Aqbeż għall-kontentut

Knisja ta' San Ġwann f'Kaneo

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Knisja ta' San Ġwann f'Kaneo.

Il-Knisja ta' San Ġwann it-Teologu f'Kaneo (bil-Maċedonu: Свети Јован Канео, b'ittri Rumani: Sveti Jovan Kaneo) jew sempliċement il-Knisja ta' San Ġwann f'Kaneo hija knisja Ortodossa Maċedona li tinsab fuq irdum fuq il-Bajja ta' Kaneo tal-Lag ta' Ohrid fil-belt ta' Ohrid, il-Maċedonja ta' Fuq. Il-knisja hija ddedikata lil San Ġwann ta' Patmos, il-kittieb tal-Ktieb tar-Rivelazzjoni, li wħud jemmnu li kien Ġwanni l-Appostlu. Id-data tal-kostruzzjoni tal-knisja mhix magħrufa iżda dokumenti li jiddeskrivu fid-dettall il-knisja jissuġġerixxu li nbniet qabel l-1447. L-arkeologi jemmnu li l-knisja nbniet xi żmien qabel il-wasla tal-Imperu Ottoman, x'aktarx fis-seklu 13. Ix-xogħol ta' restawr fl-1964 wassal għall-iskoperta ta' affreski fuq il-koppla tagħha.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-knisja għandha pjanta arkitettonika b'għamla ta' salib u b'bażi rettangolari. L-arkitett tal-knisja mhuwiex magħruf. Ix-xogħol ta' rikostruzzjoni twettaq fuq il-knisja fis-seklu 14, ftit qabel il-wasla tat-Torok Ottomani fil-Maċedonja. Fi ħdan il-knisja nbniet ikonostażi tal-injam u sas-seklu 20 bosta qaddisin flimkien mal-Madonna tpoġġew għall-wiri fl-apsida. Affresk ta' Kristu Pantokrator huwa preżenti fuq il-koppla tal-knisja, u fuq ħajt tal-knisja hemm affresk ta' San Klement ta' Ohrid (il-monasteru tiegħu ta' San Panteleimon jinsab qrib il-knisja) flimkien ma' San Erasmu ta' Ohrid.[1]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Parti ewlenija tar-Riżerva tal-Bijosfera Transkonfinali Ohrid-Prespa, preċiżament in-naħa taż-żona tal-Lag ta' Ohrid li tagħmel mal-Maċedonja ta' Fuq, ilha Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1979, filwaqt li n-naħa taż-żona tal-Lag ta' Ohrid li tagħmel mal-Albanija ġiet estiża fl-2019 bħala parti mill-istess Sit ta' Wirt Dinji mħallat (kulturali u naturali) imsejjaħ il-Wirt Naturali u Kulturali tar-Reġjun ta' Ohrid.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem", ladarba l-belt ta' Ohrid hija waħda mill-eqdem insedjamenti umani fl-Ewropa bi fdalijiet kompluti minn Żmien il-Bronż sal-Medju Evu; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet", ladarba s-sit huwa xhieda eċċezzjonali ta' opri tal-arti ta' żmien il-Biżantini, b'iktar minn 2,500 metru kwadru ta' affreski u iktar minn 800 ikona ta' fama dinjija, l-iktar fil-knejjes ta' Santa Sofija, ta' Marija Omm Alla ta' Perivleptos u ta' San Ġwann f'Kaneo; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem", ladarba fir-reġjun tal-Lag ta' Ohrid hemm l-iktar monasteru Slavoniku antik u l-ewwel università Slavonika fil-Balkani – l-iskola letterarja ta' Ohrid li firxet il-kitba, l-edukazzjoni u l-kultura fid-dinja Slavonika antika kollha; u l-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali", ladarba l-valuri distintivi tal-konservazzjoni tan-natura tal-Lag ta' Ohrid, bi storja li tmur lura għaż-żminijiet preglaċjali, jirrappreżentaw fenomenu naturali superlattiv li għadu pjuttost intatt bis-saħħa tal-iżolament ġeografiku u l-attività bijoloġika bla interruzzjoni, u jagħti kenn lil diversi speċijiet endemiċi ta' flora u ta' fawna.[1]

Gallerija[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d "Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO".