Katidral ta' Santa Sofija (Kiev)
Il-Katidral ta' Santa Sofija, fi Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna, huwa monument arkitettoniku tar-Rus ta' Kiev. L-eks katidral huwa wieħed mill-iżjed binjiet ikoniċi magħrufa tal-belt u l-ewwel sit storiku fl-Ukrajna li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-kumpless tal-Monasteru tal-Għar ta' Kiev.[1][2] Apparti l-binja prinċipali, il-kumpless tal-katidral jinkludi wkoll ġabra ta' strutturi oħra bħat-torri tal-kampnar u l-Binja Metropolitana. Fl-2011 is-sit storiku ġie riassenjat mill-ġurisdizzjoni tal-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Ukrajna għal dik tal-Ministeru għall-Kultura tal-Ukrajna.[3][4] Waħda mir-raġunijiet li wasslet għal din il-bidla kienet li l-Katidral ta' Santa Sofija u l-Monasteru (Lavra) ta' Pechersk ta' Kiev ġew rikonoxxuti flimkien mill-UNESCO bħala Sit ta' Wirt Dinji wieħed, filwaqt li fl-Ukrajna ż-żewġ siti kienu amministrati minn entitajiet differenti tal-gvern. Attwalment il-binja tospita mużew.
Bl-Ukren il-katidral huwa magħruf bħala Sobor Sviatoi Sofii (Собор Святої Софії) jew Sofiiskyi sobor (Софійський собор).[5]
Il-kumpless tal-katidral huwa l-komponent prinċipali u mużew tas-Santwarju Nazzjonali ta' "Sofija ta' Kiev" li huwa l-istituzzjoni statali responsabbli mill-preservazzjoni tal-kumpless tal-katidral kif ukoll minn erba' siti storiċi ikoniċi fil-pajjiż.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Isem il-katidral ingħata għall-katidral tal-Hagia Sophia (li tfisser Għerf Sagru) tas-seklu 6 f'Kostantinopli, li kienet iddedikata lill-Għerf Sagru iktar milli lil qaddisa speċifika msemmija Sofija. L-ewwel pedamenti tal-binja tqiegħdu fl-1037 jew fl-1011[6], iżda l-katidral dam żewġ deċennji biex tlesta. Skont teorija, Yaroslav l-Għaref sponsorja l-kostruzzjoni tal-Katidral ta' Santa Sofija fl-1037 biex jiċċelebra r-rebħa deċiżiva tiegħu fuq il-Peċeneg nomadiċi fl-1036 (li wara dik id-data qatt ma reġgħu kienu ta' theddida għal Kiev).[7] Skont Dr. Nadia Nikitenko, storiku li studjat il-katidral għal 30 sena, il-katidral ġie stabbilit fl-1011, taħt ir-renju ta' missier Yaroslav, il-Gran Prinċep tar-Rus ta' Kiev, Vladimir il-Kbir. Din it-teorija ġiet aċċettata kemm mill-UNESCO kif ukoll mill-Ukrajna, li uffiċjalment iċċelebrat l-1000 anniversarju tal-katidral fl-2011.[8] L-istruttura għandha ħames navati, ħames apsidi, u 13-il koppla (xi ħaġa sorprendenti għall-arkitettura Biżantina). Hija mdawra b'żewġ galleriji ta' żewġ sulari minn tliet naħat. B'qisien ta' 37 sa 55 metru (121 sa 180 pied), fuq barra faċċata tal-katidral kien hemm bażi kwadrati ta' kolonni. Fuq ġewwa, il-katidral fih mużajk u affreski mis-seklu 11, inkluż rappreżentazzjoni dilapidata tal-familja ta' Yaroslav, u l-Orans.
Oriġinarjament, il-katidral kien il-post fejn kienu jindifnu l-mexxejja ta' Kiev, inkluż Vladimir Monomakh, Vsevolod Yaroslavich u l-fundatur tal-katidral Yaroslav I l-Għaref, għalkemm il-qabar ta' dan tal-aħħar biss baqa' sħiħ sa żminijietna.
Wara s-serq ta' Kiev minn Andrei Bogolyubsky ta' Vladimir-Suzdal fl-1169, segwit b'invażjoni tar-Rus min-naħa tal-Mongoli fl-1240, il-katidral spiċċa mitluq. Barra minn hekk, ġarrab ħsarat estensivi fis-seklu 16 meta l-Commonwealth Pollakka-Litwana kienet qed tipprova tgħaqqad flimkien il-knejjes Kattoliċi u Ortodossi. F'dan il-perjodu, il-katidral kien kważi nqered għalkollox: is-saqaf tiegħu kien tmermer u bosta mill-affreski mal-ħitan kienu għebu. Wara l-Unjoni ta' Brest fl-1595-1596, il-Katidral ta' Santa Sofija kien f'idejn il-Knisja Kattolika Griega Ukrena sa ma ttieħed mill-metropolitan Ortodoss tal-Moldova Peter Mogila (Mohyla) fl-1633. Mogila kkummissjoni x-xogħol ta' tiswija u l-parti ta' fuq tal-binja ġiet rikostruwita bir-reqqa, u ġiet immudellata mill-arkitett Taljan Ottaviano Mancini bl-istil Barokk Ukren distint, filwaqt li ġie ppreservat dak kollu li kien għad baqa' fuq ġewwa mis-sbuħija Biżantina. Ix-xogħol kompla taħt il-Cossack Ivan Mazepa sal-1767. Matul dan il-perjodu nbnew diversi komponenti oħra tal-kumpless tal-katidral, fosthom it-torri tal-kampnar, ir-refettorju tal-monasteru, il-forn, il-Binja Metropolitana, id-daħliet tal-Punent (id-daħliet ta' Zborovski), il-Berġa Monastika, il-Binja tal-Fratellanza u bursa (seminarju). Dawn il-binjiet kollha, kif ukoll il-katidral wara l-kostruzzjoni mill-ġdid, għandhom karatteristiċi distintivi tal-Barokk Ukren.
Wara r-Rivoluzzjoni Russa tal-1917 u matul il-kampanja antireliġjuża Sovjetika tas-snin 20 tas-seklu 20, il-pjan tal-gvern sejjaħ għall-qerda tal-katidral u għat-trasformazzjoni tal-art tal-kumpless f'park imsejjaħ l-"Eroj ta' Perekop" (wara rebħa tal-Armata Ħamra fil-Gwerra Ċivili Russa fil-Krimea). Il-katidral ġie salvat mill-qerda (iżda l-Monasteru oppost ta' San Mikiel bil-koppli tad-deheb inqered fl-1935)[9] primarjament bis-saħħa tal-isforz ta' bosta xjenzati u storiċi. Minkejja dan, fl-1934, l-awtoritajiet Sovjetiċi kkonfiskaw l-istruttura mill-Knisja, inkluż il-kumpless arkitettoniku tas-sekli 17-18 tal-madwar u ddeżinjawha bħala mużew arkitettoniku u storiku.
Mill-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20, politiċi Sovjetiċi, u mbagħad Ukreni, wegħdu li l-binja terġa' tintradd lill-Knisja Ortodossa. Iżda minħabba diversi xiżmi, u fazzjonijiet fi ħdan il-Knisja, it-troddija lura ġiet posposta peress li l-Knejjes Ortodossi u Kattoliċi-Griegi riedu l-istruttura. Għalkemm il-Knejjes Ortodossi kollha jitħallew iwettqu xi servizzi f'diversi dati, fi żminijiet oħra l-aċċess ma jingħataw. Inċident jaħraq kien il-funeral tal-Patrijarka Volodymyr tal-Knisja Ortodossa Ukrena, Patrijarka ta' Kiev fl-1995, meta l-pulizija ta' kontra l-irvellijiet ġew obbligati jipprevjenu d-dfin fl-art tal-mużew u nqala' l-inkwiet u nxtered id-demm.[10][11] Wara avvenimenti bħal dawk, l-ebda korp reliġjuż ma ngħata d-drittijiet għal servizzi regolari. Illum il-ġurnata l-kumpless huwa mużew lajk tal-Kristjaneżmu Ukren, u l-biċċa l-kbira tal-viżitaturi tiegħu huma turisti.
Fil-21 ta' Awwissu 2007, il-Katidral ta' Santa Sofija ssemma bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet tal-Ukrajna, abbażi ta' voti minn esperti u mill-komunità tal-internet.[12]
Kumpless tal-Katidral
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kumpless tal-Katidral ta' Santa Sofija huwa magħmul mill-komponenti li ġejjin:
- il-Katidral ta' Sofija,
- it-Torri tal-Kampnar,
- il-Binja Metropolitana,
- il-Knisja bir-Refettorju,
- il-Binja tal-Fratellanza,
- il-Bursa (seminarju)
- il-Konsistorju,
- it-Torri tad-Daħla tan-Nofsinhar,
- id-Daħla ta' Zaborovski,
- iċ-Ċelel,
- il-Berġa Monastika, u
- l-Istele ta' Mafkar tal-Librerija ta' Yaroslav.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Katidral ta' Santa Sofija ta' Kiev flimkien mal-kumpless tal-Monasteru tal-Għar ta' Kiev ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990. Fl-2005 u fl-2021 saru xi modifiki minuri fil-konfini taż-żona ta' lqugħ tas-sit.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Kyiv: Saint-Sophia Cathedral and Related Monastic Buildings, Kyiv-Pechersk Lavra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-01.
- ^ "Kyiv Pechersk Lavra, St. Sophia Cathedral remain on UNESCO's World He…". archive.ph. 2013-06-24. Miġbur 2022-04-01.
- ^ "Міністерство культури України". archive.ph. 2012-07-21. Miġbur 2022-04-01.
- ^ "Міністерство культури України". archive.ph. 2012-07-16. Miġbur 2022-04-01.
- ^ "Міністерство культури України". web.archive.org. 2015-07-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-07-11. Miġbur 2022-04-01.
- ^ ""ЯРОСЛАВ МУДРЫЙ НЕЗАСЛУЖЕННО ПРИСВОИЛ СЕБЕ СЛАВУ СТРОИТЕЛЯ СОФИЙСКОГО СОБОРА. СВИДЕТЕЛЬСТВА ЭТОГО МЫ ОБНАРУЖИЛИ НА СТЕНАХ ХРАМА" - Газета «Факты и комментарии»". web.archive.org. 2010-01-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-01-17. Miġbur 2022-04-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Kyiv - World Heritage Site - Pictures, Info and Travel Reports". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2022-04-01.
- ^ Il-ktejjeb "The Millenary of St. Sophia of Kyiv" ta' Nadia Nikitenko, Kiev 2011.
- ^ "Forgotten Soviet Plans For Kyiv - Jul. 29, 2011". KyivPost. 2011-07-28. Miġbur 2022-04-01.
- ^ "Reuters Archive Licensing". Reuters Archive Licensing (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-01.
- ^ "Police beat mourners at patriarch's burial". The Independent (bl-Ingliż). 1995-07-19. Miġbur 2022-04-01.
- ^ "Seba' Għeġubijiet tal-Ukrajna". web.archive.org. 2007-08-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-08-18. Miġbur 2022-04-01.