Glen Johnson

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Glen Johnson
Informazzjoni personali
Isem sħiħGlen McLeod Cooper Johnson
Twelid23 ta' Awwissu 1984 (1984-08-23) (39 sena)
Dartford, Ingilterra
Tul1.82 m
RwolDifensur
Mixtliet
1993–2002West Ham United
Karriera professjonali
SninKlabb
2002–2003West Ham United
2002Millwall (self)
2003–2007Chelsea
2006–2007Portsmouth (self)
2007–2009Portsmouth
2009–2015Liverpool
2015–2018Stoke City
Tim nazzjonali
2003–Ingilterra

Glen McLeod Cooper Johnson (twieled fit-23 ta' Awwissu 1984) huwa eks-plejer tal-futbol Ingliż li kien jilgħab bħala difensur fuq il-faxxa leminija.

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

West Ham[immodifika | immodifika s-sors]

Johnson kien prodott tas-sistema ġovanili ta' West Ham United, u l-ewwel kuntratt professjonali wasal nhar l-1 ta' Awwissu 2001 fl-età ta' 16-il sena, kuntratt ta' tliet snin fejn ingħata l-flokk numru 23.[1] Biċ-ċansijiet mal-ewwel tim ikunu limitati, eventwalment hu ngħaqad mar-rivali lokali Millwall taħt self għal erba' ġimgħat, fejn iddebutta fiċ-Championship f'telfa barra minn darhom kontra Norwich City tad-19 ta' Ottubru. Il-perjodu ta' self ġie estiż darbtejn f'xahar, qabel ma ġie msejjaħ lura lejn Upton Park. Id-debutt mat-tim tal-kapitali Ingliża wasal fit-22 ta' Jannar 2003, fit-telfa kontra Charlton Athletic, fejn daħal bħala sostitut għall-midfilder Édouard Cissé.[2] Hu għamel total ta' ħmistax-il dehra fil-Premiership — u dehra oħra fl-FA Cup — matul l-istaġun 2002–03, fejn kien sar pedina importanti fit-tim ta' West Ham. Nhar it-18 ta' Marzu 2003 iffirma kuntratt ġdid ta' erba' snin.[1] Madanakollu, l-aħħar dehra bil-flokk tal-Hammers wasal fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat, fil-11 ta' Mejju 2003, fil-pari barra minn darhom kontra Birmingham — partita li kellhom bżonn jirbħu biex b'hekk rathom jiġu relegati għall-Ewwel Diviżjoni.[3]

Chelsea[immodifika | immodifika s-sors]

Xahrejn biss wara, hu ngħaqad mar-rivali tal-kapitali Chelsea, fejn iffirma nhar il-15 ta' Lulju għal somma ta' madwar £6 miljun.[4] Id-debutt tiegħu wasal fit-13 ta' Awwissu fir-rebħa kontra Žilina fiċ-Champions League 2003–04, u l-ewwel gowl tiegħu wasal fil-partita ta' ritorn, ġimgħatejn wara. Fil-kampjonat iddebutta f'Anfield kontra Liverpool, fis-17 ta' Awwissu, imma kellu jistenna sad-9 ta' Novembru biex isib l-ewwel gowl tiegħu mal-Blues fejn fetaħ l-iskor fir-rebħa kbira ta' 5–0 fuq Newcastle United.

Bil-preżenza ta' Paulo Ferreira u l-plejer versatili Geremi, matul l-istaġun 2005–06 Johnson lagħab biss ftit partiti. B'riżultat t'hekk, f'Ġunju tal-2006 Johnson ingħaqad ma' Portsmouth għal perjodu ta' self sal-aħħar tal-istaġun, u fir-ritorn tiegħu ma' Chelsea beda l-finali tal-Community Shield 2007 u l-ewwel partita tal-istaġun kontra Birmingham City.

Portsmouth[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-31 ta' Awwissu 2007, fl-aħħar ġurnata tas-suq tat-trasferimenti, Johnson iffirma kuntratt ta' erba snin ma' Portsmouth, għal somma li ddur madwar l-£4 miljun.[5] Mid-debutt tiegħu fit-telfa ta' 3–1 kontra l-Arsenal, hu sar regulari mal-ewwel ħdax fuq il-faxxa leminija tad-difiża. L-ewwel gowl tiegħu wasal fl-20 ta' Ottubru b'azzjoni personali minn nofs il-grawnd kontra Wigan Athletic. L-ewwel unur mat-tim il-ġdid kienet l-FA Cup 2008, fejn lagħab il-partita sħiħa kontra Cardiff.

Il-prestazzjonijiet tajbin tiegħu wasslu biex ikun hemm għajdut li timijiet bħal Liverpool lesti li joffru £9 miljun għas-servizzi ta' Johnson, però dan tal-aħħar nhar id-9 ta' Jannar 2009 iffirma kuntratt ġdid ta' erba' snin u nofs.[6] Madanakollu, l-għajdut fuq possibbiltà ta' trasferiment ma waqfux.[7]

Fi tmiem l-istaġun 2008–09 ġie msejjaħ fit-Tim tas-Sena tal-PFA minkejja staġun diżappuntanti għal Portsmouth fejn irnexxielhom iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni Ingliża, b'7 punti 'l fuq mir-relegazzjoni.[8]

Rappreżentant ta' Portsmouth ikkonferma fit-13 ta' Ġunju 2009 li saret offerta għal Johnson u hu kellu aktar ċans li fl-istaġun li jmiss jilgħab ma' klabb ġdid, b'Chelsea, Liverpool u Manchester City ikunu fost l-interessati. Fis-16 ta' Ġunju 2009, Portsmouth qablu fuq somma ta' madwar £17-il miljun mit-tim ta' Liverpool li għelbu lil Chelsea u Manchester City għall-firma tal-plejer. Glen Johnson stqarr ma' xi uffiċjali ta' Anfield li hu jridu jingħaqad mar-Reds.[9]

Liverpool[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-22 ta' Ġunju ġie finalizzat it-trasferiment tiegħu għal mat-tim ta' Liverpool fejn iffirma kuntratt ta' erba' snin.[10] Johnson iddebutta fl-ewwel partita tal-istaġun, fit-telfa ta' 2–1 kontra Tottenham Hotspur, waqt li l-ewwel gowl tiegħu wasal fid-19 ta' Awwissu 2009 kontra Stoke City.[11]

Internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Johnson ingħata d-debutt mat-tim nazzjonali tal-Ingilterra nhar it-18 ta' Novembru 2003 kontra d-Danimarka, fejn daħal bħala sostitut għall-imweġġa' Gary Neville wara sittax-il minuta.

Wara prestazzjonijiet xejn brillanti fil-logħba tal-ħbiberija kontra d-Danimarka ta' Awwissu 2005, hu tilef postu bħala s-"sostitut" ta' Gary Neville lil Luke Young, li lagħab fiż-żewġ partiti ta' kwalifika tat-Tazza tad-Dinja. Johnson kellu jistenna sal-ħatra ta' Fabio Capello bħala l-kowċ il-ġdid tal-Ingilterra, li semmieh mal-iskwadra ta' Jannar 2008. Ir-ritorn tiegħu wasal fir-rebħa ta' 2–0 fuq l-Andorra.

Unuri[immodifika | immodifika s-sors]

Klabb[immodifika | immodifika s-sors]

Chelsea
Portsmouth
Liverpool

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b "Hammers clinch Johnson deal" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2003-03-18. Miġbur 2008-08-19.
  2. ^ "Charlton 4-2 West Ham Match" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2003-02-11. Miġbur 2008-08-19.
  3. ^ "Birmingham 2-2 West Ham" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2003-05-11. Miġbur 2008-08-19.
  4. ^ "Johnson seals Chelsea move" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2003-07-15. Miġbur 2008-08-19.
  5. ^ "Portsmouth sign full-back Johnson" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2007-08-31. Miġbur 2007-08-31.
  6. ^ "Johnson signs contract" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-01-09. Miġbur 2009-01-09.
  7. ^ "Benitez must sell before buying" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-04-28. Miġbur 2009-04-28.
  8. ^ "Giggs wins Player of Year award" (bl-Ingliż). Premier League. 2009-04-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-04-30. Miġbur 2009-05-26.
  9. ^ "Liverpool poised to sign Johnson" (bl-Ingliż). BBC Sport. 2009-06-16. Miġbur 2009-06-16.
  10. ^ "REDS AGREE JOHNSON DEAL" (bl-Ingliż). Liverpoolfc.tv. 2009-06-22. Miġbur 2009-06-24.
  11. ^ "Liverpool 4 - 0 Stoke" (bl-Ingliż). BBC. 2009-08-19. Miġbur 2009-08-19.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]