Diana Scultori Ghisi
Diana Scultori Ghisi jew Diana Mantovana jew Diana Mantuana (Mantova, 1547 – Ruma, 1612) kienet artista Manjerista Taljana, speċjalizzata fl-inċiżjoni li kienet attiva fis-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17.
Daħla
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Rinaxximent permezz tal-bidliet kulturali (bħall-moviment lejn l-umaniżmu) ippermetta lill-artisti nisa li jidhru u jagħmlu fama internazzjonali. Mill-ħafna pubblikazzjonijiet artistiċi disponibbli għalihom, in-nisa Taljani setgħu jiksbu ċertu għarfien li tahom edukazzjoni aħjar u b'hekk iffavorixxa l-iżvilupp tagħhom.
Il-bidla fil-moralità ħalliet lin-nisa jistudjaw l-arti[1], għalkemm il-parti l-kbira tal-artisti nisa tgħallmu l-arti fil-familja tagħhom mingħand missierhom u/jew ħuthom subien. Madankollu kienet ħaġa rari li tifla titħarreġ fis-sengħa tal-inċiżjoni u tagħmel minnha karriera pubblika, kif ġara fil-każ ta' Diana Scultori Ghisi [2].
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Diana Scultori Ghisi kienet waħda mit-tliet ulied bniet ta' Giovanni Battista Mantuano (inċiżur tal-qorti Mantovana) li għallimha l-pittura u l-inċiżjoni. Mhux biss kienet magħrufa għall-inċiżjonijiet tagħha ta' sbuħija kbira, imma kienet ukoll reġistrata bħala l-ewwel mara awtorizzata li tbigħ xogħolha f’isimha stess.
Fl-1575 iżżewġet lil Francesco da Volterra (magħruf wkoll bl-isem Francesco Capriani), arkitett li kien għadu jibda, u l-koppja marru joqogħdu Ruma biex jagħtu spinta lill-karrieri tagħhom.[3] F'Ruma, Diana kisbet il-fama ta' negozjanta iebsa. Fl-1576, talbet lill-qorti Papali fejn uriet l-inċizjonijiet tagħha, il-permess li tbigħ xogħolha b’isimha stess (Diana Mantuana jew Diana Mantovana) u kisbet dan il-permess. Għenet ukoll lil żewġha fil-karriera tiegħu ta' perit billi kisbitlu ordnijiet importanti.
Diana kienet magħrufa bħala mara grazzjuża u edukata ħafna. Barra n-negozju, kienet tieħu ħsieb il-familja tagħha. Ommha armla u oħtha xebba kienu joqogħdu magħha u ma' żewġha.[2]
Matul l-1500, l-artisti raw il-libertà tagħhom ristretta minħabba r-regoli stretti imposti mill-knisja. Jekk il-knisja kienet tqis xogħol bħala dissidenti, l-artista kien jista' jiġi skomunikat, immultat jew jitlef il-proprjetà tiegħu.
Nafu li Diana bidlet il-firma tagħha bosta drabi fi żminijiet differenti matul ħajjitha. Fil-parti l-kbira tax-xogħlijiet tagħha ffirmat bl-isem ta’ Diana Mantuana jew Diana Mantovana. M'hemm l-ebda xogħol magħmul minnha ffirmat bl-isem Scultori.
Diana kienet waħda mill-ftit artisti nisa msemmija minn Vassari fl-edizzjoni ta' Le Vite tal-1568.[4]
Ġie kkalkulat li Diana pproduċiet 62 inċiżjoni matul ħajjitha u adottat b'suċċess stili differenti matul ħajjitha kollha. Waħda mill-inċiżjonijiet l-aktar famużi tagħha hi voluta jonika mżejna b’mod eleganti b'ħannieqa tal-weraq tal-akantu u fjuri. Ix-xogħlijiet tagħha kienu differenti minn dawk ta' żmienha u jvarjaw mill-parti l-kbira tax-xogħlijiet popolari l-oħra tal-epoka. Fil-gwarniċi tal-inċiżjonijiet tagħha insibu bosta versi ta' dedikazzjoni bil-Latin ifaħħru l-ħidma tal-istudenti tal-arkitettura. Barra mill-bosta modi ta' firma, Diana kienet magħrufa wkoll għad-dedikazzjonijiet twal imdaħħlin fix-xogħlijiet tagħha.[2]
L-aħħar xogħol tagħha kien stampat fl-1588, bit-titlu Qabar fil-manjiera ta' Nogari. Wara l-mewt ta' żewġha Francesco de Volterra, Diana żżewġet lil Giulio Pelosi, arkitett ieħor. Baqgħet Ruma sa mewtha fil-5 ta' April 1612. Ħafna mill-inċiżjonijiet tagħha ġew stampati wara mewtha.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Women artists: Encyclopedia II- Women artists-renaissance era
- ^ a b ċ Evelyn Lincoln, Making A Good Impression: Diana Mantuana (Renaissance Quarterly; 1997), 1-30
- ^ Library and Research Center (Clara Database of Women artists)
- ^ Mantuana [Ghisi; Mantovana; Scultori], Diana, (Grove Art Online. 20 October 2006), 1
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Library and Research Center. Clara Database of Women artists. National museum of Women in the Arts. [1]
- Evelyn Lincoln. Making A Good Impression: Diana Mantuana. JSTOR. 1997. Renaissance Society of America. [2]
- Women artists: Encyclopedia II- Women artists- renaissance era. The Global Oneness Commitment. The Global Oneness Commitment. [3]