkun hemm kejbils armati (normalment minn tmiem il-ġimgħa ta' Jum il-Mafkar sa Jum Kolombu). Massimu ta' 300 ruħ, magħżula b'lotterija, jingħataw il-permess biex javvanzaw lil hinn mill-bażi tan-Nofs Koppla kuljum, inkluż 225 persuna li jimxuha binhar u 75 persuna li jimxuha f'iktar minn jum wieħed.

Il-park jista' jinqasam f'ħames sezzjonijiet — il-Wied ta' Yosemite, Wawona/ir-Roqgħa Forestali ta' Mariposa/il-Punt tal-Glaċieri, il-Mergħat ta' Tuolumne, il-Mergħat ta' Hetch Hetchy, u l-Art Ċatta ta' Crane/tal-Lupu Abjad. Bosta kotba jiddeskrivu l-mogħdijiet tal-park, filwaqt li s-Servizz tal-Parks Nazzjonali jipprovdi informazzjoni bla ħlas.

Bejn l-aħħar tar-rebbiegħa u l-bidu tal-ħarifa, il-biċċa l-kbira tal-park jista' jiġi aċċessat għal mawriet ta' iktar minn jum wieħed. Il-mawriet kollha ta' iktar minn jum wieħed jeħtieġu permess biex wieħed jibqa' fiż-żoni tan-natura selvaġġa u l-biċċa l-kbira jirrikjedu kontenituri apposta tal-ikel reżistenti għall-orsijiet.

Filwaqt li xi postijiet f'Yosemite huma aċċessibbli biss bil-mixi, postijiet oħra huma aċċessibbli bit-triq. L-iżjed triq famuża hija t-Triq ta' Tioga.

Ir-roti jistgħu jintużaw fit-toroq, iżda 12-il mil (19-il kilometru) biss ta' mogħdijiet pavimentati huma disponibbli fil-Wied ta' Yosemite; l-irkib tar-roti fuq l-imħarbat u fil-muntanji mhuwiex permess.

It-tixbit fid-dejjaq mal-Blata tas-Sentinella.

It-tixbit huwa parti importanti tal-Park Nazzjonali ta' Yosemite. B'mod partikolari l-wied huwa mdawwar minn qċaċet bħan-Nofs Koppla u El Capitan. Il-Kamp 4 huwa kampeġġ aċċessibbli fil-Wied li kien strumentali fl-iżvilupp tat-tixbit bħala sport, u huwa elenkat fir-Reġistru Nazzjonali tal-Postijiet Storiċi. Ix-xabbaturi ġeneralment jistgħu jintlemħu fix-xhur mingħajr borra fuq ħaġriet għoljin għaxar piedi (3 metri) sa wiċċ El Capitan f'għoli ta' 3,300 pied (1.0 kilometru). Hemmhekk jiġu offruti klassijiet tat-tixbit.

Il-Mergħat ta' Tuolumne huma magħrufa sew għat-tixbit mal-blat u mal-muntanji.

Attivitajiet tax-xitwa

[immodifika | immodifika s-sors]
Mixja fix-xitwa gwidata minn ranger fil-park.

Lil hinn mill-Wied ta' Yosemite, il-park jinkesa bil-borra matul ix-xhur tax-xitwa, u bosta toroq jingħalqu. L-iskijjar għan-niżla jkun disponibbli fiż-Żona tal-Iskijjar tal-Mogħdija Muntanjuża ta' Badger — l-eqdem żona tal-iskijjar għan-niżla f'California, li topera minn nofs Diċembru sal-bidu ta' April. Il-biċċa l-kbira tal-park ikun miftuħ għall-iskijjar u għas-snowshoeing, u jkunu disponibbli għorfiet apposta għal min iħobb l-iskijjar. Għall-mawriet tal-iskijjar ta' iktar minn jum wieħed ikunu meħtieġa permessi apposta.

Iċ-ċena ta' Bracebridge hija avveniment pubbliku annwali li ilu jsir mill-1927 fil-Lukanda ta' Ahwahnee. Din iċ-ċena ġiet ispirata mid-deskrizzjonijiet ta' Washington Irving ta' Squire Bracebridge u tat-tradizzjonijiet Ingliżi tal-Milied tas-seklu 18 fl-iSketch Book tiegħu. Bejn l-1929 u l-1973, l-avveniment kien jiġi organizzat minn Ansel Adams.

Il-Park Nazzjonali ta' Yosemite għandu 13-il sit uffiċjali tal-kampeġġ.

Ir-roti għall-kiri huma disponibbli mir-rebbiegħa sal-ħarifa. Iktar minn 12-il mil (19-il kilometru) ta' mogħdijiet pavimentati għar-roti huma disponibbli fil-Wied ta' Yosemite. Barra minn hekk, iċ-ċiklisti jistgħu jirkbu fit-toroq. L-elmi huma meħtieġa għat-tfal ta' taħt it-18-il sena. L-irkib tar-roti fuq l-imħarbat u fuq il-muntanji mhuwiex permess fil-park.

Ikun hemm bosta attivitajiet fuq l-ilma matul ix-xhur iktar sħan. Ir-rafting jista' jsir tul il-wied fix-xmara Merced mill-aħħar ta' Mejju sa Lulju. Hemm pixxini għall-għawm fil-Yosemite Lodge u fil-Villaġġ ta' Curry.

Kaskata ta' Horsetail

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kaskata ta' Horsetail tnixxi fuq ix-xifer tal-Lvant ta' El Capitan. Din il-kaskata żgħira normalment tnixxi matul ix-xitwa biss. Qajla minn nofs sal-aħħar ta' Frar, tixgħel oranġjo bid-dawl ta' nżul ix-xemx. Dan l-effett uniku ta' tidwil jiġri filgħaxijiet biss meta jkun bnazzi. L-iċken ċpar jew sħab jistgħu jtellfu dan l-effett. Għalkemm huwa naturali għalkollox, il-fenomenu huwa fdal tal-Firefall ikkawżata mill-bniedem li storikament seħħet mill-Punt tal-Glaċieri.

Fil-kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
Tabella b'Yogi Bear iwissi lill-viżitaturi żgħar biex ma jitimgħux lill-orsijiet fil-Park Nazzjonali ta' Yosemite.

Ix-xeni tal-ftuħ ta' Star Trek V: The Final Frontier (1989) inġibdu fil-Park Nazzjonali ta' Yosemite. Films bħal The Last of the Mohicans (1920) u Maverick (1994) inġibdu hawnhekk. Id-dokumentarju tal-2014 Valley Uprising huwa ċċentrat madwar il-Wied ta' Yosemite Valley u l-istorja tiegħu, b'enfasi fuq il-kultura tat-tixbit. Id-dokumentarju rebbieħ tal-Academy Award tal-2018 Free Solo nġibed f'Yosemite. The Dawn Wall, dokumentarju tal-2017 inġibed hemmhekk ukoll.

  1. ^ "Definition of YOSEMITE FALLS". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-08-07.
  2. ^ Harris, Ann G. (1998). Geology of National Parks (Fifth ed.). Kendall, Iowa: Hunt Publishing. ISBN 0787253537. p. 324.
  3. ^ "Discover the High Sierra | Visit California". web.archive.org. 2020-06-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-03. Miġbur 2024-08-07.
  4. ^ a b "Yosemite National Park". whc.unesco.org. Miġbur 2024-08-07.
  5. ^ a b "Yosemite National Park". web.archive.org. 2007-01-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-25. Miġbur 2024-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Yosemite Wilderness - Yosemite National Park (U.S. National Park Service)". web.archive.org. 2015-12-19. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-12-19. Miġbur 2024-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Yosemite NP: Early History of Yosemite Valley". web.archive.org. 2022-02-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-02-18. Miġbur 2024-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ Yosemite: Official National Park Service Handbook. no. 138. Washington, DC: National Park Service. 1989. p. 102.
  9. ^ Solnit, Rebecca (2014). Savage Dreams: a Journey into the Hidden Wars of the American West. Berkeley: University of California Press. ISBN 978-0-520-95792-3.
  10. ^ "Yosemite National Park - History & Culture (U.S. National Park Service)". web.archive.org. 2007-05-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-05-02. Miġbur 2024-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Stats Report Viewer". web.archive.org. 2019-06-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-06-11. Miġbur 2024-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "Top 10 most visited national parks". Travel (bl-Ingliż). 2024-03-27. Miġbur 2024-08-07.
  13. ^ "Origin of the Word Yosemite — What does Yosemite mean? Naming Yosemite Etymology: where did the place name Yosemite come from?". web.archive.org. 2007-01-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-01-05. Miġbur 2024-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "Online Etymology Dictionary". web.archive.org. 2017-05-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-05-25. Miġbur 2024-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  15. ^ Barrett, S. A. (2010). Myths of the southern sierra miwok. Nabu Press. ISBN 978-1-177-40758-8.
  16. ^ Beeler, Madison Scott (1955). "Yosemite and Tamalpais". Journal of the American Name Society. 3 (3): 185–86.
  17. ^ "National Weather Service - NWS Hanford". web.archive.org. 2021-05-11. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-05-11. Miġbur 2024-08-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ "Yosemite National Park, CA - Detailed climate information and monthly weather forecast | Weather Atlas". web.archive.org. 2019-09-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-29. Miġbur 2024-08-08.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)