Aqbeż għall-kontentut

Gustave Charpentier

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Gustave Charpentier
Ħajja
Twelid Dieuze, 25 Ġunju 1860
Nazzjonalità Franza
Residenza Pariġi
Mewt Pariġi, 18 Frar 1956
Post tad-dfin Iċ-Ċimiterju Père Lachaise
Edukazzjoni
Alma mater Conservatoire de Paris
Lingwi Franċiż
Għalliema Emile Pessard
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
surmast tal-orkestra
kittieb
Xogħlijiet importanti Louise
Julien ou La Vie du poète
Premjijiet
List
Sħubija Académie des beaux-arts (en) Translate
Moviment mużika klassika
Moviment artistiku opra
mużika klassika

Gustave Charpentier (bil-Franċiż: [ɡystav ʃaʁpɑ̃tje]; twieled fil-25 ta’ Ġunju 1860 – miet fit-18 ta’ Frar 1956) kien kompożitur Franċiż, magħruf l-iktar għall-opra tiegħu Louise.[1]

Ħajja u karriera

[immodifika | immodifika s-sors]

Charpentier twieled f’Dieuze, Moselle, iben furnar, u bl-assistenza ta’ benefattur għani, huwa studja l-vjolin fil-Konservatorju f’Lille qabel ma attenda l-Konservatorju ta’ Pariġi fl-1881. Hemmhekk huwa ħa lezzjonijiet fil-kompożizzjoni taħt Jules Massenet (mill-1885) u kellu reputazzjoni li kien iħobb jaħsad lill-professuri tiegħu. Fl-1887 huwa rebaħ il-Prix de Rome għall-kantata tiegħu Didon.[1] Matul iż-żmien li qatta’ f’Ruma permezz tal-premju, huwa kiteb il-kompożizzjoni orkestrali Impressions d'Italie u beda jaħdem fuq il-librett u l-mużika tal-iktar xogħol magħruf tiegħu, l-opra Louise.

Charpentier reġa’ lura f’Pariġi, u stabbilixxa ruħu f’Montmartre, u kompla jikkomponi, inkluż kanzunetti bbażati fuq lirika ta’ Charles Baudelaire u Voltaire. Huwa eventwalment lesta l-opra Louise, u din ġiet aċċettata għall-produzzjoni mill-Opéra-Comique. Din l-opra titqies bħala ritratt realistiku tal-ħajja ta’ kuljum tal-ħaddiema f’Pariġi, u xi kultant titqies bħala eżempju Franċiż ta’ opra tal-veriżmu (bit-Taljan: verismo).

L-opra Louise twettqet għall-ewwel darba fit-2 ta’ Frar 1900 taħt id-direzzjoni ta’ André Messager u minnufih kisbet suċċess. F’qasir żmien din l-opra bdiet tintwera madwar l-Ewropa u l-Amerka kollha, u biha Charpentier kiseb fama kbira. Xprunat ukoll il-karriera tas-sopran Skoċċiża Mary Garden, li kellha r-rwol ewlieni f’wieħed mill-ispettakli bikrin. Lejn l-aħħar tal-1935, il-kompożitur issorvelja l-mużika mqassra li ntużat f'reġistrazzjoni fi studjo ta’ madwar 70 minuta tal-opra, diretta minn Eugène Bigot.[2] Adattament tal-opra f’film sar fl-1939 bi Grace Moore fir-rwol ewlieni. Fit-turija mill-ġdid ta’ Louise fl-Opéra-Comique fit-28 ta’ Frar 1950, bħala ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju tal-ħolqien tagħha u għeluq snin il-kompożitur li kien għalaq 90 sena, kien hemm it-tama li Charpentier innifsu jiddirieġi l-opra, iżda ddiriġiha André Cluytens, u l-kompożitur iddirieġa x-“Chant de l'apothéose” wara t-tielet att.[3]

Riklami ta’ kunċert mill-Conservatoire Populaire de Mimi Pinson fl-eks Palais du Trocadéro

Louise okkażjonalment għadha tintwera sa llum, bl-aria tas-sopran “Depuis le jour” li hija pjuttost popolari. Fl-1902, Charpentier waqqaf il-Conservatoire Populaire Mimi Pinson, bil-ħsieb li jipprovdi edukazzjoni artistika mingħajr ħlas għall-ħaddiema nisa f’Pariġi. Madankollu, huwa ma baqax produttiv bħala kompożitur. Huwa ħadem fuq l-opra Louise, Julien, ou la vie d'un poète, ta’ wara l-opra ewlenija tiegħu, iżda malajr intesiet wara li ntweriet għall-ewwel darba fl-1913. Minn dak iż-żmien ’il quddiem, Charpentier ma tantx ikkompona iktar.

Madankollu, ma baqax b’idejh fuq żaqqu. Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, huwa beda l-Œuvre de Mimi Pinson u l-Cocarde de Mimi Pinson biex jgħin lis-suldati midruba.[4] Huwa ngħata l-Légion d'honneur fl-1900, sar Commandeur fl-1930, u Grand Officier fl-1950.[5] Fl-1934, huwa ddirieġa reġistrazzjoni tal-Impressions d'Italie tiegħu minn orkestra sinfonika ta’ Pariġi.[6] Huwa miet tal-età ta’ 95 sena f’Pariġi.

Ħu Charpentier, Victor (li twieled ukoll f’Dieuze, fit-23 ta’ Lulju 1867) kien ċellista fl-orkestra tal-Opera ta’ Pariġi u iktar ’il quddiem sar surmast ta’ kunċerti sinfoniċi popolari f’Pariġi.[7] Fl-1931 Marc Delmas ippublika bijografija ta’ Charpentier intitolata Gustave Charpentier et le Lyrisme Francais.

Kompożizzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Didon, Scène dramatique – 1887
  • Impressions d'Italie – 1892
  • La vie du poète – sinfonija-dramm – 1892
  • Sérénade à Watteau (lirika ta’ Verlaine) – 1896
  • La couronnement de la muse – spettaklu – 1897
  • Louise – 1900
  • Munich – poeżija sinfonika – 1911
  • Julien, ou La vie du poète – 1913
  • L'amour au faubourg – 1913 (qatt ma ndaqqet)
  • Orphée – 1931 (mhux kompluta)
  • Kanzunetti

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ a b Langham Smith R., "Gustave Charpentier", The New Grove Dictionary of Opera. Macmillan, London and New York, 1997.
  2. ^ Potter T., Notes for the Naxos "Great Opera Recordings" CD re-issue of the 1935 recording, 2003.
  3. ^ Baeck E., André Cluytens: Itinéraire d'un chef d'orchestre. Editions Mardaga, Wavre, 2009.
  4. ^ Charpentier, Gustave. Miġbur 2021-06-25.
  5. ^ Orledge R., "Gustave Charpentier", The New Grove Dictionary of Music. Macmillan, London and New York, 2001.
  6. ^ Re-issued on VAI1075, 1994.
  7. ^ Cinquante Ans de Musique Française de 1874 à 1925. Les Éditions Musicales de la Librairie de France, Paris, 1925.