Kleopatra VII

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Ir-reġina Kleopatra, bust tal-irħam tal- iskola ta' Lixandra, 40/30 QK fl-Altes Museum, Berlin

Kleopatra VII Thea Filopator (Κλεοπάτρα Θεά Φιλοπάτωρ; Lixandra, 69 QKLixandra, 12 ta' Awwisu 30 QK[1]) kienet reġina Eġizzjana tal-perjodu Tolemajk.

Din kienet l-aħħar reġina tal-Eġittu l-Antik u l-aħħar membru tad-Dinastija Tolemajka. L-isem "Kleopatra" bil-Grieg ifisser "glorja tal-missier."

Illum hi x'aktarx l-aktar famuża fost il-mexxejja kollha tal-Eġittu l-Antik u hi magħrufa bl-isem ta' Kleopatra, għalkemm kienet is-seba' u l-aħħar reġina li kellha dan l-isem. Madankollu, Kleopatra, qatt ma rrenjat waħidha fuq l-Eġittu għax kienet issaltan flimkien ma' missierha, ħuha, ħuha-żewġha u binha.

Bijografija[editja]

Cleopatra on the Terraces of Philae (1896) ta' Frederick Arthur Bridgman

Kleopatra VII twieldet fl-Lixandra, missierha kien il-Fargħun Tolomew XII Awlete. Ma nafux minn kienet omm Kleopatra, imma ħafna jaħsbu li kienet Kleopatra V Trifena, oħt jew kuġina u mara ta' Tolomew XII, jew forsi mara oħra mill-familja Tolemajka li kienet bint Tolomew X u Kleopatra Bereniċe III Filopator jekk Kleopatra V ma kinitx bint Tolomew X u Bereniċe III.[2] Bejn it-68 QK u d-59 QK twieldu oħtha minn missierha Arsinoe IV u ħutha Tolomew XIII u Tolomew XIV. Skont is-sistema dinastika n-nisa wkoll setgħu jilħqu fuq it-tron, bħala miżżewġin ta' ħuthom subien. Din l-interpretazzjoni tat-testi antiki dwar l-aħwa "miżżewġin" ġiet ikkontestata ħafna drabi. Hu ħafna iktar probabbli li l-aħwa subien u bniet kienu jsaltnu flimkien u jaqsmu t-tron iżda mhux bħala miżżewġin. Fil-fatt, kull wieħed minnhom kien imbagħad ikun miżżewweġ lil nisa tagħhom li ma kellhomx dritt għat-tron. Missierha ħatarha ko-reġġenti ftit qabel miet, minħabba li ħutha l-bniet ikbar minnha, Kleopatra VI u Bereniċe IV, kien mietu, l-ewwel maqtula b'ordni ta' missierha (għax kienet ippruvat twaqqgħu mill-poter) u t-tieni avvelenata. Kleopatra VII ssuċċedietu meta kellha 18-il sena fir-rebbiegħa tal-51 QK flimkien ma' ħuha Tolomew XIII ta' għaxar snin, miżżewġin skont il-liġijiet Eġizzjani.

Statwa tal-bażalt ta' Kleopatra VII fl-Ermitage, San Pietruburgu

.

Fir-rebbiegħa tal-48 QK Tolomew, flimkien mal-kunsillier u ħabib tiegħu tal-qalb (hemm min anki jitkellem dwar storja ta' imħabba bejniethom) Potinu, li kien inħatar reġġent tal-fargħun żagħżugħ, ipprova jiddeponi lil Kleopatra u jġegħelha titlaq minn Lixandra. Ir-reġina ġabret armata u bdiet gwerra ċivili. Is-sitwazzjoni saret iżjed imħabbla meta oħthom l-oħra, Arsinoe IV, bdiet tippretendi d-dritt għat-tron.

Kleopatra VII fil-Ġeroglifiċi
Hiero Ca1.svg
q
rw
i wA p A d
r
t A H8
Hiero Ca2.svg

Kleopatra
Qlwpdrt

G5
wr
r
nb nfr nfr nfr H2
x
O22
Srxtail2.GIF

L-isem ta' Horus (1): Wer(et)-neb(et)-neferu-achet-seh
Wr(.t)-nb(.t)-nfrw-3ḫ(t)-sḥ
Is-sinjura kbira ta' perfezzjoni, eċċellenti fil-kunsill

G5
wr t
r
t
W
t
A53 n
X2 t
z
Srxtail2.GIF

L-isem ta' Horus (2): Weret-tut-en-it-es
Wr.t-twt-n-jt=s
Il-kbira, xbieha mqaddsa ta' missierha

Hiero Ca1.svg
q
rw
W
p
d
r
t H8
nTr t
H8
R7
t
z
N36
Hiero Ca2.svg

Kleopatra netjeret mer(et) ites
Qlwpdrt nṯrt mr(t) jts
L-alla Kleopatra maħbuba ta' missierha

F'dan il-punt il-megħlub ġeneral Ruman Pompew wasal l-Eġittu biex jistkenn mir-rivali tiegħu Ġulju Ċesri. Fil-bidu, Tolomew u Potinu taparsi aċċettaw it-talba tiegħu, iżda fid-29 ta' Settembru 48 Potinu ordna l-mewt ta' Pompew, bit-tama li jitħabbeb ma' Ċesri. Meta wasal dan, Tolomew offrielu r-ras tar-rivali tiegħu imma r-reazzjoni ta' Ċesri kienet ta' rabja u ġiegħel li Potinu jiġi maqtul. Minkejja li kien l-għadu ta' Ċesri, Pompew kien konslu Ruman u l-għarmel tal-unika tifla legittima ta' Ċesri, Ġulja. Ċesri ħa l-belt kapitali tal-Eġittu f'idejh u għamel ruħu l-arbitru bejn Tolomew u Kleopatra.

Ċesri sejjaħ lil Tolomew u lil Kleopatra fil-palazz irjali. Kleopatra beżgħet li jekk tmur lura fil-palazz tinqabad f’nassa ta' ħuha u għalhekk irrikorriet għal stratagemma.[3]Ġegħlet lil ħabib fidil tagħha, Apollodorus l-iSqalli, jirrumblaha f'tapit kbir marbut b'ċinga. Apollodorus imbagħad mar il-Palazz bir-romblu kbir fuq spallejh u qal li kellu jagħti rigal lil Ċesri u tħalla jidħol fl-appartamenti tal-konslu. Fil-preżenza tal-konslu ħall it-tapit u Ċesri sab quddiemu lil Kleopatra. Ir-reġina libset il-ħwejjeġ l-aktar rikki u mqaċċtin u l-ġojjelli l-aktar prezzjużi. Kellmitu bil-Latin u talbietu l-protezzjoni minn ħuha. Is-sorsi jirrakkontaw li l-impressjoni kienet irreżistibbli u t-tnejn saru maħbubin dak il-lejl stess.

Ċesri organizza r-ritorn uffiċjali tar-reġina u ġegħelha tiżżewweġ lil ħuha. Imma Tolomew, baqa' jwebbes rashu li jneħħi lil Kleopatra, u għamel alleanza ma' oħtu Arsinoe, u flimkien organizzaw armata, li f'Diċembru tal-48 fil-belt ta' Lixandra iltaqgħet f'battalja ma' dik ta Ċesri u Kleopatra. Il-battalja għamlet ħafna ħsara lill-bini tal-belt, fosthom il-Bibljoteka ta' Lixandra, li ġarbet ħsara kbira bin-nar u ntilfu fil-fjammi ħafna manuskritti ta' valur bla qies. Il-leġjuni Rumani sofrew telfa iebsa u Ċesri stess biex isalva ruħu mill-mewt kellu jaqbeż il-baħar u jaħrab.

Bis-saħħa tar-rinforzi minn Pergamu li waslu fi Frar tal-47 rebħu Ċesri u Kleopatra. Arsinoe u Tolomew inġegħlu jħallu l-belt. Fis-27 ta' Marzu tal-istess sena fuq ix-xmara Nil saret l-aħħar ġlieda bejn it-truppi ta' Tolomew u dawk ta' Ċesri. Il-battalja spiċċat f'massakru tal-armata Lixandrija: 25,500 mejta u 12,000 meħudin priġunieri. Tolomew innifsu tilef ħajtu. Kleopatra, li sfat l-unika l-ħakkiema tal-Eġittu, ħatret bħala ko-reġġent lil ħuha ż-żgħir Tolomew XIV. L-Eġittu baqa' formalment indipendenti, għalkemm tliet leġjuni Rumani baqgħu stazzjonati hemm bil-ħsieb li jżommu l-ordni pubbliku. Ir-relazzjoni bejn Ċesri u Kleopatra, li minnha twieled tifel, Tolomew Ċesri imsejjaħ Ċesarjun, kellha żewġ skopijiet politiċi: id-dittatur Ruman ried jiżgura l-kontroll tal-Eġittu, importanti għar-riżorsi finanzjarji tiegħu, filwaqt li Kleopatra ttamat li biha tikseb għall-pajjiż pożizzjoni privileġġjata ġewwa l-Imperu.

Kleopatra u Ċesarjun fit-tempju ta' Dendera, l-Eġittu

Fis-46 QK Kleopatra marret Ruma ma' binha li kien għadu kif twieled u baqgħet hemm sal-mewt ta' Ċesri, fl-44 QK. Fis-sajf tal-istess sena Tolomew XIV miet, forsi avvalenat minn Kleopatra nfisha, li ftit wara ħatret lil Ċesarjun bħala l-ko-reġġent tagħha, u dan ħa l-isem ta' Tolomew XV Ċesri.

Fit-42 QK Marku Antonju, wieħed mit-trijumvirat li kien jiggverna Ruma wara l-vojt fil-poter li ħalliet il-mewt ta' Ċesri, talab lil Kleopatra biex tiltaqa' miegħu f'Tarsu biex jivverifika l-lealtà tagħha. Antonio mbagħad mar warajha Lixandra, fejn baqa' għas-sena ta' wara kollha. Mill-unjoni tagħhom twieldu tewmin Kleopatra Selene u Alessandru Helios.

Erba' snin wara, fl-37 QK, waqt li kien qiegħed jivvjaġġa għall-gwerra kontra l-Parti, Antonju ltaqa' ma' Kleopatra f'Antijokja, fejn iżżewwġu, minkejja li Antonju kellha rabta ma' Ottavja, oħt Ottavjanu. Ftit wara twieled iben ieħor, Tolomew Filadelfu. Ottavja ntbagħtet lura lejn Ruma. Wara l-konkwista tal-Armenja fl-34 QK, immexxija minn Antonju bl-għajnuna finanzjarja tal-Eġittu, it-tnejn flimkien iċċelebraw it-trijonf f'Lixandra.

It-tradizzjonaliżmu tal-opinjoni pubblika Rumana kienet profondament ixxukkjata bil-proċedura trijonfali mhux tas-soltu u bid-deċiżjonijiet meħuda fl-okkażjoni tad-Donazzjoni ta' Lixandra: Kleopatra ħadet it-titlu ta' "reġina tar-rejiet", ġiet fil-kult assoċjata mal-alla Isidi u nħatret reġġenti tal-Eġittu u Ċipru ma' Ċesarjun; Alessandru Helios ġie nkurunat re tal-Armenja, il-Medja u l-Partja, Kleopatra Selene nħatret reġina taċ-Ċirenajka u l-Libja, u Tolomew Filadelfu ġie nkurunat re tal-Feniċja, is-Sirja u l-Ċiliċja.

Waqa' u suwiċidju[editja]

Is-suwiċidju ta Kleopatra, bust tal-irħam ta' Claude Bertin, madwar 1690, Louvre, Pariġi

Il-politika ta' Kleopatra u Antonju bit-tendenza li tiddomina l-Lvant kollu, iffavorit lil Ottavjanu, li akkuża r-reġina li qiegħda timmina minn taħt is-supremazija ta' Ruma u kkonvinċa r-Rumani li jiddikjaraw gwerra fuq l-Eġittu. Fil-31 QK, il-forzi navali Rumani ltaqgħu ma' dawk ta' Antonju u Kleopatra fil-Battalja ta' Azju. Meta rat li l-battalja kienet intilfet ir-reġina marret tiskenn Lixandra ma' parti mill-flotta, segwita minn Antonju.

Wara r-rebħa, Ottavjanu invada l-Eġittu u, wara reżistenza qasira, daħal Lixandra. Fl-30 QK, wara s-suwiċidju ta' Antonju (li qatel ruħu b'idejh meta sema bl-aħbar falza tal-mewt tar-reġina), Kleopatra qatlet ruħha b'idejha b'gidma ta' serp velenuż, forsi kobra Eġizzjana. Però, minn studji li saru riċentament, xi arkeoloġi famużi bdew jiddubitaw jekk ir-reġina setgħitx toqtol ruħha b'idejha b'gidma ta' serp velenuż. Forsi din kienet biss gidba li vvintat hi stess biex tagħmel mewtha denja tar-reġina kbira li kienet u tagħmel ruħha iktar tixbaħ ir-reinkarnazzjoni ta' Isidi f'għajnejn il-poplu tagħha. Jaħsbu li setgħet ħejjiet il-velenu, li kienet esperta ħafna fih, u ordnat il-qaddejja tagħha biex jgħidu li mietet bil-gidma tas-serp velenuż. Kleopatra kienet, fil-fatt, anki jekk mhux partikolarment sabiħa, intelliġenti ħafna u kieku kienet ingidmet apposta mis-serp, mewtha kienet tkun b'ħafna uġigħ u l-agunija qabel ma mietet setgħet iddum għal aktar minn tletin minuta.

Plutarku fil-Ħajja ta' Antonju tiegħu, irrakkonta kif iddeċidiet li tuża dan l-annimal:

"... Kleopatra kienet tiġbor kull xorta ta' veleni li joqtlu, fost l-aktar b'saħħithom li hemm, u kienet tipprova kull wieħed minnhom biex tara jekk kienx effikaċi u fl-istess ħin mingħajr tbatija, billi tisqih lill-ħabsin li kienu jistennew il-mewt. Billi rat li dawk istantanji jwasslu għall-mewt f'daqqa, iżda b'ħafna wġigħ, u dawk inqas ħorox kienu jdumu wisq, ippruvat l-annimali u osservathom hi stess waqt li ġew applikati wieħed wara l-ieħor. Fosthom sabet li biss il-gidma tas-serp traqqad il-membri u s-sensi, mingħajr ma ttikkawża spażmi jew tipprovoka l-krib; ma jidhirx ħlief għaraq ħafif fuq il-ġbin, filwaqt li l-fakultajiet perċettivi jgħibu, jerħu bil-ħlewwa u jirreżistu kull tentattiv ta' qawmien, bħal minn jorqod fil-fond ..."

Ċesarjun kien ikkundannat għall-mewt minn Ottavjanu, waqt li t-tlett itfal li kellha ma' Antonju ttieħdu Ruma. L-Eġittu sar provinċja Rumana mmexxija mill-prefett tal-Eġittu, uffiċjal ta' rank ekwestri. Ottavjanu li mar lura lejn Ruma biex jiċċelebra t-trijonf tal-ispedizzjoni Eġizzjana, kellu fuq karru xbieha tar-reġina Kleopatra li dawwar f'trijonf mat-toroq tal-belt.

Fis-sorsi[editja]

Antonju u Kleopatra: Denarju 32 QK

         CLEOPATRAE REGINAE                    ANTONI ARMENIA DEVICTA
       REGVM FILIORVM REGVM

Is-sorsi tal-letteratura Latina u Griega, li taw dettalji fuq il-ħajja u l-figura ta' Kleopatra huma numerużi. Hawnhekk ngħatu lista parzjali:

Kleopatra ma kinitx seduttriċi kbira biss. Kienet taf ħafna lingwi, Plutarku kiteb: "L-ilsien, bħal strument mużikali b'ħafna kordi, kienet taqilbu faċilment għal-lingwa li riedet titkellem, tkun liema tkun, tant li kienu rari ħafna l-każijiet li fihom kellha tittratta mal-barbari permezz ta' interpretu, kienu x'kienu, Etjopji, Trogloditi, Lhud, Għarab, Sirjani, Medi jew Parti". Kienet taf il-Grieg u kienet wkoll fluwenti fil-Latin. Minbarra l-versatilità fil-lingwi, kienet tinteressa ruħha wkoll fl-arti u x-xjenzi: Ikkonvinċit lil Antonju, meta sar mexxej assolut tal-Lvant, li jagħti lil Lixandra l-Bibljoteka famuża ta' Pergamu. Kienet ħabiba ma' ħafna studjużi fil-Mużew ta' Lixandra, fosthom il-famuż astronomu Sożiġeni, li lilu nafu r-riforma tal-kalendarju Ruman: kienet kważi żgur Kleopatra li ppreżentatu lil Ċesri. [4]

Antenati[editja]

Meta wieħed iqis il-familja immedjata ta' Kleopatra jidher ċar kemm kien hemm tgħammir bejn il-membri tal-istess familja Tolomea . Il-ġenituri tagħha x'aktarx kienu aħwa u għalhekk kellha par wieħed biss ta' nanniet. Dawk in-nanniet kienu ziju u neputija, għal darb'oħra jillimitaw in-numru ta' antenati.[5]. L-għadd relattivament żgħir ta' antenati nistgħu narawh mid-dixxendenza ta' Kleopatra VII kif setgħet kienet, murija hawn taħt[6].

Kleopatra antenati.jpg

Kleopatra fl-arti, fiċ-ċinema u fil-letteratura[editja]

L-istorja ta Kleopatra matul is-sekli affaxxinat eluf ta' kittieba u artisti li għenu biex joħolqu l-leġġenda ta' seduttriċi sabiħa mill-iżjed li rnexxiela ssaħħar tnejn mill-irġiel l-aktar qawwijin ta' żmienha.

Fost l-akbar xogħlijiet fuq Kleopatra hemm:

Films dwar Cleopatra[editja]

Sarah Bernhardt fil-parti ta' Kleopatra
Elizabeth Taylor fil-film Cleopatra (1963)

Kleopatra fil-pittura[editja]

Kleopatra u mewtha ispiraw mijiet ta 'pitturi mir-Rinaxximent sal-lum. Hawnhekk hawn lista ta' xi wħud mill-aktar famużi:

  • Is-suwiċidju ta' Kleopatra (1621). Żejt fuq it-tila. 116.8 x 93.3 ċm. Impittra minn Giovanni Francesco Barbieri, magħruf bħala Guercino. Simon Norton Museum f'Pasadena, California, SUA.
  • Kleopatra ( madwar l-1620). Żejt fuq it-tila. 97 x 71.5 ċm. Impittra minn Artemisia Gentileschi. Kollezzjoni tal-Fondazione Cavallini-Sgarbi, Ferrara.
  • Cleopatra u r-raħħal (1838). Żejt fuq tila. Impittra minn Eugène Delacroix. Ackland Art Museum, Università ta' North Carolina, USA.

Aktar[editja]

  • Il-Kratere Kleopatra, li jinsab fuq il-quċċata tal-Muntanji Maxwell, il-formazzjoni ta' muntanji l-aktar prominenti tal-pjaneta Venus, hu msemmi f'ġieħ Kleopatra VII.

Referenzi[editja]

  1. ^ Alan K. Bowman, Egypt After the Pharaohs 332 BC-AD 642: From Alexander to the Arab Conquest, University of California Press (1 ta' Lulju, 1996), ISBN-10: 0520205316, ISBN-13: 978-0520205314
  2. ^ Skond ix-xhieda ta' Strabun, Tolomew XII kellha tifla leġittima waħda biss, Bereniċe IV, minn oħtu-martu Kleopatra V Trifena. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni u l-fatt li Kleopatra kienet l-unika waħda fil-familja tiegħu li kienet titkellem bl-Eġizzjan, xi studjużi pproponew l-ipoteżi li r-reġina kellha nisel Eġizzjan.L-istoriku Ġermaniż Werner Huß (Die Herkunft der Kleopatra Philopator (Id-dixxendenza ta' Kleopatra Filopator), Aegyptus 70, 1990, pp. 191–203) jassumi minflok li omm Kleopatra kienet mara Eġizzjana nobbli, li setgħet saret it-tieni mara ta' Tolomew XII wara li warrab lil Kleopatra V.
  3. ^ Plutarku (Ġulju Ċesri 49.1–3)
  4. ^ Ernle Bradford, Cleopatra, Penguin (3 ta' Lulju, 2001), ISBN-10: 014139014X, ISBN-13: 978-0141390147
  5. ^ Stacy Schiff, Cleopatra: A Life, Hachette Digital, Inc., 2010, ISBN 978-0-316-00192-2
  6. ^ Dodson, Aidan u Hilton, Dyan. The Complete Royal Families of Ancient Egypt. Thames & Hudson. 2004. ISBN 0-500-05128-3 Is-siġra tal-familja u d-diskussjonijiet fil-qosor tal-individwi jistgħu jinstabu fil-paġni 268-281. L-awturi jirreferu għal Kleopatra V bħala Kleopatra VI u Kleopatra Selene I jsejħulha Kleopatra V Selene.

Ħoloq esterni[editja]

Predeċessur
Tolomew XII
Reġina tal-Eġittu
51 QK – 30 QK
ma' Tolomew XII, Tolomew XIII, Tolomew XIV u Tolomew XV

Suċċessur
ħadd