Aqbeż għall-kontentut

Canal du Midi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Akkwedott ta' Orb, li jippermetti lill-Canal du Midi jaqsam ix-xmara Orb f'Béziers.

Il-Canal du Midi (pronunzja bil-Franċiż: ​[kanal dy midi]; bl-Oċċitan: Canal del Miègjorn [ka'nal del mjɛdˈd͡ʒuɾ]; litteralment il-"Kanal tan-Nofsinhar") huwa kanal twil 240 kilometru (150 mil) fin-Nofsinhar ta' Franza (bil-Franċiż: le Midi). Oriġinarjament kien ingħata l-isem ta' Canal royal en Languedoc (Kanal Irjali f'Languedoc) u mbagħad ingħata l-isem ta' Canal du Midi fl-1789 mir-rivoluzzjonarji Franċiżi, il-kanal jitqies wieħed mill-ikbar xogħlijiet ta' kostruzzjoni tas-seklu 17.[1]

Il-kanal jikkollega ix-xmara Garonne mal-għadira Étang de Thau mal-Mediterran, u flimkien mat-tul tal-193 kilometru (120 mil) tal-Canal de Garonne, jifforma l-Canal des Deux Mers, li jgħaqqad l-Atlantiku mal-Mediterran.

Strettament, l-isem "Canal du Midi" jirreferi għas-sezzjoni li inizjalment inbniet minn Toulouse sal-Mediterran – il-proġett tal-Canal des Deux-Mers kellu l-għan li jikkollega flimien diversi sezzjonijiet navigabbli biex il-Mediterran jingħaqad mal-Atlantiku: l-ewwel il-Canal du Midi, imbagħad ix-xmara Garonne li kienet pjuttost navigabbli bejn Toulouse u Bordeaux, imbagħad il-Kanal Laterali tal-Garonne, u finalment l-estwarju tal-Gironde wara Bordeaux.

Jean-Baptiste Colbert awtorizza l-bidu tax-xogħol b'editt irjali f'Ottubru 1666, bl-għan li jiġi żviluppat il-kummerċ tal-qamħ, taħt is-superviżjoni ta' Pierre-Paul Riquet, u l-kostruzzjoni damet mill-1666 sal-1681, matul ir-renju ta' Lwiġi XIV. Il-Canal du Midi huwa wieħed mill-eqdem kanali fl-Ewropa li għadu operattiv (il-prototip huwa l-Kanal ta' Briare). L-isfidi f'dawn ix-xogħlijiet huma marbuta mill-qrib mal-isfidi tat-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni llum il-ġurnata. L-isfida ewlenija, imqajma minn Pierre-Paul Riquet, kienet li l-ilma jingħadda mill-Muntanji Suwed (Montagne Noire) sa Seuil de Naurouze, l-ogħla punt tal-kanal.

Il-Canal du Midi tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996, minħabba d-disinn artistiku u l-inġinerija straordinarji tiegħu[2], u ġie ddeżinjat bħala Għeliem Internazzjonali tal-Inġinerija Ċivili fl-2016.[3]

Introduzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Pożizzjoni u profil tal-kanal

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pożizzjoni tal-Canal du Midi u l-fergħa tiegħu lejn Port-la-Nouvelle, parti mir-rotta tal-Canal des Deux Mers mill-Baħar Mediterran għall-Atlantiku.

Il-Canal du Midi jinsab fin-Nofsinhar ta' Franza, fid-dipartimenti ta' Hérault, Aude u Haute-Garonne. Huwa twil 240 kilometru (150 mil), u jibda mill-Punent fil-Port de l'Embouchure, jgħaddi minn Toulouse u jispiċċa fil-Lvant f'post imsejjaħ Les Onglous, Marseillan, fejn il-kanal jagħti fl-għadira Étang de Thau (bejn Agde u Sète).

Il-Canal du Midi huwa kanal b'pendil minn quċċata f'Toulouse fuq in-naħa tal-Atlantiku għal distanza ta' 52 kilometru (32 mil) sa Seuil de Naurouze, fejn jidħol il-kanal ta' alimentazzjoni. Il-pendil totali huwa ta' 57.18 metru (187.6 pied), u l-livell tal-quċċata huwa ta' 189.43 metru (621.5 pied). Din id-differenza fil-livell sal-baħar hija koperta tul il-kumplament tad-distanza ta' 188 kilometru (117 mil) minn Naurouze sa Les Onglous mal-Étang de Thau.

Il-kanal huwa fond żewġ metri (6.6 piedi) b'fond minimu ta' 1.80 metru (5.9 piedi). Il-pixka permessa hi 1.50 metru (4.9 piedi) għalkemm l-utentiu regolari huma tal-fehma li anke b'pixka ta' 1.40 metru (4.6 pied) id-dgħajjes xi kultant iħokku mal-qiegħ minħabba d-depożiti tas-sedimenti f'diversi postijiet. Il-wisa' fil-wiċċ bħala medja hi 20 metru (66 pied) b'varjazzjonijiet ta' bejn 16-il metru (52 pied) u 20 metru (66 pied). Finalment, il-wisa' tal-baċir tal-kanal hi 10 metri (33 pied).[4]

Profil tal-Canal du Midi (distanzi bil-metri minn 0 f'Toulouse u l-għoli bil-metri 'l fuq mil-livell tal-baħar).

Il-profil lonġitudinali tal-Canal du Midi (fl-istampa fuq il-lemin) juri li jogħla minn Toulouse (1) sa Seuil de Naurouze (2), imbagħad jinżel lejn Castelnaudary (3), Carcassonne (4) u Trèbes (5). Il-kanal jibqa' sejjer sa Béziers wara li jgħaddi mill-Imgħalaq ta' Fonserannes (6), imbagħad lejn Agde (7), u jintemm f'Sète mal-Étang de Thau (8).

L-itwal sezzjoni sħiħa tal-kanal hi ta' 53.87 kilometru (33.47 mil) bejn il-Magħlaq ta' Argens u l-Imgħalaq ta' Fonserannes, filwaqt li l-iqsar sezzjoni sħiħa tal-kanal hi ta' 105 metri (344 pied) bejn iż-żewġ Imgħalaq ta' Fresquel.[5]

Status ġuridiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Għal raġunijiet storiċi, il-Canal du Midi għandu status ġuridiku uniku, li ġie kkodifikat fl-1956 fil-Kodiċi Pubbliku tal-Ilmijiet Navigabbli u n-Navigazzjoni Interna, imbagħad fil-Kodiċi Ġenerali tal-Proprjetà tal-Persuni Fiżiċi. Skont l-Artikolu L. 2111-11 tal-Kodiċi, id-dominju pubbliku tal-kanal huwa ddeterminat b'referenza għad-drittijiet fewdali li kienu ngħataw lil Pierre-Paul Riquet u ġew stabbiliti limiti permezz tar-rapport uffiċjali mfassal fl-1772. Il-kwartieri tal-persunal u l-imħażen, kif ukoll il-ġibjun ta' Lampy, ġew miżjuda wkoll. L-Artikoli L. 2124-20 sa L. 2124-25 jistabbilixxu r-regoli rigward il-manutenzjoni tal-kanal li ġeneralment hija responsabbiltà tal-entità pubblika li jkollha s-sjieda tiegħu, bil-parteċipazzjoni tal-komuni u f'xi każijiet tar-residenti li jgħixu qrib l-ilmijiet navigabbli.[6]

Skont l-Att tas-27 ta' Novembru 1897, l-Istat Franċiż għandu s-sjieda tal-Canal du Midi u l-ġestjoni tiegħu tiġi ddelegata lill-entità pubblika ta' Voies Navigables de France, mehmuża mal-Ministeru għat-Trasport.[6]

Proġetti abbandunati

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bini ta' kanal kienet idea antika. Bosta proġetti, xi kultant utopiċi, tħejjew biex jinbena kanal bejn l-Oċean Atlantiku u l-Baħar Mediterran. Mexxejja bħala Awgustu, Neruni, Karlu Manju, François I, Karlu IX u Enriku IV kienu ħolmu li xi darba jinbena, peress li kien kwistjoni tassew politika u ekonomika. Ir-Re François I ġab lil Leonardo da Vinci fi Franza fl-1516 u kkummissjona stħarriġ ta' rotta mill-Garonne f'Toulouse sal-Aude f'Carcassonne.

Il-kostruzzjoni ta' struttura bħall-kanal kienet tfisser li l-bastimenti (kummerċjali iżda anke l-iġfna tar-rejiet) u l-merkanzija jiffrankaw li jkollhom joqogħdu jbaħħru madwar il-Peniżola Iberika għal xahar sħiħ. Dak iż-żmien it-trasport marittimu kien mimli perikli bħall-piraterija u l-pirati tal-Barbarija.

L-iżjed proġetti realistiċi ġew ippreżentati lir-Re fis-seklu 16. L-ewwel abbozz ġie ppreżentat minn Nicolas Bachelier fl-1539 lill-familji nobbli ta' Languedoc, it-tieni abbozz intbagħat fl-1598 minn Pierre Reneau, u finalment it-tielet proġett ġie propost minn Bernard Aribat de Béziers fl-1617. Dawn il-proġetti ġew abbandunati minħabba li ma tawx wisq ħsieb lill-provvista tal-ilma għall-kanal u pprovdew sistema ta' devjazzjoni tal-ilma mix-xmajjar tal-Pirinej li kienet kumplessa żżejjed jew impossibbli biex titwettaq. Fl-1650 inġinier ieħor ippropona li jiddevja l-ilma mill-Ariège għal Cintegabelle biex ikun hemm kanal mhux navigabbli għal Pech-David qrib Toulouse. Mill-ġdid, tqajmet il-kwistjoni ta' kif se jinġarr l-ilma lejn Seuil de Naurouze f'għoli ikbar minn dak ta' Toulouse.

Il-proġetti ma ġewx varati minħabba l-biża' li jintilfu wisq flus u minħabba l-konvinzjoni li kien umanament impossibbli li jitħaffer kanal simili. Il-problema ewlenija kienet kif kien se jitwassal biżżejjed ilma lejn is-sezzjonijiet tal-quċċata.

Madankollu, Pierre-Paul Riquet, kollettur għani tat-taxxa fuq il-melħ f'Languedoc ippropona proġett iktar konvinċenti mill-predeċessuri tiegħu. Meta Lwiġi XIV irċieva l-proposta tiegħu permezz tal-Arċisqof ta' Toulouse (Charles-François Anglure ta' Bourlemont) fl-1662 huwa ra li kellu l-opportunità li jċaħħad lil Spanja minn parti mir-riżorsi tagħha, u l-opportunità li jimmarka r-renju tiegħu b'opra permanenti.

Traduzzjoni bil-Malti:

Sinjur,

Qed niktiblek minn Perpignan, nhar it-28 tax-xahar li għadda, dwar is-suġġett tal-ġbir tat-taxxa fuq il-melħ f'Roussillon u llum qed nagħmel l-istess f'dan il-villaġġ, iżda dwar suġġett ferm differenti. Qed nirreferi għad-disinn ta' kanal li jista' jsir fil-provinċja ta' Languedoc biex jiġu kkollegati ż-żewġ ibħra tal-Oċean Atlantiku u l-Mediterran; x'aktarx li se tibqa' sorpriż, sinjur, li qed nirreferi għal xi ħaġa li apparentement mhix tal-qasam tiegħi u li uffiċjal li jieħu ħsieb jiġbor it-taxxa fuq il-melħ iħallat id-diskors mal-livellar ...

Iżda taħfirli li azzardajt meta ngħarrfek li dan għamiltu skont l-ordni tal-Monsinjur l-Arċisqof ta' Toulouse. Ftit mhux ħażin fl-imgħoddi l-Monsinjur tani l-unur li jiġi f'dan il-post minħabba l-fatt li jien il-ġar u l-qaddej tiegħu u kien jaf kif isibli l-mezzi biex jinbena dan il-kanal, peress li kien sema' li kont għamilt studju partikolari dwar dan, u jien għidtlu li nafu u wegħdtu li nżuru f'Castres kif nerġa' lura minn Perpignan, u biex niggwidah fl-inħawi biex ikun jista' jara din il-possibbiltà. Hekk għamilt u fil-kumpanija tal-Monsinjur l-Isqof ta' Saint-Papoul u ta' diversi persuni oħra ta' sustanza li ġew miegħu urejthom x'kont qed ngħid, u l-Monsinjur l-Arċisqof kien responsabbli biex ifassal u jibgħatlek ittra, inkluża hawnhekk fuq fuq minn dak li fhimt mill-Grieg u mil-Latin, u minħabba l-Franċiż limitat tiegħi, mhux possibbli għalija li nispjega dan kollu mingħajr tlaqliq, u għalhekk qed ninfurmak li dan qed nagħmlu għaliex qed nobdi ordni li ngħatajt mhux minn jeddi.

Madankollu, sinjur, nitolbok bi ħrara taqra din l-ittra tiegħi, sabiex tkun tista' tassew tiġġudika li dan il-kanal huwa fattibbli; huwa ferm diffiċli minħabba l-ispiża iżda wieħed mill-ewwel jista' jara li l-ġid li jiġi permezz tiegħu jisboq in-nefqa konsiderevoli. Ir-Re Enriku IV, in-nannu tal-monarka tagħna, kien tassew jixtieq li dan ix-xogħol jitwettaq, u l-Kardinal de Joyeuse kien beda jagħmel xi xogħol u l-Kardinal Richelieu ried jagħmel din il-kisba; fl-istorja ta' Franza, ix-xogħlijiet kollettivi tal-Kardinal de Joyeuse u diversi kitbiet oħra jixhdu dan li qed ngħid; iżda sa llum il-ġurnata, ħadd ma ħaseb dwar kif ix-xmara tista' tintuża biex tinstab rotta ħafifa għall-kanal, għax kien ġie immaġinat li l-użu tax-xmajjar u l-makkinarji għall-olzar tal-ilma kienu ostakli kbar wisq biex jingħelbu. Barra minn hekk, jiena nemmen li dawn id-diffikultajiet dejjem ikkawżaw il-garr u wasslu biex it-twettiq tax-xogħol jiġi pospost, iżda llum, sinjur, hemm rotot ħfief u hemm xmajjar li faċilment jistgħu jiġu ddevjati mill-baċiri antiki tagħhom lejn dan il-kanal ġdid b'inklinazzjoni naturali u xierqa; b'hekk dawn id-diffikultajiet jistgħu jingħelbu, għajr is-sejbien tal-fondi li jridu jintużaw għall-ispiża tax-xogħol.

Għal din il-kwistjoni għandek eluf ta' mezzi, sinjur, u mill-ġdid qed nippreżentalek żewġ memorji tiegħi mehmuża biex jgħinuk tqis iktar il-ħeffa u s-serħan il-moħħ li din in-navigazzjoni l-ġdida se twassal u l-Istretti ta' Ġibiltà ma jibqgħux passaġġ neċessarju, u b'hekk l-introjtu tar-Re ta' Spanja f'Cadiz jonqos u l-introjtu tar-Re tagħna jiżdied speċjalment għall-inputs u l-outputs oġġetti agrikoli fir-renju tiegħu. Barra minn hekk, il-jeddijiet miksuba minn dan il-kanal għandhom jiżdiedu għal ammonti kbar, u s-sudditi inġenerali tal-Maestà Tiegħu se jibbenefikaw minn elf negozju ġdid u minn din in-navigazzjoni ġdida. Jekk tgħarrafni li dan il-pjan jogħġbok, nibgħatlek in-numru ta' mgħalaq li jeħtieġ li jsiru u kalkolu preċiż u l-qisien ta' dan il-kanal, kemm bħala tul kif ukoll bħala wisa'.

Studju tal-proġett

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta mqabbel ma' kanali oħra, il-ġestjoni tax-xmajjar hija diffiċli iżda kanal wieħed biss huwa meħtieġ bejn l-Oċean Atlantiku u l-Baħar Mediterran. Għad-differenza ta' xmara, il-ġestjoni tal-fluss ta' kanal hija eħfef, sabiex jiġi żgurat fluss kostanti ta' traffiku matul is-sena kollha.

Il-Canal du Midi huwa kanal b'pendil minn quċċata peress li jrid jgħaddi mill-għoli ta' bejn żewġ widien. Il-kostruzzjoni ta' dan il-kanal kienet teħtieġ passaġġ mis-Seuil de Naurouze jew is-Seuil de Graissens.

B'kollox għaddew tletin sena mill-bidu tal-ippjanar sal-bidu effettiv tax-xogħol: proġett simili ġie studjat ukoll minn kumitat li fih kien membru missier Riquet.

Karatteristiċi ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1660, Riquet sab li s-soluzzjoni kienet il-problema prinċipali: il-provvista tal-ilma sal-quċċata li talimenta ż-żewġ naħat tal-kanal. L-idea tiegħu kienet li l-fluss tal-ilma jiġi mill-Montagne Noire. L-għarfien importanti tiegħu tal-idrografija tal-Montagne Noire u ta' Sor ippermettielu jaħseb f'sistema inġenjuża tal-irrigazzjoni. Huwa ġie ispirat mill-inġinier Franċiż Adam de Craponne li kien implimenta l-istess sistema għall-Kanal ta' Craponne.

Għalhekk, huwa ppjana li jirkurpra l-ilmijiet mill-muntanji f'digi u f'ġibjuni u mbagħad iwassalhom sa Seuil de Naurouze permezz ta' kanali tul Seuil de Graissens. L-ilma mis-Sor li tgħaddi qrib Revel kien il-provvista prinċipali prevista minn Riquet. Xmajjar oħra mill-Montagne Noire kienu wkoll parti mis-sistema, fosthom l-Alzeau, il-Laudot, ir-Rieutort, il-Bernassonne u l-Lampy. Il-Montagne Noire huwa reġjun li fih tinżel id-doppju tax-xita li tinżel fil-pjanura tal-Lauragais, b'1,400 millimetru fis-sena f'madwar 500-600 metru (1,600-2,000 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Sabiex jaħżen l-ilma tax-xmajjar huwa ppjana li joħloq tliet baċiri: il-Ġinjun ta' Lampy-Vieux, baċir-port eżagonali f'Naurouze, u l-Bassin de Saint-Ferréol b'diga kbira tat-tajn fil-bokka tal-wied tal-Laudot.

Fl-1664, matul l-istudju tal-proġett, il-familji tal-Languedoc staqsew lil Riquet biex iwettaq l-idea tiegħu fil-prattika b'mod esperimentali. Huwa mbagħad bejna kanal ta' prova biex jiddevja l-ilma mis-Sor għas-Seuil de Naurouze. Dan kien magħruf bħala r-Rigole de la plaine, li lesta fl-1665 u li uża biex juri li kien possibbli li l-ilma jitwassal sal-ogħla punti tul il-fluss tal-kanal. Dan l-avveniment serraħ ras il-Kumitat tal-Esperti li r-Re kien stabbilixxa fil-post biex jispezzjonaw l-għażliet u l-pjaniet ta' Riquet. Minn dak il-mument Lwiġi XIV kien jaf li l-kanal kien teknikament fattibbli.

Ineżattezzi ta' Pierre-Paul Riquet

[immodifika | immodifika s-sors]

Riquet studja l-provvista tal-ilma lejn il-kanal f'Seuil de Naurouze fil-fond. L-istudju tiegħu kien jidher rigoruż u kien jinkludi fażi pilota bil-kostruzzjoni tar-Rigole de la plaine biex jissostanzja dak li kien qed jisħaq. Minkejja dan, il-proġett xorta waħda baqa' mhux ċar f'ħafna aspetti, speċjalment ir-rotta tal-kanal. Din ir-rotta ma kinitx finali u ma kinitx preċiża kif kieku tkun illum f'każ ta' proġett ta' awtostrada jew linja ferrovjarja ta' veloċità għolja. Kienu magħrufa biss id-direzzjonijiet tar-rotta li ġew ipplottjati fuq mappa. Bidliet fir-rotta setgħu jsiru mill-Kuntrattur skont id-diffikultajiet li kien jiltaqa' magħhom waqt il-kostruzzjoni.

Fuq in-naħa Atlantika, huwa ppropona diversi konfigurazzjonijiet: waħda li kienet tgħaddi minn Castres u Revel permezz tas-Seuil de Graissens u l-Agout. Fil-fatt, din ix-xmara kienet diġà qed tiġi żviluppata għan-navigazzjoni. Rotta oħra kellha tgħaddi mix-xmara Girou u tevita lil Toulouse bħalma kien il-każ fir-rotta preċedenti. Fuq in-naħa tal-Mediterran, ir-rotta ma kinitx ġiet stabbilita. Huwa uża l-Fresquel sal-Aude iżda l-wasla mal-kosta għall-ewwel kienet maħsuba li se tkun f'Narbonne mbagħad f'Sète.

Fl-1663 Riquet wettaq studji fil-post sabiex finalment jiffissa l-mogħdija fuq in-naħa tal-Atlantiku mis-Seuil de Naurouze tul il-wied ta' Hers-Vif sa Toulouse 'l isfel mill-Garonne. Il-parti navigabbli tax-xmara kienet iktar 'l isfel minn Bazacle, li kienet parti li tofroq u titbaxxa fiċ-ċentru ta' Toulouse, u b'hekk ma kinitx navigabbli. Il-kanal ma setax jikkunsidra li ma jgħaddix mill-qalba ekonomika tar-reġjun, għaldaqstant ir-rotta finali kienet minn Castres u l-Girou.

Tekniki tal-istudju

[immodifika | immodifika s-sors]

Pierre-Paul Riquet ma kellu l-ebda taħriġ tekniku u tgħallem bl-esperjenza ta' snin imedd idejh. B'mod regolari kien iwettaq esperimenti u osservazzjonijiet fil-post. It-teknika tiegħu baqgħet empirika ħafna minħabba li dak iż-żmien ix-xjenza applikata u t-tekniki idrawliċi permezz ta' liġijiet jew kunċetti ma kinux għadhom midħla tagħhom. Barra minn hekk, Riquet kellu approċċ xjentifiku u sistematikament kien ikejjel il-fluss u jikkalkula l-volumi. Sabiex jegħleb in-nuqqasijiet tekniċi tiegħu, huwa kellu bosta tekniċi oħra li għenuh, fosthom Hector Boutheroüe, François Andreossy u Pierre Campmas.

Huwa wettaq esperimenti biex juri li kien possibbli li l-ilma jitwassal sa Seuil de Naurouze mix-xmara Sor fil-Montagne Noire. Għas-spejjeż tiegħu, ta' 200,000 livres, huwa bena kanal ta' prova li kien wiesa' żewġ piedi biss, u fid-9 ta' Novembru 1665 huwa rnexxielu jiftaħ il-fluss. Meta l-kanal ġie awtorizzat is-sena ta' wara, dan il-kanal ta' prova ssejjaħ ir-Rigole de la plaine. Fil-proprjetà tiegħu f'Bonrepos huwa bena wkoll mudell tal-kanal bl-imgħalaq, bil-mini u bl-épanchoirs (spillways) li jemulaw ix-xaqlibiet u l-alimentazzjoni sħiħa bl-ilma.

Kuntest politiku u ekonomiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż kienet waħda pjuttost ikkumplikata dak iż-żmien. Meta Colbert sar Ministru kien jemmen li l-kummerċ domestiku u internazzjonali ma kienx favur ir-Renju ta' Franza. L-Olandiżi setgħu jieħdu iktar vantaġġ mill-attività kummerċjali u ekonomika fil-pajjiż. Il-prezzijiet tal-qamħ niżlu sew u l-produzzjoni tal-inbid naqset fl-1660. Din il-kriżi kkawżat id-deprezzament tal-valur tal-art u l-azjendi agrikoli ż-żgħar kienu qed ifallu. Barra minn hekk, ir-reġjun ta' Languedoc esperjenza kunflitt reliġjuż matul il-Fronde. Kienet iebsa li jiġu implimentati l-politiki f'din iż-żona u b'mod partikolari li jiġu introdotti t-taxxi bħat-taxxa fuq il-melħ.

Colbert imbagħad iltaqa' ma' Pierre-Paul Riquet u sar jaf bil-proġett tiegħu u qiesu bħala mezz kif setgħet titħejja politika ta' tkabbir ekonomiku għas-servizz tal-assolutiżmu f'Languedoc. Fil-fatt, Riquet ippropona lilu nnifsu biex jimplimenta t-taxxa fuq il-melħ u biex jibni l-Canal du Midi. B'hekk, il-kostruzzjoni tal-kanal kienet se tippermetti l-ħolqien ta' passaġġ dirett bejn il-Baħar Mediterran u l-Atlantiku mingħajr l-ħtieġa li wieħed jgħaddi mill-Istrett ta' Ġibiltà kkontrollat mill-Ispanjoli; l-għan kien li jinqered il-kummerċ Spanjol u jiġi stabbilit fluss kummerċjali mil-Languedoc. Ir-reġjun ta' Languedoc kellu bosta riżorsi bħall-qamħ, l-inbid minn Minervois, is-suf, il-ħarir u l-melħ li l-produtturi kienu qed ibatu biex jesportawh minħabba n-nuqqas ta' kummerċ. Permezz tal-Canal du Midi, Colbert kien qed jittama li l-merkanzija titqassam f'reġjuni differenti tan-Nofsinhar sabiex jissaħħaħ il-poter irjali u Toulouse u r-reġjun jinfetħu iktar.

Editt ta' Lwiġi XIV u finanzjament tal-proġett

[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li l-proġett kien jidher bħala wieħed prekarju, Colbert awtorizza l-bidu tax-xogħol permezz ta' editt irjali f'Ottubru 1666 wara li kiseb l-awtorizzazzjoni ta' kumitat ta' esperti li evalwaw ir-rotta għal diversi xhur. Il-proġett ibbenefika ferm mill-ħatra ta' inġinier għall-fortifikazzjonijiet u l-idrawlika – Louis Nicolas de Clerville – li uża l-influwenza li kellu ma' Colbert biex jinbeda l-proġett. Id-digriet speċifika l-awtorizzazzjoni tal-kostruzzjoni tal-kanal, il-ħruġ tas-sejħiet għall-offerti, u l-għoti lid-disinjatur Pierre-Paul Riquet u lid-dixxendenti tiegħu. Barra minn hekk ta wkoll id-drittijiet ta' esproprjazzjoni lil Riquet u jiddeskrivi l-possibbiltà li jinħolqu l-imtieħen, l-imħażen u l-abitazzjonijiet għat-tħaddim tal-kanal. Il-proġett sawwar entità "fewdali" eżentata mit-taxxa u s-sid kellu d-drittijiet tas-sajd u tal-kaċċa. Finalment, l-editt jiddeskrivi l-proċeduri tat-tħaddim, inkluż l-introduzzjoni tan-nollijiet, l-organizzazzjoni tat-traffiku u s-sjieda tal-bastimenti. Ir-re ddeċieda li jċedi s-sjieda u t-tħaddim tal-faċilità b'ordni partikolari biex jingħelbu n-nuqqasijiet potenzjali ta' xogħol daqstant kbir. Din is-sistema żgurat li l-kanal jibqa' jitħaddem u ssirlu l-manutenzjoni meħtieġa anke meta l-finanzi tal-istat kienu baxxi ħafna.

Ix-xogħol ġie varat f'żewġ fażijiet imsejħa "impriża". Ġie stmat li l-ewwel impriża tal-kollegament ta' Toulouse ma' Trèbes swiet 3.6 miljun livres. Madankollu, il-finanzi tal-istat kienu pjuttost batuti u l-familji ta' Languedoc ma kinux lesti li jiffinanzjaw dak il-proġett minħabba li beżgħu li l-fondi tagħhom kienu se jintużaw għal spejjeż mhux mistennija. Għaldaqstant, bil-patt li jingħata s-sjieda u t-tħaddim tal-kanal, Pierre-Paul Riquet ippropona li jiffinanzja parti mix-xogħlijiet mill-fondi tiegħu stess. Il-kumplament kellu jitħallas mill-istat bil-qbil li jingħata l-profitti mit-taxxa fuq il-melħ. It-tieni impriża tax-xogħlijiet bejn Trèbes u l-étang de Thau f'Diċembru 1668 swiet 5.832 miljun livres flimkien ma' miljun livres oħra għat-tkomplija tax-xogħol fil-port ta' Sète.

Finalment, filwaqt li l-baġit inizjali kien sitt miljun livres, ix-xogħol kollu f'daqqa sewa bejn 17 u 18-il miljun livres; 40 % mingħand ir-re, 40 % mill-provinċja, u 20 % mingħand Riquet innifsu, li sar is-sid. Id-dixxendenti tiegħu baqgħu jħallsu żewġ miljun livres għal iktar minn ħamsin sena.

Kostruzzjoni tal-kanal

[immodifika | immodifika s-sors]

Riquet beda l-kostruzzjoni tal-kanal meta kellu 63 sena, billi bagħat lill-inġinier personali tiegħu, François Andreossy, u espert lokali tal-ilma, Pierre Roux, lejn il-Montagne Noire biex jaħdmu fuq il-provvista tal-ilma. Din il-provvista rnexxielha talimenta l-kanal bl-ilma fejn kien jaqsam min-naħa għall-oħra tal-qasma tal-kontinent, permezz tas-sostituzzjoni tal-ilma li mbagħad kien jgħaddi lejn iż-żewġ ibħra. Is-sistema kienet kapulavur tal-inġinerija idrawlika u strutturali, u serviet bħala ratifika bikrija tal-viżjoni ta' Riquet. Kienet ukoll parti kbira mill-proġett.

Ix-xogħol inbeda bl-ewwel "impriża" fl-1 ta' Jannar 1667, bil-kostruzzjoni tal-mogħdija tal-ilma tar-Rigole de la plaine, imbagħad tkompla fil-15 ta' April 1667 bit-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-Lac de Saint-Ferréol. Oriġinarjament Riquet ried jibni tużżana ġibjuni iżda l-Kummissarju Ġenerali tal-fortifikazzjonijiet, Louis Nicolas de Clerville, staqsieh jissostitwihom b'ġibjun wieħed. Din kienet innovazzjoni kbira għal dak iż-żmien – qatt ma kien inbena ġibjun-lag ta' dak il-kobor.

Uħud mill-irġiel ta' Clerville li kellhom esperjenza fl-inġinerija militari ġew biex jibnu d-diga kbira għall-ġibjun uniku, il-Bassin de St. Ferréol, max-xmara Laudot. Ix-xmara Laudot hija tributarja tax-xmara Tarn fil-Montagne Noire, xi 20 km (12-il mil) mill-quċċata tal-kanal propost f'Seuil de Naurouze. Din id-diga enormi, twila 700 metru (2,300 pied), 30 metru (98 pied) 'il fuq mill-baċir tax-xmara u bi ħxuna ta' 120 metru (390 pied) fil-bażi tagħha, kienet l-ikbar biċċa xogħol tal-inġinerija ċivili fl-Ewropa u t-tieni diga ta' dak il-kobor li qatt inbniet fl-Ewropa, wara waħda f'Alicante fi Spanja. Ġiet ikkollegata mal-Canal du Midi permezz ta' kanal bil-kontorn twil iktar minn 25 kilometru (16-il mil), wiesa' 3.7 metri (12-il pied) u b'wisa' fil-bażi ta' 1.5 metru (4.9 piedi). Eventwalment ġie mgħammar b'14-il imgħalaq sabiex il-materjali tal-kostruzzjoni għall-kanal jitwasslu mill-muntanji u jinħoloq port ġdid għar-raħal muntanjuż ta' Revel.

F'Novembru 1667 f'ċerimonja uffiċjali tpoġġa l-ewwel pedament tal-magħlaq tal-Garonne f'Toulouse fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Parlament ta' Toulouse, tal-Capitouls (xeriffi), u tal-Arċisqof ta' Toulouse, Charles-François d'Anglure de Bourlemont. L-ewwel mili tal-ilma sar bejn is-Seuil de Naurouze u Toulouse matul ix-xitwa tal-1671-1672 u seta' jibda l-ewwel traffiku tad-dgħajjes. Fl-1673 is-sezzjoni minn Naurouze sa Trèbes tlestiet u mmarkat it-tmiem tal-ewwel "impriża".

Mill-1671 bdiet it-tieni impriża tal-kollegament ta' Trèbes mal-Baħar Mediterran u tal-bini tal-port ta' Sète (li dak iż-żmien kien imsejjaħ Cette; il-pożizzjoni ntgħażlet u l-port inbena minn Clerville). Din il-parti tal-kanal ħolqot problemi fis-sezzjoni bejn l-étang de Thau u Trèbes peress li l-kanal kellu jaqsam il-fluss tax-xmajjar Hérault u Libron. Sabiex idur mal-problema, Riquet stabbilixxa sistema ta' valvoli u kompartimenti għal Libron u magħlaq tond b'erba' xatbiet għall-étang de Thau u Hérault. Il-magħlaq tond f'Agde seta' jibdel bejn il-Canal du Midi u x-xmara Hérault. Din il-parti tal-kanal kienet problema wkoll fil-livell tas-Seuil ta' Ensérune u n-niżla lejn Beziers fil-Wied ta' Orb. Riquet solva dawn il-problemi minn naħa billi ħaffer il-Mina ta' Malpas u mbagħad billi f'Fonserannes bena ringiela ta' tmien imgħalaq tal-kompartimenti sal-Wied ta' Orb. Il-Mina ta' Malpas kienet l-ewwel passaġġ ta' kanal li qatt inbena f'mina. Il-Canal du Midi jgħaddi minn mina ta' 173 metru (568 pied) qalb għolja f'Oppidum d'Ensérune.

Fl-1681 ix-xogħol fuq il-kanal intemm f'Béziers. Madankollu, f'Ottubru 1680, Riquet miet waqt il-kostruzzjoni u qabel tlesta l-proġett. Minfloku laħaq l-inġinier tar-re, La Feuille.

Uliedu subien wirtu l-kanal, iżda l-investimenti tal-familja ma ġewx irkuprati u d-djun ma tħallsux għalkollox qabel iktar minn 100 sena wara. Il-kanal ġie ġestit sew u tħaddem bħala impriża paternalistika sar-rivoluzzjoni.

Il-kanal inbena fuq skala grandjuża, b'imgħalaq b'għamla ovali twal 30.5 metru (100 pied), wesgħin 6 metri (20 pied) fix-xatbiet u wiesa' 11-il metru (36 pied) fin-nofs. Dan id-disinn kien maħsub biex jirreżisti l-kollass tal-ħitan li seħħ fil-bidu tal-proġett. L-imgħalaq ovali użaw is-saħħa tal-ħnejja fil-konfront tal-pressjoni 'l ġewwa tal-ħamrija tal-madwar li kienet destabbilizzat l-imgħalaq bikrin b'ħitan dritti. Ħnejjiet simili kienu ntużaw mir-Rumani għall-ħitan f'Gaul, għaldaqstant din it-teknika ma kinitx ġdida, iżda l-applikazzjoni tagħha għall-imgħalaq kienet rivoluzzjonarja u ġiet imitata fil-kanali Amerikani bikrin.

Bosta mill-istrutturi ġew iddisinjati b'elementi Neo-Klassiċi biex ikomplu jqanqlu l-ambizzjonijiet tar-re li ried li Franza ssir Ruma l-Ġdida. Il-Canal du Midi bħala inġinerija infrastrutturali grandjuża daqs ta' żmien ir-Rumani fih innifsu ġie promoss skont il-ħolm politiku tar-re li ħareġ fid-dieher bi plakki bil-Latin, u ħitan li nbnew b'karatteristiċi Rumani.

F'Mejju 1681, il-kanal ġie spezzjonat bir-reqqa skont l-ordni tar-re biex ix-xogħol jiġi vverifikat u jiġi żgurat li l-ilma ma jqattarx jew joħroġ mill-kanal. Imbagħad infetaħ uffiċjalment għan-navigazzjoni fil-15 ta' Mejju 1681. Fl-inawgurazzjoni tal-kanal f'Toulouse fil-15 ta' Mejju, ir-rappreżentant tar-Re u l-President tal-familji ta' Languedoc kienu l-ewwel li vvjaġġaw fuq il-kanal, segwiti minn bosta dgħajjes oħra li ttrasportaw l-iktar il-qamħ. Wara l-ewwel vjaġġ, il-kanal tbattal mill-ilma peress li x-xogħol kien għadu mhux komplut; reġa' nfetaħ biss f'Diċembru 1682. Il-kanal infetaħ għat-traffiku f'Mejju 1683 u x-xogħlijiet pubbliċi fuqu tlestew f'Marzu 1685.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Canal du Midi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]

Nies marbuta mal-kanal

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Pierre-Paul Riquet, id-disinjatur tal-Canal du Midi. Huwa kiseb mir-Re s-sjieda u d-dritt tat-tħaddim tal-Canal du Midi għall-għomor, għalih u għad-dixxendenti tiegħu. Huwa miet f'Ottubru 1680 ftit qabel it-tlestija tal-kanal.
  • Jean-Baptiste Colbert, il-Kontrollur-Ġeneral tal-Finanzi ta' Lwiġi XIV, li ġie kkummissjonat mir-re biex jivvaluta l-ispiża u l-fattibbiltà tal-proġett.
  • Sebastien Le Prestre de Vauban, l-arkitett u l-inġinier irjali li wettaq bosta titjib fil-kanal bejn l-1685 u l-1686.
  • François Andreossy, kollega mill-qrib u viċi disinjatur ta' Pierre-Paul Riquet li kompla x-xogħol wara mewt Riquet.
  • Louis Nicolas de Clerville, inġinier li kkontrolla u ssorvelja x-xogħlijiet u ta l-pariri lil Riquet.
  1. ^ "French Waterways in Detail //Canal du Midi". French Waterways (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-19.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Canal du Midi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-19.
  3. ^ "Canal du Midi Designated as International Historic Civil Engineering Landmark | American Academy of Water Resources Engineers". www.aawre.org. Miġbur 2023-04-19.
  4. ^ René Gast, The Canal du Midi and the Canals from the Atlantic to the Mediterranean, éditions Ouest-France, 2000, ISBN 2-7373-2475-0, p. 22.
  5. ^ René Gast, The Canal du Midi and the Canals from the Atlantic to the Mediterranean, éditions Ouest-France, 2000, ISBN 2-7373-2475-0, p. 22.
  6. ^ a b A. Homont, Conseil d'État, Ministry of Public Works and Transport c. Dame Boudet, 3 May 1963, Judicial Topics: administrative right, 1963, pp. 489-490.