Ċensu Tabone

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Dr. Censu Tabone.jpg

Ċensu Tabone (Rabat, 30 ta' Marzu 1913 - San Ġiljan, 14 ta' Marzu 2012) huwa figura politika Maltija fejn serva bħala r-raba' President ta' Malta mill-1989 sal-1994.

Tfulija[editja]

Ċensu Tabone twieled fil-belt Għawdxija tar-Rabat. Iben Niccolo' Tabone u Elisa née Calleja. Huwa kien l-iżgħar fost għaxar ulied. Missieru kien l-ewwel tabib Malti li studja fl-Ingilterra u serva bħala tabib distrettwali f'Għawdex. Miet għall-għarrieda fl-età ta' 59 sena. Sentejn wara, meta kellu 11-il sena, Ċensu Tabone niżel Malta biex jieħu l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwiġi.

Tabib[editja]

Mill-Università ta' Malta, fl-1933 iggradwa bħala spiżjar u tabib tal-mediċina fl-1937. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija Ċensu Tabone serva ta' Uffiċjal Mediku mar-Royal Malta Artillery. Fl-ewwel jiem tal-gwerra huwa ħelisha mill-mewt meta bomba tal-għadu splodiet u waqqgħet parti mill-kwartieri tal-armata. Fl-1946 huwa kiseb diploma fl-oftalmoloġija mill-Università ta' Oxford. Ftit wara kiseb ukoll diploma fil-mediċina oftalmoloġika mir-Royal College of Surgeons tal-Ingilterra. Ħadem ukoll fil-Moorfields Eye Hospital ta' Londra. Fl-1948, Tabone tqabbad jissuperviżjonizza l-kampanja kontra t-trakoma. Bl-isforzi tieghu, din il-marda nqerdet għal kollox minn Għawdex. Huwa tqabbad mill-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) jorganizza kampanji simili fit-Tajwan, l-Indonesja u l-Iraq. Kien membru u konsulent tal-panel internazzjonali ta' esperti dwar it-trakoma tad-WHO. Bejn is-snin 1957 u 1960 huwa serva fuq il-Kunsill tal-Università ta' Malta. Qatta' wkoll xi żmien jien jgħallem ukoll fl-istess università. Huwa għen biex fl-1954 titwaqqaf l-Assoċjazzjoni Medika ta' Malta, li wara sar il-president onorarju tagħha.

Politika[editja]

Għal ħafna snin kien membru parlamentari f'isem il-Partit Nazzjonalista. Hu ħaddan diversi karigi f'dan il-partit, fosthom membru tal-Kumitat Eżekuttiv, Segretarju Ġenerali u Deputat Mexxej tal-Partit. Kien Ministru tax-Xogħol fis-snin sittin u Ministru tal-Affarijiet Barranin fis-snin tmenin. Kien membru ta' diversi kumitati tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa waqqaf l-Akkademja għall-Iżvilupp tal-Ambjent Demokratiku (AŻAD), li taghha kien President bejn l-1976 u l-1988.

Barra minn xtutna, l-inizjattivi tieghu wasslu sabiex il-Ġnus Maghquda welldet il-Pjan ta' Vjenna għal Azzjoni favur l-Anzjani. L-istess organizazzjoni stabilixxiet il-Klima bħala Wirt Komuni tal-Umanità.

President[editja]

Fis-16 ta' Marzu, 1989, Ċensu Tabone irriżenja minn Ministru tal-Affarijiet Barranin u minn membru parlamentari, biex fl-4 ta' April tal-istess sena nħatar President ta' Malta. F'din il-kariga serva sal-1994.

Familja[editja]

Ċensu Tabone żżewweġ lil Maria Wirth fit-23 ta' Novembru 1941. L-attur Malti ta' Hollywood Joseph Calleia kien prim kuġin tiegħu.

Ħoloq esterni[editja]

Predeċessur
Paul Xuereb
(aġent)
President ta' Malta
1989–1994

Suċċessur
Ugo Mifsud Bonnici