Mystras

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mystras
 Greċja
Amministrazzjoni
Stat sovranGreċja
Administrative territorial entityDecentralized Administration of Peloponnese, Western Greece and the Ionian Islands (en) Translate
Administrative region of GreecePeloponnese Region (en) Translate
Regional unit of GreeceLaconia Regional Unit (en) Translate
Municipality of GreeceSparta Municipality (en) Translate
Isem uffiċjali Μυστράς
Ismijiet oriġinali Μυστράς
Ġeografija
Koordinati 37°04′26″N 22°22′02″E / 37.074°N 22.3673°E / 37.074; 22.3673Koordinati: 37°04′26″N 22°22′02″E / 37.074°N 22.3673°E / 37.074; 22.3673
Mystras is located in Greece
Mystras
Mystras
Mystras (Greece)
Superfiċjenti 54 hectare
Għoli 310 m
Demografija
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+2u UTC+3
Wieħed mill-monasteri ta’ Mystras

Mystras jew Mistras (bil-Grieg: Μυστρᾶς/Μιστρᾶς)[1], magħruf ukoll bħala Myzithras (Μυζηθρᾶς) fil-Ġrajja tal-Morea, huwa raħal iffortifikat u eks muniċipalità f’Laconia, il-Peloponnesos, il-Greċja. Ir-raħal antik ta’ Mystras jinsab fuq l-Għolja ta’ Taygetos, ħdejn Sparta tal-qedem, u kien il-belt kapitali tad-Despotat Biżantin tal-Morea fis-sekli 14 u 15. Mystras esperjenza perjodu ta’ prosperità u tkattir kulturali matul dak iż-żmien. Is-sit baqa’ diżabitat matul il-perjodu Ottoman, meta bi żball xi vjaġġaturi mill-Punent ħasbuha Sparta tal-qedem. Fis-snin 30 tas-seklu 19, ir-raħal ġie abbandunat u nbena r-raħal il-ġdid ta’ Sparti, bejn wieħed u ieħor xi tmien kilometri fil-Lvant.

Mir-riforma tal-gvern lokali tal-2011, Mystras jagħmel parti mill-muniċipalità ta’ Sparti bħala unità muniċipali.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Lejn l-aħħar tal-1248, William II ta’ Villehardouin, il-mexxej tal-Prinċipat Frank ta’ Achaea, ħakem lil Monemvasia, l-aħħar qawwa Biżantina li kien għad fadal fil-Morea. Dan is-suċċess malajr ġie segwit bis-sottomissjoni tat-Tsakones fuq l-Għolja ta’ Parnon, tat-tribù Slavika tal-Melingoi tal-Għolja ta’ Taygetos, u tal-abitanti tal-peniżola ta’ Mani, u b’hekk kabbar is-setgħa tiegħu fuq il-Laconia bil-ħakma tal-peniżola kollha, li kienet bdiet fl-1205, wara r-Raba’ Kruċjata.[3] Laconia ġiet inkorporata fil-Prinċipat, u l-prinċep żagħżugħ qatta’ x-xitwa tal-1248-1249 hemmhekk, iżur il-pajjiż u jagħżel is-siti għal fortifikazzjonijiet ġodda bħall-Grand Magne u Leuktron. Finalment, ħdejn ir-residenza tiegħu ta’ Lacedaemon (Sparta tal-qedem), fil-quċċata tal-Għolja ta’ Taygetos, huwa bejna l-fortizza li saret magħrufa bħala Mystras.[1][4]

Il-kastell ta’ Mystras fil-quċċata tal-għolja

F’Settembru 1259, William ta’ Villehardouin tilef il-Battalja ta’ Pelagonia u ġie maqbud flimkien ma’ ħafna min-nies nobbli tiegħu, mill-forzi tal-imperatur ta’ Niċea Mikiel VIII Palaiologos. Sentejn wara, in-Niċej reġgħu ħatfu lil Kostantinopli, temmew l-Imperu Latin u reġgħu wittew it-triq għall-Imperu Biżantin. F’dak il-punt, l-imperatur ikkonkluda ftehim mal-prinċep maqbud: William u niesu setgħu jinħelsu jekk jagħmel ġurament ta’ fedeltà u jċedi lil Monemvasia, lil Grand Magne, u lil Mystras.[5] Hekk sar u t-territorji ġew ittrasferiti fl-1262, u b’hekk Mystras saret is-sede tal-gvernatur tat-territorji Biżantini fil-Morea. Inizjalment, dan il-gvernatur (kephale) kien jinbidel kull sena, iżda wara l-1308 bdew jinħatru għal mandati itwal. Kważi mill-ewwel, malli reġa’ lura fil-Morea, William ta’ Villehardouin irrinunzja l-ġurament tiegħu lill-imperatur, u faqqgħet gwerra bejn il-Biżantini u l-Franki. L-ewwel tentattivi Biżantini biex idgħajfu l-Prinċipat ta’ Achaea fallew fil-battalji ta’ Prinitsa u ta’ Makryplagi, iżda l-Biżantini kienu stabbiliti sew fil-Laconia. Il-gwerra saret endemika, u l-Biżantini bil-mod il-mod ħelsu mill-Franki. In-nuqqas ta’ sigurtà minħabba l-attakki u l-kontroattakki ħesrem wasslet biex l-abitanti ta’ Lacedaemon jabbandunaw mill-belt esposta tagħhom u jinsedjaw lil Mystras, f’raħal ġdid li nbena taħt il-fortizza.

Mill-1348 sa meta l-Ottomani arrendew fil-31 ta’ Mejju 1460, ir-raħal ta’ Mystras kien ir-residenza ta’ Despota li kien il-mexxej tal-Morea Biżantina, magħrufa bħala d-“Despotat tal-Morea”. Din kienet epoka tad-deheb għar-raħal; skont l-Oxford Dictionary of Byzantium, ir-raħal ta’ Mystras “għadda minn rinaxximent kulturali notevoli, inkluż it-tagħlim ta’ Georgius Gemistus Pleton [..], u attira għadd ta’ artisti u arkitetti tal-ogħla kwalità”.

L-affreski fil-Knisja u Monasteru ta’ Peribleptos, li jmorru lura għal bejn l-1348 u l-1380, huma rari ħafna u huma ta’ żmien l-aħħar ċiklu tal-Biżantini; għalhekk, huma kruċjali biex l-istudjużi jkunu jistgħu jifhmu l-arti Biżantina.

Mystras kien ukoll l-aħħar ċentru ta’ studji tal-Biżantini; il-filosfu Neoplatonist Georgius Gemistus Pleton għex hemmhekk sa mewtu fl-1452. Hu u studjużi oħra bbażati f’Mystras influwenzaw ir-Rinaxximent Taljan, speċjalment wara li akkumpanja lill-imperatur Ġwanni VIII Palaiologos sa Firenze fl-1439.[5]

Waħda mill-knejjes antiki ta’ Mystras

L-aħħar imperatur Biżantin, Kostantinu XI Palaiologos, kien despota f’Mystras qabel ma tela’ fuq it-tron. Demetrius Palaeologus, l-aħħar despota tal-Morea, arrenda u ta r-raħal lill-imperatur Ottoman Mehmed II fl-1460. Bħala Mezistre, ir-raħal kien is-sede ta’ sanjak Tork. Il-Venezjani okkupaw ir-raħal mill-1687 sal-1715, għalkemm l-Ottomani kellhom il-kontroll tar-raħal sal-1821 u sal-bidu tal-Gwerra Griega għall-Indipendenza. Ir-raħal ġie abbandunat taħt ir-Re Otto u minflok ġie popolat ir-raħal il-ġdid ta’ Sparti.[1]

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed mill-affreski ta’ Mystras

Fl-1989, il-fdalijiet, inkluż il-fortizza, il-palazz, il-knejjes u l-monasteri, tas-sit arkeoloġiku ta’ Mystras, ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[6]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-raħal antik ta’ Mystras jinsab fuq l-Għolja ta’ Taygetos. Is-sit arkeoloġiku jinsab ferm iktar fil-għoli mill-villaġġ modern ta’ Mystras u mill-belt ta’ Sparti. Il-ħdura tal-madwar hija magħmula l-iktar minn siġar taż-żnuber u ċipressi. Fir-reġjun hemm ukoll xi xmajjar u lagi żgħar.[7]

Sottodiviżjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Mystras fl-1686

L-unità muniċipali ta’ Mystras hija sottodiviża fil-komunitajiet li ġejjin:

  • Agia Eirini
  • Agios Ioannis Lakedaimonas
  • Anavryti
  • Barsinikos
  • Longastra
  • Magoula
  • Mystras
  • Paroreio
  • Soustianoi
  • Trypi

Is-sede tal-muniċipalità ta’ Mystras tinsab f’Magoula.

Popolazzjoni storika[immodifika | immodifika s-sors]

Sena Distrett Muniċipali Unità Muniċipali
1981 920 -
1991 525 4,592
2001 807 4,608
2011 832 4,265[8]

Nies notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

Pittura ta’ Georgius Gemistus Pleton

Nies li twieldu f’Mystras[immodifika | immodifika s-sors]

  • Georgius Gemistus Pleton (magħruf l-iktar bħala Pleton) (1355-1452), filosfu u studjuż
  • Manuel Kantakouzenos, l-ewwel despota tal-Morea

Nies li ndifnu f’Mystras[immodifika | immodifika s-sors]

Pjanta[immodifika | immodifika s-sors]

  • Mappa ta’ Mystras
    1. Daħla prinċipali;
  • 2. Metropoli;
  • 3. Knisja Evanġelista;
  • 4. Knisja ta’ San Teodoru;
  • 5. Hodigitria-Afendiko;
  • 6. Bieb ta’ Monemvasia;
  • 7. Knisja ta’ San Nikola;
  • 8. Palazz tad-despota u pjazza;
  • 9. Bieb ta’ Nauplia;
  • 10. Daħla ta’ fuq taċ-ċittadella;
  • 11. Knisja ta’ Hagia Sophia;
  • 12. Palazz żgħir;
  • 13. Ċittadella;
  • 14. Mavroporta;
  • 15. Pantanassa;
  • 16. Knisja tat-Tassjarki;
  • 17. Residenza ta’ Ġwanni Phrangopoulos;
  • 18. Monasteru ta’ Peribleptos;
  • 19. Knisja ta’ San Ġorġ;
  • 20. Dar Krevatas;
  • 21. Marmara (daħla);
  • 22. Aï-Yannakis;
  • 23. Dar Laskaris;
  • 24. Knisja ta’ San Kristofru;
  • 25. Fdalijiet;
  • 26. Knisja ta’ San Kyriaki.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Gregory, Timothy E.; Ševčenko, Nancy Patterson (1991). "Mistra". In Kazhdan, Alexander (ed.). The Oxford Dictionary of Byzantium. Oxford University Press. pp. 1382–1385. ISBN 978-0-19-504652-6.
  2. ^ "Kallikratis law Greece Ministry of Interior" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2017-04-27. Miġbur 2021-05-17.
  3. ^ Bon, Antoine (1969). La Morée franque. Recherches historiques, topographiques et archéologiques sur la principauté d'Achaïe (in French). Paris: De Boccard. pp. 72-73.
  4. ^ Bon, Antoine (1969). La Morée franque. Recherches historiques, topographiques et archéologiques sur la principauté d'Achaïe (in French). Paris: De Boccard. pp. 73 u 104.
  5. ^ a b Bon, Antoine (1969). La Morée franque. Recherches historiques, topographiques et archéologiques sur la principauté d'Achaïe (in French). Paris: De Boccard. pp. 122-125.
  6. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Mystras". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
  7. ^ "Geography of Mystras, Greece | Greeka". Greekacom (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
  8. ^ ""Απογραφή Πληθυσμού - Κατοικιών 2011. ΜΟΝΙΜΟΣ Πληθυσμός" (in Greek). Hellenic Statistical Authority". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-09-27. Miġbur 2021-05-17.