Għar tas-Silġ ta' Dobšiná
L-Għar tas-Silġ ta' Dobšiná (bis-Slovakk: Dobšinská ľadová jaskyňa; bl-Ungeriż: Dobsinai-jégbarlang)[1][2][3] huwa għar tas-silġ fis-Slovakkja, qrib ir-raħal tal-industrija tal-estrazzjoni ta' Dobšiná fil-Park Nazzjonali tal-Ġenna Slovakka. Fis-sena 2000 l-għar tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala parti mill-Għerien Karstiċi ta' Aggtelek u tas-Slovakkja.[4]
Fost il-viżitaturi famużi li żaru l-għar tas-silġ kien hemm il-Prinċep Awgustu von Sachsen Gotha u martu fl-1872, Ferdinand de Lesseps (il-kostruttur tal-Kanal ta' Suez) u grupp ta' kittieba Franċiżi fl-1884, il-Ksar Bulgaru Ferdinandu I fl-1890, u l-esploratur polari Fridtjof Nansen fl-1900.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-għar ġie skopert fil-15 ta' Ġunju 1870 mill-inġinier irjali tal-estrazzjoni Jenő Ruffinyi, akkumpanjat minn Gustáv Lang u Andrej Mega, għalkemm id-daħla kienet ilha magħruf minn żmien żemżem mir-rgħajja u mill-kaċċaturi bħala Studená diera (Ħofra Kiesħa). L-għar infetaħ għall-pubbliku sena wara l-iskoperta. Fl-1887 sar l-ewwel għar fl-Ewropa li ġie mdawwal bl-elettriku.
Għall-ħabta ta' dak l-istess żmien, 7,171 metru kwadru tal-erja magħrufa tal-għar ta' 8,874 metru kwadru ġew irrapportati li kienu miksijin bis-silġ. Il-volum totali tas-silġ ġie stmat li kien 125,000 metru kubu, u b'hekk jitqies bħala wieħed mill-iżjed għerien tas-silġ importanti fid-dinja. Il-ħxuna tas-silġ tilħaq sa 26.5 metru.[5]
L-art tal-għar ġejja għan-niżla mid-daħla li tħares lejn it-Tramuntana; dan jirriżulta fit-tkessiħ rapidu tal-għar fix-xitwa peress li l-arja kiesħa tista' tinżel 'l isfel. Min-naħa l-oħra, minn ġewwa l-għar huwa pjuttost protett mill-ambjent sħun fis-sajf. Għaldaqstant it-temperatura annwali medja tibqa' madwar 0 °C. L-għar imtela' bis-silġ permezz tar-ripetizzjoni ta' dan iċ-ċiklu għal bosta sekli. Huwa stmat li l-għar għandu bejn wieħed u ieħor 250,000 sena.
L-għar jinsab 130 metru 'l fuq mix-xmara Hnilec, u d-daħla tinsab f'altitudni ta' 971 metru. It-tul totali tal-għar hu 1,491 metru[6] (xi sorsi jsostnu li huwa 1,232 metru)[7], li minnhom 475 metru + 43 metru individwali huma miftuħa għall-pubbliku minn Mejju sa Settembru.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għar tas-Silġ ta' Dobšiná, komponent tal-Għerien Karstiċi ta' Aggtelek (l-Ungerija) u tas-Slovakkja, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji transnazzjonali tal-UNESCO fis-sena 2000.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Ford, Derek; Williams, Paul D. (2013). Karst Hydrogeology and Geomorphology. New York: John Wiley & Sons.
- ^ Talalay, Pavel G. (2016). Mechanical Ice Drilling Technology. Singapore: Springer. p. 120.
- ^ Strhan, Milan; Daniel, David P. (1994). Slovakia and the Slovaks: A Concise Encyclopedia. Bratislava: Encyclopedical Institute of the Slovak Academy of Sciences. p. 148.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Caves of Aggtelek Karst and Slovak Karst". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-21.
- ^ Brockhaus' Konversations-Lexikon. 14th ed., Leipzig, Berlin and Vienna 1894; Vol. 5, pp. 377-378.
- ^ "Dobšinská Ice Cave". www.ssj.sk. Miġbur 2023-03-21.
- ^ "Slovakia.travel - Caves - Dobšinská ľadová jaskyňa cave". web.archive.org. 2007-10-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-06. Miġbur 2023-03-21.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)