Longobardi fl-Italja: Postijiet tal-Poter (568-774 W.K.)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Battisterju ta' Callisto fil-Mużew Kristjan ta' Cividale

Longobardi fl-Italja: Postijiet tal-Poter (568-774 W.K.) (bit-Taljan: Longobardi in Italia: i luoghi del potere) huwa t-titlu ta' Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO magħmul minn seba' gruppi ta' binjiet storiċi li jirriflettu l-kisbiet tat-tribù Ġermanika tal-Longobardi (magħrufa wkoll bħala l-Lombardi), li insedjaw l-Italja fis-seklu 6 W.K. u stabbilew ir-Renju tal-Longobardi li ntemm fis-774 W.K.[1][2]

Il-gruppi jinkludu monasteri, knejjes u fortizzi u saru Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Ġunju 2011 bħala xhieda tar-"rwol ewlieni li kellhom il-Longobardi fl-iżvilupp spiritwali u kulturali tal-Kristjaneżmu Ewropew Medjevali".[1]

It-Tempju tal-Longobardi ta' Cividale minn ġewwa

Gastaldaga u l-Kumpless Episkopali ta' Cividale[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tal-Postijiet tal-Poter tal-Longobardi fl-Italja

Iż-żona ta' Gastaldaga u l-Kumpless Episkopali ta' Cividale del Friuli (fil-Provinċja ta' Udine) jinkludu:[3]

  • Iż-żona ta' Gastaldaga, bit-tempju ż-żgħir tal-Longobardi. It-tempju ż-żgħir, li attwalment huwa l-Oratorju ta' Santa Maria in Valle, huwa l-iżjed xhieda arkitettonika importanti u ppreservata l-iktar ta' żmien il-Longobardi. Dan huwa tassew importanti għaliex jimmarka l-koeżistenza ta' motivi purament Longobardi (kif jidher fil-freġji pereżempju) u huwa mibni fl-istil tal-mudelli klassiċi, b'kontinwazzjoni raffinata kważi mingħajr interruzzjoni bejn l-arti klassika, l-arti tal-Longobardi u l-arti Karolinġja u Ottonjana.
  • Il-Kumpless Episkopali li jinkludi l-fdalijiet tal-Palazz tal-Patriarka fis-sular t'isfel tal-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali. Il-Kumpless Episkopali tal-patriarka Callisto huwa l-kumpless reliġjuż prinċipali fid-Dukat setgħan tal-kapitali ta' Friuli u jinkludi l-bażilika, il-battisterju ta' San Ġwann Battista u l-palazz Patriarkali. L-iskavi arkeoloġiċi juru biss ftit traċċi tax-xogħol arkitettoniku, iżda bis-saħħa tagħhom seta' jsir l-irkupru ta' wħud mill-iżjed artefatti raffinati u skulturi tal-Longobardi, bħall-Fonti tal-Magħmudija tal-Patriarka ta' Callisto u l-Artal tad-Duka Rachis.

Żona monumentali bil-kumpless monastiku ta' San Salvatore-Santa Giulia fi Brescia[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja ta' Santa Marija f'Solario minn ġewwa

Iż-żona monumentali bil-kumpless monastiku ta' San Salvatore-Santa Giulia fi Brescia tinkludi l-kunvent ta' Santa Giulia kif ukoll il-bażilika ta' San Salvatore u ż-żona arkeoloġika tal-Forum Ruman.[4]

Stabbilit fis-753 bħala knisja għall-kunvent minn Desiderius, id-Duka ta' Brescia u r-re futur tal-Longobardi, u l-mara Ansa, il-kunvent ta' San Salvatore, ikkaratterizzat mill-użu kontemporanju tal-istil tal-Longobardi u tal-motivi klassiċi u tat-tiżjin, u huwa wieħed mill-aqwa eżempji ta' arkitettura reliġjuża Medjevali Bikrija. Matul is-sekli ġie mmodifikat bosta drabi u sar parti mill-Kumpless tal-Kunvent il-Ġdid. Il-Knisja tiegħu, iddedikata lil Santa Giulia, tlestiet fl-1599.

Lejn il-Punent tal-kumpless monastiku hemm iż-żona monumentali li tikkonsisti mill-Capitolium, is-santwarju Repubblikan u t-teatru Ruman, marbut mill-qrib mal-ġrajjiet ta' San Salvatore u Santa Giulia. L-eqdem binja reliġjuża tal-Forum Ruman tmur lura għas-seklu 1 Q.K. Il-livell eċċezzjonali ta' konservazzjoni tal-aspetti arkitettoniċi u dekorattivi jwassal biex din iż-żona arkeoloġika titqies bħala eżempju uniku fit-Tramuntana tal-Italja.

Castrum bit-Torri ta' Torba u l-Knisja ta' Santa Marija foris portas f'Castelseprio[immodifika | immodifika s-sors]

It-Torri ta' Torba

Il-castrum bit-Torri ta' Torba u l-Knisja foris portas ta' Castelseprio (fil-Provinċja ta' Varese) jinkludi l-Monasteru ta' Torba, il-Knisja ta' Santa Marija foris portas bl-affreski tagħha, u l-fdalijiet tal-bażilika Evanġelistika ta' San Ġwann. Il-Longobardi bidlu l-castrum ta' Castelseprio, li qabel kien post tal-għassa militari Ruman u bastjun difensiv tal-Ostrogoti, l-ewwel f'post għall-kummerċ u mbagħad f'monasteru (is-seklu 8 W.K.).

Il-monasteru jinkludi t-torri, mibni mill-Ostrogoti u adattat mill-ġdid għal skopijiet monastiċi mil-Longobardi, u anke l-knisja ż-żgħira ddedikata lill-Verġni Marija. Kulma fadal huma l-fdalijiet tal-bażilika l-kbira ta' Castelseprio, tliet navati b'apsida ċentrali u l-absidium, iżda l-Knisja ta' Santa Marija foris portas baqgħet intatta, inkluż il-biċċa l-kbira tal-affreski tagħha tal-apsida, li huma wħud mill-ikbar affreski ta' dak il-perjodu tal-Medju Evu Bikri.

Bażilika ta' San Salvatore fi Spoleto[immodifika | immodifika s-sors]

Dettall tal-portal

Il-Bażilika ta' San Salvatore fi Spoleto (fil-Provinċja ta' Perugia) kienet bażilika tal-Kristjaneżmu Bikri mis-sekli 4-5 W.K., li fiha l-Longobardi wettqu rinnovazzjonijiet estensivi matul is-seklu 8 W.K.[5] Il-bażilika nbniet bi tliet navati: il-kor huwa tripartitiku u huwa msaqqaf b'volta b'bażi ottagonali. L-apsida hija semiċirku u minn barra hija magħluqa b'ħajt dritt. Fuq iż-żewġ naħat laterali hemm żewġ żoni apsidali b'volta mrikkba. Fuq ġewwa ntilef it-tiżjin oriġinali tal-istukko u tal-affreski, iżda baqa' ppreservat freġju Doriku rikk, imqiegħed fuq kolonni Doriċi u Korinzji. Fuq il-faċċata oriġinali tas-seklu 8, immarkata b'pilastri u maqsuma f'żewġ sezzjonijiet minn rokna waħda, l-irkejjen tat-twieqi u t-tliet portali li ġew skolpiti b'motivi klassiċi biss baqgħu ppreservati sa żminijietna.

Clitunno Tempietto f'Campello sul Clitunno[immodifika | immodifika s-sors]

Clitunno Tempietto

Il-Clitunno Tempietto f'Campello sul Clitunno (fil-Provinċja ta' Perugia) huwa knisja żgħira ddedikata lil San Salvatore, bl-għamla ta' tempju Korinzju bi stil Grieg Antik.[6] Min bniha x'aktarx li kien reġa' uża l-fdalijiet minn sacellum Pagan antik kif ukoll materjal minn kostruzzjonijiet preċedenti – madankollu, il-biċċa l-kbira tal-ornamenti skolpiti huma oriġinali u ma sarux minn materjali li reġgħu ntużaw minn żmien ir-Rumani. Fuq l-arċitravu hemm ittri Rumani kapitali kwadri mnaqqxin fuq in-naħat tat-Tramuntana, tan-Nofsinhar u tal-Punent – eżempju rari ta' epigrafija monumentali tal-Medju Evu Bikri. Fuq ġewwa hemm kamra kbira, imsaqqfa b'volta b'għamla ta' bittija u b'aedicula li tipprovdi gwarniċ għall-apsida t'isfel. Hemm ukoll affreski tas-seklu 7 W.K.

Kumpless ta' Santa Sofija f'Benevento[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless ta' Santa Sofija

Il-Kumpless ta' Santa Sofija f'Benevento (fir-reġjun ta' Campania) jinsab madwar il-Knisja ta' Santa Sofija, u qabel kien jospita l-iżjed duka importanti tal-Longobardi f'Longobardja Minuri u ġie stabbilit mid-Duka Arechis II għall-ħabta tas-760.[7] Kien ibbażat fuq il-mudell tal-kappella Palatina ta' Liutprando f'Pavia; il-pjanta ċentrali hija bbażata fuq dik tal-knisja ta' Kostantinopli bl-istess isem, il-Hagia Sophia, madankollu, fin-nofs, hemm sitt kolonni li jirfdu l-koppla u dawn huma ppożizzjonati fl-irkejjen ta' eżagonu u huma kkollegati flimkien bl-arkati. L-eżagonu ta' ġewwa mbagħad huwa mdawwar b'ċirku dekagonali bi tmien pjattaformi bojod tal-ġebla tal-ġir u b'żewġ pilastri fuq kull naħa tad-daħla, kull wieħed irranġat b'mod parallel mal-ħajt korrispondenti. Għad fadal xi frammenti tal-affreski oriġinali, li kienu jiksu l-knisja minn ġewwa, fuq iż-żewġ apsidi laterali.

Hemm ukoll monasteru li huwa parti mill-kumpless, għalkemm kien ġie ppreservat wara li ġie rikostruwit fis-seklu 13, li ħa post binja oriġinali tal-Longobardi biż-żieda ta' kjostru kwadrangolari iktar 'il quddiem.

Santwarju ta' San Mikiel f'Monte Sant'Angelo[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Santwarju ta' San Mikiel f'Monte Sant'Angelo (fil-Provinċja ta' Foggia) jinsab fejn qabel kien hemm id-Dukat ta' Benevento u ġie stabbilit qabel il-wasla tal-Longobardi iżda ġie adottat minnhom bħala santwarju nazzjonali wara li ħakmu l-Gargano fis-seklu 7 W.K.[8] Is-santwarju, xhieda tal-qima lil San Mikiel, kien jintuża bħala patronaġġ monumentali għaż-żewġ duki ta' Benevento, li kienu stabbilew ruħhom f'Pavia. Is-santwarju sarulu bosta rinnovazzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għar tal-ewwel apparizzjoni u biex jiġu akkomodati l-pellegrini. Is-Santwarju ta' San Mikiel l-Arkanġlu sar waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin tal-pellegrinaġġi għall-Kristjani. Barra minn hekk, huwa waħda mill-waqfiet ta' wieħed mill-varjanti tal-pellegrinaġġ tal-Via Francigena li twassal sal-Art Imqaddsa.

Is-santwarju fil-biċċa l-kbira tiegħu ġie rikostruwit, speċjalment il-partijiet ta' fuq tiegħu; matul żmien il-Longobardi, il-kripti biss kienu jagħtu aċċess għall-għar fejn, skont it-tradizzjoni, kien deher Mikiel l-Arkanġlu.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Longobardi fl-Italja: Postijiet tal-Poter (568-774 W.K.) ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Longobards in Italy. Places of the Power (568-774 A.D.)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-13.
  2. ^ "I Longobardi in Italia. I luoghi del potere (568/774 d.C.)". Miġbur 2022-03-13.
  3. ^ "Italia Langobardorum - The Longobards in italy - Places of the Power (568-774 D.C.)". www.italialangobardorum.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-09-21. Miġbur 2022-03-13.
  4. ^ "Italia Langobardorum - The Longobards in italy - Places of the Power (568-774 D.C.)". www.italialangobardorum.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2022-03-13.
  5. ^ "Italia Langobardorum - The Longobards in italy - Places of the Power (568-774 D.C.)". www.italialangobardorum.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2022-03-13.
  6. ^ "Italia Langobardorum - The Longobards in italy - Places of the Power (568-774 D.C.)". www.italialangobardorum.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04. Miġbur 2022-03-13.
  7. ^ "Italia Langobardorum - The Longobards in italy - Places of the Power (568-774 D.C.)". www.italialangobardorum.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-09-21. Miġbur 2022-03-13.
  8. ^ "Italia Langobardorum - The Longobards in italy - Places of the Power (568-774 D.C.)". www.italialangobardorum.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2022-03-13.