Aqbeż għall-kontentut

Katina Muntanjuża ta' Ennedi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Merħla iġmla f'għajn ġo kanjon tal-Katina Muntanjuża ta' Ennedi.

Il-Katina Muntanjuża ta' Ennedi jew il-Promontorju ta' Ennedi jinsabu fil-Majjistral taċ-Chad, fir-reġjuni ta' Ennedi-Ouest u Ennedi-Est. Din il-katina muntanjuża titqies bħala parti mill-grupp ta' muntanji magħrufa bħala l-Muntanji ta' Ennedi fiċ-Chad, li huwa wieħed mid-disa' pajjiżi li jiffurmaw il-medda tas-Saħel li hija estiża mill-Oċean Atlantiku sas-Sudan. Il-Katina Muntanjuża ta' Ennedi hija magħmula minn formazzjonijiet tal-ġebel ramli f'nofs is-Saħara, li ffurmaw permezz tal-erożjoni mir-riħ u mill-varjazzjonijiet fit-temperaturi. Bosta nies okkupaw din iż-żona, fosthom kaċċaturi-ġemmiegħa (5000-4000 Q.K.) u rgħajja (mill-bidu tal-4000 Q.K.). Iż-żona ta' Ennedi hija magħrufa wkoll għall-kollezzjoni kbira ta' arti fuq il-blat, l-iktar ta' annimali tal-ifrat, peress li dawn l-annimali kellhom l-ikbar impatt finanzjarju, ambjentali u kulturali. Din l-arti tmur lura għal kważi 7,000 sena ilu. Illum il-ġurnata, żewġ gruppi seminomadiċi, il-maġġoranza Musulmani, jgħixu fiż-żona ta' Ennedi matul ix-xhur bix-xita u jgħaddu miż-żona matul l-istaġun tan-nixfa. Huma jiddependu fuq il-merħliet ta' iġmla, ħmir, nagħaġ u mogħoż għall-għajxien tagħhom.[1]

Pajsaġġ u klima

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katina Muntanjuża ta' Ennedi tkopri erja ta' madwar 60,000 km2 (23,000 mil kwadru), medda kbira daqs l-Iżvizzera, u fl-ogħla punt tagħha tlaħħaq madwar 1,450 metru (4,760 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar.[2] Il-katina muntanjuża hija magħmula mill-ġebel ramli fuq bażi tal-granit Prekambrijan. Fil-Katina Muntanjuża ta' Ennedi hemm mill-inqas għoxrin għajn, gwelta (għadajjar tad-deżert) u għadajjar perenni jew semiperenni, iżda qajla jkunu ikbar minn ftit għexieren ta' metri fl-istaġun tan-nixfa.[3] Din iż-żona titqies bħala parti mis-savanna tal-akaċja tas-Saħel, li hija estiża fil-kontinent Afrikan kollu u li fl-imgħoddi kellha diversi ungulati għalkemm issa l-popolazzjoni tagħhom ċkienet. Il-pajsaġġ fih strutturi ġeoloġiċi, inkluż torrijiet, pilastri, pontijiet u ħnejjiet naturali, li huma attrazzjonijiet turistiċi ewlenin. Xi ħaġa interessanti hi li r-ramel tas-Saħara oriġina mill-ġenerazzjoni tat-trab fit-triangolu ta' Tibesti-Ennedi.[4]

Evidenza ta' tibdil fil-klima turina li bejn 6,000 sena qabel il-preżent, kien hemm reġjun tas-savanna b'bejn wieħed u ieħor 250 mm ta' xita annwali, 4,300 sena ilu din ix-xita annwali naqset għal bejn wieħed u ieħor 150 mm.[5] Iktar 'il quddiem, madwar 2,700 sena qabel il-preżent, ix-xita annwali naqset għal 50 mm, jiġifieri l-ammont ta' xita annwali osservata llum il-ġurnata. Fl-inħawi l-monsuni huma komuni wkoll, u dawn jiġġeneraw madwar 50-150  mm ta' xita fis-sena. Dawn id-diżastri naturali joħolqu taħlita diversa ta' veġetazzjoni fl-inħawi. Madankollu, ix-xita twassal għal iktar indewwa fis-saff irqiq ta' ħamrija matul ix-xhur tax-xitwa, bi ftit skular tal-ilma. Huwa magħruf ukoll li l-muntanji għandhom klima tat-Tramuntana tas-Saħel fir-reġjun tan-Nofsinhar, b'ammonti ikbar ta' xita bejn ix-xhur ta' Mejju u Settembru.[6] Ix-xita hija soġġetta għaż-Żona ta' Konverġenza Intertropikali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katina Muntanjuża ta' Ennedi ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2016.[7]

Il-valur universali u straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[7]

Storja ta' protezzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Immaġni bis-satellita Landsat 8 tal-krater ta' Gweni-Fada fil-Promontorju ta' Ennedi.

Ftit inqas minn għaxra fil-mija tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsabu fl-Afrika, iżda minn hawn jew minn hemm dan is-sit irnexxielu jitniżżel fil-lista fi Frar 2016.[8] Matul dan il-proċess, kien hemm dibattitu sħiħ dwar x'għandu jiġi inkluż.[9] L-ewwel nett, żewġ żoni amministrattivi u diversi villaġġi kellhom jaslu għal ftehim dwar x'kien se jitqies bħala parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Madankollu, id-deżinjazzjoni tas-sit kienet ta' benefiċċju għaċ-Chad billi żiedet l-introjtu fiż-żona mit-turisti li jonfqu l-flus tagħhom fis-soġġorni fil-katina muntanjuża. Barra minn hekk, il-gvern taċ-Chad eventwalment naqqas id-daqs taż-żona protetta minħabba l-esplorazzjoni għaż-żejt. Fil-Katina Muntanjuża ta' Ennedi hemm diżugwaljanza kbira fl-introjtu, għaldaqstant l-użu tar-riżervi taż-żejt ippermetta li jkun hemm ridistribuzzjoni aħjar tal-ġid.[10] Huwa maħsub li kien hemm kuntratt ta' sħubija bejn il-pajjiż u l-kumpaniji taż-żejt għall-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-kiri privat tal-art li qajmu tħassib rigward it-tnaqqis fid-daqs taż-żona protetta mill-UNESCO.[11] Minħabba ż-żieda fl-esplorazzjoni għaż-żejt, kien hemm irqajja' aċċidentali taż-żejt fiċ-Chad, li wasslu għall-kontaminazzjoni tal-ilma ta' taħt l-art, irqajja' aċċidentali ta' sustanzi kimiċi, u tnaqqis fil-kwalità tal-arja.

L-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani (bl-Ingliż: African Parks) ħadet f'idejha l-ġestjoni ta' din iż-żona, bi sħubija mal-gvern taċ-Chad fil-bidu tal-2018.[12] L-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani beħsiebha ttejjeb l-infrastruttura tal-parks u tesplora l-potenzjal għat-turiżmu sabiex tattira l-appoġġ għal dan il-pajsaġġ u sabiex tikkontribwixxi għall-ħtiġijiet tan-nies lokali. L-Unjoni Ewropea kkontribwiet b'4.7 miljun lill-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani, u l-Lotterija Olandiża tal-Kodiċijiet Postali tat madwar €3 miljun fuq tliet snin lil din l-organizzazzjoni. Barra minn hekk, madwar 50,000 km2 (19,000 mil kwadru), jiġifieri parti kbira mill-Katina Muntanjuża ta' Ennedi, ġiet iddeżinjata bħala r-Riżerva Naturali u Kulturali ta' Ennedi mill-gvern taċ-Chad f'Jannar 2019.

Il-Bank Dinji ħadem ukoll mal-gvern taċ-Chad billi rrakkomanda l-programm ta' ġestjoni u ta' ridistribuzzjoni tad-dħul miż-żejt, li jiddikjara li "70 % tad-dħul dirett miż-żejt għandu jiġi allokat lis-setturi ta' prijorità, 15 % lill-investimenti pubbliċi, 5 % lid-dipartiment tal-produzzjoni taż-żejt, u 10 % lill-ġenerazzjonijiet futuri". Madankollu, il-gvern taċ-Chad diġà ġie kkritikat li ma żammx mal-programm.

Il-promontorju jikkonsisti minn ġebel ramli Kambrijan-Ordiviċjan sa Karboniferu fuq il-pjattaforma ta' Gondwana li tħares lejn it-Tramuntana. Il-ġebel ramli jinsab fuq is-saff bażiku Pan-Afrikan li jikkonsisti minn irdumijiet tal-granit, tal-gneiss, jew tal-kwarzit. Hemm vini glaċjali, flimkien ma' topografija ta' rdumijiet u ta' fniedaq, li jirreġistraw il-glaċjazzjoni tal-Andes u tas-Saħara.[13]

Merħla ta' iġmla f'Guelta d'Archei, attrazzjoni ewlenija fil-promontorju.

B'xorti ħażina, ma tantx twettqu studji fit-Tramuntana taċ-Chad minħabba l-problemi ta' sigurtà, il-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox, il-gwerer u s-serq. Madankollu, ir-riċerkaturi sabu li minħabba ġibjun kbir fl-inħawi, il-promontorju fih kollezzjoni rikka ta' fawna. Pereżempju, hemm mill-inqas 199 speċi elenkata ta' għasafar tal-passa li jpassu mill-Promontorju ta' Ennedi. Eżempji oħra ta' fawna jinkludu l-kukkudrill tal-Punent tal-Afrika, magħruf ukoll bħala l-kukkudrill tad-deżert, li fl-imgħoddi kien jeżisti fis-Saħara kollha fi żmien meta x-xita kienet tinżel b'iktar abbundanza. Karatteristika li tispikka f'din il-popolazzjoni ta' kukkudrilli hija li huma żgħar ħafna, fid-dawl tal-iżolament tagħhom, u b'hekk mhumiex komuni (fdalijiet oħra tal-popolazzjoni tal-ispeċi jinsabu jew instabu fil-Mawritanja u fl-Alġerija). Huma jgħixu biss fi ftit għadajjar fil-kanjons tax-xmara tal-inħawi, pereżempju l-Guelta d'Archei, u huma mhedda bl-estinzjoni.[14] L-aħħar iljuni (subspeċi tal-Punent tal-Afrika) fis-Saħara baqgħu jgħixu hawnhekk ukoll sakemm saru estinti fis-snin 40 tas-seklu 20 minħabba ż-żieda fl-użu tal-art u fil-kaċċa/fl-insib. Il-ftit għażżiela ximitarra u cheetah tas-Sudan li għadhom jgħixu fis-selvaġġ x'aktarx li jinstabu fir-reġjuni remoti tal-Promontorju ta' Ennedi. Ir-riċerkaturi użaw nasbiet bil-kameras biex jidentifikaw popolazzjoni iżolata ta' nagħma tat-Tramuntana tal-Afrika li ġiet skoperta li għadha tgħix fiż-żona protetta. Sabiex din il-popolazzjoni tissaħħaħ, l-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani introduċiet mill-ġdid 11-il fellus tan-nagħma mill-Park Nazzjonali ta' Zakouma fir-riżerva.[15] Il-flieles inżammu f'faċilità ta' żamma sakemm saru adulti, u mbagħad inħelsu fil-beraħ. Attwalment hemm 25 nagħma fil-Promontorju ta' Ennedi mill-2022. Ġie ssuġġerit li t-tigra kriptida ta' Ennedi (li suppost tnisslet minn felin antenat) għadha tgħix hawnhekk ukoll. Il-gazzelli u l-għażżiela jgħixu wkoll fl-inħawi. L-insib u l-kaċċa naqsu l-għadd ta' speċijiet fiż-żona.[16] Finalment, l-iskoperta tal-ispeċijiet ta' ħut P. senegalus u P. normani huma ta' interess partikolari għar-riċerkaturi. L-identifkazzjoni ta' dawn l-ispeċijiet fid-deżert tas-Saħara turi l-konnessjoni bejn il-Lagi ta' Ounianga u l-Lag ta' Chad. Ir-riċerkaturi ħadu kampjuni binhar u billejl bix-xbieki apposta u wettqu osservazzjonijiet oħra biex wettqu l-istudju tagħhom.[17] B'kollox hemm seba' speċijiet biss ta' ħut fil-Promontorju ta' Ennedi, skont ir-riċerkatur Daget.[18]

Għadd totali ta' 2,173 speċi ta' flora huma nattivi taċ-Chad, u wħud mill-ewwel riċerkaturi tal-flora fl-inħawi lura fis-snin 50 tas-seklu 20 kienu jinkludu lil R. Corti, H. Gillet, R. Maire, u P. Quézel. Attwalment hemm iktar minn 525 speċi ta' flora li ġew elenkati fil-Promontorju ta' Ennedi. B'mod speċifiku, ir-riċerkatur Gillet uża sistema ta' klassifikazzjoni biex jiddeskrivi seba' forom ta' ħajja prinċipali għall-526 speċi ta' flora li sab: 41.3 % terofiti, 3.0 % ġeofiti, 5.1 % elofiti, 1.1 % idrofiti, 7.0 % emikriptofiti, 18.4 % kamifiti, u 15.1 % fanerofiti.[19] Speċijiet mhux tas-soltu, inkluż ir-Rauwolfia caffra, tip ta' siġra li tipikament tinstab fl-Afrika tropikali u ekwatorjali, tinstab fil-Promontorju ta' Ennedi wkoll. Il-biċċa l-kbira tal-veġetazzjoni hija protetta mill-preżenza ta' kanjons u gwelti fondi. 2 % biss mill-art taċ-Chad hija kkultivata attwalment, madwar 50 % hija ddedikata għar-ragħa, u l-qmuħ taċ-ċereali jirrappreżentaw il-gruppi tal-ikel prinċipali. Matul il-perjodi tan-nixfa, il-Promontorju ta' Ennedi jservi bħala refuġju għat-takson subtropikali, bħas-siġar tal-palm u l-ħaxix differenti. L-iżjed tipi komuni ta' ħamrija fiċ-Chad jinkludu l-Leptosols, ir-Regosols, u l-Arenosols fir-reġjuni ċentrali u tat-Tramuntana, u l-Fluvisols, il-Plinthosols, il-Planosols, is-Solonchaks, u l-Vertisols fir-reġjun tan-Nofsinhar. Il-ġrad tad-deżert huwa magħruf għall-impatti devastanti fuq il-flora lokali, speċifikament l-għelejjel u l-mergħat.[20]

Filwaqt li hemm nuqqas ta' dati assoluti rigward l-arti fuq il-blat tal-Promontorju ta' Ennedi, ix-xbihat jistgħu jiġu datati minn madwar il-5000 Q.K. 'il quddiem. Id-dokumentazzjoni arkeoloġika u l-arti fuq il-blat tas-sit jippermettu lir-riċerkaturi jiġġeneraw dawn id-dati minkejja li b'xorti ħażina hemm nuqqas ta' materjali organiċi. Pereżempju, xedaq wieħed ta' annimal tal-ifrat instab minn żmien is-630 Q.K. Madankollu, ir-riċerkaturi għadhom jużaw ir-radjokarbonju għad-datazzjoni kemm mill-faħam maħruq kif ukoll minn għadam ieħor tal-annimali tal-ifrat biex jiddataw dawn is-siti. Barra minn hekk, hemm madwar sitt siti, u nstabu madwar 40 xbieha. Eżempji ta' petroglifiċi jew tpittir fuq il-blat instabu fl-inħawi, bħal dawk ta' Niola Doa. Eluf ta' pitturi u tinqix ta' bnedmin u ta' annimali jeżistu fl-inħawi u huwa stmat li għandhom madwar 8,000 sena.[21] Il-biċċa l-kbira tal-arti ġiet rikonoxxuta bl-espressjoni kbira tagħha permezz tal-kulur, u hemm iktar minn 86 % tal-arti li hija mpittra u 14 % li hija minquxa. L-arti nstabet mal-art, fuq is-soqfa, u mal-ħitan ta' postijiet għall-kenn maħluqa mill-erożjoni tar-riħ, u sikwit jinsabu f'postijiet fl-għoli.[22]

Arti fuq il-blat

[immodifika | immodifika s-sors]
Tpittir fuq il-blat fl-Għar ta' Manda Guéli fil-Katina Muntanjuża ta' Ennedi.

L-arti fuq il-blat tirrappreżenta kemm l-annimali kif ukoll il-bnedmin kif inhuma fil-ħajja reali, bi ftit li xejn rappreżentazzjonijiet ta' kaċċaturi-ġemmiegħa. B'xorti ħażina, bosta mit-tpittir iddeterjora minħabba l-erożjoni u l-vandaliżmu.

It-tpittir bikri kien monokromatiku, u kien jirrappreżenta bnedmin jaħdmu flimkien mal-merħliet tagħhom, u bosta kienu jintwerew jikkaċċjaw bl-għodod jew bl-armi tagħhom huma u mexjin jew jiġru. Din ir-rappreżentazzjoni enfasizzat it-tip u l-istil ta' għajxien li kien hemm matul Żmien il-Ħadid Bikri, li huwa perjodu fl-Afrika mill-ħabta tas-seklu 2 W.K. sal-1000 W.K. Mat-trapass taż-żmien, ix-xbihat saru ferm iktar kuluriti. Bdew jintwerew ferm iktar armi tal-ġlied ukoll, li jaf kien ir-riżultat ta' żieda fil-ġlied minħabba ġerarkiji distinti. It-tibdil fil-klima, minħabba t-tnaqqis tal-ilma u tal-mergħat, jaf kien indikat permezz ta' dawn it-tipi ta' armi.[23]

L-annimali ddomestikati kienu jirrappreżentaw kważi 69 % tal-arti fil-Promontorju ta' Ennedi. Madankollu, l-arti fuq il-blat kellha l-ikbar enfasi fuq l-annimali ddomestikati.[24] Fil-fatt, f'sit partikolari jismu Murdi, ir-riċerkaturi stħarrġu l-frekwenza ta' bnedmin u ta' annimali fl-arti fuq il-blat. L-annimali tal-ifrat kienu jikkonsisti f'iktar minn 50 % tax-xbihat totali, l-annimali kaprini madwar 10 %, u l-klieb madwar 5 %.[25] L-ewwel arti fuq il-blat li ġiet skoperta kienet tinkludi l-"Apollon Garamante", li kienet turi żewġ persuni bil-maskri maġenb l-annimali tal-ifrat.[26] L-annimali tal-ifrat kienu pperċepiti bħala annimali bi qrejjen uniċi, speċjalment fost l-annimali tal-ifrat bil-qrejjen twal li kienu jokkupaw popolazzjoni kbira.[27] Pereżempju, xi annimali tal-ifrat ġew impittra bi qrejjen b'għamla ta' lira. L-annimali tal-ifrat kienu magħrufa li kellhom impatt finanzjarju, kulturali u ambjentali kbir fuq in-nies tal-artijiet għoljin tal-Promontorju ta' Ennedi. Kienu jiġu rrappreżentati wkoll b'pil distint biex jiġu individwalizzati, u xi siti tal-arti fuq il-blat, fosthom is-sit ta' Chiguéou II, jinkludu xbihat ta' annimali tal-ifrat b'disinni ġeometriċi stravaganti.[28] L-annimali tal-ifrat kienu jinstabu fl-artijiet għoljin kollha, filwaqt li l-annimali l-oħra, bħaż-żwiemel, ma kinux. Tipi oħra ta' annimali ddomestikati fl-arti fuq il-blat kienu n-nagħaġ u l-klieb.

Matul Żmien il-Ħadid, in-nies kienu jgħixu bi stil ta' għajxien iktar nomadiku, u fl-arti fuq il-blat kienu jintwerew bl-iġmla u speċifikament biż-żwiemel. Madankollu, dawn l-annimali ma ġewx individwalizzati b'pil differenti bħall-baqar. Barra minn hekk, filwaqt li t-tpittir tal-annimali tal-ifrat jirrappreżentahom bħala annimali statiċi, iż-żwiemel jidhru bħala annimali jiċċaqilqu, u b'hekk jingħataw kwalità artistika.[29] Uħud mit-tpittir iktar reċenti jinkludi ż-żwiemel bil-karrijiet. Huwa maħsub li ż-żwiemel ma tantx huma rrappreżentati daqs annimali oħra, bħall-annimali tal-ifrat, minħabba li kellhom inqas influwenza fuq ir-rgħajja. L-iġmla huma rrappreżentati wkoll, u huma l-iktar annimali li jintwerew waqt li qed jiċċaqilqu.

Fl-arti fuq il-blat jintwerew ukoll annimali selvaġġi minħabba t-tifsiriet reliġjużi u mitiċi tagħhom. Il-ġiraffi kienu l-iżjed annimali selvaġġi komuni li kienu jintwerew, u spiss huma espressi matul iż-żminijiet tal-kaċċaturi-ġemmiegħa. Barra minn hekk, hemm bosta rinoċeronti mpinġija maġenb bnedmin b'irjus tondi, xi ħaġa mhux tas-soltu għall-imġiba tipika tar-rinoċeronti li normalment jgħixu għal rashom jew bħala koppji.[30]

It-tpittir ta' bnedmin fuq il-blat huwa pjuttost komuni fl-arti fuq il-blat tal-Promontorju ta' Ennedi, u fost il-figuri ta' bnedmin li nstabu, 4 % biss huma inċiżi. Kien hemm bosta impronti tal-idejn tal-irġiel u tan-nisa fl-arti fuq il-blat. L-irġiel spiss jintwerew bilwieqfa quddiem l-annimali tal-ifrat b'lanza u b'tarka f'idejhom, qishom qed jipproteġu lill-annimali tagħhom. In-nisa ma tantx jintwerew spiss daqs l-irġiel. L-istħarriġ imsemmi qabel li wera l-frekwenza ta' bnedmin u ta' annimali fis-sit ta' Mundi, wera li l-irġiel kienu rappreżentati f'20 % tal-każijiet, filwaqt li n-nisa kien rappreżentati f'10 % biss. Madankollu, in-nisa spiss jintwerew b'tiżjin stravaganti, bħal fil-każ ta' Niola Dola.[31] Sikwit kienu rappreżentati b'linji mmewġin u b'disinni ġeometriċi interessanti, u dawn id-disinni ġew imqabbla mal-figuri bl-irjus tondi li nstabu fl-Alġerija.

F'siti bħal Nabara 2, fil-bażi tan-naħa tat-Tramuntana ta' Saodomanga, inċiżjonijiet ovali juru fawna bħall-iġmla, l-annimali tal-ifrat u l-ġiraffi.[32] Jidhru wkoll ġellieda moħbija wara tarki tondi, u nisa lebsin ilbiesi twal. In-nisa ma jidhrux bl-armi, filwaqt li l-irġiel tipikament ikollhom l-armi.

Is-sit ta' Niola Doa, li litteralment ifisser "il-post tat-tfajliet" bil-lingwa lokali, ma għadux protett mill-UNESCO, għalkemm huwa magħruf bħala wieħed mill-iżjed siti importanti tal-arti fuq il-blat fis-Saħara. Bosta figuri jidhru għerwenin, u figuri iżgħar jidhru lebsin dbielet, u oħrajn jidhru li għandhom kundizzjoni ġenetika magħrufa bħala steatopiġja, li hija kkawżata minn akkumulu ta' xaħam fil-koxox u fil-warrani.

Għall-ħabta tal-5000-4000 Q.K., in-nies li kienu jgħixu fil-Promontorju ta' Ennedi kienu jaħdmu bħala kaċċaturi, sajjieda u ġemmiegħa l-iktar fuq il-pjanuri. Inġenerali kienu jibqgħu f'siti ta' insedjament minħabba kundizzjonijiet favorevoli. Fost ir-reċipjenti tal-fuħħar li ntużaw f'dawn is-sit kien hemm uħud b'disinni bit-tikek u b'linji mmewġin li huma uniċi għal dan il-perjodu.[33]

Mat-trapass taż-żmien sal-ħabta tal-4000 Q.K., is-soċjetajiet tal-kaċċaturi u tal-ġemmiegħa minflok bdew jieħdu ħsieb il-merħliet tal-annimali tal-ifrat. B'din il-bidla fl-istil ta' għajxien, kien hemm ukoll bidla fl-istili tar-reċipjenti tal-fuħħar. Pereżempju, ir-reċipjenti beda jkollhom disinni iktar u iktar dekorattivi, u nħolqu għamliet differenti wkoll. Barra minn hekk, feġġew għall-ewwel darba xi għodod tal-ġebel, fosthom imnanar.

Finalment, minħabba ż-żieda fin-nixfa għall-ħabta tat-3000-2000 Q.K., kien hemm iktar insedjamenti stabbiliti, kif ukoll għadd ikbar ta' merħliet l-iktar b'annimali tal-ifrat żgħar. Ir-reċipjenti tal-fuħħar beda jkollhom disinni ġeometriċi għall-ewwel darba, u l-għodod tal-ġebel kienu jinkludu oġġetti bil-ponta u moli.

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kif imsemmi iktar 'il fuq, Niola Doa teknikament ma jitqies bħala sit taħt il-protezzjoni tal-UNESCO. Madankollu, għadu magħruf sew għall-arti fuq il-blat tiegħu. Is-sit jinsab fil-Grigal ta' Fada, li huwa l-uniku raħal fir-reġjun tal-Promontorju ta' Ennedi. L-arti fuq il-blat tmur lura għal bejn 8,000 u 2,000 sena qabel il-preżent.[34]
  • Ir-Reġjun ta' Archei jinsab fix-Xlokk ta' Fada, u fih għajn tal-qedem; għaldaqstant jitqies bħala ċ-ċentru tal-ħajja nomadika fil-Promontorju ta' Ennedi. Fih arti fuq il-blat ta' iktar minn 8,000 sena ilu. Manda Guéli, fir-Reġjun ta' Archei, fih uħud mill-iżjed arti ppreservata minħabba l-pożizzjoni fl-għoli li evitat l-erożjoni.
  • Ehi Tighi, formazzjoni tal-blat magħrufa għal pittura arkajka ta' baqra twila tliet metri, kienet maħsuba li ntużat bħala refuġju mill-kaċċaturi tal-iskjavi. Hemm xbihat ta' ħlejjaq bojod u ħomor mal-ħitan tal-formazzjoni, inkluż ta' nisa u ta' rġiel, kif ukoll ta' baqar b'tiżjin distint fuqhom.
  • Il-kanjon u l-gwelta ta' Bachikele fil-Promontorju ta' Ennedi għandhom importanza kbira għall-ekoloġija tar-reġjun; fihom flora li ma tinstab imkien iktar fis-Saħara u fis-Saħel.[35]

Riċerka u sensibilizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Kif intwera mill-arti fuq il-blat, kien hemm tnaqqis fil-fawna maż-żmien minħabba t-tibdil fil-klima, iżda anke minħabba l-kaċċa u l-insib. Filwaqt li t-tnaqqis fil-fawna kienet problema kbira fl-inħawi, il-vandaliżmu wkoll kellu impatt kbir fuq is-sit. Pereżempju, żgħażagħ lokali ġew suspettati li vvandalizzaw l-arti fuq il-blat f'sit fil-Promontorju ta' Ennedi u ħażżew isimhom fuq l-arti bil-Franċiż u bl-Għarbi, u l-aħħar każ simili seħħ f'Jannar 2017. Il-Ministru għall-Kultura taċ-Chad, Mahamat Saleh Haroun, iddeskriva s-sitwazzjoni kif ġej: "L-arti tirrakkonta ġrajja Afrikana u huma riedu jeqirduha".[36] Filwaqt li l-kap tal-UNESCO fiċ-Chad Abdelkerim Adoum Bahar jemmen li l-ħsara tista' tissewwa, organizzazzjonijiet oħra involvew ruħhom minn dak iż-żmien 'l hawn.[37] Pereżempju, il-Fond Fiduċjarju għall-Arti Afrikana fuq il-Blat, fi sħubija mal-Fondazzjoni Factum, minn dak iż-żmien iddokumentat il-Promontorju ta' Ennedi permezz tar-ritratti; il-missjoni tagħhom hemm hi li juru l-problemi involuti fil-protezzjoni tal-arti fuq il-blat. Minħabba l-erożjoni u l-vandaliżmu, il-Katina Muntanjuża ta' Ennedi ffaċċjat deterjorament, iżda l-arti fuq il-blat issa ġiet irreġistrata b'mod tridimensjonali sabiex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-ġmiel ta' dan is-sit. Inġibdu wkoll films dwar dan il-pajsaġġ, inkluż It-Torrijiet ta' Ennedi, dirett minn Renan Ozturk li pprova juri l-ġmiel tas-sit.[38]

  1. "Region | Definition, Examples, & Facts | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
  2. Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. p. 137. ISBN 0-89577-087-3.
  3. Monod, M.E. (1966). "Contribution à l'étude de la pathogénie des cholécystatonies". Digestion. 106 (3): 130–136
  4. Coon, Carleton S. (April 1963). "Die Volker der Sudost-Sahara: Tibesti, Borku, Ennedi. Peter Fuchs". American Anthropologist. 65 (2): 476–478.
  5. Lenssen-Erz, Tilman (2012-09-15). "Pastoralist appropriation of landscape by means of rock art in Ennedi Highlands, Chad". Afrique: Archéologie & Arts (8): 27–43. doi:10.4000/aaa.414. ISSN 1634-3123.
  6. Husson, Gilles Pascal (1996). "Historique de l'alimentation en eau potable de la ville de Paris". Journal Européen d'Hydrologie. 27 (2): 97–108.
  7. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Ennedi Massif: Natural and Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
  8. "UNESCO Sites: An Opportunity for Chad – DW – 07/04/2017". dw.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
  9. di Lernia, Savino (2018-04-07). "A (Digital) Future for Saharan Rock Art?". African Archaeological Review. 35 (2): 299–319.
  10. Gadom, Gadom Djal; Kountchou, Armand Mboutchouang; Araar, Abdelkrim (2018-07-25). "The impact of oil revenues on wellbeing in Chad". Environment and Development Economics. 23 (5): 591–613.
  11. Strecker, Amy (2018-10-18). "The 1972 UNESCO World Heritage Convention". Oxford Scholarship Online.
  12. "African Parks to manage gorges, rock art and crocodiles of Chad's Ennedi". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). 2018-02-27. Miġbur 2024-02-25.
  13. Ghienne, Jean-François; Moussa, Abderamane; Saad, Abakar; Djatibeye, Barnabé; Youssouf, Hissein Mahamat (2023). "The Ordovician strata of the Ennedi Plateau, northeastern Chad (Erdi Basin)". Comptes Rendus Geoscience. Academie Des Sciences Institut de France. 355 (G1): 63–84.
  14. de Smet, Klaas (Jannar 1998). "Status of the Nile crocodile in the Sahara desert". Hydrobiologia. SpringerLink. 391 (1–3): 81–86.
  15. Flanagan, Jane (2024-02-25). "Plan hatched to rehome rare ostriches" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
  16. Keding, Birgit. Pictures and pots from pastoralists : investigations into the prehistory of the Ennedi highlands in NE Chad. OCLC 697622553.
  17. Trape, Sébastien (November 2013). "A study of the relict fish fauna of northern Chad, with the first records of a polypterid and a poeciliid in the Sahara desert". Comptes Rendus Biologies. 336 (11–12): 582–587.
  18. Ba, A. H.; Daget, J. (1955). "Notes sur les chasses rituelles bozo". Journal de la Société des Africanistes. 25 (1): 89–97.
  19. Brundu, Giuseppe; Camarda, Ignazio (2013-05-13). "The Flora of Chad: a checklist and brief analysis". PhytoKeys (23): 1–18.
  20. Kayalto, Mathias Idrissi Hassani, Lalla Mina Lecoq, Michel Piou, Cyril (2019). Update of desert locust gregarization sites mapping. University Ibn Zohr. OCLC 1102674470.
  21. "Chad's ancient Ennedi cave paintings defaced" (bl-Ingliż). 2017-03-20. Miġbur 2024-02-25.
  22. Lenssen-Erz, Tilman (2012-09-15). "Pastoralist appropriation of landscape by means of rock art in Ennedi Highlands, Chad". Afrique: Archéologie & Arts (8): 27–43. doi:10.4000/aaa.414. ISSN 1634-3123.
  23. Bubenzer, Olaf. Bolten, Andreas. Darius, Frank. (2007). Atlas of cultural and environmental change in arid Africa. Heinrich-Barth-Institut. ISBN 9783927688322. OCLC 1120437878.
  24. Sauvet, Georges; Layton, Robert; Lenssen-Erz, Tilman; Taçon, Paul; Wlodarczyk, André (October 2009). "Thinking with Animals in Upper Palaeolithic Rock Art". Cambridge Archaeological Journal. 19 (3): 319–336.
  25. McCall, Daniel F.; Negro, Giancarlo; Ravenna, Adriana; Simonis, Roberta; Hallier, Ulrich W. (1997). "Arte Rupestre nel Ciad: Borku + Ennedi + Tibesti". The International Journal of African Historical Studies. 30 (3): 660.
  26. Muzzolini, Alfred. (2000). Livestock in Saharan rock art. UCL Press. OCLC 57895786.
  27. Methuen-Campbell, James (2001). Barth, Karl-Heinrich. Oxford Music Online. Oxford University Press.
  28. Bullington, J. (2002-04-19). "Rock Art Revisited". Science. 296 (5567): 468a–468.
  29. Lenssen-Erz, Tilman (February 2012). "Adaptation or Aesthetic Alleviation: Which Kind of Evolution Do We See in Saharan Herder Rock Art of Northeast Chad?". Cambridge Archaeological Journal. 22 (1): 89–114.
  30. Kröpelin, Stefan. New petroglyph sites in the southern Libyan Desert (Sudan-Chad). OCLC 58748782.
  31. Simonis, Roberta. (2017). Ennedi, tales on stone : [1993.2017, rock art in the Ennedi massif]. All'insegna del giglio. ISBN 9788878148338. OCLC 1082451478.
  32. Menardi Noguera, Alessandro (2017-09-29). "The Oval Engravings of Nabara 2 (Ennedi, Chad)". Arts. 6 (4): 16.
  33. Keding, Birgit (2017-12-07). "Middle Holocene Fisher-Hunter-Gatherers of Lake Turkana in Kenya and Their Cultural Connections with the North: The Pottery". Journal of African Archaeology. 15 (1): 42–76.
  34. "Ennedi Mountains Rock Art Survey and Documentation" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
  35. Gillet, Hubert (1959). "Une Mission scientifique dans l'Ennedi (Nord Tchad) et en Obangui". Journal d'Agriculture Tropicale et de Botanique Appliquée. 6 (11): 505–573. doi:10.3406/jatba.1959.6663. ISSN 0021-7662.
  36. Magazine, Smithsonian; Daley, Jason. "Vandals Deface Rock Art In Chad's Ennedi World Heritage Site". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
  37. Babatunde, Mark (2017-03-21). "Vandals Deface Prehistoric Ennedi Cave Paintings in Chad". Face2Face Africa (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.
  38. "Towers of the Ennedi | Mountainfilm Festival, Telluride CO". www.mountainfilm.org (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-25.