Oscar Romero

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Óscar Arnulfo Romero f'mural tal-Fakultà tal-Ġurisprudenza u Xjenzi Soċjali tal-Università ta' El Salvador

San Óscar Arnulfo Romero (Ciudad Barros, 15 ta' Awwissu 1917San Salvador, 24 ta' Marzu 1980) kien Arċisqof ta' San Salvador, il-belt kapitali tar-Repubblika ta' El Salvador fl-Amerika Ċentrali, li nqatel minn persuna waqt li kien qed jiċċelebra quddiesa minħabba d-difiża tiegħu tal-foqra. Huwa ġie ddikjarat qaddis minn Papa Franġisku fl-14 ta' Ottubru 2018.

Tfulija[immodifika | immodifika s-sors]

Bin Santos Romero u Guadalupe de Jésus Galdámez, Óscar Arnulfo Romero y Galdámez twieled f'familja modesta ta' sebat aħwa, kollha subien ħlief waħda, fi Ciudad Barros, raħal pittoresk fuq l-għoljiet, b'altitudni ta' 900 metru, mhux 'il bogħod mill-fruntiera mal-Ħonduras. Missieru kien telegrafu lokali u kien iħobb il-mużika u l-qari. F'daru kellu librerija ta' kotba ikbar minn tal-kappillan, iktar minn mitt ktieb. Lil uliedu għallimhom it-talb u l-katekiżmu iżda ma tantx kien Kattoliku ferventi u jidher li kellu diversi tfal oħra illeġittimi. Ommu mill-banda l-oħra kienet reliġjuża ħafna u kull filgħaxija kienu jgħidu r-rużarju. Oscar kien l-iktar wieħed reliġjuż mill-aħwa. Kien iħobb imur il-knisja jitlob u jqum bil-lejl jitlob kif xehed ħuh iż-żgħir Mamerto li kien jorqod fl-istess sodda miegħu imma li min-naħa tiegħu kien jippreferi jorqod.

Ta' 4 snin, Óscar Romero intlaqat minn marda gravi, probabbilment il-poliomielite li żammitu għal xhur milli jiċċaqlaq u milli jitkellem. Din l-infermità ħalliet konsegwenzi fit-tul fuq il-karattru tiegħu li sar iktar introvers u timidu iżda ukoll b'intelliġenza riflessiva. Kien jiggosta l-kliem u t-tifsir tiegħu u dejjem għatxan li jsir jaf. Billi fiżikament kien dgħajjef ma tantx kien jilgħab mat-tfal l-oħra. Missieru kien isejjaħlu b'mod xejn sabiħ "il-paralitiku". Mix-xogħol ta' missieru bħala telegrafu, huwa beda jaffaxxina ruħu mill-mikrofoni, radjijiet u mezzi ta' komunikazzjoni. L-għalliema tiegħu jiftakruh tajjeb fl-Ispanjol iżda li xejn ma kien iħobb il-Matematika.

Fi żjara li l-ewwel isqof ta' San Miguel, Juan Antonio Dueñas y Argumedo, għamel fi Ciudad Barros, dan staqsa liċ-ċkejken Óscar x'jixtieq isir la jikber dan wieġbu qassis. Iżda l-isqof b'subgħu l-kbir miss moħħ Óscar u qallu "Int se ssir isqof". Ħafna żmien wara, Romero meta kien fil-fatt sar isqof kien jgħid filwaqt li jmiss moħħu "Hawn ara, għadni nħoss is-suba' kbir tiegħu."

Fis-Seminarju[immodifika | immodifika s-sors]

Missieru qabbdu s-sengħa ta' mastrudaxxa mal-aqwa mastrudaxxa tal-post, Juan Leiva, u bl-għajnuna tiegħu ħadem bibien, imwejjed u saħansitra twiebet. Iżda fuq kollox kien jitlob ħafna tant li Leira qal li f'ħajtu kollha qatt ma ra bniedem jitlob daqsu. Kif jispiċċa mix-xogħol kien jitlaq jiġri lejn il-knisja biex jitlob. Fis-sengħa kien sejjer tajjeb, iżda ta' 13-il sena kif wera x-xewqa li jsir saċerdot, bagħtuh fis-seminarju ta' San Miguel. Biex iħallaslu l-istudji missieru ta għall-kiri biċċa mill-abitazzjoni tagħhom iżda meta dawwar il-ħsieb u ma kienx se jħallaslu iktar, l-Isqof ta' San Miguel ma riedx jitilfu u ħallaslu hu. Oscar ukoll kien jaħdem biex imantni lilu nnifsu, tant li sajf minnhom ħadem f'minjiera. Fis-seminarju mmexxi mill-Klaretjani, Romero kien kuntent u faħħarhom bħala edukaturi "denji, umli u ta' servizz". Fil-ġiti li kienu jagħmlu Oscar ma kienx joqgħod lura milli jissoċjalizza u kemm -il darba tela' fil-quċċata tal-vulkan ta' San Miguel. Kien iħobb ħafna l-predikazzjoni, il-mużika u l-kant. Malajr beda ħiereġ it-talent tiegħu ta' oratur li fis-seminarju ġie inkoraġġit biex ikompli jiżviluppah.

F'Ruma (1937-1942)[immodifika | immodifika s-sors]

Is-superjuri tiegħu kif raw ix-xeħta tiegħu għall-istudju bagħtuh Ruma. Ftit jiem qaebl telaq lejn Ruma miet missieru. Romero studja fil-Pontificia Università Gregoriana immexxija mill-Ġiżwiti bejn l-1937 u l-1942 fil-Fakultà tat-Teoloġija fejn ġab il-Baċellerat, il-Liċenzjat u d-Dottorat. Minn hemm xorob ukoll l-ispiritwalità Injazjana u beda jipprattika l-Eżerċizzji Spiritwali ta' San Injazju. Kien jgħix fil-Colegio Pío Latino Americano mmexxi ukoll mill-Ġiżwiti fejn għamel ħafna ħbieb. Fil-villeġjatura tas-sajf f'Montenero qrib Livorno kien jgħallem jgħumu lis-seminaristi l-oħra. Bħal ħafna seminaristi oħra f'Ruma kien jieħu sehem fil-ħajja reliġjuża tal-belt ta' Ruma u hu ta servizz f'parroċċi fil-periferija ta' Ruma bħal Garbatella u Quarticciolo. F'Ruma kibret fih imħabba kbira lejn il-figura tal-Papa, speċjalment lejn Papa Piju XI, li assista għall-mewt tiegħu fl-1939 u kien jammirah għall-fermezza u l-kuraġġ tiegħu quddiem il-potenti ta' din id-dinja, Hitler u Mussolini: "Sakemm indum Papa jien ħadd ma jidħak bil-Knisja."

Saċerdot u isqof[immodifika | immodifika s-sors]

Kien ordnat saċerdot f'Ruma nhar l-4 ta' April 1942 u baqa' Ruma sakemm ġab id-dottorat fit-teoloġija axxetika. Fl-1943 irritorna El Salvador ma' ħabibu Padre Valladares. Huma u sejrin lura waqfu Spanja u l-Kuba, fejn żammewh f'kamp ta' internament għax kien ġej mill-Italja Faxxista. Wara diversi xhur miżmuma priġunieri, Valladares marad u t-tnejn li huma ġew trasferiti fi sptar. Minn hemm inħelsu u salpaw lejn il-Messiku, imbagħad lura lejn El Salvador.

F'San Miguel (1944-1956)[immodifika | immodifika s-sors]

Sar kappillan ta' Anamorós, iżda għamel biss xahrejn għax fl-1944 Mons. Miguel Angel Machado, isqof ta' San Miguel riedu bħala segretarju tiegħu. Hemm sar ukoll kappillan tal-parroċċa tal-Katidral u kien jgħix u jaħdem fil-knisja ta' Santo Domingo. Qabel ma jintefa' għall-attività, Romero kien ingħaqad ma' grupp ta' saċerdoti f'għaqda jisimha Possumus, bil-ħsieb li jitqaddsu akkost ta' kollox, b'talb assidwu, axxeżi u dixxiplina interjuri u mortifikazzjonijiet interni u esterni. F'San Miguel kien fdat b'ħafna inkarigi: kappillan, konfessur u direttur spiritwali tal-patrijiet u s-sorijiet, direttur tal-ġurnal settimanali tad-djoċesi, kollaboratur stabbli tar-radju djoċesan, rettur tas-seminarju minuri, president tal-kumitat għall-bini tal-katidral, għalliem tar-reliġjon u l-morali f'kulleġġ tal-bniet. Kien jorganizza l-klassijiet tal-katekiżmu u ċ-ċerimonji tal-Ewwel Tqarbina. Kien Assistent Ekkleżjastiku għall-Azzjoni Kattolika, għat-Terzjarji Franġiskani, l-Appostolat ta' Talb, il-Kavallieri tas-Santu Sepulkru, il-Moviment tal-Familji Insara, l-Alcoholics Anonymous u għal għaqdiet oħra Kattoliċi. Kien promotur tad-devozzjoni tal-Verġni tal-Paċi ta' San Miguel u b'insistenza tiegħu din ġiet elevata għal Patruna ta' El Salvador flimkien ma' Kristu Salvatur.

F'San Miguel Romero sar famuż bħala predikatur, tant li f'ċertu żmien sa ħames stazzjonijiet tar-radju kienu jxandru fl-istess ħin il-quddiesa tiegħu tal-Ħadd filgħodu. Fil-predikazzjoni tiegħu ma kienx jibqa' biss fuq il-pjetà popolari iżda kien jisħaq fuq fidi mgħixa fil-ħajja ta' kuljum. Il-Protestanti ma kinux jifilħu l-attakki kontrihom fl-omeliji tiegħu u kienu jakkużawh b'idolatrija ħabba d-devozzjoni tiegħu lejn ix-xbieha tal-Verġni tal-Paċi.

Romero kien ifittex li jgħix ħajja saċerdotali żelanti u awstera b'ispirazzjoni Injazjana. Kellu ħajja spiritwali pjuttost tradizzjonali bbażata fuq il-kostanza fit-talb, kura tad-dmirijiet spiritwali u liturġiċi, eżami spiss tal-kuxjenza, viġilanza fuq il-ħsibijiet, sawm, rużarju u penitenza. Dan kien inaqqas mill-aspett attivistiku tiegħu imma kien il-premessa meħtieġa għall-ħidma kollha li kien jagħmel. Fl-irtiri kien rigoruż, l-aktar rigward is-solitudni, kif jiftakruh il-Klaretani li ta' kull sena kien imur jagħmel ġimgħa irtir għandhom biex jirrifletti u jitlob f'silenzju assolut. Lanqas kelma ma kien jgħid u ma kienx ikun irid jiekol mal-oħrajn. Kien jemmen li "l-akbar ħtieġa li għandna bħalissa hija l-qdusija tas-saċerdoti", din biss tista' tikseb aktar erwieħ u din tiddependi mit-talb u s-sagrifiċċju. Il-mudell preferut tiegħu kien San Ġwann Maria Vianney, il-Kurat t'Ars. Romero kien iqis il-vokazzjoni saċerdotali tiegħu nnifsu bħala "ċerta u divina".

Il-poplu ta' San Miguel kien japprezza u jħobb lil Romero għax kien jifhimhom. Ħafna mis-sinjuri ukoll kienu jħobbuh. Kien jaf jolqot il-kordi ta' qalbhom fil-prietki tiegħu (kien jaġġorna ruħu kontinwament fil-katekiżi) u fil-konverżazzjonijiet personali. Kien ġeneruż spiritwalment u materjalment. Kien karitattiv mal-foqra, u ħafna drabi kien joqgħod nieqes hu biex jgħinhom. Ġieli lanqas kien jiekol biex jieklu huma. Waqqaf għaqda "Lustrascarpe ta' San Miguel", tfal li jillustraw iż-żraben tan-nies, u kien itihom ikel u kenn fi proprjetà tal-parroċċa. Ħoloq oratorju għaż-żgħażagħ li barra li kien jgħallimhom il-katekiżmu sar skola professjonali ta' snajja' artiġġjanali. Kien iżur regolarment il-ħabsin u jirregalalhom oġġetti ta' bżonn u jurihom films divertenti biex itaffilhom il-monotonija. Kien jgħin lill-prostituti biex ma jibqgħux fit-triq u l-alkoħolisti biex jieqfu jixorbu. Kien iżur kull ġimgħa l-morda tal-Isptar San Juan de Dios. Kien jitlob lill-Caritas djoċesana li kienet tqassam l-ikel biex tgħallem ukoll lin-nies kif ikollhom nutrizzjoni tajba. Kien jimpurtah mill-ġid tal-persuna sħiħa. Kien jiffrekwenta lis-sinjuri mhux għax kien jieħu pjaċir fl-ambjenti tagħhom imma biex jikkatekizzahom u jitlobhom jgħinu lill-foqra. Sa filgħaxija kien ikun għajjien mejjet b'din il-ħidma kollha u mhux l-ewwel darba li raqad fil-konfessjonarju jew ta penitenza ta' "ħames pesos" flok ħames ave mariji!

Il-qassisin l-oħra kienu jirrispettawh imma fl-istess ħin jibżgħu minnu għax kienu jarawh wisq esiġenti. Kien jiddefendi s-sagralità tas-saċerdozju b'saħħtu kollha u bħala segretarju tal-Kurja kien iċanfar severament lil saċerdoti li jonqsu minn dmirhom u fejn jara l-bżonn jikkastiga. Romero kien jgħid x'jaħseb b'ħafna frankezza, bla ebda kawtela diplomatika. Grupp ta' patrijiet kien talab lill-isqof biex inaqqas l-attiviżmu ta' Romero. Ma kienx jagħti kunfidenzi żejda lin-nisa u meta grupp nisa tal-Azzjoni Kattolika fixkluh waqt li kien qed jitlob, ċanfarhom bl-ikrah u qallhom: "Min qalilkom tindaħlu? Jien proprju ma żżewwiġtx biex ma nħallix lin-nies jikkmandawni!" Ħafna ħassewhom offiżi meta ma ħalliehomx jużaw il-katidral għal ċerimonja f'ġieħ Gerardo Barrios, patrijott tas-seklu 19, għax kien mażun. Lill-mażuni Romero ma kienx jagħtihom difna Kattolika.

Minkejja l-"konservattiżmu" Kattoliku tiegħu, sa minn daż-żmien Romero beda jiġi akkużat b' "komuniżmu" minn xi esponenti politiċi tal-lemin għax espona d-duttrina soċjali tal-Knisja u kkritika it-trattament ħażin tal-ħaddiema li kienu jitħaddmu bil-ġurnata mill-cafetaleros, il-produtturi tal-kafè. Xi uħud maqrusin bl-appelli tiegħu għal tqassim ġust tal-ġid bdew jakkużawh li qed ibagħbas fil-ġbir tal-fondi għall-bini tal-katidral u li seraq il-ġojjelli li kienu jżejnu lill-Verġni tal-Paċi, iżda dawn kienu biss kalunnji. Oħrajn bdew ixerrdu xnigħat fuq saħħtu. Dan ħabba l-fatt li t-tabib kien ordnalu tliet xhur mistrieħ. L-istess tabib kien stqarr f'ittra lin-nunzjatura fl-1964 li hija gidba li Romero huwa miġnun jew isofri minn xi paraliżi. Fi kliem it-tabib "Romero huwa fighter kbir, ma jiqafx jaħdem, u bla dubju l-ħafna xogħol tiegħu iwasslu xi drabi għal eżawriment naturali."

Romero kien jiffrekwenta l-Opus Dei, għaqda li l-fundatur tagħha José María Escrivá de Balaguer kien sar jafu fl-1955 fl-Ewropa. Escrivà kien ta' inkoraġġiment kbir għal Romero biex "jaqdi b'żelu appostoliku lill-Knisja Qaddisa Rumana." Fl-Opus Dei, Romero kien jammira l-ispiritwalità soda tagħhom, il-fedeltà lejn il-Knisja, l-impenn fix-xogħol u s-"sens sopranaturali" tagħhom - kwalitajiet li hu nnifsu kien jikkultiva f'ħajtu. Romero fil-fatt kien jitlob ħafna, u mit-talb kien iħossu xprunat għall-azzjoni, kien jaħdem b'serjetà u determinazzjoni, u kien lest li jibqa' fidil lejn Kristu u lejn il-Knisja akkost li jmut martri. Kien qarrej assidwu tal-Osservatore Romano u kuljum kien jismu r-Radju tal-Vatikan. Kellu venerazzjoni bla tarf lejn il-Papa u t-tagħlim tiegħu. Kien isegwi l-motto Injazjan sentire cum Ecclesia (qalb waħda mal-Knisja). Kien jilbes dejjem is-suttana u kien iċanfarhom lil dawk il-qassisin li ma kinux jilbsuha jew li ma kien ikollhom l-ebda distintiv, u dawk li jkollhom familjarità żejda man-nisa. Kien jikkultiva l-identità saċerdotali tiegħu iżda kien jaf ukoll ir-ruħ tal-poplu u kien jaf jinterpretaha. Kull filgħaxija kien ilaqqa' lin-nies fil-knisja għal ora santa quddiem is-Sagrament espost. Kien jitlob ir-rużarju man-nies, u l-quddiesa dejjem kien jagħmilha b'devozzjoni u solennità.

Sa daż-żmien il-kwistjoni soċjali ma kinitx fost il-prijoritajiet taż-żagħżugħ Romero, għalkemm kien diġà jipprietka l-konverżjoni tal-għonja li kellhom ikunu inqas egoisti u juru iktar ħniena mal-foqra. Fis-snin sittin is-soċjetà u l-Knisja Salvoderena saru ħafna iktar konxji tal-iskwilibriji soċjali fil-pajjiż. Romero, dejjem b'fedeltà lejn il-Knisja kien jimxi fuq id-duttrina soċjali tal-Knisja u ddefenda bi sħiħ lill-Arċisqof Chavez ta' San Salvador meta dan safa fil-mira ta' ħafna attakki wara li f'Awwissu 1966 kien ħareġ ittra pastorali li fiha kkundanna b'qawwa l-inġustizzji soċjali fil-pajjiż.

L-Insara ta' San Miguel stennew li wara r-riżenja tal-Isqof Machado, is-suċċessur naturali tiegħu kien se jkun Romero iżda minfloku nħatar l-isqof Nordamerikan Lawrence Graziano. Bil-wasla ta' Graziano, Romero ma baqax fiċ-ċentru tal-ħidma tad-djoċesi u beda jgħin iktar fin-nunzjatura. F'Ġunju 1967 inxterdet l-aħbar li Romero ma kienx se jibqa' San Miguel għax inħatar segretarju tal-Konferenza Episkopali ta' El Salvador. In-nies infurjat tant li twaqqaf kumitat "Romero in San Miguel" li mar jipprotesta għand in-nunzju. Romero ħeġġeġ lin-nies għall-ubbidjenza lejn l-awtoritajiet tal-Knisja iżda hu nnifsu telaq minn San Miguel imnikket għall-aħħar. Kien konvint li Graziano ma kienx isqof tajjeb u fil-fatt sena u nofs wara n-nomina tiegħu Graziano rriżenja. Fid-djarju tiegħu, fl-1 ta' Settembru 1967, Romero kiteb hekk: "Irqadt fil-fond. Inħoss id-distakk minn ambjent daqstant maħbub imma ninsab seren u qiegħed nistrieħ mingħajr responsabbiltà. Nitlob lill-Mulej jaħfirli. Kif inti għedtilna: Aħna qaddejja battalna għamilna dak li kellna nagħmlu. Nisperaw..."

F'San Salvador[immodifika | immodifika s-sors]

Romero beda jgħix mal-Ġiżwiti fis-seminarju ta' San Salvador. Mill-ewwel intefa' b'ruħu u b'ġismu fil-ħidma tiegħu bħala Segretarju, u l-effiċjenza u d-dedikazzjoni tiegħu laqtu minnufih lill-isqfijiet. Kien jibqa' jaħdem sa tard bil-lejl. F'Mejju 1968, Romero żdiedlu x-xogħol meta sar ukoll segretarju eżekuttiv tas-Segretarjat tal-Isqfijiet tal-Amerika Ċentrali.

Nhar il-25 ta' April 1970 inħatar isqof awżiljari ta' San Salvador. Hekk sar il-kollaboratur prinċipali ta' Mons. Luis Chávez y González, protagonist tat-Tieni Konferenza tal-episkopat latinoamerikan f'Medellín (1968). Il-motto li Romero għażel għall-episkopat tiegħu kien Sentir con la Iglesia, meħud mill-Eżerċizzji Injazjani, u li kien sar il-programm ta' ħajtu. Iċ-ċerimonja tal-konsagrazzjoni tiegħu nhar il-21 ta' Ġunju kienet waħda solenni għalkemm ġo palestra (gym) ta' liċeo tal-knisja. Għaliha attendew il-President tar-Repubblika, Hernandez, il-Kardinal Casariego tal-Gwatemala, l-isqfijiet kollha tal-pajjiż u n-nunzju Prigione. Iċ-ċerimonja kienet fdata f'idejn ħabib antik tiegħu, il-ġiżwita Rutilio Grande, li assigura lil Romero li ma kienx se jkun hemm spejjeż speċjali. Romero riedha tkun fuq kollox okkażjoni biex in-nies jifhmu x'jiġifieri isqof għall-knisja. Xarabanks mimlijin nies minn San Miguel waslu ukoll f'San Salvador, b'turija ta' rispett u affett kbir lejn Romero.

Għall-ħabta ta' Ottubru 1970 Romero sar ħabib kbir tal-familja Barraza. Salvador Barraza kien negozjant żgħir taż-żraben li kellu dar żgħira u karozza żgħira tiegħu. Il-ħbiberija kienet bdiet għaxar snin qabel meta Barraza kien intlaqat mill-omeliji ta' Romero u fl-1967 kien hu li ġarrlu kollox fi trakk minn San Miguel għal San Salvador, fejn hemmhekk saru iktar ħbieb, l-aktar għax Romero beda jmur spiss id-dar tiegħu biex iqarben lil martu Ewġenja li għamlet xhur tirkupra minn inċident li kellha. F'Ottubru 1970 Romero kien telagħlu d-deni wara li ta irtir lis-sorijiet fil-muntanji. Barraza ħadu d-dar tiegħu u din id-darba kienet Ewġenja li ħadet ħsieb Romero. Fid-dar ta' Barraza qatta' xahrejn fejn kienu jmorru jżuruh isqfijiet u qassisin, fosthom il-famuż Father Peyton li kien qed ixerred il-kampanja tar-rużarju fil-familji f'El Salvador. Barraza sar l-ikbar ħabib ta' Romero, sar ix-xufier volontarju tiegħu u iktar tard meta sar arċisqof akkumpanjah fi żjajjar pastorali fil-parroċċi, viżti għand it-tabib u għal vaganzi fil-Messiku u l-Gwatemala. Il-familja Barraza saret il-familja tiegħu. L-għaxqa tiegħu kienet jilgħab u jinbex liż-żewġt itfal tal-familja u jiftaħ ir-rigali tal-Milied bl-istess ħerqa tagħhom. Kien imur pikniks magħhom, u fuq il-mejda tal-ikel kien jirrakkonta ċ-ċajt u ġieli jibki meta jitkellem fuq l-oppożizzjoni li kien isib mill-isqfijiet l-oħra.

F'Mejju 1971, l-Arċisqof Chavez ħatar lil Romero editur tal-ġurnal tal-arċidjoċesi bl-isem ta' Orientación, u fl-1972 ħatru Rettur tas-Seminarju inter-djoċesan tal-pajjiż.

Isqof ta' Santiago de María[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-15 ta' Ottobru 1974 inħatar isqof ta' Santiago de María, b'popolazzjoni ta' 425,000 ruħ, djoċesi fqira li kienet tikkomprendi fiha Ciudad Barrios, belt twelidu. F'Novembru Romero mar Ruma jirringrazzja lil Papa Pawlu VI għall-fiduċja li wera fih u l-Papa rregalalu kalċi u għajnuna ta' $3,000 għad-djoċesi. Nhar l-14 ta' Diċembru Romero kien insedjat bħala isqof min-nunzju Malti Emmanuel Gerada fil-preżenza ta' uffiċjali għoljin governattivi u ekkleżjastiċi fost ferħ popolari. Sitt xhur wara, fil-21 ta' Ġunju, fis-siegħa ta' filgħodu gwardji governattivi għamlu irruzzjoni f'raħal żgħir fid-djoċesi tiegħu, jismu Tres Calles, ifittxu l-armi, u barra li ssakkeġġaw ħafna djar qatlu ħames campesinos (raħħala). L-għada stess Romero mar ifarraġ lill-familji u jqaddes għal ruħ il-vittmi u fl-omelija kkundanna l-massakru bħala attakk fuq id-drittijiet umani. Wara mar jipprotesta mal-kmandant tal-Gwardja lokali iżda dan imminimizza li ġara u qallu li l-maqtula kienu biss delinkwenti. Romero wieġbu li dawn kellhom dritt għall-ġustizzja kienu min kienu u għamlu x'għamlu. Erbat ijiem wara, kiteb ittra addolorata lill-President tal-pajjiż Molina mimlija rabja iżda fl-istess ħin rispettuża. Romero ma pprotestax pubblikament għax fi kliemu l-Knisja ma kinitx involuta direttament, ma kienx jaf il-veri mottivi tal-qtil u għax ra li jkun aħjar jintervjeni direttament mal-awtoritajiet. Sa dakinhar Romero kien għadu jaħseb li l-ogħla awtoritajiet ma kinux responsabbli tad-delitti li jikkomettu dawk ta' taħthom u li se jirremedjaw l-abbużi u li l-ewwel responsabbiltà tiegħu kienet lejn il-Knisja bħala istituzzjoni. Iżda l-ġrajjiet tal-ewwel ġimgħat tiegħu bħala arċisqof sentejn wara kellhom ineħħulu kull fiduċja fl-ogħla uffiċjali tal-gvern u ġegħluh jieħu pożizzjoni pubblika kuraġġuża biex jiddefendi l-vittmi tal-vjolenza governattiva u jara f'dan id-dover tal-Knisja fid-dawl tal-Konċilju Vatikan II li ta viżjoni ta' Knisja bħala qaddejja tal-poplu.

F'Santiago de Maria, Romero ra b'għajnejh it-tbatija tal-bdiewa raħħala iżda għalissa ma offrielhom l-ebda soluzzjoni għall-inġustizzji li kienu qegħdin isofru taħt idejn il-propretarji tal-art, ħlief li kien jappella lil dawn tal-aħħar biex ma jibqgħux egoisti. Meta sentejn wara, sar arċisqof għaraf li l-maħqurin għandhom jorganizzaw ruħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu pressjoni għad-drittijiet tagħhom, u hu beda jiddefendi id-drittijiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet b'saħħtu kollha. Iżda f'Santiago de Maria, Romero fetaħ il-bini tal-katidral, fosthom sala, biex fih ikunu jistgħu jorqdu mijiet ta' ħassada li qabel kienu jorqdu barra fil-pjazza u fil-kesħa. Ġab ukoll il-Caritas u s-Sinjuri tal-Karità biex jipprovdulhom platt sħun xħin jiġu lura wara ġurnata twila ta' xogħol. Kien joffrilhom ukoll films kateketiċi għall-arja aperta biex inaqqsilhom ftit mill-monotonija tax-xogħol.

Biex ikun ta' għajnuna għar-raħħala l-Isqof Romero kien jarma l-loudspeakers fuq il-jeep u jsuq lejn inħawi abbandunati biex jipprietkalhom, idoqqilhom il-mużika sagra, iqarar, iqaddes, jgħammed u jżewweġ. Il-qassisin ta' Santiago kienu jmorru aħjar miegħu milli kienu jmorru dawk ta' San Miguel. Barra li kienu jammirawh għall-ħeġġa u l-enerġija tiegħu sabuh isqof iktar miftuħ u lest biex jiddjaloga magħhom. Kien jagħmel minn kollox biex jgħin parroċċi foqra u kien jibgħatilhom materjal għall-bini, attrezzaturi għas-sound tal-knisja u li jkollhom bżonn.

Arċisqof ta' San Salvador[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-22 ta' Frar 1977, Oscar Romero, wara biss sentejn isqof f'Santiago de Maria, kien insedjat bħala arċisqof tal-ikbar arċidjoċesi ta' pajjiżu li dak iż-żmien kien għaddej mill-agħar tiġrib taħt gvern dittatorjali lemini. L-għażla ta' Romero, propost min-nunzju Gerada, intlaqgħet bil-ferħ mill-gvern li kien għadu ma jafx x'isarraf dak l-isqof kwiet u timidu. Meta kien għadu isqof ta' Santiago di Maria kien magħruf bħala bniedem paċifiku li joqgħod lura milli jxellef difru ma' min qiegħed fis-setgħa. Il-gvern tal-ġeneral Molina kien moħħu mistrieħ li Romero mhux se jaqlagħlu inkwiet jew jipprotesta kontra l-inġustizzji fil-pajjiż. F'intervista li kien ta fl-10 ta' Frar lil ġurnal lokali Romero kien qal: "Irridu nibqgħu fiċ-ċentru, għassa, bil-manjiera tradizzjonali, imma nfittxu l-ġustizzja...(Il-missjoni tas-saċerdot) hija eminentement reliġjuża u traxxendentali... il-gvern m'għandux iqis saċerdot li jieħu pożizzjoni fuq il-ġustizzja soċjali bħala politiku jew element sovversiv meta dan ikun qed iwettaq il-missjoni tiegħu fil-politika tal-ġid komuni."


Il-President offrielu karozza lussuża Cadillac kif ukoll palazz kollu rħam iżda Romero rrifjutahom it-tnejn, anzi għaġġeb lil kulħadd meta lanqas biss mar jieħu sehem fiċ-ċerimonja tal-ġurament tal-istess president, imtella' hemm bil-qerq.

Il-bidla f'Romero[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-27 ta' Frar, 1977, il-Gwardja Nazzjonali ta' El Salvador fetħet in-nar fuq 10,000 persuna li kienu miġburin fi Pjazza Libertà fil-kapitali San Salvador biex jipprotestaw kontra l-elezzjonijiet imbagħbsa. Imkexkxin, in-nies ġrew biex jistkennu fil-knisja tar-Rużarju, imma ħafna nqatlu għax is-suldati sparaw bl-addoċċ fuqhom. Dan kellu jkun il-bidu tal-konverżjoni tal-Arċisqof Oscar Romero, li kien ilu biss ġimgħa Arċisqof imma li sa dakinhar kien ġab ruħu ta' isqof x'aktarx konservattiv u prudenti żżejjed, li ma riedx jirfes il-kallijiet tal-Gvern u tas-sidien ta' l-artijiet. Imma dakinhar qal lis-saċerdoti biex imorru lura d-dar u jieħdu ħsieb il-campesinos tagħhom u jiftħu l-bibien ta' darhom għal dawk li kienu fil-periklu u, jekk hemm bżonn, jaħbuhom għandhom biex ma jaqbduhomx il-pulizija.

Fil-5 ta' Marzu Romero ħareġ ittra pastorali li fiha semma' l-ħafna atroċitajiet, qtil, torturi, kampanji ħorox li s-sidien ta' l-artijiet għamlu kontra l-Knisja u t-tkeċċija ta' saċerdoti li kienu jaħdmu favur il-fqar.

“Anki jekk il-Knisja tista' tiftiehem ħażin, jeħtieġ tgħolli leħinha u tikxef id-dnub, jagħmlu min jagħmlu: Fariżej, qassisin, għonja, Erodi jew Pilatu. Kulħadd hu msejjaħ minn Alla – fqar u għonja – imma l-Knisja trid tkun favor dawk li m'għandhom xejn.”

Il-Qtil ta' Padre Rutilio Grande[immodifika | immodifika s-sors]

Ġimgħa wara, is-Sibt, 12 ta' Marzu, il-Ġiżwita Rutilio Grande telaq bil-jeep, bil-pastorali ta' Romero fil-but, biex imur iqaddes fir-raħal ta' El Paisnal, fejn kien twieled. Miegħu kellu żewġt iħbieb, raġel anzjan u tifel ta'seba'snin jismu wkoll Rutilio. Patri Rutilio kien “ġellied” favur il-fqar ta' El Salvador u għalhekk xejn ma kien stmat mill-awtoritajiet, anzi kienu jħarsu b'ċerta stmerrija lejh. Kien jgħallem li fil-pajjiż kellu jkun hemm liġijiet ġusti li jagħtu dinjità lill-poplu u li qabel iseħħ dan ma setgħux isejħu lil Kristu Salvatur bħala l-patrun ta' pajjiżhom. Ftit ġranet qabel, f'waħda mill-priedki tiegħu kien qal: “Huwa perikoluż tkun Nisrani fid-dinja tagħna, fejn li tippriedka l-Vanġelu saret ħaġa sovversiva u s-saċerdoti huma eżiljati talli jippridkawh!”

Fit-triq waqfu biex jagħtu lift lil tlett itfal. Kellhom ikunu daw it-tlett itfal l-uniċi xhieda tal-bullets li ftit minuti wara qatlu lill-Ġiżwita u ż-żewġt iħbieb tiegħu. L-Arċisqof Romero kien ħabib kbir ta' Rutilio; għalhekk kif sema', telaq jiġri lej Aguilares fejn kienu ħadu t-tliet kadavri u qaddes għal ruħhom. Fl-Omelija huwa qal li Alla għandu bżonn il-fqar biex isalva d-dinja,li l-ħelsin jasal biss metal-fqar mhux biss jaqilgħu ġo fihom imma huma stess jilħqu mexxejja u protagonisti tat-taqtigħa tagħhom għal-libertà. Wara l-quddiesa Romero talab lis-saċerdoti u lis-sorijiet biex jibqgħu fil-knisja biex jiddiskutu x'se jagħmlu dwar il-mewt ta' Rutilio. Dakinhar seħħet il-konverżjoni sħiħa f'Romero: ta' sittin sena kien “tgħammed” mill-ġdid!

Romero ordna l-għeluq tal-iskejjel u l-kulleġġi tal-Knisja għal tlett ijiem bħala viżtu, talab li ssir inkjesta dwar il-qtil tiegħu u ta' oħrajn, akkuża l-istituzzjonijiet u l-istess qorti suprema b'kompliċità mas-setgħa ċivili; u anke waqqaf kummissjoni permanenti biex tħares il-jeddijiet tal-bniedem.

L-Omeliji ta' Romero[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sebgħinijiet El-Salvador kien għaddej minn tensjoni kbira u persekuzzjoni mill-awtoritajiet biex joħonqu lill-fqar. Aktar minn 75,000 Salvadoren inqatlu, miljun oħra ħarbu mill-pajjiż, miljun sfaw bla dar f'pajjiż ta' ħames miljun u nofs ruħ.

Kull ma seta' joffri l-Arċisqof kienu l-Omeliji mxandra mal-pajjiż kollu li bihom kien jassigura lill-foqra, mhux li l-atroċitajiet se jieqfu, imma li l-Knisja kienet magħhom: “Jekk ma jħalluniex nitkellmu, jekk joqtlu lis-saċerdoti kollha u lili, kull wieħed minkom irid isir il-mikrofonu ta' Alla, kull wieħed minkom irid isir profeta.”

Il-quddiesa tiegħu, speċjalment dik tal-Ħadd, kienet saret dejjem iffollata, m'hemmx fejn tqiegħed labra. U saret waqt ta' spiritwalità profonda għall-poplu kollu, kif saret ukoll il-waqt li fih jikkundanna l-kefrija tas-setgħa ċivili. Ir-radju arċidjoċesan sar ir-radju l-iżjed popolari ta' El Salvador u l-Arċisqof Romero sar il-persunaġġ l-iżjed ippreferut mis-semmiegħa tiegħu. Id-djarju li kien iżomm, bir-rekording tiegħu ta' kuljum, huwa xiehda tat-tensjoni li nħolqot fil-pajjiż bejn l-1977 u l-qtil tiegħu fl-1980.

Il-konverżjoni[immodifika | immodifika s-sors]

"Jekk tgħix ir-reliġjon Nisranija b'mod tajjeb imma li mhux biżżejjed għal żmienna, jekk ma tiddenunzjax l-inġustizzja, jekk ma xxandarx is-saltna ta' Alla bil-kuraġġ, jekk ma tirrifjutax id-dnubiet li jagħmlu l-bnedmin, jekk tikkonsenti għad-dnubiet ta' ċerti klassijiet biex tkun aċċettat minn dawk il-klassijiet, allura inti m'intix taqdi dmirek, inti qed tidneb, qed tmur kontra l-missjoni tiegħek. Il-Knisja qiegħda hawn biex tikkonverti lill-bnedmin, mhux biex tgħid lin-nies li kull ma jagħmlu huwa sew; naturalment dan idejjaq in-nies. Kull ma jikkoreġina jdejjaqna. Naf li jien dejjaqt ħafna nies, imma naf ukoll li jiena magħġub ħafna minn dawk li qegħdin jaħdmu sinċerament għall-konverżjoni tal-Knisja."

—21 ta' Awwissu, 1977

Jiena kuntent ħafna…[immodifika | immodifika s-sors]

"Jiena kuntent ħafna li nagħmel parti minn din il-Knisja li qiegħda tqajjem il-kuxjenza tal-bidwi, tal-ħaddiem, mhux biex tagħmilhom xewwiexa – diġà għidna li l-vjolenza midinba mhix tajba – imma biex ikunu jafu li huma sidien tad-destin tagħhom infushom, biex ma jkunux sempliċi parti minn kotra rieqda, biex flimkien ikunu rġiel u nisa li jafu jaħsbu, jafu jagħmlu t-talbiet tagħhom.

Din hi l-glorja tal-Knisja, u aħna bl-ebda mod ma għandna nħossuna nistħu meta jkunu jridu jħalltuna ma' ideoloġiji oħrajn, għax jidher ċar li din hija kalunja u hija immirata biex tixħet id-duħħan u titfa' dell fuq din ix-xorta ta' edukazzjoni min-naħa tal-Knisja."

—13 ta' Novembru, 1977

Oppożizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-reġim dittatorjali sar l-eqqel għadu ta' Romero, imma t-tensjoni nħasset ukoll fil-Knisja. Bdew jaslu rapporti kontrih anke f'Ruma u n-Nunzju tal-Vatikan, li dak iż-żmien kien il-Malti l-Arċisqof Emmanuel Gerada, ftit li xejn kien favurih. U f'ittra pastorali li kiteb f'dawk is-snin, l-Arċisqof Romero wissa li meta l-Knisja “tidħol fid-dinja tad-dnub b'intenzjonijiet ta' salvazzjoni u liberazzjoni, id-dnub tad-dinja jinfed fil-Knisja u jaqsamha, billi jifred l-Insara awtentiċi ta' rieda tajba minn dawk li huma Nsara biss fl-isem u fid-dehra.”

Iridu jneħħuni[immodifika | immodifika s-sors]

"Attenti, ħuti, inħabbrilkom li sirt naf li qegħdin jiġbru l-firem biex jibgħatuhom lill-Papa – ma jkunx Pawlu VI, ikun il-papa l-ġdid – u lil Puebla fil-laqgħa tal-Isqfijiet, jitolbu biex il-Marxiżmu jkun ikkundannat. Sewwa, imma l-Marxiżmu diġà safa ikkundannat. Din mhix xi ħaġa ġdida. Piju XII diġà ħareġ dokument dwar dan. Jekk m'intomx midħla tiegħu, fittxuh. Li jolqotni iżjed huwa dan: li dawn il-firem qegħdin jitolbu wkoll li jien nitneħħa. Ma għandi l-ebda problema li nitneħħa, lanqas ma għandi xi ambizzjoni għas-setgħa tad-djoċeżi. Naħseb biss li dan li qed nagħmel huwa servizz u sakemm il-Mulej, permezz tal-Papa, iridni hawn, jien se nkun fidil lejn il-kuxjenza tiegħi skont id-dawl tal-Evanġelju, dak li qed nipprova ngħallem, la iżjed u lanqas inqas."

—20 ta' April, 1978

L-Appell lill-Amerikani[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1978 Romero ġie nnominat għall-Premju Nobel għall-Paċi imma dakinhar il-premju ħaditu Madre Tereża, illum Beata. Fl-1980 Romero kiteb lill-President Jimmy Carter biex ma jkomplix jibgħat għajnuna militari għax din kienet qiegħda tintuża “kontra l-poplu tiegħi”. Għal tnax-il sena sħaħ l-Amerika bagħtet miljuni ta' dollari f'għajnuna lill-gvern. Iżda ħadd ma ta kas ta' l-ittra ta' Romero.

"Sur President: Jiena inkwetat ħafna bl-aħbar li l-gvern tal-Amerika qed jistudja kif jinfluwenza t-tellieq tal-armamenti f'El Salvador billi jibgħat gruppi u konsulenti militari biex iħarrġu tliet battaljuni ta' El Salvador fil-loġistika, fil-kommunikazzjoni u fl-intelliġenza. Jekk dan it-tagħrif ġurnalistiku huwa korrett, is-sehem tiegħek u dak tal-gvern tiegħek, minflok ma jġib ġustizzja u paċi ikbar f'El Salvador, mingħajr dubju se jżid l-inġustizzja u r-ripressjoni kontra l-poplu li hu organizzat, li ħafna drabi tħabat biex il-jeddijiet umani l-iżjed fundamentali jkunu rispettati… bħala ċittadin ta' El Salvador u arċisqof tad-djoċeżi ta' San Salvador, għandi d-dmir li naċċerta ruħi li l-fidi u l-ġustizzja jsaltnu f'art twelidi.

Nitolbok – jekk tassew trid tħares il-jeddijiet tal-bniedem – tiċħad din l-għajnuna militari lill-gvern ta' El Salvador. Agħti garanzija li l-gvern tiegħek ma jindaħalx direttament jew indirettament permezz ta' pressjoni – militari, ekonomika, diplomatika eċċ – biex jiddeċiedi x-xorti tal-poplu ta' El Salvador. F'dan il-waqt, għaddejjin minn kriżi ekonomika u politika f'pajjiżna, imma mingħajr dubju, il-poplu li sar għandu iżjed u iżjed kuxjenza u hu organizzat u, b'hekk, beda jħarreġ lilu nnifsu biex ikun aġent u responsabbli għall-ġejjieni ta' El Salvador u hu biss kapaċi jegħleb il-kriżi. Ikun inġust u deplorevoli jekk, minħabba l-indħil ta' setgħat barranin, il-poplu ta' El Salvador isir frustrat, jisfa ripress u miżmum milli jiddeċiedi awtonomament liema hi t-triq ekonomika u politika li minnha għandu jgħaddi pajjiżna."

—17 ta' Frar, 1980

Assassinju[immodifika | immodifika s-sors]

Óscar Romero ( pastel )

Fit- 23 ta' Marzu 1980 l-Isqof Romero irriskja sew u, fi tmiem Omelija li nstemgħet mal-pajjiż kollu, b'leħen sod qal:

"Irrid nagħmel appell speċjali lin-nies tal-armata u, speċjalment lis-suldati tal-‘Guardia Civil' tal-Pulizija, lil dawk fil-kwartieri miltari. Ħuti, aħna parti mill-istess poplu. Qed toqtlu lill-bdiewa ħutkom u meta għandkom ordni biex toqtlu mogħtija minn bniedem, il-liġi ta' Alla għandha tirbaħ, il-liġi li tgħid: la toqtolx. Ebda suldat mhu obbligat jobdi ordni kontra l-liġi ta' Alla. Ħadd ma għandu jobdi liġi immorali. Wasal iż-żmien li intom tirkupraw il-kuxjenza tagħkom u tobdu l-kuxjenza tagħkom iżjed minn ordni li hija dnub. Il-Knisja, difensura tal-jeddijiet tal-bniedem, tal-liġi ta' Alla, tad-dinjità tal-bniedem, ma tistax tibqa' siekta quddiem mistħija bħal din. Irridu li l-gvern jieħu bis-serjetà l-idea li r-riformi huma bla sens meta jiċċapsu minn daqshekk demm. F'isem Alla, mela, f'isem dan il-poplu li qiegħed ibati, li l-karba tiegħu titla' sas-sema kuljum b'iżjed qawwa, jien insejħilkom, jien nitlobkom, jien nordnalkom, f'isem Alla: waqqfu din ir-ripressjoni!"

—23 ta' Marzu, 1980

L-għada, 24 ta' Marzu, l-Arċisqof Romero ġie assassinat fis-sitta u nofs ta' filgħaxija waqt li kien qed iqaddes fil-kappella ta' l-Isptar tal-Providenza Divina f'San Salvador stess. Skont audio-recording tal-Quddiesa, huwa ntlaqat minn tir ta' arma sparat waqt li kien qed jgħolli l-kalċi fi tmiem ir-rit Ewkaristiku. Demmu nfirex fuq l-altar u tħallat mal-inbid tal-kalċi li l-Insara jemmnu li jsir id-Demm ta' Kristu.

Il-għada tal-mewt tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II hekk tkellem dwar il-mewta tiegħu:

“B'dan il-mod hu inkuruna l-ministeru tiegħu li kien mixħut b'mod speċjali ma' dawk li huma l-ifqar u iżjed imwarrbin. Kienet xhieda mill-aqwa li ipprovdiet simbolu tat-tbatija tal-poplu imma wkoll raġuni għalfejn wieħed jittama f'ġejjieni aħjar.”

Wara mewtu[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2003, min qatel lil Romero, Álvaro Rafael Saravia, l-id il-lemenija ta' Roberto D'Aubuisson, il-mexxej tal-iskwadra tal-mewt imħarreġ fl-Istati Uniti tal-Amerka tressaq il-qorti fl-Amerika u fl-2004 instab ħati.

Nhar l-24 ta' Marzu, 2010 — fit-tletin anniversarju mill-qtil ta' Romero — il-President Salvadoren Mauricio Funes għamel apoloġija uffiċjali statali għall-qtil ta' Romero. Quddiem qraba ta' Romero, rappreżentanti tal-Knisja, diplomatiċi, u uffiċjali governattivi, Funes qal li dawk involuti fil-qtil "…sfortunatament aġixxew bil-protezzjoni, kollaborazzjoni jew parteċipazzjoni ta' aġenti tal-istat".

Papa Franġisku ddikjara beatu lill-Arċisqof Oscar Romero, fit-23 ta' Mejju 2015. Iddikjarah qaddis fl-14 ta' Ottubru 2018 flimkien ma' Papa Pawlu VI u ħames qaddisin oħra.

Il-konnessjoni Maltija[immodifika | immodifika s-sors]

Malta kellha sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-beatifikazzjoni bit-tnedija tal-ewwel ktieb bil-Malti dwar Romero, "Qatlu lill-Arċisqof - Il-ġrajja ta' Oscar Romero". F’dan il-ktieb, l-ewwel produzzjoni ta’ Say It Publications, Robert Aloisio, awtur ta’ diversi artikli f’ġurnali u rivisti, jitratta fost l-oħrajn ir-relazzjoni ta’ Romero mal-Papa Ġwanni Pawlu II, man-Nunzju Malti għal El Salvador Emanuel Gerada, mal-Opus Dei, mat-Teoloġija tal-Liberazzjoni u mal-Ġiżwiti u l-konnessjoni ta’ Malta ma’ Romero. Fuq kollox Aloisio jisħaq fuq l-imħabba ta’ Romero lejn il-foqra u l-ħidma tiegħu favur il-ġustizzja soċjali.

Fil-ktieb wieħed isib ukoll siltiet minn intervisti ma’ Malti li ltaqa’ ma’ Romero f’San Salvador, ma’ missjunarju Malti f’El Salvador, ma’ Álvaro Rafael Saravia, wieħed mill-assassini ta’ Romero. Fil-ktieb hemm ukoll tliet omeliji sħaħ: l-ewwel omelija sħiħa ta’ Romero bħala Arċisqof, fil-funeral ta’ Rutilio Grande, dik meta reġa’ ħa l-pussess tal-Knisja ta’ Aguilares wara li kienu ipprofanawha s-suldati u l-aħħar omelija ta’ Romero eżatt qabel ma’ qatluh.

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]