Aqbeż għall-kontentut

François-Alphonse Forel

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
François-Alphonse Forel

Ritratt fotografiku ta' Chastellain & Gross.
Ħajja
Twelid Morges, 2 Frar 1841
Nazzjonalità Żvizzera
Mewt Morges, 8 Awwissu 1912
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Ġinevra
Paris Medical Faculty (en) Translate
Université de Montpellier. Faculté des sciences (mul) Translate
Università ta' Würzburg
Lingwi Franċiż
Ġermaniż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni limnologu
għalliem fl-università
tabib
żoologu
anatomista
fiżjologu
naturalista
Impjegaturi Università ta' Lausanne
Sħubija Akkademja Ġermaniża tax-Xjenzi Leopoldina

François-Alphonse Forel (twieled fit-2 ta' Frar 1841 – miet fis-7 ta' Awwissu 1912) kien fiżiku u xjenzat Żvizzeru[1], pijunier fl-istudju tal-lagi, u għaldaqstant jitqies bħala l-fundatur u l-missier tal-limnoloġija.[2] Il-limnoloġija hija l-istudju tal-korpi tal-ilma ħelu u tal-karatteristiċi bijoloġiċi, kimiċi u fiżiċi tagħhom.[3]

Tfulija u familja

[immodifika | immodifika s-sors]

Forel twieled f'Morges, l-Iżvizzera, mal-Lag ta' Ġinevra. Missieru, François Marie Etienne Forel (1765-1865)[4] kien storiku u ġurista rrispettat u kien influwenza qawwija fil-ħajja ta' Forel. Minn età żgħira, François-Alphonse Forel ġie involut f'uħud mill-istudji arkeoloġiċi tal-kollegi ta' missieru. Diversi mill-membri tal-familja ta' Forel kienu wkoll studjużi u xjenzati rrispettati.[4]

Forel beda l-edukazzjoni fil-Kulleġġ ta' Morges. Eventwalment, huwa telaq minn Morges għall-iskola sekondarja f'Ġinevra fil-Gymnase de Genève. Hemmhekk, huwa studja x-xjenzi naturali u l-mediċina. Imbagħad attenda l-università fl-Académie de Genève fejn kiseb Baċellerat tal-Arti u Baċellerat tax-Xjenzi Fiżiċi u Naturali. Meta għalaq 18-il sena, huwa telaq minn pajjiżu biex jattendi l-Académie de Montpellier f'Montpellier, Franza. Huwa studja fl-università għal sentejn u wara qatta' xi żmien jistudja l-mediċina waħdu f'Pariġi. Iktar 'il quddiem, huwa mar il-Ġermanja u studja fl-Università ta' Würzburg. Fl-1865, meta Forel kellu 24 sena, huwa kiseb Dottorat fil-Mediċina u fl-Ostetriċija.[4]

Xogħol u ħajja professjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit wara li ggradwa u kiseb id-dottorat tiegħu, Forel reġa' lura lejn il-Lag ta' Ġinevra fl-Iżvizzera. Hemmhekk, huwa beda l-istudju personali tiegħu tal-lag li kien jinvolvi ż-żootomija, il-fiżika, il-kimika, il-bijoloġija, l-istorja naturali, u saħansitra l-ekonomija.[5] Fl-1869, huwa sar professur tax-xjenza fl-Università ta' Lausanne (li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala l-Akkademja ta' Lausanne), li kienet tinsab ħdejn id-dar tiegħu mal-Lag ta' Ġinevra. Huwa kien jgħallem l-istoloġija, l-anatomija u l-fiżjoloġija.

Madankollu, in-namur tiegħu kien il-lag[6]; l-investigazzjonijiet tiegħu fil-bijoloġija, fil-kimika, fiċ-ċirkolazzjoni tal-ilma, u fis-sedimentazzjoni, u l-iktar importanti fl-interazzjonijiet tagħhom, stabbilew is-sisien ta' dixxiplina ġdida. Huwa sejjaħ l-attività tiegħu limnoloġija b'analoġija għall-oċeanografija ("limnografija" setgħet tiġi konfuża mal-limnografu, li jkejjel il-livell tal-ilma fil-lagi).

L-iktar xogħol importanti tiegħu, Le Léman, ġie ppubblikat fi tliet volumi bejn l-1892 u l-1904.[7] Il-volumi koprew firxa ta' temi, fosthom id-definizzjoni tal-limnoloġija, kif ukoll l-aspetti ġeografiċi, il-ġeoloġija, il-klimatoloġija, l-idroloġija u l-batimetrija tas-sistemi tal-lagi. Il-monografu mbagħad kien jiddeskrivi l-idrawlika, l-oxxillazzjonijiet fil-livell tal-ilma, il-mewġ u l-kurrenti, l-istratifikazzjoni tat-temperatura, l-ottika, l-akustika u l-kimika tal-lag. Dan kollu ssaħħaħ bil-pubblikazzjoni tiegħu ta' manwal dwar dan is-suġġett.[8] Huwa skopra l-fenomenu tal-kurrenti tad-densità fil-lagi, u spjega l-oxxillazzjonijiet ritmiċi fil-livell tal-ilma tal-lag.[6]

Huwa magħruf ukoll għax-xogħol tiegħu dwar il-fenomenu ottiku tal-miraġġ (magħruf bħala "Fata Morgana") li jista' jiġi osservat meta wieħed iħares minn naħa għall-oħra tal-Lag ta' Ġinevra f'diversi postijiet.[9]

B'kollaborazzjoni ma' Wilhelm Ule, huwa żviluppa l-iskala ta' Forel-Ule, li tintuża biex jiġi evalwat il-kulur ta' korp tal-ilma. F'qasam different għalkollox, f'kooperazzjoni mas-sismologu Taljan Michele Stefano de Rossi, huwa żviluppa l-iskala ta' Rossi-Forel, li tiddeskrivi l-intensità ta' terremot.

L-aħħar tal-ħajja u legat

[immodifika | immodifika s-sors]
Monument tal-iskultur Raphaël Lugeon li tfakkar il-ħajja u l-legat ta' François-Alphonse Forel.

Sa żmien mewtu fl-1912, huwa kien ħareġ total ta' 288 pubblikazzjoni akkademika.

Tant kellu għarfien wiesa' li kienu jirreferu għalih bħala "il-Faraday tal-Lagi" meta tfakkret il-mewt tiegħu fir-rivista Nature.[2] Kien irrispettat ferm mill-komunità xjentifika Skoċċiża, li żarha mill-inqas darba, u ġie elett ukoll bħala membru onorarju tas-Soċjetà Rjali ta' Edinburgu.

L-Istitut François-Alphonse Forel tal-Università ta' Ġinevra msemmi għalih.

Foreltinden, muntanja fi Spitsbergen, Svalbard, in-Norveġja msemmija għalih ukoll.[10]

L-istazzjon ta' Forel f'Maule, iċ-Ċilì msemmi għalih peress li kien għex qrib l-istazzjon.

Is-sottomarin François-Alphonse Forel (PX-28) ġie msemmi għali u ntuża biex jittieħdu l-kejliet xjentifiċi fil-Lag ta' Ġinevra.

  1. "François-Alphonse Forel | French physician and scientist". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  2. 1 2 "Prof. F. A. Forel". Nature (bl-Ingliż). 89 (2234): 638–639. 1912-08-01.
  3. "Definition of LIMNOLOGY". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-07.
  4. 1 2 3 Forel, François-Alphonse (1886). Le lac Léman : précis scientifique /. Bâle: H. Georg.
  5. "François-Alphonse Forel (1841-1912)" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-06-14. Miġbur 2021-08-07.
  6. 1 2 Vincent, Warwick F., and Carinne Bertola. "Lake physics to ecosystem services: Forel and the origins of limnology." Limnology and Oceanography e‐Lectures 4, no. 3 (2014): 1-47.
  7. Forel, F.A., 1892. Lake Geneva, Monograph of Limnology (three volumes, in French), Volume II (1895). Librairie de l’université Lausanne.
  8. Mill, H.R., 1901. Prof. Forel on Limnology. The Geographical Journal, 17(3), pp. 296-298.
  9. Forel, F.A., 1913. XV.—The Fata Morgana. Proceedings of the Royal Society of Edinburgh, 32, pp. 175-182.
  10. Lauritzen, Per Roger, ed. (2009). "Foreltinden". Norsk Fjelleksikon (in Norwegian). Arendal: Friluftsforlaget. ISBN 978-82-91-49547-7.