Nea Moni ta' Chios

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Monasteru ta' Nea Moni jikkonsisti mill-katholikon (il-knisja prinċipali), żewġ knejjes iżgħar, is-sala tal-ikel, iċ-ċelel tal-patrijiet u s-sala ta' lqugħ.

Nea Moni ta' Chios (bil-Grieg: Νέα Μονή, litteralment "Monasteru Ġdid") huwa monasteru tas-seklu 11 fil-gżira ta' Chios u ġie rikonoxxut bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Jinsab fuq il-Muntanja ta' Provateio Oros fin-naħa ta' ġewwa tal-gżira, madwar 15-il kilometru mir-raħal ta' Chios. Huwa magħruf sew għall-mużajk tiegħu, li flimkien ma' dak tal-Monasteri ta' Daphni u Hosios Loukas, huma fost l-ifjen eżempji tal-arti "Rinaxximentali tal-Maċedonja" fil-Greċja.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-monasteru nbena f'nofs is-seklu 11 mill-Imperatur Biżantin Kostantinu IX Monomachos u minn martu l-Imperatriċi Zoe. Skont it-tradizzjoni, inbena fil-post fejn tliet patrijiet, Nikitas, Ioannes u Iosif, mirakolożament sabu ikona tal-Madonna, imdendla ma' fergħa tar-riħan.[2] Dak iż-żmien, Kostantinu kien eżiljat fil-gżira ta' Lesbos fil-qrib, u l-patrijiet żaruh u qalulu b'viżjoni li kellhom li skontha eventwalment kien se jsir l-imperatur. Kostantinu wiegħed li jibni knisja jekk dak li kienu qed jgħidulu kellu jitwettaq. Tabilħaqq, fl-1042, Kostantinu sar imperatur, u biex irodd il-ħajr beda jibni l-monasteru, iddedikat lit-Theotokos. Il-knisja prinċipali (il-katholikon) ġiet inawgurata fl-1049, u l-kumpless tlesta fl-1055, wara l-mewt ta' Kostantinu.[3]

Il-mużajk tal-arrest ta' Ġesù (is-seklu 11).
Veduta minn ġewwa.

Il-monasteru minn kmieni ngħata l-privileġġi: f'digriet ta' Lulju 1049, Kostantinu Monomachos ta t-taxxa ewlenija tal-Lhud kollha tal-gżira ta' Chios lill-monasteru, u poġġa l-monasteru f'pożizzjoni privileġġata meta mqabbel ma' kwalunkwe ġerarkija ekkleżjastika jew lajka superjuri.[4] Bis-saħħa tal-għotjiet tal-artijiet, tal-eżenzjonijiet tat-taxxa u privileġġi oħra mogħtija minn imperaturi suċċessivi, il-monasteru ffjorixxa matul il-perjodu Biżantin. Matul is-sekli, il-monasteru ngħata bosta rikkezzi sostanzjali u sar wieħed mill-iżjed monasteri għonja fl-Eġew. Fil-quċċata tiegħu, għall-ħabta tal-1300, it-territorju tiegħu kienu jkopru terz ta' Chios u huwa stmat li kien hemm sa 800 patri jgħix fih. Id-dominju sussegwenti ta' Genova naqqas ir-rikkezzi tiegħu, iżda l-monasteru reġa' gawda l-prosperità matul żmien l-Ottomani, meta kien soġġett direttament għall-Patriarka ta' Kostantinopli, u gawda awtonomija konsiderevoli. Il-vjaġġatur tal-aħħar tas-seklu 16 Samuel Purchas jirrakkonta li kellu 200 patri, u li "huma biss fil-Greċja kollha kellhom id-dritt li jużaw il-qniepen". Matul is-seklu 17 l-għadd ta' patrijiet kompla jonqos, iżda mbagħad irkupra fis-seklu ta' wara. Il-Patriarka ta' Ġerusalemm, Chrysanthos Notaras, u l-patri Franċiż Fourmont, li żar il-monasteru fl-1725 u fl-1729 rispettivament, ikkummentaw fuq l-għadd kbir ta' patrijiet, il-kwantità ta' relikwi ppreservati, u s-sbuħija tal-knisja u t-tiżjin tagħha.

Id-deklin tal-monasteru beda biss wara l-qerda ta' Chios mill-Ottomani f'April 1822, matul il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Greċja. 2,000 ruħ marru għall-kenn fil-monasteru, iżda l-Ottomani attakkawh, qatlu lil bosta, u taw in-nar lit-templon u lil għamara oħra tal-injam tal-knisja, inkluż is-saqaf, u ħallew il-bqija tar-refuġjati jinħarqu hemmhekk. Il-monasteru qatt ma rkupra għall-glorja li kellu qabel.[5]

Fl-1881, terremot kompla jżid il-ħsara lill-knisja prinċipali, u wassal biex il-koppla ċċedi, filwaqt li nqerdu diversi binjiet oħra, bħall-kampnar tal-1512. Fl-1952, minħabba l-iskarsezza ta' patrijiet, il-Monasteru ta' Nea Moni ġie kkonvertit f'kunvent. Skont iċ-ċensiment tal-2001, kienu jgħixu fih tliet sorijiet biss.

Struttura u arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Pjanta tal-katholikon.
It-Tliet Mariji ta' Nea Moni ta' Chios (1100 W.K.).

Il-kumpless tal-monasteru jkopri erja ta' madwar 17,000 m2 u jikkonsisti mill-katholikon, żewġ knejjes iżgħar (iddedikati lill-Kurċifiss Imqaddes u lil San Panteleimon), is-sala tal-ikel (trapeza), iċ-ċelel tal-patrijiet (kelia), is-sala ta' lqugħ (triklinon) u ċ-ċisterna tal-ilma ta' taħt l-art (kinsterna). Il-kumpless huwa mdawwar b'ħajt (il-ħajt Biżantin oriġinali nqered fl-1822), u fir-rokna tal-Grigal hemm torri tad-difiża, li fl-imgħoddi kien jintuża bħala librerija. Barra minn hekk, 'il barra mill-ħitan, qrib iċ-ċimiterju tal-patrijiet, hemm kappella żgħira ddedikata lil San Luqa.

Il-katholikon hija l-istruttura ċentrali tal-monasteru, iddedikata lit-Tlugħ is-Sema tal-Madonna. Hija magħmula mill-knisja prinċipali, l-esonarthex u l-exonarthex. Il-knisja prinċipali għandha għamla ottagonali, l-hekk imsejjaħ tip "insulari", li jinstab f'Chios u f'Ċipru. Għalkemm it-tliet sezzjonijiet kollha jmorru lura għas-seklu 11, il-knisja prinċipali ġarrbet ħsarat estensivi fl-1822 u fl-1881, u b'hekk il-forma attwali tagħha hija rikostruwita u hija differenti mill-forma oriġinali. It-torri tal-kampnar inbena fl-1900, u ssostitwixxa kampnar iktar antik li kien inbena fl-1512. Oriġinarjament, il-fdalijiet tat-tliet fundaturi kienu jinsabu fl-exonarthex, iżda l-biċċa l-kbira minnhom inqerdu matul l-attakk u s-serq tal-1822.

Flimkien mal-katholikon, l-unika binjiet li għad fadal tas-seklu 11 huma t-torri parzjalment fi stat ta' fdalijiet, il-Kappella ta' San Luqa, iċ-ċisterna u partijiet mit-trapeza. Iċ-ċelel, li l-biċċa l-kbira jinsabu fi stat ta' fdalijiet, imorru lura għal żmien id-dominju ta' Venezja u ta' Genova. Fl-1992 infetaħ mużew żgħir, li jinsab fil-Majjistral tal-katholikon, u jospita ċella rinnovata. L-artefatti għall-wiri fil-biċċa l-kbira jmorru lura għall-aħħar tas-seklu 19.[6]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Monasteries of Daphni, Hosios Loukas and Nea Moni of Chios". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-04-25.
  2. ^ "Ecclesia -Monasteries and Shrines". www.ecclesia.gr. Miġbur 2024-04-25.
  3. ^ "Υπουργείο Πολιτισμού | Νέα Μονή Χίου". web.archive.org. 2007-10-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-23. Miġbur 2024-04-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Linder, Amnon: The Jews in the Legal Sources of the Early Middle Ages, pp. 160-163.
  5. ^ Finlay, George (1861). History of the Greek Revolution, Vol. I. Edinburgu u Londra: William Blackwood and Sons. pp. 313-314.
  6. ^ "Υπουργείο Πολιτισμού και Τουρισμού | Μουσείο Νέας Μονής Χίου". web.archive.org. 2010-06-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-05. Miġbur 2024-04-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)