Knejjes tal-Injam tal-Karpazji Slovakki

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa tal-knejjes tal-injam fis-Slovakkja

Il-Knejjes tal-Injam tal-Karpazji Slovakki huwa l-isem uffiċjali ta’ Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fis-Slovakkja li huwa magħmul minn disa’ binjiet reliġjużi tal-injam li nbnew bejn is-seklu 16 u s-seklu 18 fi tmien postijiet differenti fil-Karpazji Slovakki. Dawn jinkludu żewġ knejjes Kattoliċi Rumani (f’Hervartov u fi Tvrdošín), tliet knejjes Protestanti msejħa lokalment bħala knejjes Artikolari (f’Hronsek, f’Leštiny u f’Kežmarok) u tliet knejjes Kattoliċi Griegi (f’Bodružal, f’Ruská Bystrá u f’Ladomirová) flimkien ma’ kampnar f’Hronsek.[1] Is-Sit ta’ Wirt Dinji jelenka biss l-iktar knejjes rappreżentattivi fis-Slovakkja, iżda minbarra dawn il-knejjes tal-injam, hemm xi 50 knisja oħra tal-injam fit-territorju attwali tas-Slovakkja, l-iktar fil-parti tat-Tramuntana u tal-Lvant tar-Reġjun ta’ Prešov.

Siti[immodifika | immodifika s-sors]

Dan is-Sit ta’ Wirt Dinji huwa magħmul mid-disa’ binjiet reliġjużi tal-injam li ġejjin:[1]

Isem Post Żmien Koordinati Ritratt
Knisja ta’ San Franġisk t’Assisi Hervartov (ir-Reġjun ta’ Prešov) Seklu 15 49°14′50″N 21°12′15″E
Knisja tal-Qaddisin Kollha Tvrdošín (ir-Reġjun ta’ Žilina) Seklu 15 49°20′10″N 19°33′30″E
Knisja tal-Injam ta’ Kežmarok Kežmarok (ir-Reġjun ta’ Prešov) 1717 49°8′35″N 20°25′50″E
Knisja tal-Injam ta’ Leštiny Leštiny (ir-Reġjun ta’ Žilina) 1688 49°11′25″N 19°21′37″E
Knisja tal-Injam ta’ Hronsek Hronsek (ir-Reġjun ta’ Banská Bystrica) 1726 48°38′56″N 19°9′17″E
Kampnar tal-Knisja tal-Injam ta’ Hronsek 48°38′56″N 19°9′19″E
Knisja ta’ San Nikola Bodružal (ir-Reġjun ta’ Prešov) 1658 49°21′9″N 21°42′28″E
Knisja tal-Arkanġlu Mikiel Ladomirová (ir-Reġjun ta’ Prešov) 1742 49°19′42″N 21°37′35″E
Knisja ta’ San Nikola Ruská Bystrá (Košice Region) Seklu 18 48°51′25″N 22°17′47″E

Knejjes Kattoliċi Rumani[immodifika | immodifika s-sors]

Il-knisja tal-injam ta’ Hervartov minn ġewwa

Il-Knisja ta’ San Franġisk t’Assisi f’Hervartov hija knisja Kattolika Rumana b’karattru Gotiku, kif wieħed jista’ josserva malli jara l-istruttra twila iżda dejqa u mhux tas-soltu għal knisja tal-injam. Il-knisja nbniet fit-tieni nofs tas-seklu 15 u b’hekk hija l-eqdem knisja tal-injam fis-Slovakkja. L-art tal-knisja huwa magħmul mill-ġebel, xi ħaġa oħra mhux tas-soltu peress li l-art tal-biċċa l-kbira tal-knejjes tal-injam kienet tkun tal-injam ukoll. Fl-1665, matul il-perjodu tar-Riforma tal-Knisja, ġew miżjuda pitturi rari mal-ħitan fuq ġewwa li jirrappreżentaw lill-Adam u Eva fil-ġnien tal-Eden jew it-taqbida ta’ San Ġorġ mad-dragun, fost xbihat oħra. L-artal prinċipali tal-Madonna, Santa Katarina ta’ Lixandra u Santa Barbara ġie magħmul bejn l-1460 u l-1470 u ġie rrestawrat fit-tieni nofs tas-seklu 20.

Il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f’Tvrdošín hija knisja Kattolika Rumana wkoll. Din inbniet fit-tieni nofs tas-seklu 15 u ġiet immodifikata bi stil Rinaxximentali fis-seklu 17. L-artal prinċipali Barokk bil-Qaddisin Kollha ġie magħmul fl-aħħar tas-seklu 17. Il-kumplament tal-artal Gotiku oriġinali b’San Pietru u San Ġwann Battista spiċċa f’mużew f’Budapest wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Is-saqaf tal-knisja fuq ġewwa huwa mpitter bil-kwiekeb tas-sema u fuq ġewwa inġenerali għad hemm ħafna oġġetti reliġjużi tas-seklu 17.

Knejjes Protestanti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-knejjes Protestanti tal-injam feġġew permezz tar-restrizzjonijiet ħorox fl-artikoli tal-Kungress ta’ Sopron (1681) li ppermettew il-kostruzzjoni tal-knejjes Protestanti, imsejħa lokalment bħala Artikolari. Kellhom jinbnew fi żmien sena waħda, mingħajr partijiet tal-metall, inkluż imsiemer, u mingħajr ebda torri tal-kampnar mibni bħala ħaġa waħda mal-knisja. Għaldaqstant, il-kostruzzjoni tal-knisja tal-injam f’Hronsek inbdiet fit-23 ta’ Ottubru 1725 u tlestiet fil-ħarifa tal-1726, fl-istess sena li nbena wkoll it-torri tal-kampnar biswitha. Il-knisja hija għolja tmien metri u għandha l-għamla ta’ salib twil 23 metru bi 18-il metru. Peress li hemm bosta motivi mhux tas-soltu mill-arkitettura Skandinava, huwa preżunt li xi artiġjani min-Norveġja u/jew mill-Iżvezja ħadu sehem fil-kostruzzjoni tal-knisja. Xi ħaġ’oħra unika hija l-ordni tal-bankijiet tal-knisja, li qegħdin b’tali mod li l-knisja tista’ tilqa’ 1,100 persuna mill-ħames bibien tagħha. L-artal għandu sitt imwejjed u ġie magħmul fl-1771 minn Samuel Kialovič.

Il-knisja tal-injam ta’ Kežmarok minn ġewwa

Il-kostruzzjoni tal-knisja Protestanta u Evanġelika tal-injam f’Leštiny, fir-reġjun ta’ Orava, ġiet ordnata minn Jób Zmeškal u tlestiet fl-1688. Il-knisja fuq ġewwa hija mpittra minn fuq s’isfel b’pitturi tas-sekli 17 u 18. L-artal prinċipali huwa tas-seklu 18 u l-poeta Slovakk famuż Pavol Országh Hviezdoslav ġie mgħammed f’din il-knisja tal-injam.

Il-knisja tal-injam f’Kežmarok inbniet fl-1717 u fuq ġewwa hija waħda mill-knejjes tal-injam bl-isbaħ pitturi u tinqix fl-injam fost l-aħħar ħames knejjes Artikolari li fadal fis-Slovakkja. Sabiex jinġabru l-flus meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-knisja, kienu saru għadd ta’ kampanji ta’ ġbir tal-fondi f’diversi partijiet tal-Ewropa, pereżempju l-Iżvezja u d-Danimarka. L-arkitett tal-knisja kien Juraj Müttermann minn Poprad. Il-knisja hija wiesgħa 30.31 m, twila 34.68m, u għolja 20.60m, u kapaċi tilqa’ 1,500 persuna f’daqqa, li kienet kisba kbira għal knisja tal-injam. It-tpittir tas-saqaf fuq ġewwa nbeda fl-1717 u kompla għaddej għal diversi deċennji. Ġew impittra s-sema blu, it-12-il appostlu, l-erba’ Evanġelisti, kif ukoll it-Trinità Mqaddsa fuq l-artal. Ján Lerch minn Kežmarok għamel l-artal bejn l-1718 u l-1727 bil-motiv ċentrali tal-Kalvarju. Opra tal-arti straordinarja oħra huwa l-orgni tal-knisja li nbena bejn l-1717 u l-1720 minn Vavrinec Čajkovský, u li ġie estiż fl-1729 minn Martin Korabinský minn Spišská Nová Ves. Wara li twettaq restawr ġenerali tal-knisja fis-snin 90 tas-seklu 20, is-servizzi tal-knisja komplew b’mod regolari.

Knejjes Kattoliċi Griegi[immodifika | immodifika s-sors]

L-ikonostasi tal-knisja tal-injam f’Ladomirová

Il-knisja Kattolika Griega ta’ San Nikola f’Bodružal inbniet fl-1658 u tikkonsisti minn tliet partijiet kwadri interkonnessi tul l-assi mil-Lvant għall-Punent. Kull waħda mill-partijiet għandha torri (l-ikbar torri għandu l-qniepen) bil-koppli b’għamla ta’ basla u bi slaleb tal-ħadid. Artistikament għandha stil Barokk folkloristiku. Mad-dawra tal-knisja hemm ħajt, ċimiterju u kampnar tas-seklu 19. Uħud mill-pitturi mal-ħitan ġew ippreservati kif ukoll l-ikonostasi u ikoni oħra mill-istess seklu. L-artal ġie rikostruwit fis-snin 90 tas-seklu 20 u prattikament anke l-kumplament tal-binja fl-2004. Żewġ qniepen minn tlieta ġew imdewba fl-Ewwel Gwerra Dinjija u ġew sostitwiti biss fit-tieni nofs tas-snin 20 tas-seklu 20. Mill-1968 sa nofs is-snin 90 tas-seklu 20, il-knisja kienet tintuża għal żewġ riti differenti: Kattoliċi Griegi u Ortodossi tal-Lvant. Illum il-ġurnata l-knisja hija biss Kattolika Griega.

Il-Knisja ta’ San Nikola f’Ruská Bystrá nbniet fil-bidu tas-seklu 18 u għandha żewġ torrijiet biss. L-għamla tas-saqaf ġeometriku tagħha minn barra, kważi perfett, jixbaħ is-saqaf tad-djar tradizzjonali tar-raħħala. Il-knisja fuq ġewwa għad fadlilha xi oġġetti reliġjużi tas-seklu 18. Il-Knisja tal-Arkanġlu Mikiel f’Ladomirová nbniet fl-1742 mingħajr musmar wieħed u bażikament għandha l-istess disinn bħal dik f’Bodružal, b’ħajt mad-dawra tagħha kif ukoll ċimiterju u torri tal-kampnar.

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knejjes tal-Injam tal-Karpazji Slovakki ġew iddeżinjati bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[1]

Il-valur universali straordinarju tagħhom ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet” u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Wooden Churches of the Slovak part of the Carpathian Mountain Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-05.