Ugo Mifsud Bonnici
Ugo Mifsud Bonnici (Bormla, 8 ta' Novembru 1932) kien il-ħames President ta' Malta bejn l-1994 u l-1999.
Werrej |
Bijografija [editja]
Ugo Mifsud Bonnici twieled Bormla u kien l-iżgħar fost żewġ aħwa subien. Missieru, il-Professur Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala "Il-Gross" kien Ministru għat-Teżor. Ugo Mifsud Bonnici ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo. Wara l-istudji tiegħu fl-Università fl-1955 huwa ggradwa bħala avukat. Kien President tas-Società Universitaria di Letteratura Italiana. F'dik il-kariga kien jieħu ħsieb l-organu ta' kull tliet xhur Malta Letteraria. Kien ukoll membru fil-Kumitat tal-Maltese Language Association.
Politika [editja]
Mifsud Bonnici ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament f'isem il-Partit Nazzjonalista f'Marzu tal-1966. Baqa' dejjem jiġi elett mid-distrett tiegħu fl-elezzjonijiet li saru wara. Fl-1972, kien il-kelliem tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għall-Edukazzjoni. Fl-1977 inħatar President tal-Kunsill Ġenerali u tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Kien irrappreżenta lill-Partit fit-taħditiet dwar emendi kostituzzjonali fl-1974 u fl-1987. F'Mejju tal-1987, Ugo Mifsud Bonnici sar Ministru tal-Edukazzjoni. Fl-1990 baqa' Ministru tal-Edukazzjoni u żdiedlu l-Intern. Wara l-elezzjonijiet ġenerali tal-1992, inħatar Ministru tal-Edukazzjoni u tar-Riżorsi Umani. Tul is-snin li għamel Ministru wettaq bosta riformi fil-qasam edukattiv.
Matul il-karriera politika tiegħu huwa mexxa l-istamperija tal-Partit Nazzjonalista.
Presidenza [editja]
Nhar l-4 ta'April 1994, ġie elett President tar-Repubblika. Fi żmienu kien hemm il-kriżi tal-gvern ta' Alfred Sant li fiha Mifsud Bonnici kellu rwol importanti li qdieh b'responsabbiltà, mertu magħruf mill-istess Prim Ministru Sant.
Awtur [editja]
Kien kontributur regolari tal-ġurnali Il-Poplu, In-Nazzjon Tagħna, Il-Mument u Il-Ġens. Dr. Mifsud Bonnici huwa l-awtur tal-kotba
- Biex il-Futur Jerġa' Jibda'
- Il-Linja t-Tajba - l-Aħjar Artikli ta' Dottor Ugo Mifsud Bonnici
- Biex il-Futur Reġa' Beda
Ħajja personali [editja]
Dr. Mifsud Bonnici huwa miżżewweġ lil Ġemma nee' Bianco u għandhom tlett itfal: Carmelo, Anton u Jeanne-Pia, ilkoll avukati. Carmelo huwa eks-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari. L-eks-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici huwa prim kuġin tiegħu. Il-Prim Imħallef Giuseppe (Ġoġò) Mifsud Bonnici huwa ħuh.
Ħoloq esterni [editja]
| Predeċessur Ċensu Tabone |
President ta' Malta 1994–1999 |
Suċċessur |
| Predeċessur Daniel Micallef |
Ministru tal-Edukazzjoni 1987–1994 |
Suċċessur |
|
|||||||