Héctor Castro

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Héctor Castro
Informazzjoni personali
Twelid29 ta' Novembru 1904(1904-11-29)
Montevideo, Urugwaj
Mewt15 ta' Settembru 1960 (55 sena)
Montevideo
RwolAttakkant
Karriera professjonali
SninKlabb
1921–1924Athletic Club Lito
1923–1932Nacional
1932–1933Estudiantes
1933–1936Nacional
Tim nazzjonali
1923–1935Urugwaj
Timijiet ikkowċjati
1939–1943Nacional
1952Nacional
1959Urugwaj

Héctor Castro (twieled fid-29 ta' Novembru 1904 – miet fil-15 ta' Settembru 1960) kien plejer u kowċ tal-futbol Urugwajan.

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Castro twieled fil-kapitali Montevideo. Ta' 13-il sena, tilef idu l-leminja f'inċident fuq il-post tax-xogħol meta kien qiegħed juża serrieq elettriku. Għal din ir-raġuni, il-partitarji tawh il-laqam el Manco (l-immankat),[1] li aktar tard inbidel għal el divino Manco għal-logħob sabiħ u l-gowls li skorja.

Minkejja dan id-difett fiżiku, Castro ddebutta ta' 17-il sena fil-kampjonat Urugwajan bil-flokk ta' Lito ta' Montevideo. Castro mill-ewwel beda jimpressjona, u f'temp ta' tliet snin spiċċa jinxtara mill-wieħed mill-aktar klabbs prestiġjużi tal-kapitali, Nacional. Mat-Tricolores mal-ewwel rebaħ it-titlu nazzjonali.

Il-forma fil-kampjonat lokali wassluh għal sejħa mat-tim nazzjonali u magħhom kiseb l-ewwel unur internazzjonali fl-1926. L-Urugwaj ħadet sehem fil-Kampjonat Sud-Amerikan tal-1926 (dik li hi llum il-Copa América) fiċ-Ċili. Castro skorja fid-debutt kontra ċ-Ċileni (partita mirbuħa mill-Urugwaj 3–1), imbagħad skorja gowl ieħor kontra l-Arġentina f'rebħa ta' 2–0. Wara l-logħba kontra l-Bolivja (mirbuħa 6–0) li fiha ma skorjax, Castro sab ix-xibka erba' darbiet fl-aħħar logħba kontra l-Paragwaj (mirbuħa 6–1). Fi tmiem il-kompetizzjoni spiċċa bħala t-tieni l-aqwa skorer b'sitt gowls, wara ċ-Ċilen Arellano b'sebgħa.

Sentejn wara rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tal-1928, fejn l-Urugwaj poġġiet ruħha bħala l-aqwa fid-dinja u Castro kkonferma lilu nnifsu bħala wieħed mill-protagonisti tas-Celeste. Il-qofol ta' dan kollu kien fit-Tazza tad-Dinja 1930. L-Urugwaj iddebuttaw kontra il-Perù u Castro skorja l-gowl li bih l-Urugwajani rebħu l-logħba. Huma baqgħu sejrin sal-finali, u fil-finali kontra l-Arġentina, Castro skorja r-raba' u l-aħħar gowl li temm kull tama għall-avversarji li jittentaw rimonta.

Fl-1932, ingħaqad mal-Arġentini tal-Estudiantes, imma sena biss wara reġa' mar ma' Nacional. Magħhom reġa' rebaħ żewġ titli nazzjonali fl-1933 u l-1934.

Minkejja li kellu aktar minn 30 sena, hu ħa sehem għall-aħħar darba mat-tim nazzjonali f'kompetizzjoni internazzjonali fil-Kampjonat Sud-Amerikan tal-1935. Fit-turnew li ntlagħab fil-Perù, el Manco skorja l-gowl tar-rebħa fl-ewwel konfront, kontra l-pajjiż ospitanti. Bir-rebħa ta' 2–1 kontra ċ-Ċili, kemm l-Arġentina u l-Urugwaj spiċċaw bl-istess punti. Il-logħba deċiżiva ntlagħbet fit-28 ta' Jannar f'Lima u hawnhekk Castro fetaħ l-iskor fit-18-il minuta. L-Urugwaj rebħu 3–0 u Castro żied dan it-trofew mal-unuri personali tiegħu.

Fl-1936, wara 231 logħba uffiċjali u 145 gowl ma' Nacional, irtira mil-logħba tal-futbol. Fl-1939, mal-istess klabb laħaq assistent tal-kowċ Skoċċiż William Reaside. Wara r-rebħ tat-titlu, Castro ħa f'idejh ir-riedni tat-tim u taħtu t-tim irnexxielu jirbaħ erba' titli konsekuttivi. L-aħħar titlu magħhom kien fl-1952.

Fl-1959, ġie fdat bit-tmun tat-tim nazzjonali, però l-kundizzjonijiet tas-saħħa tiegħu sfurzawh jerħi postu wara ftit xhur. Is-sena ta' wara, nhar il-15 ta' Settembru 1960, Castro miet b'attakk tal-qalb f'Montevideo fl-età ta' 55 sena.

Unuri[immodifika | immodifika s-sors]

Klabb[immodifika | immodifika s-sors]

Nacional

Tim nazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Kowċ[immodifika | immodifika s-sors]

Nacional

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Peck, Sunil (2006-06-07). "Ouch Q&A: Héctor Castro 1930s disabled football star" (bl-Ingliż). BBC.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]