Anne-Sophie Mutter

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Anne-Sophie Mutter
Ħajja
Twelid Rheinfelden, 29 Ġunju 1963 (60 sena)
Nazzjonalità Ġermanja
Familja
Missier Karl-Wilhelm Mutter
Konjuga/i André Previn  (2002 -  2006)
Edukazzjoni
Alma mater Università tal-Arti ta’ Zürich
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Herbert von Karajan
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni vjolinist
għalliem tal-mużika
Impjegaturi Akkademja Rjali tal-Mużika
Premjijiet
Sħubija Akkademja Amerikana tal-Arti u tax-Xjenzi
Moviment artistiku mużika klassika
Strument/i tal-mużika vjolin
Tikketta tar-reġistrazzjoni Deutsche Grammophon

Anne-Sophie Mutter (twieldet fid-29 ta’ Ġunju 1963) hija vjolinista Ġermaniża. Hija kienet appoġġata minn kmieni fil-karriera tagħha minn Herbert von Karajan, u kellha diversi kompożizzjonijiet mużikali apposta għaliha, mingħand Sebastian Currier, Henri Dutilleux, Sofia Gubaidulina, Witold Lutosławski, Norbert Moret, Krzysztof Penderecki, André Previn, Wolfgang Rihm, John Williams u oħrajn.[1]

Ħajja bikrija[immodifika | immodifika s-sors]

Mutter twieldet fir-raħal Ġermaniż ta’ Rheinfelden, li jinsab xi 15-il kilometru fil-Lvant ta’ Basel max-xatt tat-Tramuntana tal-parti ta’ fuq tax-xmara Renu, li faċċata tiegħu hemm ir-raħa Żvizzeru tal-istess isem. Hija bdiet iddoqq il-pjanu meta kellha ħames snin, u ftit wara bdiet iddoqq il-vjolin. Ispirata mir-reġistrazzjoni tal-vjolinisti Yehudi Menuhin u Wilhelm Furtwängler, hija bdiet tistudja ma’ Erna Honigberger, studenta ta’ Carl Flesch. Wara li Honigberger mietet, Mutter kompliet l-istudji tagħha ma’ Aida Stucki fil-Konservatorju ta’ Winterthur.[2]

Karriera[immodifika | immodifika s-sors]

Mutter bdiet tiġbed l-attenzjoni bit-talent tagħha u ma baqgħetx tattendi l-iskola biex tiddedika l-ħin kollu tagħha għall-mużika. Is-surmast Herbert von Karajan irranġalha biex iddoqq mal-Orkestra Filarmonika ta’ Berlin. Kellha biss 13-il sena meta għamlet id-debutt pubbliku tagħha fl-1976 fil-Festival ta’ Lucerne, fejn daqqet il-Kunċert Nru 4 għall-Vjolin f’D maġġuri ta’ Mozart. Fl-1977 hija daqqet fil-Festival ta’ Salzburg u mal-Orkestra tal-Kamra Ingliża taħt id-direzzjonijiet tas-surmast Daniel Barenboim. Meta kellha 15-il sena, Mutter għamlet l-ewwel reġistrazzjoni tagħha tal-Kunċerti Nri 3 u 5 għall-Vjolin ta’ Mozart ma’ Karajan u l-Orkestra Filarmonika ta’ Berlin.[2]

Fl-1980, Mutter għamlet id-debutt Amerikan tagħha mal-Orkestra Filarmonika ta’ New York taħt is-surmast Zubin Mehta. Fl-1985, meta kellha 22 sena, saret imsieħba onorarja tal-Akkademja Rjali tal-Mużika (Londra) u kap tal-fakultà tagħha tal-istudji internazzjonali tal-vjolin u fl-1986 saret membru onorarju. Fl-1988 għamlet tour kbir tal-Kanada u tal-Istati Uniti, u daqqet għall-ewwel darba fis-Sala ta’ Carnegie. Fl-1998 hija daqqet għal reġistrazzjoni ta’ CD u ta’ DVD tas-sett komplut tas-Sonati bil-Vjolin ta’ Beethoven, akkumpanjata minn Lambert Orkis; dawn ixxandru fuq it-televiżjoni f’bosta pajjiżi.

Repertorju[immodifika | immodifika s-sors]

Minkejja li r-repertorju tagħha jinkludi ħafna xogħlijiet klassiċi, Mutter hija magħrufa b’mod partikolari għall-wirjiet tagħha ta’ mużika kontemporanja. Diversi xogħlijiet mużikali nkitbu b’mod speċjali għaliha jew ġew iddedikati lilha, fosthom Sur le même accord ta’ Henri Dutilleux, it-Tieni Kunċert għall-Vjolin ta’ Krzysztof Penderecki, Chain 2 u l-verżjoni orkestrali ta’ Partita ta’ Witold Lutosławski, u Gesungene Zeit, Lichtes Spiel, u Dyade ta’ Wolfgang Rihm. F’Awwissu 2007, daqqet għall-ewwel darba l-Kunċert Nru 2 għall-Vjolin In tempus praesens ta’ Sofia Gubaidulina. Hija rċeviet bosta premjijiet, inkluż diversi Premjijiet Grammy.

F’Ottubru 2006, fuq it-televiżjoni Franċiża, Mutter dehret li kienet qed tindika li se tirtira meta tagħlaq 45 sena fl-2008.[3] Madankollu, ix-xahar ta’ wara qalet li l-kliem tagħha ġie interpretat ħażin u li hi kienet se tkompli ddoqq sakemm tibqa’ tħoss li tista’ “twassal xi ħaġa ġdida, importanti u differenti għall-mużika".[4]

Dehra[immodifika | immodifika s-sors]

Mutter hija magħrufa li kienet tidher fuq il-palk liebsa lbiesi eleganti bla ċineg. Mutter kienet tħoss li d-drapp kien jiżloq wisq biex jipprovdi t-trazzjoni li kien ikollha bżonn hi u ddoqq.[5]

Hija rċeviet pariri fuq id-dehra tagħha mingħand Karajan li kien jinsisti li x-xagħar tagħha jkun issettjat u li tmur “Pariġi biex ikollha libsa deċenti”. Meta kellha madwar 18-il sena, hija xtrat ftit ilbiesi (imraħħsin) minn Chanel u ordnat li jitqassrulha. Hija sostniet li “Hemmhekk twieldet l-imħabba tiegħi għall-ilbiesi mfasslin apposta għalija”. Hija libset ukoll ilbiesi Givenchy. Kienet tilbes ukoll ilbiesi ta’ John Galliano ta’ Dior, iżda qatgħet kwalunkwe rabta ma’ Dior minħabba “polemika anti-Semita li feġġet”. Attwalment tilbes ilbiesi ta’ Nicholas Oakwell.[6] Mutter tippreferi l-aħmar, l-oranġjo u l-aħdar bħala kuluri għaliex jaqblu mal-vjolin Stradivari tagħha.[5]

Strumenti[immodifika | immodifika s-sors]

Mutter għandha żewġ vjolini Stradivari: l-Emiliani tal-1703 u l-iStradivari ta’ Lord Dunn-Raven tal-1710.[7][8] Għandha wkoll Finnigan-Klaembt tal-1999 u Regazzi tal-2005.[9] F’diskussjoni dwar il-vjolini Stradivari tagħha, Mutter stqarret:[2]

Vjolin Stradivari dejjem huwa speċjali bħala opra ta’ sengħa sublimi, iżda dawn l-istrumenti huma aħjar minn oħrajn għaliex kapaċi jwasslu anke l-iktar pianissimi sottili sal-aħħar ringiela nett ta’ kwalunkwe sala. Jien inħobb partikolarment l-ambitu illimitat ta’ lwien li l-vjolin tiegħi kapaċi joħroġ fid-dieher, kif ukoll l-għajta tidwi qisha ta’ tigra tal-korda G … Huwa l-aqwa strument li seta’ jkolli, bil-personalità tiegħu stess. Iżda huwa sensittiv għall-bidliet f’daqqa fit-temperatura—wara kollox għandu 300 sena.

Ħajja personali[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1989, Mutter iżżewġet lill-ewwel raġel tagħha, Detlef Wunderlich, u miegħu kellha żewġt itfal, Arabella u Richard. Wunderlich miet bil-kanċer fl-1995. Hija ddedikat ir-reġistrazzjoni tagħha tal-1999 ta’ Vivaldi: L-Erba’ Staġuni, għall-memorja tiegħu.[10] Fl-2002 hija żżewġet lill-pjanista u lis-surmast André Previn.[11] Il-koppja ddivorzjat fl-2006[12], iżda komplew jikkollaboraw mużikalment u baqgħu ħbieb.[13]

Fis-26 ta’ Marzu 2020, Mutter ħabbret li rriżultat pożittiva għall-COVID-19.[14]

Premjijiet u rikonoxximenti[immodifika | immodifika s-sors]

  • Premju Grammy għall-Aqwa Spettaklu Mużikali tal-Kamra:
    • Anne-Sophie Mutter u Lambert Orkis għal Beethoven: Is-Sonati għall-Vjolin (Nri 1-3, Op. 12; Nri 1-3, Op. 30; Sonata tar-"rebbiegħa") (2000)
  • Premju Grammy għall-Aqwa Spettaklu Strumentali ta’ Solista (mal-orkestra):
    • Anne-Sophie Mutter u André Previn (surmast) għal Previn: Kunċert għall-Vjolin "Anne-Sophie"/Bernstein: Serenata (2005)
    • Anne-Sophie Mutter, Krzysztof Penderecki (surmast) u l-Orkestra Sinfonika ta’ Londra għal Penderecki: Kunċert Nru 2 għall-Vjolin, Metamorphosen (1999)
    • Anne-Sophie Mutter, James Levine (surmast) u l-Orkestra Sinfonika ta’ Chicago għal Berg: Kunċert għall-Vjolin/Rihm: Gesungene Zeit (1994)
  • Tismija ta’ Anne-Sophie-Mutter-Weg f’Wehr, Baden-Württemberg (Triq Anne-Sophie Mutter) (is-27 ta’ Awwissu 1988)
  • Ordni tal-Mertu ta’ Baden-Württemberg (1999)
  • Salib Awstrijaku tal-Unur għax-Xjenza u l-Arti (1999)[15]
  • Premju Sonning (2001; id-Danimarka)
  • Ordni Massimiljana Bavarjana għax-Xjenza u l-Arti (2002)
  • Premju Mużikali Herbert von Karajan (Baden-Baden, 2003)[16]
  • Kavallier tal-Ordre des Arts et des Lettres (2005)
  • Victoires de la Musique Classique (2006)
  • Premju Grandjuż tal-Unur għas-Servizzi lir-Repubblika tal-Awstrija (2007)[17]
  • Premju Mużikali Ernst von Siemens (2008)
  • Premju Mendelssohn (kategorija mużikali) (Leipzig, 2008)
  • Salib tal-Mertu tal-Ewwel Klassi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Verdienstkreuz 1. Klasse) (2009)
  • Chevalier de la Legion d'honneur (Franza, 2009) għall-impenn tagħha fix-xogħlijiet tal-mużika kontemporanja mill-Franċiżi
  • Echo Klassik bħala Mużiċista Strumentali (2009)
  • Premju Ewropew ta’ St. Ulrich (Lulju 2009)
  • Dottorat Honoris Causa mill-Università Norveġiża tax-Xjenza u t-Teknoloġija (NTNU) (2010)[18]
  • Premju tal-Fondazzjoni Kulturali ta’ Dortmund
  • Premju Brahms (Soċjetà Brahms ta’ Schleswig-Holstein, 2011)
  • Premju tal-Kunsill Atlantiku għal Tmexxija Artistika Distinta (2012)[19]
  • Ordni Bavarjana tal-Mertu
  • Unur Kulturali tal-Belt ta’ Munich
  • Membru Onorarju tal-Akkademja Rjali tal-Mużika
  • Premju Erich Fromm għax-xogħol soċjali komprensiv tagħha (2011)
  • Premju Gustav Adolf tal-Gustav-Adolf-Werk tal-Knisja Evanġelika f’Hesse-Nassau għall-impenn djakonali soċjali tagħha[20]
  • Midalja taċ-Ċentenarju ta’ Lutosławski (il-25 ta’ Jannar 2013)[21]
  • Membru Onorarju Barranija tal-Akkademja Amerikana tal-Arti u x-Xjenzi (April 2013)[22]
  • Echo Klassik 2014 għall-album “Dvořák”
  • Imsieħba Onorarja tal-Kulleġġ ta’ Keble, Oxford
  • 11-il Premju Yehudi Menuhin mill-Fondazzjoni Albeniz (2016)[23]
  • Midalja tad-Deheb għall-Merti fil-Belle Arti (2016)[24]
  • Midalja tad-Deheb għall-Mertu fil-Kultura – Gloria Artis (2018)
  • Premju Mużika Polari (2019)[25]
  • Praemium Imperiale (2019)[26]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Carnegie Hall Playbill, 11 November 2014, p. 38.
  2. ^ a b ċ "London Symphony Orchestra - LSO International Violin Festival: Meet Anne-Sophie Mutter". lso.co.uk. Miġbur 2021-06-29.
  3. ^ Perkins, David (2006-11-14). "Mutter still takes her music seriously". Miġbur 2021-06-29.
  4. ^ Brookes, Stephen (2006-11-19). "Violinist Mutter, Revving Her Motor" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-29.
  5. ^ a b Hoffman, Barbara (2018-03-01). "Why this violinist only wears strapless ball gowns" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-29.
  6. ^ "Violinist.com interview with Anne-Sophie Mutter". Violinist.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-29.
  7. ^ "Anne-Sophie Mutter Tallahassee 1". Tallahassee, Florida. 2017-04-03. pp. A1. Miġbur 2021-06-29.
  8. ^ "Anne-Sophie Mutter Stamets". St. Petersburg, Florida. 1990-05-06. p. 71. Miġbur 2021-06-29.
  9. ^ ".:. Dynamic .:. Product Details". archive.is. 2012-06-04. Miġbur 2021-06-29.
  10. ^ Liner Notes, Vivaldi: The Four Seasons (Deutsche Grammophon, 1999): 3.
  11. ^ "Previn weds Anne-Sophie Mutter" (bl-Ingliż). 2002-08-04. Miġbur 2021-06-29.
  12. ^ "Conductor Andre Previn to divorce" (bl-Ingliż). 2006-08-21. Miġbur 2021-06-29.
  13. ^ Jepson, Barbara (2008-11-26). "The Reigning Diva of the Violin Embraces Contemporary Music" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-29.
  14. ^ "German violinist Anne-Sophie Mutter tests positive for coronavirus". Classic FM (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-29.
  15. ^ Parlament.gv.at. ""Reply to a parliamentary question" (PDF)" (PDF).
  16. ^ "Anne-Sophie Mutter wins top award" (bl-Ingliż). 2003-06-15. Miġbur 2021-06-29.
  17. ^ Parlament.gv.at. ""Reply to a parliamentary question" (PDF)" (PDF).
  18. ^ "News in brief - Gemini - Research news from NTNU and SINTEF". archive.is. 2013-02-23. Miġbur 2021-06-29.
  19. ^ "2012 Annual Awards Dinner | Atlantic Council". web.archive.org. 2012-05-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-05-30. Miġbur 2021-06-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  20. ^ "klassik.com : Anne-Sophie Mutter erhält Gustav-Adolf-Preis". magazin.klassik.com. Miġbur 2021-06-29.
  21. ^ "Towarzystwo im. Witolda Lutosławskiego". www.lutoslawski.org.pl. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-06-29. Miġbur 2021-06-29.
  22. ^ "News | American Academy of Arts and Sciences". www.amacad.org. Miġbur 2021-06-29.
  23. ^ "Distinctions | Escuela Superior de Música Reina Sofía". www.escuelasuperiordemusicareinasofia.es (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-29.
  24. ^ "Gregorio Marañón, Medalla de Oro al Mérito en las Bellas Artes". ELMUNDO (bl-Ispanjol). 2016-12-05. Miġbur 2021-06-29.
  25. ^ "Grandmaster Flash and Anne-Sophie Mutter win 2019 Polar Music prize". the Guardian (bl-Ingliż). 2019-02-13. Miġbur 2021-06-29.
  26. ^ "Anne-Sophie Mutter receives Praemium Imperiale Award". Gramophone (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-29.