Aqbeż għall-kontentut

John Kendrew

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
John Kendrew
Ħajja
Twelid Oxford, 24 Marzu 1917
Nazzjonalità Renju Unit
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda
Mewt Cambridge, 23 Awwissu 1997
Familja
Omm Evelyn Sandberg Vavalà
Edukazzjoni
Alma mater Dragon School
Trinity College
Clifton College
Università ta' Cambridge
Direttur tat-teżi Max Perutz
Studenti dottorali Hugh Huxley
Lingwi Ingliż
Għalliema Max Perutz
Studenti
uri
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni bijokimiku
bijologu molekolari
kimiku
kristallografu
bijofiżiku
riċerkatur
Impjegaturi Università ta' Oxford
Premjijiet
Nominat għal
uri
Sħubija Soċjetà Rjali
Akkademja Ġermaniża tax-Xjenzi Leopoldina
Akkademja għax-Xjenzi u l-Arti ta’ Heidelberg
Organizzazzjoni Ewropea tal-Bijoloġija Molekolari
Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi
Akkademja Nazzjonali tax-Xjenzi

Sir John Cowdery Kendrew, CBE FRS[1] (twieled fl-24 ta' Marzu 1917 – miet fit-23 ta' Awwissu 1997) kien bijokimiku, kristallografu u amministratur tax-xjenza Ingliż. Kendrew ikkondivida l-Premju Nobel għall-Kimika tal-1962 flimkien ma' Max Perutz, għax-xogħol tagħhom fil-Laboratorju ta' Cavendish fl-investigazzjoni tal-istruttura tal-proteini globulari fosthom l-emoglobulina u mijoglobulina permezz ta' tekniki tad-diffrazzjoni tar-raġġi-X.[2]

Edukazzjoni u ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Kendrew twieled f'Oxford, u kien iben Wilfrid George Kendrew, studjuż tal-klimatoloġija fl-Università ta' Oxford, u Evelyn May Graham Sandburg, storiku tal-arti. Wara l-iskola preprimarja fid-Dragon School f'Oxford, huwa ġie edukat fil-Clifton College[3] f'Bristol bejn l-1930 u l-1936. Huwa attenda l-Kulleġġ tat-Trinità, f'Cambridge fl-1936, bħala Studjuż Maġġuri, u ggradwa fil-kimika fl-1939. Huwa qatta' l-ewwel xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija jagħmel riċerka dwar il-kinetika ta' reazzjoni, u mbagħad sar membru tal-Istabbiliment tar-Riċerka tal-Ministeru għall-Ajru, fejn ħadem fuq ir-radar. Fl-1940 huwa ġie involut fir-riċerka operazzjonali fil-kwartieri ġenerali tal-Forza tal-Ajru Rjali (bl-Ingliż: Royal Air Force), u laħaq sal-kariga onorarja ta' Wing Commander R.A.F. Huwa ngħata d-dottorat tiegħu wara l-gwerra fl-1949.[4]

Riċerka u karriera

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul is-snin tal-gwerra, huwa kulma jmur sar interessat fil-problemi tal-bijokimika, u ddeċieda li jaħdem fuq l-istruttura tal-proteini.

Kristallografija

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1945 huwa kkuntattja lil Max Perutz fil-Laboratorju ta' Cavendish f'Cambridge. Joseph Barcroft, fiżjologu respiratorju, issuġġerixxielu jagħmel studju kristallografiku komparattiv tal-proteini tal-emoglobulina tal-feti tan-nagħaġ u tan-nagħaġ adulti, u huwa beda dik il-ħidma.

Fl-1947 huwa sar Sieħeb tal-Peterhouse; u l-Kunsill tar-Riċerka Medika (bl-Ingliż: Medical Research Council - MRC) qabel li joħloq unità tar-riċerka għall-istudju tal-istruttura molekolari tas-sistemi bijoloġiċi, taħt id-direzzjoni ta' Sir Lawrence Bragg. Fl-1954 huwa sar studjuż fil-Laboratorju ta' Davy-Faraday tal-Istituzzjoni Rjali f'Londra.

Struttura kristallina tal-mijoglobulina

[immodifika | immodifika s-sors]

Kendrew ikkondivida l-Premju Nobel għall-Kimika tal-1962 ma' Max Perutz talli ddeterinaw l-ewwel strutturi atomiċi tal-proteini permezz tal-kristallografija bir-raġġi-X. Il-ħidma tagħhom saret f'dak li issa huwa magħruf bħala l-Laboratorju MRC tal-Bijoloġija Molekolari f'Cambridge. Kendrew iddetermina l-istruttura tal-proteina mijoglobulina, li taħżen l-ossiġenu fiċ-ċelloli tal-muskoli. Nhar is-Sibt l-20 ta' Ottubru 1962, l-għoti tal-Premji Nobel lil John Kendrew u lil Max Perutz, kif ukoll lil Crick, Watson, u Wilkins ġie satirizzat fi skeċċ qasir tal-programm tat-televiżjoni tal-BBC That Was The Week That Was, fejn il-Premji Nobel ġew riferuti bħala l-"Pixxini għall-Paċi ta' Alfred Nobel".

Fl-1947, l-MRC qabel li joħloq unità tar-riċerka għall-Istudju tal-Istruttura Molekolari ta' Sistemi Bijoloġiċi. L-istudji oriġinali kienu fuq l-istruttura tal-emoglobulina tan-nagħaġ, iżda meta dan ix-xogħol kien avvanza kemm kien possibbli bl-użu tar-riżorsi disponibbli dak iż-żmien, Kendrew daħal għall-istudju tal-mijoglobulina, molekula ta' kwart id-daqs tal-molekola tal-emoglobulina. Is-sors inizjali tal-materja prima tiegħu kien qalb ta' żiemel, iżda l-kristalli li nkisbu b'hekk kienu żgħar wisq biex issir analiżi bir-raġġi-X. Kendrew irrealizza li t-tessuti li jaħżnu l-ossiġenu tal-mammiferi li jgħoddsu setgħu joffru prospett aħjar, u b'kumbinazzjoni feġġet l-opportunità li jiġi akkwistat ammont kbir ta' laħam tal-balieni mill-Perù. Il-mijoglobulina tal-balieni wasslet għal kristalli kbar b'mudelli ċari tad-diffrazzjoni tar-raġġi-X. Madankollu, il-problema xorta baqgħet ma ġietx megħluba sal-1953, meta Max Perutz skopra li l-problema tal-fażi fl-analiżi tal-mudelli tad-diffrazzjoni setgħet tiġi solvuta bis-sostituzzjoni isomorfika multipla — it-tqabbil ta' mudelli ta' diversi kristalli; wieħed mill-proteina nattiva, u oħrajn li kienu ġew miblula f'soluzzjonijiet ta' metalli tqal u fihom ġew introdotti joni tal-metalli f'pożizzjonijiet differenti definiti sew. Sal-1957 inkisbet mappa tad-densità tal-elettroni b'riżoluzzjoni ta' sitt angstroms (0.6 nanometri), u sal-1959 seta' jinbena mudell atomiku b'riżoluzzjoni ta' żewġ angstroms (0.2 nanometri).[5]

Karriera iktar tard

[immodifika | immodifika s-sors]
John Kendrew jibni mudell tal-mijoglobulina. Jeddijiet tal-Laboratorju tal-Bijoloġija Molekolari f'Cambridge, l-Ingilterra.

Fl-1963, Kendrew sar wieħed mill-fundaturi tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Bijoloġija Molekolari. Barra minn hekk, huwa stabbilixxa l-Ġurnal tal-Bijoloġija Molekolari u għal ħafna snin kien l-editur kap tiegħu. Huwa sar Sieħeb tas-Soċjetà Amerikana tal-Bijokimiċi fl-1967 u membru onorarju tal-Akkademja Internazzjonali tax-Xjenza fi Munich. Fl-1974, huwa rnexxielu jipperswadi lill-gvernijiet biex jistabbilixxu l-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekolari f'Heidelberg u sar l-ewwel direttur tiegħu. Huwa sar Kavallier fl-1974.[1] Mill-1974 sal-1979, huwa kien Fiduċjarju tal-British Museum, u mill-1974 sal-1988 huwa kien, wara xulxin, Segretarju Ġenerali, Viċi President, u President tal-Kunsill Internazzjonali tal-Unjins Xjentifiċi.

Wara li rtira mil-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekolari, Kendrew sar President tal-Kulleġġ ta' San Ġwann fl-Università ta' Oxford, kariga li dam fiha mill-1981 sal-1987. Fit-testment tiegħu, huwa ħalla l-wirt tiegħu lil dan il-kulleġġ għal boroż ta' studju fix-xjenza u fil-mużika għall-istudenti minn pajjiżi li kienu għadhom qed jiżviluppaw. Il-Kwadranglu ta' Kendrew fil-Kulleġġ ta' San Ġwann f'Oxford, li nfetaħ uffiċjalment fis-16 ta' Ottubru 2010, ingħata kunjomu.[6]

Kendrew kien miżżewweġ lil Elizabeth Jarvie (kunjomha xebba Gorvin) mill-1948 sal-1956. Iż-żwieġ tagħhom spiċċa b'divorzju u ma kellhomx tfal. Suċċessivament, Kendrew kien sieħeb mal-artista Ruth Harris[1] u mill-ġdid ma kellux ulied.[7]

Bijografija ta' John Kendrew, bit-titlu A Place in History: The Biography of John C. Kendrew, ta' Paul M. Wassarman ġiet ippubblikata mill-Oxford University Press f'Marzu 2020.

Għażla ta' Pubblikazzjonijiet ta' Kendrew

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Kendrew, JC (April 1949). "Foetal haemoglobin". Endeavour. 8 (30): 80–5. ISSN 0160-9327.
  • Kendrew, JC; Parrish, RG; Marrack, JR; Orlans, ES (Novembru 1954). "The species specificity of myoglobin". Nature. 174 (4438): 946–9. ISSN 0028-0836.
  • Kendrew, JC; Parris, RG (Jannar 1955). "Imidazole complexes of myoglobin and the position of the haem group". Nature. 175 (4448): 206–7. ISSN 0028-0836.
  • Ingram, DJ; Kendrew, JC (Ottubru 1956). "Orientation of the haem group in myoglobin and its relation to the polypeptide chain direction". Nature. 178 (4539): 905–6. ISSN 0028-0836.
  • Kendrew, JC; Bodo, G; Dintzis, HM; Parrish, RG; Wyckoff, H; Phillips, DC (Marzu 1958). "A three-dimensional model of the myoglobin molecule obtained by x-ray analysis". Nature. 181 (4610): 662–6. ISSN 0028-0836.
  • Kendrew, JC (Lulju 1959). "Structure and function in myoglobin and other proteins". Federation Proceedings. 18 (2, Part 1): 740–51. ISSN 0014-9446.
  • Kendrew, JC; Watson, HC; Strandberg, BE; Dickerson, RE; Phillips, DC; Shore, VC (Mejju 1961). "The amino-acid sequence x-ray methods, and its correlation with chemical data". Nature. 190 (4777): 666–70. ISSN 0028-0836.
  • Watson, HC; Kendrew, JC (Mejju 1961). "The amino-acid sequence of sperm whale myoglobin. Comparison between the amino-acid sequences of sperm whale myoglobin and of human hemoglobin". Nature. 190 (4777): 670–2. ISSN 0028-0836.
  • Kendrew, JC (Diċembru 1961). "The three-dimensional structure of a protein molecule". Scientific American. 205 (6): 96–110. ISSN 0036-8733.
  • Kendrew, JC (Ottubru 1962). "The structure of globular proteins". Comparative Biochemistry and Physiology. 4 (2–4): 249–52. ISSN 0010-406X.
  • Kendrew, John C. (1966). The thread of life: an introduction to molecular biology. Londra: Bell & Hyman. ISBN 978-0-7135-0618-1.
  1. ^ a b ċ Holmes, K. C. (2001). "Sir John Cowdery Kendrew. 24 March 1917 - 23 August 1997: Elected F.R.S. 1960". Biographical Memoirs of Fellows of the Royal Society. 47: 311–332.
  2. ^ "The Nobel Prize in Chemistry 1962". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-23.
  3. ^ "Clifton College Register" Muirhead, J.A.O. p. 462: Bristol; J.W Arrowsmith for Old Cliftonian Society; April, 1948
  4. ^ Kendrew, John Cowdery (1949). X-ray studies of certain crystalline proteins : the crystal structure of foetal and adult sheep haemoglobins and of horse myoglobin. lib.cam.ac.uk (teżi tad-dottorat). L-Università ta' Cambridge.
  5. ^ Kendrew, JC; Dickerson, RE; Strandberg, BE; et al. (Frar 1960). "Structure of myoglobin: A three-dimensional Fourier synthesis at 2 A. resolution". Nature. 185 (4711): 422–7.
  6. ^ "The 21st century". St John's College (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-24.
  7. ^ Saxon, Wolfgang (1997-08-30). "John C. Kendrew Dies at 80; Biochemist Won Nobel in '62" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-24.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]