Aqbeż għall-kontentut

Forti Rikażli

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Forti Rikażli kif jidher mill-Belt Valletta
Mappa tal-Forti Rikażli

Il-Forti Rikażli (jew Ricasoli) hija fortizza fil-Kalkara, Malta, li nbniet mill-Ordni ta' San Ġwann bejn l-1670 u l-1698. Il-forti tinsab fid-daħla tal-Port il-Kbir, u tipprotegi l-entratura tal-port flimkien mal-Forti Sant'Iermu. Rikażli hija l-ikbar fortizza f'Malta, u qiegħda fuq il-lista tentattiva ta' Patrimonju tal-umanità tal-UNESCO, bħala parti mill-Fortifikazzjonijiet tal-Kavallieri madwar il-Portijiet ta' Malta.

Fort Rikażli rat użu matul l-invażjoni Franċiża fl-1798, u l-insurrezzjoni Maltija li spiċċat fl-1800, meta Malta spiċċat taħt l-idejn tal-Ingliżi. Fl-1807, Rikażli kienet is-sit t'ammutinament mir-Reġiment Froberg, u matul is-seklu dsatax intużat ukoll bħala sptar militari. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-forti kienet parti mid-difiża ta' Malta, u partijiet minnha inqerdu minn bumbardament mill-ajru. Il-fortizza ingħatat lill-Gvern Malti fl-1964, u wara intużat għal skopijiet industrijali. Illum, il-fortizza għada teżisti, iżda tinsab fi stat dilapidat, u hija użata bħala post fejn jinġibdu l-films, kif ukoll bħala faċilità għat-tindif tat-tankijiet.

Żmien il-Kavallieri

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Forti Rikażli tinsab fuq l-ewwel peniżola fuq in-naħa tal-lvant tal-Port il-Kbir. Il-promontorju oriġinarjament kien magħruf bħala l-Ponta ta' Rinella jew Punta Sottile. Fl-1531, żewġ skjavi li kienu pruvaw jieħdu l-Forti Sant’Anġlu inqatlu fuq din il-ponta, li saret magħrufa bħala l-Ponta tal-Forka. Fl-Assedju l-Kbir tal-1565, it-Torok bnew batteriji fuq din il-ponta sabiex jibbumbardjaw il-Forti Sant'Iermu.[1]

Fit-18 ta' Jannar 1629, il-kavallier Taljan Alessandro Orsi iffinanzja l-kostruzzjoni ta' torri fuq din il-biċċa art. Dan it-torri kien imsejjaħ uffiċjalment bħala Torre San Petronio, imma kien komunament magħruf bħala t-Torri Orsi jew it-Torri Teftef mill-Maltin.[2] It-torri kien tond, u kien mibni biex ma jħallix l-iskjavi milli jaħarbu minn Malta. Aktar tard, ġiet mibnija batterija semi-ċirkulari madwar it-torri, u din kienet magħrufa bħala l-Batterija Orsi jew il-Batterija San Petronio. It-torri u l-batterija kienu mdawra b'foss mimli bl-ilma baħar.[3] It-torri u l-batterija inqerdu f'maltempata fit-8 ta' Frar 1821,[1] u llum l-unika parti minnhom li għadha teżisti hu l-foss tal-batterija mħaffer fil-ġebel.[4]

Fl-1644, Giovanni de’ Medici ppropona li l-Forti Sant'Anġlu fil-Birgu jiġi abbandunat, u tinbena fortizza ġdida fuq il-Ponta Orsi. Din il-fortizza ġdida kellha tkun imsemmija Forti Sant'Anġlu wkoll, u kellha tkun imħaddma mill-ekwipaġġ tal-gwarniġġjon tal-forti tal-Birgu. Għalkemm Medici fassal pjanijiet għall-forti l-ġdida, dawn qatt ma ġew implimentati.[1]

Pittura tal-Port il-Kbir f'madwar 1750, bil-Forti Rikażli fuq ix-xellug u l-Forti Sant'Iermu fuq il-lemin

Fl-1669, wara li l-Imperu Ottoman ħa Kandja fi Kreta mir-Repubblika ta' Venezja, żdiedu l-biżgħat ta' attakk Tork fuq il-gżejjer Maltin. Minħabba dan, fl-1670 il Gran Mastru Nicolas Cotoner stieden lill-inġinier militari Antonio Maurizio Valperga biex itejjeb il-fortifikazzjonijiet ta' Malta. Valperga fassal pjanijiet ta' fortizza ġdida biex tinbena fuq il-Ponta Orsi, u għalkemm kien hemm xi kritika minn xi membri tal-Ordni, il-pjanijiet ġew approvati. Il-kavallier Fjorentin Giovanni Francesco Ricasoli ħallas 20,000 skud biex tinbena l-forti, u minħabba dan il-fortizza ssemmiet Forte Ricasoli fl-unur tiegħu.[3]

L-ewwel ġebla tal-fortizza tqiegħdet fil-15 ta' Ġunju 1670, u l-ewwel stadji tal-kostruzzjoni ġew ssorveljati mill Valperga innifsu. Il-forti rċeviet l-ewwel gwarniġġjon f'Ġunju tal-1674, għalkemm ma kinitx għadha kompluta. Fl-1681, l-inġinier Fjamming Carlos de Grunenbergh għamel xi tibdiliet fid-disinn tal-fortizza. Il-kwartieri tas-suldati, il-kappella u l-bini ieħor fil-fortizza nbnew wara l-1685, u Rikażli kienet uffiċjalment iddikjarata kompluta u armati f'Mejju tal-1698.[3]

Fl-1714, l-inġiniera Franċiżi René Jacob de Tigné, Charles François de Mondion u Philippe de Vendôme ikkritikaw id-disinn tal-fortizza, u fl-1722 ġew implimentati xi emendi proposti minn de Tigné. F'nofs is-seklu XVIII, il-fortizza kienet fi stat ħażin, u xi xogħol ta' manutenzjoni sar fl-1761.[3]

Il-Forti Rikażli kien jintuża wkoll bħala ħabs qabel ma nbniet il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.[5]

Okkupazzjoni Franċiża

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel darba li l-Fort Rikażli rat użu militari kien waqt l-invażjoni Franċiża ta' Malta f'Ġunju 1798, matul il-Gwerer rivoluzzjonarji Franċiżi. Dak iż-żmien, il-fortizza kienet kmandata mill-Bali de Tillet, u l-gwarniġġjon tagħha kien jikkonsisti mill-Cacciatori, li kien reġiment voluntier tal-infanterija.[6] Il-fortizza rnexxielha tirripella tliet attakki Franċiżi, u ċediet wara li l-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch uffiċjalment ċeda Malta 'l Napuljun.[3]

Fir-rewwixta tal-Maltin tal-1798 sal-1800, il-fortizza baqgħet f'idejn il-Franċiżi. Il-kanuni tal-fortizza kienu jattakkaw ta' spiss lill-Batterija ta' San Rokku, li ġiet mibnija mill-Maltin madwar 700 metru 'l bogħod minn Rikażli.[7]

Żmien l-Ingliżi

[immodifika | immodifika s-sors]
Pittura tal-Forti Rikażli fil-bidu tas-seklu 20

Il-forti kompla jintuża bħala installazzjoni militari matul żmien l-Ingliżi. Fl-1807, suldati Albaniżi u Griegi tar-Reġiment Froberg li kienu stazzjonati ġo Rikażli rribellaw u ħadu xi ostaġġi. Wara ftit jiem, ħafna mir-ribelli ċedew, iżda ftit mir-ribelli baqgħu ġol-fortizza u splodew il-porvlista, u b'hekk ikkawżaw ħsara estensiva lid-Demi-Bastjun ta' San Duminku. Uħud mir-ribelli ġew ikkundannati għall-mewt minn qorti marzjali wara dan.[8] Il-partijiet tal-fortizza li kienu sofrew ħsara ssewwew, għalkemm ma reġgħux inbnew fuq id-disinni oriġinali. Fl-1829, inbniet porvlista ġdida flok dik li nqerdet waqt l-isplużjoni.[3]

Qabel ma nfetaħ l-isptar ta' Bighi, partijiet mill-fortizza ntużaw bħala sptar navali.[9] Fl-1837, matul l-epidemija tal-kolera, xi pazjenti mill-Ospizio fil-Furjana li kienu mardu bil-kolera kienu trasferiti f'Rikażli. Ħafna minnhom mietu wara ftit ġranet, u dawn indifnu fiċ-ċimiterju ta' Wied Għammieq, li jinsab qrib il-fortizza.[10] Epidemija tal-kolera oħra faqqgħet f'Rikażli fl-1865.[11]

Ajruplan Taljan jibbumbardja l-Port il-Kbir fl-1941, bil-Forti Rikażli jidher fil-kantuniera

Fl-1844, Rikażli kellha gwarniġġjon ta' 500 ruħ. Fl-1848, Sir John Fox Burgoyne spezzjona l-fortifikazzjonijiet ta' Malta, u kkunsidra Rikażli bħala impregnabbli. F'madwar l-1854, artillerija ta' kalibru ogħla ġiet introdotta fil-fortizza, u l-kanuni ġew immodifikati jew mibdula diversi drabi matul is-snin ta' wara. Sal-1878, il-parti tal-fortizza li tħares lejn il-baħar ġiet ristrutturata, u wara l-1900 ġew installati numru ta' searchlights u stazzjon tat-torpidows. Fit-tletinijiet, torrijiet tal-konkrit magħrufin bħala Fire Control Towers inbnew fuq is-Swar Nru. 2, 3 u 4.[3]

Il-Forti Rikażli kien ukoll attiv fid-difiża ta' Malta matul it-Tieni Gwerra Dinjija. F'April tal-1942, il-bieb tal-fortizza u d-Dar tal-Gvernatur inqerdu minn bumbardament mill-ajru Ġermaniż. Wara l-gwerra, il-forti kien kkummissjonat mir-Royal Navy bħala HMS Ricasoli bejn l-1947 u l-1958, u kien jipprovdi taħriġ għall-popolazzjoni navali. Fl-1958, il-bieb tal-fortizza reġa inbena, għalkemm id-disinn kien ftit differenti mill-oriġinal. Id-Dar tal-Gvernatur qatt ma reġgħet inbniet minħabba raġuni finanzjarji.[3] Fl-1964, l-Ammiraljat ittrasferixxa kontroll tal-fortizza lill-Gvern Malti.[1]

Storja riċenti

[immodifika | immodifika s-sors]

Użu industrijali

[immodifika | immodifika s-sors]
Tankijiet taż-żejt fil-foss tal-fortizza

Wara l-fortizza ingħatat lill-Gvern Malti, kienet abbandunata għal ftit snin, sakemm saret depot fejn kien jinħażen materija prima li jasal Malta. Minħabba dan, parti mill-foss ħdejn ir-ravellin tax-xellug kien mimli bit-terrapien, u parti mid-Demi-Bastjun ta' San Duminku twaqqgħet sabiex tgħaddi triq ġdida.[1]

Fl-1964, parti mill-foss tal-fortizza sar impjant għat-tindif tat-tankijiet, u kien jagħmel parti mill-Malta Drydocks. Dan it-depot, li llum hu magħruf bħala Ricasoli Tank Cleaning Facilities, jittratta likwidu mill-bastimenti li jaslu fil-Port il-Kbir u jneħħilhom iż-żejt u kimiċi oħra qabel jintrema fil-baħar.[12] Din il-faċilità ġiet ipprivatizzata fl-2012,[13] u bħalissa hu taħt l-idejn ta' Waste Oils Co. Ltd.[14]

L-inħawi ta' madwar il-fortizza eventwalment saru żona industrijali magħrufa bħala ż-Żona Industrijali ta' Rikażli. Il-fabbriki li kien hemm f'din iż-żona twaqqgħu fl-2007 sabiex tinbena SmartCity Malta.[15]

Ġbid ta' films

[immodifika | immodifika s-sors]

Illum, parti kbira mill-Forti Rikażli hija mikrija lill-Malta Film Commission, u numru ta' films inġibdu hemmhekk. Settijiet kbar inbnew fil-fortizza għall-films Gladiator (2000), Troy (2004) u Agora (2009). F'dawn films, il-forti rrapreżenta l-bliet ta' Ruma, Troy u Lixandra rispettivament.[16] Il-forti wkoll intuża fl-iffilmjar ta' Assassin's Creed (2016).[17]

Il-miniseries tat-televiżjoni Julius Caesar (2002) u Helen of Troy (2003) kienu wkoll parzjalment iffilmjati fil-Forti Rikażli. Sett magħruf bħala t-Triq Rumana inbena għal Julius Caesar, u dan inżamm u intuża għal films oħra.[16]

Il-fortizza ntużat ukoll sabiex jirrappreżenta partijiet mir-Red Keep fl-ewwel staġun ta' Game of Thrones.[18]

Kundizzjoni preżenti

[immodifika | immodifika s-sors]
Parti mill-Forti Rikażli fl-2013, b'xaqq kbir fil-bastjun
Il-kontragwardja tal-Forti Rikażli, li diġà hi nofsha mwaqqa

Illum, il-Forti Rikażli għada relattivament intatta, għalkemm tinsab fi stat dilapidat. L-art li fuqha hi mibnija l-fortizza hija vulnerabbli għall-erożjoni kostali, u fil-fatt parti miss-swar bejn Sur Nru 3 u Sur Nru 4 diġà waqa fil-baħar.[19] Fl-2004, ir-Restoration Unit ħattew, irrestawraw u reġgħu waħħlu parti mis-swar tal-fortizza,[20] iżda s'issa għadu ma sar xejn sabiex tiġi rrestawrata l-forti kollha.[21]

F'Mejju tal-2015, l-Alternattiva Demokratika u diversi NGOs issuġġerew li l-kampus propost tal-Università Amerikana ta' Malta għandu jinqasam bejn il-Forti Rikażli, il-Forti San Rokku u l-Forti San Salvatur.[22] Din il-proposta mhux se tkun implimentata, u l-kampus għandu jinqasam bejn Baċir Nru. 1 f'Bormla u l-ponta taż-Żonqor f'Wied il-Għajn.[23]

M'hemm l-ebda aċċess pubbliku għall-Forti Rikażli.[24]

  1. ^ a b ċ d e Quintano, Anton. "Fortifications: Fort Ricasoli". Heritage: An encyclopedia of Maltese culture and civilization (bl-Ingliż). pp. 1101–1107.
  2. ^ Zammit, Vincent. "Lost Ancient Landmarks: Orsi Tower". Heritage: An encyclopedia of Maltese culture and civilization (bl-Ingliż). pp. 1255–1257.
  3. ^ a b ċ d e f ġ g Bonnici, Hermann (2004–2007). "Fort Ricasoli". Arx – Online Journal of Military Architecture and Fortification (PDF) (bl-Ingliż). pp. 33–38.
  4. ^ "Orsi Battery remains – Fort Ricasoli" (PDF) (bl-Ingliż). National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands. 2013-06-28. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2015-07-14.
  5. ^ "Corradino Correctional Facility" (bl-Ingliż). Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-06-29.
  6. ^ "Caccatori Maltesi" (bl-Ingliż). Historical Re-Enactment Group of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-03-07.
  7. ^ Spiteri, Stephen C. (Mejju 2008). "Maltese 'siege' batteries of the blockade 1798-1800". Arx – Online Journal of Military Architecture and Fortification (PDF) (bl-Ingliż). p. 35.
  8. ^ Dandria, David (2015-02-01). "The 1807 Froberg regiment mutiny at Fort Ricasoli" (bl-Ingliż). Times of Malta. Arkivjat mill-orġinal fl-2015-03-14. Miġbur 2016-01-26.
  9. ^ "Regimental Hospitals and Military Hospitals of the Malta Garrison" (bl-Ingliż). British Army Medical Services And the Malta Garrison 1799–1979. Arkivjat mill-orġinal fl-2016-01-11. Miġbur 2016-01-26.
  10. ^ "Wied Ghammieq Cemetery Sadly neglected" (bl-Ingliż). The Malta Independent. 2006-05-11. Arkivjat mill-orġinal fl-2015-11-17. Miġbur 2016-01-26.
  11. ^ Army Medical Department – Statistical, Sanitary and Medical Reports. – Volume VI. – For the Year 1866 (bl-Ingliż). Londra. 1866. p. 327.
  12. ^ "Decision on Ricasoli port facilities for waste oils postponed" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2015-03-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-12-16.
  13. ^ "Ricasoli Tank Cleaning Farm" (bl-Ingliż). Unit tal-Privatizzazjoni. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17. Miġbur 2016-01-26.
  14. ^ "Waste Oils given 30-year contract to manage Ricasoli Tank Cleaning Facilities" (bl-Ingliż). Times of Malta. 2013-01-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17.
  15. ^ Zammit, Rosanne (2007-08-03). "Mepa approves demolition of Ricasoli factories" (bl-Ingliż). Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17.
  16. ^ a b "Fort Ricasoli" (bl-Ingliż). Malta Film Commission. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17.
  17. ^ Siegel, Lucas (2015-11-04). "New Assassin's Creed Set Pictures, Shooting Information from Malta" (bl-Ingliż). comicbook.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-27.
  18. ^ "Locations of Thrones: Malta (Part 1)" (bl-Ingliż). cultureaddicthistorynerd.com. 2011-08-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-09.
  19. ^ Said, Edward (2006-10-17). "In need of repair" (bl-Ingliż). Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17.
  20. ^ Cini, George (2004-01-20). "Lm110,000 restoration job on Fort Ricasoli rampart" (bl-Ingliż). Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17.
  21. ^ Said, Edward (2010-09-03). "Fort Ricasoli is under serious threat" (bl-Ingliż). Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17.
  22. ^ "Alternative Sites proposal for a new University Campus" (bl-Ingliż). National Independent Forum for Sustainability. 2015-05-25. pp. 10–11.
  23. ^ "'American' University to occupy Dock 1 buildings and reduced Zonqor site" (bl-Ingliż). 2015-08-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-12-22.
  24. ^ "Walk around the coast of Malta – 'from tower to tower'" (bl-Ingliż). agius.com. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-11-17.