Ossiġenu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Ossiġenu
8
O
15.9994


L-Ossiġenu hu l-element kimiku tat-tavla perjodika tal-elementi, li għandu simbolu O u numru atomiku 8. L-isem ġej mill-Grieg: οξύς (oksis) (aċtu) u γείνομαι (géinomai) "nissiel". L-element hu komuni u jinstab mhux biss fuq l-Art imma mal-univers kollu. L-ossiġenu ħieles, kif jinstab fuq l-Art, hu termodinamikament instabbli, imma jeżisti minħabba l-azzjoni tal-fotosintesi tax-xtieli. L-ossiġenu hu l-element kimiku l-iżjed komuni tal-qoxra tad-dinja hu jagħmel xi 47% tal-massa, waqt li l-atmosfera hi 21% ossiġenu.

Karatteristiċi[editja]

F'temperatura u pressjoni standard, l-ossiġenu jinstab f'forma ta' gas magħmul miż-żewġ atomi O2. Din il-molekula hi komponent importanti tal-arja prodotta mix-xtieli waqt il-fotosintesi, u meħtieġa biex il-ħlejjaq ħajjin jieħdu n-nifs.

L-ossiġenu likwidu u solidu għandhom lewn ikħal u t-tnejn huma paramanjetiċi ħafna. L-ossiġenu likwidu jinkiseb bid-distillazzjoni frazjonata tal-arja likwida.

Applikazzjonijiet[editja]

L-ossiġenu għandu użu kbir bħala ossidant u komburent, il-Fluworu biss għandu elettronegattività ogħla. L-ossiġenu likwidu jintuża bħala ossidant fil-propulzjoni tar-rockets. L-ossiġenu hu essenzjali għar-respirazzjoni, u għalhekk jintuża fil-mediċina, u bħala ħażna tal-arja fl-ajruplani. L-ossiġenu jintuża għall-iwweldjar, u fil-produzzjoni tal-azzar u l-metanolu.

L-ossiġenu hu ewforizzanti ħafif. Fis-seklu XIX, kienu jużaw taħlita ta' ossiġenu u protossidu tal-ażotu (dik li jissejjaħ gas eżilaranti) biex jagħmlu tip ta' analġeżiku.

Storja[editja]

Karl Wilhelm Scheele

L-ossiġenu kien skopert mill-farmaċista Żvediż Karl Wilhelm Scheele fl-1771, imma l-iskoperta tiegħu ma saritx magħrufa mill-ewwel, waqt li dik magħmula indipendentement fl-1774 minn Joseph Priestley saret iżjed magħrufa mill-pubbliku. Fl-istess sena Antoine Laurent Lavoisier l-element tah l-isem, imma għaddew tlet snin qabel Scheele fl-1777 induna li kien komponent tal-arja. Fl-1781, Antoine Lavoisier ikkonferma li dan l-element għandu funzjoni indispensabbli għall-fenomeni tar-respirazzjoni u kombustjoni.

Joseph Priestley
Antoine Lavoisier

Bijoloġija[editja]

L-ossiġenu hu element meħtieġ għall-ħajja mill-bnedmin u l-annimali superjuri.

Fejn jinstab[editja]

L-ossiġenu hu l-element l-iżjed abbundanti fil-qoxra tad-dinja, hu stmat li jammonta għal 46,7%. L-ossiġenu jagħmel 87% tal-ibħra (bħala komponent tal-ilma, H2O) u 20% tal-atmosfera tad-dinja (bħala O2 jew O3, ożonu). Il-komposti tal-ossiġenu, l-iżjed l-ossidi metalliċi, silikati (SiO44-) u karbonati (CO32-), jinstabu kullimkien fil-blat u l-ħamrija. Is-silġ hu solidu komuni fuq il-pjaneti u l-kometi. Il-kalotti polari ta' Marte huma magħmulin minn anidridu karboniku nġazzat. Il-komposti tal-ossiġenu jinstabu fl-univers kollu u l-ispettru tal-ossiġenu jidher spiss fl-istilel.

Komposti[editja]

Minħabba l-elettronegattività qawwija li għandu, l-ossiġenu jifforma rabtiet kimiċi ma kważi l-elementi l-oħra kollha (din hi l-oriġni tad-definizzjoni tal-'ossidazzjoni'). L-uniċi elementi li jaħarbu l-ossidazzjoni huma xi gassijiet inerti, l-elju, in-neon u u l-argon. L-ossiġenu jintrabat b'modi diversi skond l-element u l-kundizzjonijiet: infatti joħloq ossidi, perossidi, superossidi jew idrossidi. L-ossidu l-iżjed famuż huwa l-monossidu ta' di-idroġenu, magħruf aħjar bħala ilma (H2O). Fost l-eżempji oħra magħrufin hemm il-komposti tal-karbonju u ossiġenu: il- diossidu tal-karbonju (CO2), l-alkoħoli (R-OH), l-aldeidi (R-CHO), u l-aċidi karboksiliċi (R-COOH). Ir-radikali ossiġenati jiġifieri il-klorati (ClO3-), il-perklorati (ClO4-), il-kromati (CrO42-), id-dikromati (Cr2O72-), il-permanganati (MnO4-), u n-nitrati (NO3-) huma aġenti ossidanti qawwija. Ħafna metalli bħall-ħadid ( sadid: ossidu tal-ħadid(3+) (Fe2O3)) jintrabtu mal-atomi tal-ossiġenu.

Fin-natura, barra bħala l-molekula O2, l-ossiġenu jinstab fil-forma ta' ożonu (O3) li jinħoloq minn skarigi elettrostatiċi fil-presenza tal-ossiġenu molekulari. Fl-ossiġenu likwidu jinstab dimeru tal-molekula tal-ossiġenu (O2)2 bħala komponent żgħir.

Iżotopi[editja]

L-ossiġenu għandu tliet iżotopi stabbli, b'numru ta' massa 16, 17 u 18, u għaxar iżotopi radjuattivi. Ir-radjuiżotopi kollha għandhom ħin ta' diżintegrazzjoni ta' inqas minn tliet minuti.

Il-massa atomika tal-ossiġenu hi però inqas minn 16, allavolja dan l-iżoptopu hu preżenti f'xi 99% tal-ossiġenu. Din hi minħabba li l-karbonju-12 intgħażel bħala riferiment għall-kalkulu tal-mases u għal raġunijiet relativistiċi ikun hemm tnaqqis ta' massa fis-sintesi tal-elementi l-iżjed tqal. Infatti, minħabba l-fużjoni nuklejari huwa u jifforma n-nukleju tonqos il-massa u toħroġ l-enerġija.

Prekawzjonijiet[editja]

Espożizzjoni fit-tul għall-ossiġenu pur taħt pressjoni għolja tista' tagħmel ħafna ħsara lill-pulmun u ħsara newroloġika. Fost l-effetti fuq il-pulmun jista' hemm telf ta' kapacità u ħsara fi-tessituri. L-effetti newroloġiċi jistgħu ikun għama, konvulzjonijiet u koma.

Xi komposti tal-ossiġenu, fosthom l-ożonu, il-perossidi u s-superossidi huma velenużi ħafna. L-ossiġenu konċentrat jista' jikkawża nar qawwi u splużjonijiet jekk ikun fil-preżenza ta' materjal li jaqbad. Dan hu veru wkoll għall-komposti bħall-klorati, perklorati dikromati, eċċ. Il-komposti li għandhom qawwa ossidanti kbira jistgħu sikwit jikkawżaw ħruq kimiku.

Ħoloq esterni[editja]