Lagi ta' Ounianga
Il-Lagi ta' Ounianga (bil-Franċiż: Lacs d'Ounianga, bl-Għarbi: بحيرات أونيانجا, b'ittri Rumani: Buḥayrāt ʾUniyāngā) huma sensiela ta' lagi fid-Deżert tas-Saħara, fil-Grigal taċ-Chad, li jokkupaw baċir fil-muntanji tal-Punent ta' Tibesti u fil-Lvant ta' Ennedi. Tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]
Il-lagi jinsabu f'deżert sħun u aridu ħafna li fih jinżlu inqas minn 2 millimetri (0.1 pulzieri) ta' xita fis-sena. Il-lagi għandhom varjetà ta' daqsijiet, fond, kompożizzjonijiet kimiċi u kuluri.
B'kollox hemm 18-il lag miġbura fi gruppi kif ġej:
- il-grupp ta' Ounianga Kébir: il-Lag ta' Yoa, il-Lag ta' Katam, il-Lag ta' Oma (jew Ouma), il-Lag ta' Béver, il-Lag ta' Midji, il-Lag ta' Forodom;
- il-Lag ta' Motro, madwar 30 kilometru (19-il mil) fix-Xlokk tal-grupp ta' Ounianga Kébir;
- il-grupp ta' Ounianga Sérir, bejn 45 u 60 kilometru (bejn 28 u 37 mil) fix-Xlokk tal-grupp ta' Ounianga Kébir: il-Lag ta' Melekui, il-Lag ta' Dirke, il-Lag ta' Ardjou, il-Lag ta' Téli, il-Lag ta' Obrom, il-Lag ta' Élimé, il-Lag ta' Hogo, il-Lag ta' Djiara, il-Lag ta' Ahoita, il-Lag ta' Daléyala, u l-Lag ta' Boukkou.
L-erja totali tas-superfiċe tal-lagi hija ta' madwar 20 kilometru kwadru (8 mili kwadri). L-ikbar lag huwa l-Lag ta' Yoa, b'erja ta' madwar 3.5 kilometri kwadri (mil kwadru) u b'fond ta' 20 metru (66 pied).
L-ismijiet tal-grupp ta' lagi joriġinaw minn isem villaġġ fil-qrib (litteralment Ounianga Kebìr = "Ounianga l-Kbir" u Ounianga Sehrìr = "Ounianga ż-Żgħir").
L-ilma li akkumula f'akwifer ta' taħt l-art matul millenji ta' xita ġie fornut lil-lagi.
Meta l-ilma jkun espost fis-superfiċe f'ambjenti aridi ferm isir iktar mielaħ minħabba r-rata kbira ta' evaporazzjoni, bħal fil-każ tal-grupp ta' Ounianga Kebìr. Ir-rata ta' evaporazzjoni mil-Lag ta' Yoa huwa ekwivalenti għal 6 metri (20 pied) fis-sena u l-fond totali tal-lag huwa ta' 25 metru (82 pied).
Il-lagi tal-grupp ta' Ounianga Sérir jiffurmaw sistema idroloġika li hija unika fost id-deżerti tad-Dinja. Fatturi fiżiċi uniċi flimkien iwasslu biex l-ilma tal-lagi kollha jibqa' ilma ħelu, għajr il-Lag ta' Teli. Ir-ramel li nġarr bir-riħ issepara l-baċir f'10 lagi, u l-Lag ta' Teli jokkupa l-pożizzjoni ċentrali. Meded ħoxnin ta' qasab ikopru s-superfiċe tal-lagi ż-żgħar tal-ilma ħelu li bil-mod il-mod jevaporaw. B'hekk, ikun hemm evaporazzjoni mis-superfiċe tal-Lag ta' Teli, u l-livell tal-ilma tiegħu jibqa' dejjem iktar baxx. Dan iwassal biex l-ilma mil-lagi fil-qrib inixxi qalb saffi permeabbli ta' għaram għal ġol-Lag ta' Teli u l-ilma tiegħu jibqa' ilma ħelu.[2]
Rabta mal-istorja tal-bniedem
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa maħsub li l-istorja klimatika tar-reġjun għandha rabta mal-migrazzjonijiet tal-bnedmin fi tmiem tal-aħħar era glaċjali madwar 11,000 sena. Id-deżert irritorna lejn iż-żona wara li l-monsuni naqsu madwar 5,000 sena ilu. Investigazzjoni ta' kampjun li ġie mħaffer żvela 10,940 saff f'16-il metru (52 pied) ta' sedimenti minn qiegħ il-Lag ta' Yoa qabel il-qiegħ tad-deżert tal-era glaċjali, u kull sena tikkorrispondi għal sena.[3] Hemm evidenza fotografika mill-ajru li turi li l-insedjaturi umani bikrin tal-lagi pprova jwaqqfu d-deżertifikazzjoni li bla dubju qerdet l-għelieqi bis-siġar tal-frott u bl-għelejjel tagħhom. Matul il-perjodu umduż Afrikan, l-insedjaturi bikrin sabu li ż-żona tal-lagi tal-ilma ħelu kienet għammiela biżżejjed biex jitkabbru l-għelejjel u jaf saħansitra ddomestikaw il-bhejjem tal-ifrat. L-arti fuq il-blat li nstabet f'bosta żoni tas-Saħara hija xhieda ta' dan. Madankollu, bidla klimatika bil-mod il-mod eventwalment wasslet għan-nixfa li għadha sseħħ sal-lum. Ir-riħ tad-deżert nefaħ mill-Grigal u ġarr miegħu r-ramel mill-promontorju 'l isfel, u dan iddepożita fejn il-bdiewa bikrin kienu jkabbru l-għelejjel tagħhom. Meta raw li eventwalment ir-ramel kien se jeqred l-għelejjel u s-siġar tal-frott tagħhom, l-insedjaturi taż-żona tal-lagi għamlu ħilithom biex iwaqqfuh bl-użu ta' barrieri. Dan it-tentattiv ta' ostakolar tar-ramel jidher ċar fir-ritratti bl-ajru f'diversi postijiet fil-gruppi ta' Ounianga Kebìr u Serìr. Il-lagi jidhru qishom sensiela ta' ittri "V", b'uħud minnhom twal saħansitra 700 metru (2,300 pied) minn naħa għall-oħra u f'ringieli. L-isforz donnu kien straordinarju għaliex x'aktarx li kien jirrikjedi bosta nies biex itellgħu l-bosta barrieri li għadhom viżibbli mill-ajru sal-lum. B'xorti ħażina, dawn il-qishom "ċnut" ma laħqux l-għan tagħhom u r-ramel eventwalment ħakem iż-żona u l-insedjaturi kellhom jitilqu miż-żona bejn 7,500 sena u 5,000 sena ilu.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Lagi ta' Ounianga ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Lakes of Ounianga". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-28.
- ^ "The Saharan lakes of Ounianga Serir (NE Chad): a unique hydrogeological system". web.archive.org. 2009-12-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-12-08. Miġbur 2024-01-28.
- ^ Grolle, Johann (2013-05-21). "New Sahara Research: the Lakes of Ounianga" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-28.