Eise Eisinga
Eise Eisinga | |
---|---|
Ħajja | |
Isem propju | Eise Jeltes Eisinga |
Twelid | Dronryp, 21 Frar 1744 |
Nazzjonalità | Repubblika tal-Pajjiżi l-Baxxi |
Mewt | Franeker, 27 Awwissu 1828 |
Edukazzjoni | |
Lingwi | Olandiż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
astronomu produttur tal-istrumenti maxxat tas-suf għalliem fl-università |
Post tax-xogħol | Franeker |
Impjegaturi | Università ta' Franker (1795 - 1811) |
Xogħlijiet importanti | Planetarju ta' Franeker |
Premjijiet |
List
|
Eise Jeltes Eisinga (twieled fil-21 ta' Frar 1744 – miet fis-27 ta' Awwissu 1828) kien astronomu dilettant li bena l-Planetarju ta' Eise Eisinga f'daru fi Franeker, Friesland, in-Netherlands. Il-planetarju għadu jeżisti u huwa l-eqdem planetarju li għadu jaħdem fid-dinja.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Eise Jeltes Eisinga twieled fil-21 ta' Frar 1744 f'Dronryp fin-Netherlands. Huwa kien iben Jelte Eises minn Easterlittens, maxxat tas-suf, u Hitje Steffens minn Winsum.
Għalkemm Eisinga kien bniedem tassew intelliġenti, huwa ma tħalliex imur l-iskola. Meta kellu 17-il sena, huwa kiteb ktieb dwar il-matematika. Barra minn hekk, meta kellu 17-il sena kiteb ktieb ieħor dwar il-prinċipji tal-astronomija. Iktar 'il quddiem huwa kiteb kotba oħrajn dwar suġġetti speċjalizzati fi ħdan il-qasam tal-astronomija. Eisinga sar maxxat tas-suf fi Franeker, in-Netherlands. Bħala awtodidatta, tgħallem il-matematika u l-astronomija, li mbagħad studja wkoll fl-Università ta' Franeker. Meta kellu 24 sena żżewweġ lil Pietje Jacobs (? – 24 ta' Lulju 1788) u kellhom tlett itfal flimkien, tifla u żewġ subien:
- Trijntje (April 1773 – 26 ta' April 1773)
- Jelte (29 ta' Mejju 1774 – 31 ta' Marzu 1809)
- Jacobus (17 ta' Marzu 1784 – 24 ta' Marzu 1858).
Minħabba kriżi politika fl-1787, Eisinga kellu jitlaq minn Friesland u mar jgħix il-Ġermanja. Iktar 'il quddiem mar jgħix f'Visvliet fejn ħadem bħala maxxat tas-suf. Huwa tkeċċa minn Friesland għal ħames snin u għalhekk għex matul dawk is-snin għex f'Visvliet, eżatt mal-fruntiera fi Groningen. Sadanittant, martu mietet, u fis-27 ta' Mejju 1792, huwa żżewweġ lil Trijntje Eelkes Sikkema (21 ta' Frar 1764) f'Visvliet. Flimkien kellhom iben wieħed u żewġt ibniet:
- Eelke (14 ta' Ottubru 1793 – 28 ta' Mejju 1795)
- Hittje (16 ta' Frar 1796 – 8 ta' Mejju 1843)
- Minke (4 ta' Ġunju 1798 – 17 ta' Lulju 1870).
Fl-1795 huwa rritorna lejn Franeker.
Eisinga baqa' jaħdem bħala maxxat tas-suf għal ħajtu kollha, filwaqt li baqa' jħaddem il-planetarju tiegħu bl-għajnuna tal-appoġġ pubbliku, u xi kultant billi kien jagħti xi lekċer bħala mistieden fl-Università ta' Franeker, li Napuljun ordna li tingħalaq fl-1811.
Eisinga miet fis-27 ta' Awwissu 1828, meta kellu 84 sena, fi Franeker.
Planetarju
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-8 ta' Mejju 1774, ġie mbassar li l-qamar u l-pjaneti Merkurju, Venere, Marte, u Ġove kienu se jidhru f'linja qishom qrib xulxin. Ir-Reverendu Eelco Alta minn Boazum, in-Netherlands, ippubblika ktieb fejn interpreta dan il-fenomenu bħala ritorn għall-istat tal-pjaneti f'jum il-ħolqien u li x'aktarx kien se jkun jum il-Ħaqq. Alta bassar li l-pjaneti u l-qamar kienu se jaħbtu ma' xulxin, u b'hekk id-dinja tispiċċa toħroġ mill-orbita tagħha u tinħaraq mix-xemx.[1] Minħabba dan it-tbassir inħoloq paniku kbir fi Friesland dak iż-żmien.
Jingħad li Eisinga ddeċieda jibni planetarju fis-salott tad-dar tiegħu biex juri li ma kienx hemm għalfejn wieħed jikkonfondi. Huwa ried ilestih fi żmien sitt xhur, iżda eventwalment lestih seba' snin wara fl-1781. Matul l-istess sena, ġiet skoperta l-pjaneta Uranu, iżda ma kienx hemm spazju għal din il-pjaneta fuq is-saqaf tas-salott tiegħu, fejn kien jinsab il-planetarju tiegħu (kienu kien ikun hemm bżonn spazju ta' madwar sitt darbiet iktar mid-daqs attwali). Madankollu, riċerka reċenti tindika li din il-kumbinazzjoni rrakkontata matul is-snin hija kemxejn dubjuża, anke għaliex milli jidher Eisinga kien beda jibni l-planetarju qabel il-pubblikazzjoni ta' Alta.[2] Madankollu, bil-kostruzzjoni tal-planetarju Eisinga ffranka ħafna ħin, peress li ma kellux għalfejn jibqa' jikkalkula l-pożizzjonijiet rispettivi tal-pjaneti manwalment.
Fit-30 ta' Ġunju 1818, ir-Re Wilhelm I tan-Netherlands u l-Prinċep Frederik żaru l-planetarju. Ir-Re Wilhelm I xtara l-planetarju għall-istat. Fl-1859, il-planetarju ngħata b'donazzjoni mill-istat lill-belt ta' Franeker.
Rikonoxximent
[immodifika | immodifika s-sors]Eisinga ġie ppremjat billi sar ċittadin onorarju ta' Franeker. It-triq fejn hemm il-planetarju tiegħu ngħatat l-isem ta' "Eise Eisingastraat". Fil-5 ta' Mejju 1994 inħarġet bolla ta' 80 ċenteżmu mill-uffiċċju postali biex jiġi ċċelebrat jum il-250 sena minn għeluq sninu. Fl-2006, il-planetarju ngħata l-permess li juża t-titlu ta' "rjali". Fl-istess sena, Eise Eisinga ġie inkluż fil-Kanoni tal-Istorja tan-Netherlands li tiġi mgħallma fl-iskejjel tal-pajjiż.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Havinga, E.; van Wijk, W. E.; d'Aumerie, J. F. M. G. (1928). Planetarium-boek: Eise Eisinga (bl-Olandiż). Arnhem: Van Loghum Slaterus.
- Terpstra, Pieter (1994). Wolken en stjerren; roman oer Eise Eisinga (bil-Frisjan tal-Punent). ISBN 90-330-0237-X.
- Dijkstra, Arjen (2021). De Hemelbouwer; (bl-Olandiż). ISBN 978-90-5615-789-0.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Alta, Eelco (1774). Philosophische Bedenkingen over de Conjunctie van de Planeten Jupiter, Mars, Venus, Mercurius en de Maan. Op den Agtsten May 1774. staande te gebeuren, en wel over de Mogelyke en Waarschynelyke Sterre en Natuurkundige Gevolgen deezer Conjunctie. Boazum.
- ^ Huib J. Zuidervaart, Speculatie, wetenschap en vernuft. Fysica en astronomie volgens Wytze Foppes Dongjuma (1707–1778), instrumentmaker te Leeuwarden (Leeuwarden: Fryske Akademy, 1995).