Aqbeż għall-kontentut

Kelma

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ittri u kliem

Fil-linwistika, kelma ta’ lingwa mitkellma tista’ tiġi definita bħala l-iżgħar sekwenza ta’ fonemi li wieħed jista’ jlissen b’mod iżolat b’tifsira oġġettiva jew prattika. F’ħafna lingwi, il-kelmiet jikkorrispondu wkoll għal sekwenzi ta’ grafemi ("ittri") fis-sistemi standard tal-kitba tagħhom li jkunu delimitati minn spazji usa’ mill-ispazju normali ta’ bejn l-ittri fi ħdan l-istess kelma, jew b’konvenzjonijiet grafiċi oħra.[1] Il-kunċett ta’ "kelma" s-soltu jiġi distint minn dak ta’ morfema, li hija l-iżgħar unità ta’ kelma b’tifsira, anke jekk waħedha ma tgħoddx bħala kelma.

F’bosta lingwi, in-nozzjoni ta’ x’inhi "kelma" tista’ tiġi mgħallma fi ħdan it-tagħlim tas-sistema tal-kitba. Dan japplika għall-Malti, u għall-biċċa l-kbira tal-lingwi li jinkitbu b’alfabeti li oriġinaw mill-alfabeti Latini jew Griegi tal-qedem.

Għad ma hemmx konsensus fost il-lingwisti dwar x’inhi d-definizzjoni proprja ta’ "kelma" f’lingwa mitkellma li tkun indipendenti mis-sistema tal-kitba tagħha, u lanqas dwar id-distinzjoni preċiża bejnha u “morfema”. Din il-kwistjoni għadha tiġi dibattuta b’mod partikolari għaċ-Ċiniż u għal lingwi oħra tal-Lvant tal-Asja u Afro-Asjatiċi.[2]

Fl-ortografija Maltija, is-sekwenzi ta’ ittri "blat", "alla", "beka", "ma’", u "tista’" jitqiesu bħala kelmiet b’morfema waħda, filwaqt li "blatiet", "allat", "bekkej", u "tistax" huma kelmiet magħmula minn żewġ morfemi jew iktar ("blat"+"iet", "alla"+"t", "bek"+"kej", u "tista"+"x"). Fil-Malti u f’ħafna lingwi oħra, il-morfemi li jsawru kelma ġeneralment jinkludu mill-inqas għerq wieħed u possibbilment xi affissi ("-iet", "-x", eċċ.). Il-kelmiet li jkollhom iktar minn għerq wieħed jissejħu kelmiet komposti.

Il-kelmiet jiġu kkombinati biex jiffurmaw elementi oħra tal-lingwa, fosthom frażijiet ("blata ħamra", "raġel jimbuttak"), propożizzjonijiet ("Jien kilt frotta"), u sentenzi ("Jien kilt frotta, imma ma xbajtx").

Definizzjonijiet/tifsiriet

[immodifika | immodifika s-sors]

Ġew proposti bosta kriterji għall-identifikazzjoni tal-kelmiet. Madankollu, instab li l-ebda definizzjoni ma tapplika għal-lingwi kollha.[3] Id-dizzjunarji jikkategorizzaw il-lessiku ta’ lingwa (jiġifieri, il-vokabularju tagħha) f’lemmi. Dawn jistgħu jitqiesu bħala indikazzjoni ta’ x’inhi kelma fl-opinjoni tal-kittieba ta’ dik il-lingwa partikolari. L-iktar mezzi xierqa biex jitkejjel it-tul ta’ kelma huwa billi jiġu magħduda s-sillabi jew il-morfemi tagħha.[4] Meta kelma jkollha diversi definizzjonijiet jew iktar minn sens wieħed, tista’ twassal għal konfużjoni f’dibattitu jew f’diskussjoni.[5]

Definizzjoni semantika

[immodifika | immodifika s-sors]
Codex claromontanus bil-Latin

Leonard Bloomfield introduċa l-kunċett ta’ “Forom Ħielsa Minimi (bl-Ingliż: "Minimal Free Forms") fl-1928. Il-kelmiet jitqiesu bħala l-iżgħar unità tat-taħdit li tagħmel sens u li jistgħu jitqiesu bħala kelmiet waħedhom. Dan jikkorrelata l-fonemi (l-unitajiet tal-ħsejjes) mal-lessemi (l-unitajiet tat-tifsira). Madankollu, xi kelmiet bil-miktub mhumiex forom ħielsa minimi peress li ma jagħmlux sens waħedhom (pereżemju, ma’ u ta’).

Xi studjużi tas-semantika ressqu teorija tal-hekk imsejħa kelmiet primittivi semantiċi, jiġifieri kelmiet mingħajr definizzjoni li jirrappreżentaw kunċetti fundamentali li jagħmlu sens bl-intuwizzjoni. Skont din it-teorija, il-kelmiet primittivi semantiċi jservu bħala l-bażi biex tiġi deskritta t-tifsira, mingħajr ċirkolarità, ta’ kelmiet oħra u ta’ tifsiriet kunċettwali assoċjati oħra.

Karatteristiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-iskola Minimalista tas-sintassi teorika, il-kelmiet (imsejħa wkoll oġġetti lessikali fil-letteratura) jitqiesu bħala "ġabriet" ta’ karatteristiċi lingwistiċi li jiġu magħqudin flimkien fi struttura b’forma u b’tifsira. Pereżempju, il-kelma "merilli" għandha karatteristiċi semantiċi (tfisser oġġetti li jeżistu fid-dinja reali, il-merilli), karatteristiċi kategoriċi (hija nom), karatteristiċi numeriċi (hija plural u trid taqbel mal-verbi, mal-pronomi u mal-kliem dimostrattiv fid-dominju tagħha), karatteristiċi fonoloġiċi (tiġi ppronunzjata b’mod partikolari), eċċ.[6]

Konfini tal-kliem

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kompitu li jiġi definit x’inhi "kelma" jinvolvi fejn tibda tispiċċa kelma u fejn tibda oħra—fi kliem ieħor, l-identifikazzjoni tal-konfini tal-kliem. Hemm diversi modi biex jiġi ddeterminat fejn għandhom jitpoġġew il-konfini tal-kliem ta’ lingwa mitkellma:[1]

  • Pawża potenzjali: Kelliem jintalab jirrepeti sentenza partikolari bil-mod, u jippermetti l-pawżi. Il-kelliem x’aktarx idaħħal pawżi fil-konfini tal-kliem. Madankollu, dan il-metodu mhuwiex daqshekk infallibbli: il-kelliem jista’ faċilment jiddividi l-kelmiet polisillabiċi, jew ma jisseparax żewġ kelmiet jew iktar b’rabta sfiqa (eż. fl-Ingliż "to a" f’"He went to a house").
  • Indiviżibbiltà: Kelliem jintalab jgħid sentenza bil-mitkellem b’vuċi tgħajjat, u mbagħad jintalab jgħid is-sentenza mill-ġdid b’kelmiet addizzjonali. Għaldaqstant, Għext f’dan ir-raħal għal għaxar snin tista’ ssir Jien u l-familja tiegħi għexna f’dan ir-raħal żgħir għal xi għaxar snin. Dawn il-kelmiet addizzjonali x’aktarx li jiżdiedu fil-konfini tal-kliem tas-sentenza oriġinali. Madankollu, xi lingwi għandhom l-infissi, li jitpoġġew fi ħdan kelma. B’mod simili, xi lingwi għandhom affissi separabbli: fis-sentenza bil-Ġermaniż "Ich komme gut zu Hause an", il-verb ankommen jiġi sseparat.
  • Konfini fonetiċi: Xi lingwi għandhom regoli partikolari tal-pronunzja li jagħmluha faċli li wieħed jinduna fejn għandu jkun hemm konfini tal-kliem. Pereżempju, f’lingwa li regolarment tenfasizza l-aħħar sillaba ta’ kelma, konfini tal-kliem x’aktarx li tinzerta wara kull sillaba enfasizzata. Eżempju ieħor jista’ jiġi osservat f’lingwa li għandha armonija bil-vokali (bħat-Tork): il-vokali fi ħdan kelma partikolari jikkondividu l-istess kwalità, u għalhekk konfini x’aktarx li sseħħ kull meta l-vokali tinbidel. Minkejja dan, mhux il-lingwi kollha għandhom regoli fonetiċi daqstant konvenjenti, u anke dawk li għandhom xorta waħda jkollhom eċċezzjonijiet okkażjonali.
  • Konfini ortografiċi: fil-lingwi bi tradizzjoni letterarja, hemm interrelazzjoni bejn l-ortografija u l-kwistjoni dwar x’jitqies bħala kelma unika.
  1. 1 2 Haspelmath, Martin (2011). "The indeterminacy of word segmentation and the nature of morphology and syntax". Folia Linguistica. 45 (1). ISSN 0165-4004.
  2. Charles F. Hockett (1951): Review of John De Francis (1950) Nationalism and language reform in China. Published in Language, volume 27, issue 3, pp. 439-445.
  3. Dixon; Aikhenvald (2002). Word : a cross-linguistic typology. Cambridge: Cambridge University Press. p. 6. ISBN 0511061498.
  4. Taylor, John (2015). The Oxford Handbook of the Word. p. 93.
  5. "Chodorow, Martin S., Roy J. Byrd, and George E. Heidorn. "Extracting semantic hierarchies from a large on-line dictionary"" (PDF). web.archive.org. 2018-02-15. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2018-02-15. Miġbur 2021-07-18.
  6. Adger (2003), pp. 36–37.