Aqbeż għall-kontentut

Dun Ġorġ Preca

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Dun Ġorġ Preca
Twelid 12 ta' Frar 1880
Valletta, Malta
Mewt 26 ta' Lulju 1962
Santa Venera, Malta
Beatifikazzjoni 9 ta' Mejju 2001, Malta minn Papa Ġwanni Pawlu II
Kanonizzazzjoni 3 ta' Ġunju 2007, Vatikan minn Papa Benedittu XVI
L-ikbar santwarju Kappella tal-Midalja Mirakoluża, il-Blata l-Bajda, Malta
Festa 9 ta' Mejju
Attributi Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM)

 M'hemmx Malti ieħor li għamel daqshekk ġid lill-poplu tagħna. Matul l-aħħar mitt sena mindu twaqqaf il-Mużew, mijiet ta' eluf ibbenifikaw mill-missjoni ta' evangelizzazzjoni u katekizzazzjoni tal-membri tiegħu. U dan kollu nafuh lil San Ġorġ [1] 

—Editorjal, The Times of Malta

Dun Ġorġ Preca (1880-1962), jew San Ġorġ Preca, kien saċerdot Kattoliku Malti u Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, magħrufa bħala l-MUSEUM jew Mużew. Magħruf fost il-Maltin sempliċiment bħala "Dun Ġorġ". Kien pijunier tal-appostolat tal-lajċi fil-Knisja Kattolika, ħamsin sena qabel il-Konċilju Vatikan II, u fost l-ewwel li ta l-Bibbja f'idejn il-lajċi u ġie kanonizzat mill-Papa Benedittu XVI fit-3 ta' Ġunju 2007.

Bin Vinċenz, li hu spettur sanitarju mill-Belt, u Natalina imwielda Ceravolo, għalliema mill-Belt, Ġorġ Preca twieled hu ukoll il-Belt Valletta fit-12 ta' Frar, 1880, f'53, Triq il-Punent, fil-Parroċċa ta' San Duminku. Is-seba' tifel fost disa' aħwa - erbgħa subien u ħamsa bniet. L-ewwel Priministru ta' Malta, Joseph Howard "kien imħallat sewwa mal-familja Preca", kien ir-raġel tal-kuġina ta' ommu. Ma kinux foqra, tant li kellhom seftura. Tgħammed fis-17 ta' Frar minn Patri Vinċenz Cousin, Dumnikan fil-Knisja ta' Porto Salvo.

Ta' 5 snin kien se jegħreq fil-Port il-Kbir imma salvah barklor. Meta kellu 6 snin marru joqogħdu B'Kara u ftit wara l-Ħamrun. Irċieva l-Griżma fit-2 t'Awissu 1888 minn idejn l-Isqof Anton Maria Buhagiar, fil-Knisja ta' San Gejtanu l-Ħamrun. Il-parrinu tiegħu kien Dun Karm Gatt D.D.[2] Daħal abbati. Fra Diegu kien profetizzalu "Ġorġ, meta tikber int għad issir qassis u għad tiġi tqaddes f'dan l-istitut (Fra Diegu)".

Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja tal-Ħamrun. Ta' 12-il sena ta l-eżami għal-Liċeo u għadda mat-tieni darba, f'Settembru 1892. Kienu għaddew 51 minn 131. Kuljum kien jimxiha mill-Ħamrun għal-Liċeo li kien il-Belt, u lura. Kien tajjeb fil-lingwi. Studja l-Latin, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ingliż. Ħa premju wkoll għall-kalligrafija.

Ta' 14-il sena qara Thejjija għall-Mewt ta' San Alfons Maria de Liguori.

Fiż-żmien tal-Liċeo sab ruħu mħallat ma' numru ta' żgħażagħ li kienu fit-triq tas-saċerdozju. Fl-1896 daħal is-Seminarju jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Fost dawk li kienu seminaristi fi żmienu nsibu lil Mikiel Gonzi, li iktar tard sar Arċisqof, Dun Furt Ellul u Dun Anton Buhagiar (li sar Kappillan San Pawl il-Baħar)

Żgħożija u l-Bidu tal-MUSEUM

[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta tal-1897, meta kellu madwar 17-il sena, iltaqa' ma' wieħed mill-għalliema tiegħu tal-Liceo, Dun Ercole Mompalao, ħdejn il-Mall tal-Furjana. Dun Ercole għamillu din il-profezija: “Preca, int għad tikber u nies li jirrispetaw ‘l Alla jidħlu fil-familjarità miegħek u inti magħhom. Int għad issib xortik permezz tagħhom u huma għad isibu xortihom permezz tiegħek”.

Fit-8 ta' April 1905 miet Dun Alwiġ Galea li għal ħafna snin kien il-konfessur ta' Ġorġ. Preca kien jirrakonta li ftit wara mewtu Dun Alwiġ deherlu u qallu: “Lilek Alla għażlek biex tgħallimlu l-poplu tiegħu”.

Fl-istess żmien indiehes ma' grupp ta' żgħażagħ li kienu jiltaqgħu f'għalqa quddiem il-Knisja ta' San Gejtanu. Mill-ewwel beda jkellimhom fuq Alla. Fosthom kien hemm Ewġenju 'Ġeġè' Borġ, ħaddiem tat-Tarzna. Dun Ġorġ tah attenzjoni speċjali u kien jieħdu għalih waħdu biex jgħallmu u jfissirlu l-ħajja ta' Ġesu Kristu skond l-Evanġelju ta' San Ġwann. Ġeġè kellu jkun l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.

Il-Kjeriku Ġorġ Preca kiteb abbozz ta' regola bil-Latin biex jibgħatha lill--Papa San Piju X għall-approvazzjoni. Kellu l-ħsieb li fil-parroċċi kollha jkun hemm djar b'sebgha rġiel ordnati djakni, megħjunin minn awżiljari lajċi, li xogħolhom kellu jkun li jgħallmu lit-tfal u l-kbar.

Ftit qabel l-ordinazzjoni saċerdotali Dun Ġorġ kien kawżi ser imut b'marda li ħakmitu, probabilment it-tuberkolożi. It-tabib Nerik Meli qata' qalbu minnu, iżda għalkemm kellu pulmun minnhom niexef, Ġorġ rkupra "bl-interċessjoni ta' San Ġużepp".

Dun Ġorġ ġie ordnat saċerdot flimkien ma' 13-il saċerdot ieħor fit-22 ta' Diċembru 1906 mill-Isqof Pietru Pace. Meta l-Isqof ġie biex jidlek idejn Ġorġ Preca "iż-żejt spiċċalu u kellu jinġieb il-ġdid." Iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni fil-Parroċċa ta' San Gejtanu, l-Ħamrun, nhar il-Milied. Għal xi ġimgħat wara l-ordinazzjoni saċerdotali kien joħrog biss mid-dar biex iqaddes. Kien jibqa' miġbur fil-kamra ta' fuq il-bejt jitlob u jimmedita.

Minkejja li kien ġej minn familja tat-tajjeb, Dun Ġorġ kien jgħix f'faqar kbir. Minn kulma jiddobba kien iżomm biss dak li hu meħtieġ biex jgħix, il-bqija jqassam kollox. (Wara li waqqaf il-MUSEUM kien jgħin ħafna lill-Mużewijiet tal-bniet, li xi wħud minnhom ma kienx ikollhom biex iħallsu l-kera.) Il-lamra li fiha Dun Ġorġ għadda l-biċċa l-kbira ta' ħajtu, kienet kamra żgħira ħafna. Kien fiha sodda b'saqqu kollu ħotob, mejda naqra kbira bil-kotba fuqha, għax lanqas librerija tiegħu ma kellu. Kellha tieqa waħda li quddiemha kien hemm ħajt iswed u għoli. L-art tal-kamra kienet ħarxa u t-tibjid qadim. Lanqas elettriku ma kellu fid-dar u li kieku s-Soċjetà ma bagħtitx soċju biex jagħmillu d-dawl kieku lanqas qatt ma kien iħabbel rasu biex ikollu l-elettriku.

Mudell għas-Saċerdoti

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żjara tal-Papa Benedettu XVI, f'April 2010, wasslet ukoll il-karatteristika ta' San Ġorġ Preca bħala Saċerdot, proprju fis-sena ddedikata lis-Saċerdot. Kemm meta wasal fl-ajruport ta' Malta, kif ukoll fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Papa rrefera għal San Ġorġ Preca. Fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Papa ppreżenta lil San Ġorġ Preca bħala “rigal għażiż tas-saċerdozju” u ddeskrivieh bħala “saċerdot ta' umiltà kbira, ta' tjubija, manswetudni, ġenerożità, bniedem ta' talb u b'passjoni biex jikkomunika l-veritajiet tal-Vanġelu”. Fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 21 ta' April fil-Vatikan, il-Papa eżorta biex San Ġorġ Preca jservi ta' mudell u ta' ispirazzjoni lis-Saċerdoti fil-ħidma tagħhom biex itemmu l-missjoni li rċevew biex jitimgħu il-merħla tal-Mulej.

Il-Fondazzjoni tal-M.U.S.E.U.M

[immodifika | immodifika s-sors]

Darba minnhom, Dun Ġorġ Preca kien għaddej fil-knisja ta' San Gejtanu u sema' lis-sagristan jgħallem id-duttrina lit-tfal. Tifel staqsa lis-sagristan: “Lil Alla, min ħalqu?” U dak wieġbu: “Alla sar waħdu.”, meta kellu jwieġbu "Alla kien minn dejjem." Dun Ġorġ intebaħ li hemm bżonn li jsir xi ħaġa sabiex lin-nies jingħatalhom tagħlim Nisrani kif xieraq.

Għall-ħabta tal-aħħar ta' Jannar 1907 Dun Ġorġ sejjaħ mill-ġdid lill-grupp taż-żgħażagħ u nhar it-2 ta' Frar iltaqgħu fil-Knisja Ta' Nuzzo, il-Ħamrun, għal lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta' Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f'post ċkejken li kienu krew f'n. 6, Triq Fra Diegu, l-Ħamrun. Dawn iż-żewġ dati jimmarkaw it-twaqqif tas-Societas Doctrinae Christianae (Soċjetà tad-Duttrina Nisranija): grupp ta' żgħażagħ lajċi iffurmati fil-ħajja tar-ruħ u fil-prinċipji tar-reliġjon kattolika, mibgħuta biex jgħallmu l-poplu. Għall-bidu, Dun Ġorġ sejjaħ l-għaqda tiegħu Societas Papiduum et Papidissarum jew “Xirka ta' Ulied il-Papa” għaliex ried jisħaq fuq il-lealtà lejn il-Papa. Intant, soċju, Salvu Muscat issuġġerixxa l-isem “Mużew” u biż-żmien dan l-isem qabad u baqa'. Dun Ġorġ fassal akronimu mill-kelma “MUSEUM” bil-Latin: "Magister utinam sequatur Evangelium universus mundus!" (Mgħallem, li kien id-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju!!!).

Is-Sezzjoni Femminili tas-Soċjetà tal-MUSEUM

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fergħa tan-nisa bdiet f'Raħal Ġdid fl-1910 bl-għajnuna ta' Ġannina Cutajar li wara saret l-ewwel Superjura Ġenerali. Dak iż-żmien Dun Ġorġ kien idur l-oqsma tal-Museum tas-subien u meta kien ikun Raħal Ġdid kien jgħaddi għand il-familja Cutajar. Ta' spiss kien jitkellem magħhom fuq il-ħolma tiegħu li jwaqqaf Sezzjoni tal-Museum għall-bniet. It-tfajla Ġannina kienet toqgħod tisma'. Dun Ġorġ, l-ewwel ma kellem lil ħuha Karmenu li kien soċju tal-Museum u wara kellem lilha. Wara li fehemha xi xtaq mingħandha, hi intlaqtet mill-ħolma tiegħu u aċċettat. Nhar l-10 ta' Jannar 1910 infetħet l-ewwel dar tal-MUSEUM għall-bniet f'Raħal Ġdid. Ġannina, li kellha madwar 15-il sena, ġabret magħha tnax-il tfajla oħra u flimkien setgħu jgħallmu f'dan l-ewwel Qasam. Kienu jiltaqgħu f'maħżen li tahulhom missier Ġannina. Iżjed tard, meta bdew jinfetħu iżjed Oqsma, Dun Gorġ għażilha bħala l-ewwel Superjura Ġenerali.

Is-Sezzjoni Femminili bdiet f'Għawdex qabel dik Maskili. Filfatt bdiet fin-Nadur nhar is-16 ta' Settembru 1915, bis-Superjura Rakela Camilleri li Dun Ġorġ kien isejħilha Superjura Djoċesana f'Għawdex. Fl-Arkivji tas-Soċjetà tal-MUSEUM jeżistu ħafna ittri li Dun Ġorġ kien jibgħat lis-Superjura Rakela Camilleri biex jagħtiha pariri dwar id-diffikultajiet li kien ikollha. Dawn huma xi wħud mill-isbaħ ittri ta' Dun Ġorġ. Is-Sezzjoni Maskili damet biex bdiet f'Għawdex sas-sena 1941, meta Emanuel Bianco, soċju minn Malta, intbagħat jaħdem Għawdex u kien hu li beda l-ewwel qasam fir-Rabat. Aktar tard ingħaqad miegħu ukoll Willie Buhagiar, soċju ieħor minn Malta.

Tfixkil tal-Bidu

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bidu tas-seklu 20, f'Malta bdew jinxterdu ħafna ideat rivoluzzjonarji, fosthom dawk ta' Manwel Dimech, u għalhekk il-Knisja kienet toqghod b'seba' ghajnejn fuq kull attività jew organizzazzjoni gdida, bezghana minn xi taghlim gdid li seta' jtebba' t-tradizzjoni Nisranija tal-gzira. Ghalhekk, meta l-kelma waslet f'widnejn l-Isqof, li grupp ta' zghazagh kien qed jiltaqa' regolarment biex jitkellem fuq Alla, il-biza' ma setax jonqos. Tant nies kienu qed jingabru biex jisimghu lil dan il-qassis u s-segwaci tieghu jitkellmu fuq Alla b'mod semplici u car. Mhux kulħadd fehem mill-ewwel x'ried jagħmel Dun Ġorġ u kien hemm min saħansitra fehmu ħażin. Il-Bibbja u t-teoloġija f'idejn lajċi ħaddiema kienet ħaġa ġdida u kienet wisq aktar ġdida li dawn il-lajċi joħorġu fit-toroq u l-pjazez ixandru l-Kelma t'Alla lil kulħadd. Fl-1909, il-Vigarju Mons. Salv Grech ordna lil Dun Ġorġ jagħlaq l-Oqsma tal-Mużew li kien laħaq fetaħ. Dun Ġorġ obda.

 Intom is-superjuri, jiena sudditu tagħkom. Għandi nobdikom. Inneħħihom kollha. 

Numru ta' kappillani nsistew biex din l-ordni tal-Vigarju Ġenerali tiġi revokata. Kien għall-ħabta tal-1910 li Dun Ġorġ kellu esperjenza mistika qawwija li hu kien isejjah “il-famuża dehra ta' Ġesù Tfajjel”. Kien għaddej ħdejn is-Salib tal-Marsa meta jilmaħ tfajjel ta' madwar tnax-il sena jimbotta karetta b'qoffa demel. It-tifel ikkmandah: “Aghtini l-ghajnuna!” Kif Dun Ġorġ medd idejh biex jagħtih l-għajnuna, ħass ħlewwa li ma bhalha u ma setax isib tarf ‘il fejn hu u t-tifel marru bil-karretta. Wara li rrifletta, Dun Ġorg intebaħ li t-tifel kien Ġesù, u d-demel jew fertilizzant ifisser it-tagħlim.

Bejn l-1914 u l-1915 bdew jidhru fil-ġurnali lokali xi artikli kontra l-M.U.S.E.U.M. li kienu mimlijin disprezz u nġurji. Dun Ġorġ impona fuq il-membri tiegħu il-vot jew wegħda tal-manswetudni li biha ntrabtu li jaħfru mill-qalb lil min ikasbarhom u kien jinsisti magħhom biex “iħobbu d-disprezzi” u ma jħallux li dawn itelfulhom il-paci ta' qalbhom. Fl-1916 l-Isqof Mauro Caruana ordna li ssir inkjesta dwar is-Socjetà. Kellhom jgħaddu 25 sena mit-twaqqif tagħha sabiex fit-12 t'April 1932, l-Isqof ta' Malta, Dom Maurus Caruana OSB approva r-Regola u s-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.

 Alla l-imbierek ihalli toroq ghal nies bhal Dun Gorg. Alla jaf li l-gerarkija kultant tista' tibda tibza' titkellem jew iccaqlaq id-dghajsa. Dun Gorg kien profeta qabel zmienu u l-profeti jigu biex icaqilqu. Ghalhekk meta Dun Gorg beda jitkellem, il-gerarkija bezghet li se jiccaqilqu xi affarijiet. F'dak iż-żmien, sakemm il-gerarkija approvat li jitwaqqfu c-centri, kien l-aqwa żmien ta' Dun Gorg, ghax hemm spikkat l-umiltà u l-ubbidjenza tieghu. Kien żmien ta' purifikazzjoni u dan huwa l-aqwa tal-hajja tieghu. L-ubbidjenza u l-karizma ta' Dun Gorg wasslu biex l-Isqof jibdel fehmtu. 

- L-Arċisqof Pawlu Cremona, 14 ta' Frar 2007

Is-Soċjetà tal-MUSEUM tinfirex

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Djar għat-tagħlim nisrani bdew jiftħu waħda wara l-oħra fil-parroċċi. Inħass il-bżonn kbir tal-edukazzjoni reliġjuża tal-poplu għax il-ħajja nisranija tal-kotra kienet mibnija fuq is-sagramenti u d-devozzjonijiet bla ma kien hemm għeruq sodi fit-tagħlim tal-Knisja. It-tfal bdew jiġu kuljum fid-Djar ta' Dun Ġorġ għax hemm sabu nies dedikati li jgħinuhom jikbru, mhux biss fil-ħinijiet tat-tagħlim iżda wkoll waqt il-logħob.

Sa mill-bidu nett, Dun Ġorġ obbliga lill-katekisti tal-MUSEUM li kuljum, wara li jkunu temmew jgħallmu liż-żgħar u lill-kbar, jiltaqgħu flimkien għal siegħa ta' formazzjoni (L-Assenjatur).

Il-kariżma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjetà tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu bagħat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll Djar tat-tagħlim u skejjel fil-Kenja, fil-Perù, f'Londra u fl-Albanija, u mill-2011 fil-Polonja u f'Kuba.

Dun Ġorġ u l-Ilsien Malti

[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġorġ(1880-1962) waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) fi żmien ta' injoranza reliġjuża kbira. Fi żmienu l-kotba bil-Malti kienu ftit. Kieku ma kinitx il-ħeġġa ta' għadd ta' saċerdoti, fosthom Dun Ġorġ, li bdew jibnu librerija reliġjuża bil-Malti, il-poplu Malti qajla kellu x'jaqra bl-ilsien tiegħu stess. Fl-istess żmien saru diversi traduzzjonijiet u kotba ta' mogħdija ta' żmien minn awturi bħal Alfons Marija Galea u Annibale Preca. Imma, fil-qasam tat-teoloġija ( ma kien hawn kważi xejn. Dun Ġorġ kiteb madwar 150 ktieb, li jvarjaw fid-daqs, kollha fuq suġġetti reliġjużi. Kiteb għadd kbir ta' kotba ta' tagħlim dwar it-Teoloġija Dommatika, il-Morali u l-Ispritwalità. Ikkompona għadd kbir ta' libretti ta' talb, kemm għall-użu privat tas-Soċjetà Museumina, u kemm għad-devozzjoni popolari. Kien appostlu tal-Kelma ta' Alla, speċjalment tal-Evanġelju li kien isejjaħlu “Leħen il-Maħbub”. Kien jinsisti li s-soċji u l-poplu jitgħallmu siltiet qosra mill-Evanġelu bl-amment. Barra minn hekk Dun Ġorġ ħadem ħafna biex il-Bibbja tkun f'idejn il-poplu bl-ilsien tiegħu. Hu nnifsu ttraduċa xi siltiet minnha iżda fuq kollox kien tal-akbar appoġġ għall-Prof Pietru Pawl Saydon li qaleb il-Bibbja kollha mill-ilsna oriġinali għall-Malti u li b'rikonoxxenza ħalla d-drittijiet tal-istampa lis-Soċjetà ta' Dun Ġorġ.

Kotba tiegħu

[immodifika | immodifika s-sors]

Fost l-aqwa kotba ta' Dun Ġorġ Preca nsibu Is-Sakrarju tal-Ispirtu ta' Kristu, Il-Ġinnasju Spiritwali, Il-Ktieb il-Kbir, Il-Ktieb tal-Mezzi u tas-Sinjali u Ittra Popolari fuq il-Manswetudni.Dun Ġorġ qatt ma ried li jidher ismu fil-ħafna kotba li kiteb, anzi meta xi ħadd kien ifaħħarlu l-kotba tiegħu kien jgħid li dawk kienu “kotba minn kotba” u mhemm xejn oriġinali fihom.

Il-Ktieb tal-Mezzi u tas-Sinjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-ktieb, li filfatt huwa żewġ kotba f'wieħed, huwa miktub bl-istil popolari ta' sentenza sentenza minflok paragrafi, fis-serje ta' kotba miktuba minn Dun Ġorġ biex igħallem lill-poplu bi kliem sempliċi u b'messaġġ li jidħol dritt fil-qalb. Tagħlim li għandu l-bażi tiegħu fl-Vanġelu u fil-kotba tal-qaddisin u l-axxeti u, għalhekk, hu sinteżi tal-ħajja qaddisa li għaliha hu msejjaħ kulħadd. Dan l-istil ta' kitba kien ħafna għal qalb Dun Ġorġ. Hu nnifsu kien jemmen li l-bniedem jitħajjar jaqra iżjed ftit sentenzi qosra mimlijin sugu u li jista' faċilment iżommhom f'moħħu għal tul taż-żmien. Dun Ġorġ kien ħsiebu biss biex iwassal it-tagħlim tal-ħajja eterna lil ħutu Maltin. Dan il-ktieb huwa xhieda oħra tal-moħħ versatili ta' Dun Ġorġ li kien dejjem joħroġ ktieb wara l-ieħor biex il-messaġġ tal-Vanġelu jasal b'mod li jiftiehem mill-poplu kollu. Dan ukoll hu dokument importanti li juri s-sentimenti nobbli tal-qalb ta' Dun Ġorġ - qalb imfawra bl-imħabba tiegħu lejn Alla u lejn il-bnedmin.

Ittra Popolari fuq il-Manswetudni

[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed mill-iżjed kotba magħrufa li kiteb Dun Ġorġ Preca, miktub qabel is-snin għoxrin meta kien għadu fl-aħjar tiegħu. Il-ktieb kien maħsub biex jinqara u jiġi meditat biss mis-Soċji tal-MUSEUM. Maż-żmien, iżda, il-ktejjeb ġie f'idejn xi ħadd li lil Dun Ġorġ ikkonvinċieh li joħroġ din il-kitba għall-pubbliku in ġenerali. Għalhekk, dik li qabel sejħilha “Ittra Privata fuq il-Manswetudni” ħariġha mill-ġdid bl-isem “Ittra Popolari fuq il-Manswetudni”. Sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tal-MUSEUM, Dun Ġorġ ried li s-soċji jintrabtu b'vot ta' manswetudni, jiġifieri li l-imġiba tas-soċji bejniethom tkun dejjem waħda ta' mħabba, ħlewwa u ġentilezza. Għal Dun Ġorġ "manswetudni" kienet tfisser ‘ġentilezza u paċenzja filli wieħed isofri bla ma jiħrax jew jiqliel', u fuq kollox li wieħed jaħfer minn qalbu lill-għedewwa tiegħu fuq l-eżempju ta' Kristu li miet jaħfer lil dawk li sallbuh. Dun Ġorġ ried li s-soċji jaqraw din l-'Ittra' mill-bidu sa l-aħħar kull nhar is-26 ta' Diċembru, il-festa ta' San Stiefnu, il-Qaddis li miet jaħfer lil min qatlu. Dan il-ktejjeb baqa' popolari tant li saru ħafna edizzjonijiet tiegħu, b'kollox sitta. Fl-1990 ħarġet traduzzjoni tiegħu bl-Ingliż. L-‘Ittra Popolari fuq il-Manswetudni' fiha tlettax-il Kapitolu li jitkellmu fil-qosor dwar it-tagħlim morali u spiritwali ta' din il-virtù. Din il-kitba tibqa' l-ewwel dokument importanti mill-pinna ta' Dun Ġorġ

Il-Gabinetti huma aktarx fost l-aktar kitbiet magħrufa ta' Dun Ġorġ, li hu nnifsu ħa ħsieb li jistampahom għall-ewwel darba f'fuljetti fl-istamperija Vox Press tal-Ħamrun u fl-Istamperija Museumina tas-Soċi Interni, Ħaż-Żebbuġ. Il-Gabinetti, ġew stampati individwalment f'diversi rivisti u publikazzjonijiet, u dehru miġburin flimkien għall-ewwel darba f'edizzjoni tal-1991. Fi kliem Dun Ġorġ innifsu

 B'gabinetti aħna nifhmu kamra żgħira f'dar fejn jiġu kkonservati oġġetti prezzjużi. Issa, billi fid-dinja xejn m'hu aktar prezzjuż mit-tagħlim tal-verità, għalhekk aħna nsejħu gabinett narrazzjoni, tkun ta' storja, jew tkun ivvintata bħalma huma l-parabboli ta' Kristu, li fiha jkun hemm xi verità. Wieħed jista' jifforma gabinetti li bih ikun jifhem igħallem verità, kif jista' jifforma eżempji tant reali kemm ivvintati, basta li tintagħraf permezz tagħhom xi tagħlima utli għall-ħajja spiritwali jew temporali. Il-gabinetti msemmija huma wisq pjaċevoli għan-natura umana, li timxi bi ħwejjeġ konkreti, jiġifieri li jaqgħu taħt is-sensi, u li mill-ħwejjeġ konkreti tintrefa' għall-ħwejjeġ astratti li ma jaqgħux taħt is-sensi. Nies kbar għall-għerf inqdew b'dawn il-gabinetti, u fosthom ċelebri huwa Esopu, li permezz ta' ħrejjef ivvintati, kien jifhem jgħallem in-nies ħwejjeġ importanti, u utli għall-ġid. Anki Kristu għallimna bosta veritajiet permezz tal-parabboli: iżżomm il-parabbola quddiem għajnejk, tkun fl-istess ħin iżżomm it-tagħlim li fiha. Kemm meta tirrakonta ħwejjeġ reali mill-istorja, kemm meta tirrakkonta ħwejjeġ mhux reali, iżda ivvintati mill-esperjenzi, mill-industrija tal-intelliġenza tiegħek, is-sustanza hija dejjem imqiegħda fil-verità li kulħadd għandu jammettiha, għax iħossha ta' persważjoni. Immela s-sustanza tal-gabinetti tal-Museum hawn biss imqiegħda: f'li wieħed jesponi verità permezz ta' ġrajja tant veri, kemm ivvintati, l-intenzjoni hija li wieħed jikkomunika t-tagħlim b'mod addattat għan-natura umana, dan ma jistax jiġi mċanfar minħabba l-ħwejjeġ ivvintati minn rasu, bħalma ma tistax tkun imċanfra omm li tagħti jixrob lit-tifel żgħir tagħha porga ħażina f'tazza bix-xifer imdellek bl-għasel. 

Dawn huma ftit eżempji ta' gabinetti ta' Dun Ġorġ:

 * Gulju fil-gardin taghhom, wara c-cena, hares lejn is-sema u lemah kewkba tassew sabiha u kbira, u waqaf ihares lejha, u qal: “Kemm hi sabiha din il-kewkba! U din il-kewba ghamilha Alla; immela kemm hu izjed sabih Alla!” Il-kreaturi jkellmuna fuq Alla.

  • L-opri ta' Alla jipperswadu fuq l-ezistenza tieghu. “Gakomina”, qal Dun Guzepp lil tifla ta' ghaxar snin, “urini jdejk”. Wara li uriethomlu, kompla jghidilha: ‘Stajt inti taghmilhom dawk idejk?” U hija wegbitu: ‘Kif nista' jien nahdem idejn minghajr idejn?”
  • “Sander, tixtieq tarah ‘l Alla?”

“Nixtieq narah imma nibza' narah.” “Ghax tibza' tarah?” “Ghax missieri harigni bid-dghajsa fuq il-bahar u x'hin harist u rajt is-swudija tal-bahar, bzajt, u ghedt lil missieri jdahhalni ‘l gewwa.” Osserva l-kobor tal-bahar, u mill-opra ta' Alla, intrefa' fil-kobor ta' Alla.

  • Id-dnub kontra l-proxxmu jippriedka l-ezistenza tal-infern. Kieku mal-mewt jispicca kollox, kieku Karmnu ha premju ta' hamsin lira ghad-delitti li ghamel. Qatel ragel bla xhieda, biex seraqlu hamsin lira.
  • Wenzu, zaghzugh impjegat, kull fil-ghaxija, kien jiehu lil ommu landa butir. Ommu qatt ma wissietu. Lejla wahda nqabad, u mhux biss gie mkecci izda wehel ukoll il-habs b'tant biki ta' ommu. F'kollox wiehed ghandu jahseb x'jigi wara, u d-dixxiplina hija vera kawza ta' gid ghal min jaghmilha u ghal min jilqaghha. 

L-Isptar ta' Kristu

[immodifika | immodifika s-sors]

Ktieb kurjuż dan ta' Dun Ġorġ. Kitbu fis-snin ħamsin iżda li baqa' ma ppubblikahx f'ħajtu. Ħareġ l-ewwel darba f'forma stensiljata fl-1980 u mbagħad fl-1997 ħareġ bħala ktieb. L-Isptar ta' Kristu hu miktub bil-għan li n-nisrani, kif jgħid Dun Ġorġ innifsu fid-Daħla għall-Ktieb, jista' fl-immaġinazzjoni tiegħu jidħol fl-“isptar” ta' Kristu fejn isib it-“tabib” li jagħtih il-kura li tkun taqbel għall-marda tar-ruħ tiegħu biex jista' jfiq minnha u jkollu l-paċi. It-Tabib tas-Sema, li hu Ġesu Kristu, mhuwiex f'dan l-isptar għax siefer 'il bogħod u se jdum ma jiġi lura. Minfloku iżda, hu ħalla tobba oħra mħarrġin minnu stess u mgħallmin l-istess duttrina tiegħu, u għalhekk kapaċi jikkuraw il-marid bla ma l-pazjenti għandhom għalfejn jiddubitaw minnhom. Il-morda għandhom jiftħu qalbhom ma' dawn it-tobba u jqisuhom bħala ħbieb. F'dan l-isptar il-kura tal-mard hija mingħajr ħlas. L-Isptar li qed jitkellem fuqu Dun Ġorġ hija l-Knisja li lilha Ġesu afda l-fejqan spiritwali u s-saħħa ta' dawk kollha li jemmnu fih u jersqu lejha. Il-mard imsemmi hawn huma l-vizzjijiet li jista' jaqa' fihom il-bniedem, il-ġibdiet ħżiena, u ġrieħi oħra spiritwali li jnikktu lill-bniedem. Meta l-marid imur f'dan l-isptar partikolari joqgħod jistenna fil-waiting room fejn jista' jaħseb fit-tul fuq l-aħħar ħwejjeġ, in-novissimi (mewt, ġudizzju, infern u ġenna), bl-għajnuna ta' erba' inkwadri kbar. Imbagħad it-tabib isejjaħlu u jistaqsih x'inhi l-marda tar-ruħ tiegħu. Kif il-marid jgħidlu minn xiex qiegħed ibati, it-tabib iwasslu lejn is-sala mħejjija għal dik il-marda. F'dik is-sala t-tabib jagħti l-injezzjoni skond il-marda. Din tikkonsisti filli t-tabib jagħmillu lezzjoni qasira billi jurih il-kruha tal-vizzju jew il-marda tiegħu u jgħidlu x'mezzi għandu juża biex ifiq. Wara jagħtih kaxxa injezzjonijiet biex jista' jkompli l-kors għal tul xahar, flimkien ma' sentenza spiritwali biex joqgħod jaħseb fuqha. L-aħħar kliem li jgħidlu t-tabib huwa “Is-Sinjur Alla jkun dejjem miegħek.” Imbagħad isejjaħ il-purtinar biex jakkumpanja l-pazjent sal-bieb. F'L-Isptar ta' Kristu Dun Ġorġ jitratta 22 suġġett, li huma ż-żina, l-korla, l-għira, l-mibegħda, x-xeħħa, s-suppervja, s-serq, il-gidba, l-vanaglorja, d-dagħa, t-tlablib, l-ambizzjoni, l-ikel u xorb żejjed, il-vendetta, l-qtigħ il-qalb, il-bruda, l-iskrupli, il-ġlied, il-fittaġni, il-kurżità, l-għażż u n-nuqqas ta' fidi. Jidher li Dun Ġorġ kellu l-ħsieb li jżid xi suġġetti oħra qabel ma jippubblikah bħalma huma s-supersitizzjoni u t-tfittxija għall-kumdità.

 It-Tabib: Għidli, x'inhija l-marda tar-ruħ tiegħek?

Il-Marid: Hija l-marda tal-ġlied.

It-Tabib: Immorru fis-sala ppreparata għal din il-marda.

Sala nru. 18 : Is-Sala tal-ġlied

It-Tabib: Oqgħod attent għal din l-injezzjoni li se nagħmillek għall-fejqan ta' din il-marda tal-ġlied. Kun af li hemm tliet kwalitajiet ta' ġlied: 1. ġlied bl-idejn, bir-riġlejn jew bl-armi; 2. ġlied bl-ilsien, bi kliem inġurjuż, bi kliem ħażin u b'tgħajjir li jweġġa' l-qalb bil-mankamenti tan-natura u bid-difetti; u 3. ġlied tas-silenzju: la kliem u lanqas sliem, mibegħda.

Ġlied ta' kull xorta huwa sinjal ta' qalb ħażina, u meta l-qalb tkun ħażina ma jistax ikollha ferħ, kwiet u paċi, iżda biża', inkwiet u taħbit. Il-bnedmin li huma ta' Alla huma dawk li għandhom qalbhom tajba, għax Alla huwa tajjeb; u l-bnedmin li għandhom qalbhom ħażina huma ta' Satana (ix-xitan), għax Satana sa mill-bidu kien qattiel u ħażin. Issa jekk wieħed jaf li huwa ta' Satana, allura jista' jkun li ma jbiddilx il-qalb tiegħu?Min jiġġieled ikun qed joffendi ‘l Alla għax il-bniedem huwa xbieha ta' Alla, u ma jistax ikun li min iħobb persuna iżeblaħ ir-ritratt jew ix-xbieha tagħha. Alla jimpurtah ħafna mill-imġiba tagħna mal-proxxmu, u tant jimpurtah, li kif jgħallem Kristu, Huwa jġib ruħu magħna kif aħna nġibu ruħna mal-proxxmu. “Bl-istess kejl li tkun kejjiltu bih lill-oħrajn, ikun lilkom imkejjel” - ħniena bi ħniena, ġustizzja b'ġustizzja u vendetta b'vendetta. Skond in-natura jenħtieġ li wieħed iħarrax u jwebbes qalbu bil-mibegħda anki biex jgħid kelma ta' tgħajjir, u wisq iżjed biex jagħti bil-ponnijiet. Il-ġlied mhuwiex ħaġa ta' Alla għax Alla huwa mħabba, u min jiġġieled la jħobb ‘l Alla u lanqas lil Kristu li jgħallimna li kull ġid jew kull deni li nagħmlu mal-proxxmu jgħoddu magħmul miegħu stess, u fl-istess ħin lanqas ma jkun iħobb lilu nnifsu la jrid imur jinħaraq għal dejjem (fl-infern).

Din hija l-injezzjoni li tajtek għall-fejqan minn din il-marda li hija perikoluża wisq għad-deni mhux biss tar-ruħ imma wkoll tal-ġisem. Issa se nagħtik kaxxa injezzjonijiet mill-istess kwalitaċ għal tul ta' xahar biex tagħmel waħda kuljum u magħha se nagħtik sentenza: “Jekk jista' jkun min-naħa tiegħek żomm il-paċi ma' kulħadd”, kif jgħallimna San Pawl. Is-Sinjur Alla jkun dejjem miegħek. 

Il-Malti ta' Dun Ġorġ

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Malti ta' Dun Ġorġ kien marbut xi ftit iżżejjed mat-Taljan, l-iktar fl-ewwel kotba tiegħu. Aktar ma għadda ż-żmien, aktar sab min jgħinu fil-libsa letterarja tal-kotba. Qabel jistampa xi ktieb kien jgħaddih lil xi membru tal-Museum biex jiktibhulu bil-“Malti tal-Għaqda” jiġifieri bl-alfabett tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, li ġie magħruf uffiċjalment fl-1932. Għalkemm Dun Ġorġ kien jagħmel tajjeb li kieku evita xi kelmiet taljanizzati żżejjed, hu fatt li ma tantx kien possibli li jaħrab l-użu ta' xi espressjonijiet, meta niftakru li hu kien qed jaqleb għall-Malti kliem tekniku fit-teoloġija li sal-lum, għadna nsibu diffikultà biex nagħtuh il-forma Maltija. U wkoll, ħafna mill-kliem li kienu jevitaw il-puristi u li Dun Ġorġ kitbu, illum sar parti mill-ilsien Malti.

L-istudjużi fuq kitbietu

[immodifika | immodifika s-sors]

 … Dun Ġorġ ħaddem il-kelma Maltija, bla xejxi kif kien jafha, biex jgħallem lill-kotra. Inqeda bil-lingwaġġ ħafif tagħha u llum għandu jitqies bħala wieħed minn dawk li wettqu bil-fatti, u mhux bit-teoriji, il-verità tal-użu tal-kelma lokali għal kull xorta ta' tagħlim. Għandu jitqies fid-dawl (jew dlam?) ta' dawk is-snin li fihom it-tħaddim tal-Malti kien ifisser stigma kerha. 

Prof Oliver Friggieri, 1974

Mons. Lawrenz Cachia, studjuż ieħor tal-Malti kiteb hekk:

 Dun Ġorġ huwa l-qassis li l-aktar kiteb (jekk inħallu barra lil Saydon) bil-Malti; li kiteb biex jgħallem u tassew għallem ħafna; u li kiteb bi stil mhux ta' kafkaf jew ordinarju, imma bi stil mirqum, avolja qatt ma kiteb biex juri l-istil u qatt ma ippreżenta ruħu fost il-letterati. 

Dwar il-kontenut tal-kotba ta' Dun Ġorġ, il-Prof Peter Serracino Inglott kiteb:

 Dun Ġorġ jistħoqqlu post mill-ogħla f'dak li tħaddim tal-ilsien Malti. Żgur li qatt ma fittex unuri f'dan il-qasam, kif ma fittixhomx f'ebda qasam ieħor, iżda f'dan għadu sal-lum mhux rikonoxxut kif jixraqlu… Mhemmx kliem li jdoqq falz jew vojt f'dak li jiena qrajt minn Dun Ġorġ. Ebda tiżjin fieragħ, ebda elokwenza biex timpressjona, ebda artifiċjalità, iżda t-tiftix ta' dak li hu essenzjali, tal-preċiżjoni fl-istqarrija tas-sewwa, li twasslu biex jivvinta kliem li jimlew vojt fil-lingwa, li jsawwar vokabularju biex jilma minnu aħjar is-sebħ tal-kelma t'Alla. 

Il-Misteri tad-Dawl u Talb ieħor

[immodifika | immodifika s-sors]

It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruħ mistika medhija tfittex lil Alla biss. Mhux ta' b'xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex fejjaq lil xi wħud. Il-Misteri tad-Dawl li huma meħudin minn talb privat li Dun Ġorg kien ta lis-soċji biex jingħad minnhom privatament b' xi tibdil żgħir ġew miżjuda mal-misteri l-oħra tar-Rużarju mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-2002.

Dun Ġorġ mhux darba u tnejn li fil-kitbiet tiegħu, minflok l-isem tiegħu kien iniżżel 'Patri Franku'. Dan huwa l-isem li Dun Ġorġ kien ħa bħala Terzjarju Karmelitan, meta nkiteb Terzjarju fl-1918, u pprofessa fl-1919. Ktieb tiegħu jismu proprju Il-Pulptu ta' Patri Franku, li kitbu fis-snin ħamsin, meta kien diġà xjieħ. Kull kapitlu ta' dal-ktieb huwa stedina, imbagħad taħdita żgħira, u fl-aħħar konklużjoni. B'kollox Dun Ġorġ jikteb 113-il Pupltu jew aħjar 113-il Taħdita jew Konferenza. San Ġorġ Preca jidher bħala għalliem għall-poplu f'kull taħdita u jinħass li qiegħed jappella lill-moħħ biex il-qarrej jifhem, u aktar minn hekk, jappella lill-qalb biex il-bniedem dispost li jisma' jitqanqal u jaġixxi u fejn ikun hemm bżonn jikkonverti bis-serjetà. F'Pulptu Nru. 53 li jittratta d-dinjità tal-bniedem, Dun Ġorġ jikteb hekk:

 Min jistaqsini min jien jien, inwieġbu u ngħidlu li jien ħu Ġesù Kristu veru Alla u veru Bniedem ... għalhekk, b'unur kbir ta' Nisrani li jien, nista' ngħid li jiena ħu Alla! 

Verbum Dei u Devozzjonijiet oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġorġ stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni. Sa mill-1917 beda jqanqal il-qima lejn il-kliem mill-Evanġelju ta' San Ġwann, “Verbum Dei caro factum est” (Ġw 1, 14). Ried li s-Soċji jilbsu badge b'dan il-kliem.

Mill-1920 ħa ħsieb li f'kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata “Dimostrazzjoni ad unur ta' Ġesù Bambin”, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-M.U.S.E.U.M. jieħdu magħhom id-dar, grotta b'Ġesù Tarbija.

Id-Dimostrazzjoni tal-Bambin

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1920, Dun Ġorġ kien ġabar lis-soċji tal-MUSEUM tal-Ħamrun biex jaqsam magħhom xewqa li kellu: li ssir dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied fejn it-tfal u s-soċji f'lejlet il-Milied joħorġu mat-toroq tal-Ħamrun jgħajtu l-aħbar li Ġesù Bambin twieled għalina. Ix-xewqa tiegħu kienet li dawn joħorġu bħal f'purċissjoni bix-xemgħa f'idejn it-tfal u l-weraq tal-palm u ż-żebbuġ, iduru mat-toroq kollha tal-Ħamrun u jkantaw innijiet tal-Milied. Riedhom ukoll li jgħidu lil xi rġiel biex jiġu jimxu magħhom. Kellhom bżonn Bambin, u dan issellfuh mill-Belt, mill-Knisja tal-Franġiskani. Minn dakinhar, il-purċissjoni bil-Bambin kibret u xterdet ma' Malta u Għawdex u fl-artijiet l-oħra fejn hemm il-MUSEUM: l-Awstralja, il-Kenja, il-Perù, l-Ingilterra, il-Polonja u l-Albanija. Il-qofol tal-purċissjoni hu bambin imdaqqas f'maxtura, bandalora bil-kliem Verbum Dei factum est, fanali tal-mantell biex jagħtu d-dawl u fanali bl-arkett bi kliem relattiv mal-ġrajja tal-Milied. Matul il-purċissjoni x'aktarx li jitkantaw għanjiet tradizzjonali. L-istrumenti kienu, u għadhom jintużaw f'xi nħawi, accordion u vjolini. Il-Purċissjoni tal-Bambin issir f'madwar 66 lokalità f'Malta, fil-parti l-kbira lejlet il-Milied. F'xi postijiet, l-iktar fejn il-MUSEUM, minbarra l-Qasam prinċipali, ikollu fergħa jew tnejn fejn isir it-tagħlim, issir purċissjoni fit-23 ta' Diċembru biex il-membri mill-fergħat differenti fl-istess lokalità jgħinu lil xulxin billi l-purċissjoni titlob ftit xogħol mhux ħażin biex tiġi organizzata.

Il-Pjagi ta' Kristu

[immodifika | immodifika s-sors]

Jidher li d-devozzjoni ta' Dun Ġorġ lejn il-Pjagi bdiet wara li qara r-rivelazzjonijiet privati ta' Swor Marija Marta Chambon (1841-1907). Jingħad li Ġesù deher kemm-il darba lil din is-soru u urieha l-valur tal-Pjagi tiegħu u talabha biex ixxerred id-devozzjoni lejhom. Fl-1929 Dun Ġorġ irriforma l-ktieb tat-talb tal-Membri msejjaħ l-Arloġġ Museumin u beda regolament jinkludi l-offerta tal-Pjagi kważi f'kull talba li kiteb. Dun Ġorġ ġieli stqarr mas-soċji li kien iħossu persważ li lilu Ġesù għażlu biex 'jgħin' lil Swor Marija Marta Chambon fil-propagazzjoni tad-devozzjoni lejn il-Pjagi ta' Kristu. Iżda Dun Ġorġ mar 'l hemm mir-rivelazzjonijiet privati u sab il-pedament ta' din id-devozzjoni fil-Vanġeli. Fil-Pjagi kien jilmaħ l-eċċess tal-imħabba li wera Ġesù meta ħalla ħajtu għalina fuq is-Salib - tema li taqbel ma' Ġesù kurċifiss, "il-Ktieb il-Kbir", li tant kien jimmedita fuqu Dun Ġorġ.

Labtu tal-Karmnu

[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġorġ ried li s-soċji u t-tfal kollha li jattendu l-MUSEUM jinkitbu fil-Labtu tal-Karmnu. Dun Ġorġ innifsu kien Terzjarju Karmelitan. Meta sar Terzjarju, Dun Ġorġ għażel l-isem Franku, għall-Beatu Karmelitan minn Siena. Dun Ġorġ kien juża dan l-isem, Patri Franku, f'bosta kitbiet tiegħu. Permezz tal-kanonizzazzjoni ta' Dun Ġorġ, dan il-qaddis spiċċa mhux biss biex ikun l-ewwel Malti ikkanonizat, imma wkoll l-ewwel Terzjarju Karmelitan dikjarat qaddis.

Madonna tal-Bon Konsill

[immodifika | immodifika s-sors]

Kellu wkoll devozzjoni specjali lejn il-Madonna tal-Bon Konsill, devozzjoni li kien irrikmandalu l-konfessur tiegħu. Spiss kien jitlob quddiem kwadru tagħha li kellu f'kamartu: Omm tal-Parir it-Tajjeb, itlob għalija.

Il-Midalja Mirakoluża

[immodifika | immodifika s-sors]

Xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża u xtaq li l-Knisja tad-Dar Ċentrali fil-Blata l-Bajda tkun iddedikata lilha.

Anedotti popolari

[immodifika | immodifika s-sors]

Darba kien hemm mara fil-knisja ta' San Gejtanu l-Hamrun li ntlaqtet minn ragel b'siggu waqt li dan kien qieghed iġorr waqt li kienet qieghda titlob ir-Ruzarju b'devozzjoni kbira. Din il-mara sahnet bil-kbir izda Dun Gorg gibdilha l-attenzjoni li fil-Qaddisa kienet tghid li "ahna midinbin". U b'daħka kkonkluda: “U jekk wiehed huwa midneb, x'jixraqlu jekk mhux daqqa fuq rasu.”

Raġel kien dieħel Bieb il-Belt isuq ħmar li kellu karettun baxx, u Dun Ġorġ kien mimdud fuq il-karettun. Wieħed raġel, xħin rah f'dik il-qagħda, qallu: “Kieku jarak l-isqof!” Dun Ġorġ wieġbu b'leħen artab u qallu: “Mela l-isqof ibeżża' n-nies!”

Darba pulizija qal ħafna gideb fuq Dun Ġorġ f'ħanut mimli nies. Meta dan mar iqerr il-konfessur qallu li kien jeħtieġ igiddeb ruħu quddiem min semgħu. Billi ra bi kbira, il-konfessur tah il-parir li jmur għand Dun Ġorġ innifsu u jitolbu jaħfirlu. Dun Ġorġ ħafirlu minn qalbu u bagħtu fil-paċi.

Darba wieħed kien għamel lil Dun Ġorġ azzjoni ħażina u waqt li kien qiegħed iqaddes, propju waqt il-Missierna, Dun Ġorġ ftakar fil-persuna li weġġgħetu. ħares, jitbissem lejn l-ostja, u qal il Ġesu: Sinjur, għar-rispett tiegħek naħfirlu.

Darba Dun Ġorġ kien miexi ma' qassis ieħor fi Strada Rjali. F'daqqa waħda għolla idu u b'leħen għoli qal: Stenna boy! U b'pass ħafif telaq biex jgħin tifel li kien qed jistenna 'l xi ħadd jgħinu jerfa' fuq spalltu xkora tqila bid-demel li kienet fl-art.

Darba, ġie mistieden ibierek magna ġdida u jqaddes fil-laundry tal-Ingliżi, il-Marsa. F'nofsinhar kulħadd tela' biex jara lil Dun Ġorġ. Meta ntebaħ li wieħed Ingliż kien ser jeħodlu ritratt, Dun Ġorġ kien pront bagħat jgħidlu: “The Father hates photos.”

Wieħed qassis żagħżugħ kien ra lil Dun Ġorġ jitlob b'idejh miftuħin ħafna. Billi daż-żagħżugħ deherlu li kien fetaħhom wisq, qallu ‘Dun Ġorġ, idejk għandek tiftaħhom hekk' waqt li urieh kif. Dun Ġorġ flok ma ħa għalih qallu: ‘Mela għallimni ibni, għax jien ma naf xejn.

Darba Dun Ġorġ kien sejjer Tas-Sliema bil-lanċa. Raġel li kien quddiemu tella' saqajh ma' wiċċ Dun Ġorġ u beda jiddisprezzah. Dun Ġorġ baqa' sieket u kif waslu x-xatt, tbaxxa u bieslu riġlejh. Ir-raġel staħa minnu u kif niżlu l-art, baqgħu mixjin flimkien lejn knisja u hemm qerr f'riġlejn Dun Ġorġ.

Xi żgħażagħ kienu fil-Pjazza ta' Fra Diegu l-Ħamrun meta lemħu saċerdot riesaq mill-bogħod. Wieħed minnhom dar fuq sħabu u qallhom: “Ara x'wirdiena ġejja!”. Meta qorob indunaw li kien Dun Ġorġ u ż-żagħżugħ talbu l-benedizzjoni. “Il-wirdien ma jberikx, tafx!” wieġbu Dun Ġorġ. Iż-żgħżagħ baqgħu imbellhin kif seta' semagħhom meta kien tant imbiegħed. Iż-żagħżugħ skuża ruħu ma' Dun Ġorġ. “Ma jimpurtax, ma jimpurtax,” wieġbu Dun Ġorġ. Dak il-lejl dak iż-żagħżugħ ma setax jorqod. L-għada reġa' mar isir lil Dun Ġorġ, reġa' talbu skuża u qerr.

Darba Dun Ġorġ kien qed jistrieħ xi ftit wara nofsinhar għax kien għajjien. Iħabbat il-bieb u minkejja li f'ħin mhux adattat, Dun Ġorġ qam u laqa' għandu mara li kienet ġiet min-Naxxar fejn ħalliet lil binha mejjet u kienet marret għandu biex ifarraġha. Dun Ġorġ kien qal lis-soċji “Mur ibgħatha d-dar, mara mnikkta bħal dik, għax ma kienx ħin addattat, meta b'bitfa ta' kelma bniedem tista' tnat tfarrġu u sserraħlu qalbu!”

Is-Soċjetà tal-MUSEUM għal ħafna snin għenet lil ħafna tfal f'dik li hi skola. Dun Ġorġ "dejjem xtaq li s-soċji jkunu jgħallmu fl-iskejjel." Iżda sal-1946 qatt ma kellha skola tagħha. Fl-1946 is-soċju, Toni Agius li dak iż-żmien kien jaħdem bħala fitter fit-Tarzna mar ikellem lil Dun Ġorġ fuq it-taraġ tal-Knisja ta' San Gejtanu u qallu:

 Sinjur, nhar it-Tnejn, f'Villa Violette, se niftħu skola b'għalliema kollha kemm huma tal-Mużew. 

Dun Ġorġ feraħ ħafna u talbu jinżel għarkupptejh ħa jbierku. Għall-ewwel l-Iskola St. Michael kienet f'dar jisimha Villa Violette, il-Marsa. Iżda erba' snin wara, fl-1951 is-Soċjetà akkwistat biċċa art kbira fl-inħawi ta' Fleur-de-Lys. Nhar id-19 ta' Mejju 1951, Dun Ġorġ imdawwar mis-soċji, għalliema u tfal, bierek l-ewwel ġebla tal-iskola, iddedikata lil San Mikiel, li lejh Dun Ġorġ kellu devozzjoni kbira u kien isejjaħlu d-Difensur tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Ta' din l-okkażjoni jeżisti filmat super 8 mm film ta' Dun Ġorġ, l-uniku wieħed bil-kulur. Dan il-filmat intwera diversi drabi fuq TVM. Xahrejn u nofs wara, nhar il-5 t'Awissu saret funzjoni iktar solenni. It-tberik sar mill-Arċisqof Gonzi u kien hemm preżenti l-Priministru Borg Olivier. Dun Ġorġ baqa' jinteressa ruħu fil-bini tal-iskola u kien imur sikwit. Kien jgħid li kienet "l-għaxqa ta' qalbu". Fl-aħħar snin ta' ħajtu rari kien iqaddes barra minn daru imma fl-Iskola St Michael kien jaċċetta li jqaddes fiha bil-qalb.

Dun Ġorġ u l-Politika Maltija

[immodifika | immodifika s-sors]

Dun Ġorġ qatt ma kien fil-politika tal-Partiti. Lis-soċji għamlilhom regola biex lanqas huma ma jkunu fil-politika jew joħrorġu għall-elezzjonijiet. Fl-1940, ħuh Albert kien ġie internat għal ftit żmien mill-Ingliżi għax kien hemm suspett fuqu li kellu sentimenti filo-Taljani. Kien hemm min akkuża anke lil Dun Ġorġ b'din il-ħaġa. Lejn l-aħħar ta' ħajtu, fi żmien il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża, ħafna pressawh, iżda mingħajr suċċess, biex iħalli s-soċji joħorġu għall-Elezzjonijiet Ġenerali tal-1962, l-aktar Herbert Ganado, Kap tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista u George Ransley, Kap tal-Partit Demokratiku Nisrani. Dun Ġorġ kien "imnikket għax il-kriżi pulitka u reliġjuża tas-sena 1960 kienet fl-aqwa tagħha." Huwa kien ifaħħar lil Toni Pellegrini li kien Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista imma rriżenja u għamel Partit ieħor - il-Partit tal-Ħaddiema Insara, li fl-elezzjonijiet tal-1962 ġab 10% tal-voti, b'4 siġġijiet fil-Parlament. Wara d-disfatta fl-elezzjoni ta' wara, dan il-Partit kien sfaxxa ftit ftit.

Dun Ġorġ u Manwel Dimech

[immodifika | immodifika s-sors]

Manwel Dimech (1860-1921) kien għalliem, awtur u patrijott Malti li fl-1911 kien ġie skumnikat mill-Isqof Pietru Pace minħabba t-tagħlim perikoluż tiegħu. Fl-istess żmien is-soċji tal-MUSEUM kienu ssuspettati minn kulħadd, u Manwel Dimech fl-istess żmien ifaħħarhom u jirreferi għalihom bħala "appostli".

"Alla mhux Bambin"

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Dumnikan, Dr. Mark Montebello jikteb hekk:

 Kien hemm bosta temi oġġezzjonabbli li fuqhom tkellem Dimech, imma ebda waħda ma baqgħet tissemma daqs dik li fiha qal li "Alla mhux Bambin"... li kien sar kapital kbir minnha mill-għedewwa ta' Dimech biex joskurawh mal-pubbliku. Snin wara nħolqot ukoll il-ħrafa - imxandra l-iktar minn Herbert Ganado u Alessandru Bonnici - li madwar l-1921 Dun Ġorġ Preca kien beda l-Purċissjonijiet bil-Bambin fil-lejl tal-Milied proprju minħabba din l-espressjoni ta' Dimech, imma filfatt ma jeżisti ebda fundament storiku għal din il-ħrafa għajr il-fantasija popolari. 

Xebh bejn Manwel Dimech u Dun Ġorġ?

[immodifika | immodifika s-sors]

Dr. Ronald Sultana, Dekan tal-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta, u ex-soċju tal-MUSEUM, iddedika l-ktieb tiegħu Inside/Outside Schools: Towards a Critical Sociology of Education in Malta lil Dun Ġorġ u lil Manwel Dimech għax fi kliemu

 in their own different ways saw in Education a source of Enlightement for themselves... and others. 

F'Marzu 2007, l-ex Priministru Alfred Sant kien mistieden mill-Fondazzjoni Mikiel Anton Vassali biex jagħmel għeluq qasir għall-forum li organizzat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Ħamrun, dwar dun Ġorġ Preca. Ftit wara ntalab jikteb artiklu għar-Rivista Dun Ġorġ li fih xebbah lil Dun Ġorġ ma' Dimech:

 Naf li jeżisti ċertu rażan meta wieħed jiġi biex jikkuntrasta lil Dimech ma' Preca. Imma nara paralleliżmu ċar bejn il-mod kif Dimech fittex li jorganiżża ħidmietu ta' popolariżazzjoni sekolari, u l-mod li bih mexa dun Ġorġ fil-popolariżazzjoni reliġjuża… jien ngħidilha mistika… tiegħu. It-tnejn fittxew dritt il-bażi tal-kotra, l-irġiel u z-zgħazagħ li setgħu jitkebbsu bil-kurżita` dwar it-tagħlim. It-tnejn emmnu fil-qawwa tal-kitba u tat-taħdit bħala mutur organiżattiv. Mhux konċepibbli li Preca ma kienx jaf sew bil-ħidma u bil-metodi ta' Dimech, li kien għoxrin sena akbar minnu fl-eta`. Meta Dimech ġie skumnikat fis-sena 1911, Preca kien ilu ħames snin qassis. Fi gżira ċkejkna bħal tagħna… li fil-bidu tas-seklu għoxrin kienet tgħodd popolazzjoni ta' xi 200,000 ruħ… ftit seta' jkun li qassis imrawwem ma jkunx konxju sew tal-ħidma “xiżmatika” ta' Dimech. Bniedem iffukat fuq il-konkret tal-ħajja ta' kuljum bħal Ġorġ Preca, anki b'mod intwittiv, żgur fehem kif ried jaħdem Dimech. Ħaġa minn ewl id-dinja li t-tnejn li huma, ħergin mill-istess tip ta' soċjeta`, addottaw l-istess metodi ta' ħidma. Preca seta' għamel dan indipendentement minn Dimech, jew billi qiesu bħala mudell. Ma nara xejn skandaluż f'osservazzjoni bħal din, għadilli x-xebh bejn Dimech u Preca jista' jdarras lil xi wħud. Li t-tnejn kienu qed jimmiraw lejn riżultati differenti hi ħaġa ċara, għalkemm illum nistgħu nagħrfu li fondamentalment ma kinux bilfors f'antagoniżmu qalil ma' xulxin f'ħidmiethom. 

Inqas minn xahar wara, f'April 2007, Alfred Sant f'diskors fl-anniversarju mill-mewt ta' Dimech, qal li Dimech kien jagħmel parti minn kurrent ewlieni fis-soċjetà tagħna li kien iħares lejn saffi ta' ħaddiema u nies inqas ixxurtjati biex fihom irawwem l-imħabba għat-taghlim. Miegħu kien hemm protagonisti oħrajn fosthom ħaddiema, qassisin, ħassieba u filantropi li ipprovaw ixettlu l-istess ħsieb. Hawnhekk Sant ħareġ parallelizmu bejn l-attivita ta' Manwel Dimech u l-attività reliġjuża ta' Dun Ġorġ Preca – anki jekk wieħed safa skumnikat u ieħor ġie kanonizzat qaddis. Skond Sant, kemm Dimech kif ukoll Dun Ġorġ Preca bnew il-ħidma tagħhom madwar il-ħtieġa tal-komunikazzjoni u madwar it-tagħlim. Ghat-tnejn li huma l-għerf kien iċ-ċavetta biex saffi popolari tas-socjetà jfasslu ħajjithom u joħolqu realtà aħjar.

Dun Ġorġ miet fis-26 ta' Lulju 1962 f'Santa Venera, fejn qatta l-aħħar xhur ta' ħajtu, u kien assistit mill-Kappillan ta' Santa Venera Patri Kilian Azzopardi, Karmelitan. Il-funeral tiegħu sar jumejn wara. Kien wieħed mill-akbar funerali li qatt saru f'Malta. Il-quddiesa kienet iċċelebrata mill-Isqof Emanuel Galea fil-Knisja ta' San Gejtanu. Fil-Korteo kien hemm ukoll l-Aġent Priministru. Bi ftehim mal-United Motion Pictures ta' Londra, inġibed film ta' nofs siegħa bit-titlu MIET DUN ĠORĠ. F'Mejju 2007, id-Dipartiment tal-Informazzjoni ħareġ dan il-filmat storiku f'forma ta' DVD biex jinxtara mill-pubbliku. Fil-fatt dan kien l-ewwel dokumentarju li xxandar meta twaqqaf il-Malta Television (MTV) fl-1962.

Il-ġisem ta' Dun Ġorġ indifen ħdejn id-Dar Ġenerali tas-Soċjetà, il-Blata l-Bajda. Nhar il-Ġimgħa 7 ta' Lulju 2000, il-ġisem tiegħu nstab kważi intatt 38 sena wara mewtu. Illum il-ġisem tiegħu jinsab fil-kappella tal-Madonna Mirakoluża taħt statwa tax-xama' li tirraffigurah.

Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1963 kienet saret talba kemm mis-Soċjeta tal-MUSEUM kif ukoll mis-saċerdoti tal-Christus Rex biex tinfetaħ kawża ta' beatifikazzjoni ta' Dun Ġorġ Preca. Din inbdiet fit-13 ta' Marzu 1975 meta l-Papa Pawlu VI ffirma d-dokument li bih awtorizza lill-Arċisqof ta' Malta joħroġ id-digriet għall-ftuħ tal-kawża u s-setgħa li jitwaqqaf tribunal biex jibda l-proċess. It-Tribunal infetaħ sena wara taħt il-presidenza ta' Mons. Ġużeppi Mercieca, dak iż-żmien Vigarju ġenerali u ngħalaq f'Ġunju 1988 meta l-atti kollha tal-proċess intbagħtu Ruma lill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin. Il-miraklu approvat għall-beatifikazzjoni kien sar f'Raħal Ġdid nhar it-3 ta' Frar 1964 meta Charles Zammit Endrich fieq f'daqqa minn distakk tar-retina wara li qiegħed taħt rasu relikwa ta' Dun Ġorġ. Dun Ġorġ Preca ġie bbeatifikat fid-9 ta' Mejju, 2001 flimkien mal-Beati Nazju Falzon u Marija Adeodata Pisani, mill-Papa Ġwanni Pawlu II, fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni fuq il-fosos tal-Furjana. Dakinhar stess filgħaxija l-Papa żar il-Kappella tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda u talab quddiem il-korp sant ta' Dun Ġorġ. Wara indirizza lis-soċji tal-MUSEUM fl-Awditorjum tad-Dar Ġenerali.

San Ġorġ Preca f'waħda mis-sajdiet Mużewmini organiżżati mis-soċjetà li waqqaf.

Kanonizzazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kanonizzazzjoni ġiet iċċelebrata f'San Pietru fil-Vatikan nhar il-Ħadd 3 ta' Ġunju 2007. Attendew mal-ħamest elef Malti għal din iċ-ċelebrazzjoni fejn, taħt xita ma taqta' xejn, raw lil Dun Ġorġ jiġi ddikjarat qaddis. il-Papa Benedettu XVI iddikjara bil-Latin li

 Għall-akbar ġieħ tat-Trinità Qaddisa, biex tiġi eżaltata l-fidi Kattolika, u biex tikber il-fidi Nisranija, bl-awtorità tas-Sinjur taghna Gesù Kristu, tal-Appostli qaddisa Pietru u Pawlu, u taghna, wara li ħsibna fit-tul u tlabna l-ghajnuna ta' Alla, u smajna l-parir ta' hutna fl-episkopat, niddikjaraw bhala qaddisin lill-Beati Gorg Preca, Xmun minn Lipnica, Patri Karlu ta' Sant' Andrija u Marie Eugenie ta' Gesù Milleret, ngħodduhom fil-lista tal-qaddisin u nistabbilixxu li fil-Knisja kollha jigu meqjumin mal-qaddisin. 

F'omelija bit-Taljan prinċipalment fuq it-Trinita Qaddisa, għax dakinhar kienet is-Solennita tagħha, il-Papa Benedittu XVI fisser kif San Ġorġ Preca,

 ħabib ta' Ġesu u xhud tal-qdusija... kien saċerdot iddedikat kollu kemm hu għall-evanġelizzazzjoni u dan bil-predikazzjoni tiegħu, bil-kitbiet tiegħu, bid-direzzjoni spiritwali li kien jagħti, bl-amministrazzjoni tas-sagramenti u fuq kollox bl-eżempju ta' ħajtu. 

Fi kliem il-Papa, San Ġorġ Preca huwa eżempju ħaj ta' kif għandha tkun ħajja qaddisa. Il-Papa semma l-frażi tant għażiża għall-membri tal-Museum “Verbum Dei caro factum est” u qal li dan kien il-motto li mexxa lil San Ġorġ Preca fil-ħajja kollu tiegħu, u dan wasslu biex iwaqqaf ‘la Società della Dottrina Cristiana', il-MUSEUM. Permezz tal-MUSEUM, qal il-Papa, San Ġorġ Preca ta lill-parroċċi tal-gżejjer Maltin “servizz kwalifikat ta' katekisti preparati, tajbin u ġenerużi."

U għal dan il-Papa rringrazzja lis-soċji tal-MUSEUM:

 Grazie per il vostro impegno. 

Il-Papa qal ukoll li San Ġorġ Preca kien saċerdot mistiku mimli mħabba għal Ġesù, il-Verġni Marija u l-qaddisin, u rrefera għat-talba li ta' spiss kien jgħid San Ġorġ Preca u li l-Papa ħeġġiġna ngħiduha aħna wkoll u nagħmluha tagħna “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla”. Fl-aħħar il-Papa talab lil San Ġorġ Preca biex jgħin lill-Knisja tkun l-eku fidil tal-vuċi ta' Kristu, il-Verb Inkarnat.

Kien mument emozzjonanti għall-Maltin meta fi tmiem il-quddiesa, il-Papa Benedittu XVI tkellem bil-Malti. Qalilna,

 Maħbubin ħuti fi Kristu, Maltin u Għawdxin, il-paċi magħkom. San Ġorġ Preca huwa l-ewwel iben kanonizzat tal-art ħelwa tagħkom. Huwa t-tieni missier tagħkom fil-fidi wara l-Appostlu San Pawl. Huwa jitlob dejjem għalikom biex tkunu tassew ħbieb l-Evanġelju. San Ġorġ Preca, itlob għalina! 

Parroċċi ddedikati lil San Ġorġ Preca

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Gwatemala

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1993 Dun Ġużepp Camilleri kien wieħed minn grupp ta' sitta li marru għall-missjoni fil-Gwatemala, fl-Amerika Ċentrali. Dan il-qassis trabba minn ċkunitu l-Museum tax-Xewkija u kellu żewġ zijiet tiegħu (Salvu u Manwel Camilleri) membri tal-Museum. Il-kanonizzazzjoni ta' San Ġorġ Preca nhar it-3 ta' Ġunju 2007 fil-Gwatemala setgħu jarawha minn fuq it-televiżjoni fis-2.00 ta' filgħodu minħabba li hemm qegħdin 8 sigħat wara l-ħin ta' Malta. Dak in-nhar stess fil-għaxija Dun Ġużepp Camilleri ddedika l-parroċċa ta' Pajonal (tinqara Pahonal), villaġġ li qiegħed fuq muntanja, lil San Ġorġ Preca billi dik il-parroċċa kien għad ma kellhiex il-qaddis patrun tagħha. Din kienet bla dubju l-ewwel parroċċa ddedikata lill-ewwel qaddis kkanonizzat Malti. Għal din l-okkażjoni, Dun Ġużepp Camilleri ġab inkwadru kbir ta' San Ġorġ Preca, saret purċissjoni u kant bil-latin li kiteb l-istess qaddis Malti. Il-qassis Għawdxi Dun Ġużepp Camilleri qaleb għall-Ispanjol (il-lingwa uffiċjali tal-Gwatemala) ħafna talb ta' San Ġorġ Preca u ta' sikwit isemmi lil dan il-qaddis Malti fil-priedki tiegħu fil-parroċċa fejn qiegħed jagħmel il-ħidma missjunarja tiegħu.

Mons. Arċisqof Pawl Cremona stabbilixxa z-Zona Awtonoma tas-Swatar bħala Parroċċa taħt it-titolu ta' San Ġorġ Preca, b'seħħ mit-8 ta' Novembru 2008.

Titli u monumenti

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-2 ta' Ottubru 1952, il-Papa Piju XII ħatar lil Dun Gorg bħala Kamrier Sigriet bit-titlu ta' Monsinjur. Dun Gorg tnikket ħafna minħabba din l-onorifiċenza. Huwa baqa' Monsinjur sitt snin sakemm miet il-Papa Pacelli fl-1958.

Bolol u Midalji

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar it-12 t'April 1980 il-Posta ta' Malta ħarġet l-ewwel bolla li tirrafigura lil Dun Ġorġ, fis-sena taċ-Ċentinarju minn twelidu. Din il-bolla ta' 2c5 kienet disinn ta' Raymond Pitrè.

Biex l-avveniment tal-Kanonizazzjoni ta' Dun Gorg jibqa' mfakkar kif jixraq, fl-2007, is-Socjetà tal-MUSEUM ipproduċiet elfejn midalja tal-fidda. Fuq il-faċċata tagħhom hemm ix-xbieha ta' Dun Gorg filwaqt li fuq wara tidher l-emblema tas-Socjetà bil-kelmiet Verbum Dei Caro Factum Est. Il-Bureau Filateliku tal-kumpanija Maltapost ħareg bolla replika tal-fidda li turi lil Dun ĠorĠ Preca u bil-kappella tas-Soċjetà tal-Mużew fl-isfond. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja postali ta' Malta li nħarġet bolla tal-fidda. Minbarra din il-bolla unika, il-Bureau Filateliku ħareġ ukoll sett ta' żewġ bolli li juru l-istess xbieha ta' Dun Ġorġ – waħda tat-tmien centezmi u ohra tal-lira, iddisinjati minn Edward Pirotta. Il-Maltapost ippubblikat ukoll tliet bolol oħra replika tad-deheb, wahda biex tingħata lill-Papa Benedittu 16, oħra biex tinżamm mal-kollezzjoni tal-Maltapost filwaqt li t-tielet waħda se tingħata lid-Dar tal-Providenza biex isir irkant tagħha fost il-pubbliku. Il-Lombard Bank ħareġ edizzjoni limitata ta' ingott tal-fidda, 2,000 waħhda.

Statwi u Bustijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2009, wara Quddiesa ta' Radd il-Ħajr immexxija mill-Arċisqof Pawlu Cremona, ġiet inawgurata l-istatwa l-ġdida ta' San Ġorġ Preca, fil-Knisja Parrokkjali ta' San Gejtanu, l-Ħamrun. F'din il-Knisja Dun Ġorġ għex bħala tifel u qeda lill-Poplu ta' Alla bħala saċerdot. L-istatwa tpoġġiet fil-post fejn Dun Ġorġ kien iqarar. L-istatwa tal-bronz tal-iskultur Malta Ġanni Bonnici saret f'Caggiati, ġewwa Parma, l-Italja. Fi kliem il-Kappillan tal-Ħamrun, Dun Henry Balzan, għalkemm Dun Ġorġ ma kienx ikun jixtieq monumenti, u lanqas għandu bzonnhom, il-Poplu Ħamruniz ried juri l-gratitudni tiegħu lejh u jibqa' jfakkru għal dejjem.

Nhar is-Sibt, 20 ta' Frar 2010, il-Maltin Awstraljani f'Melbourne kixfu bust ta' San Ġorġ Preca fiċ-ċentru tal-komunità tal-Maltin f'Parkville. Il-bust inkixef u kien imbierek mill-Isqof Malti Mons Joseph Grech, DD, li kkonċelebra quddiesa tal-okkażjoni flimkien ma' saċerdoti Maltin.

L-Oratorju Dun Ġorġ!

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Oratorju Dun Ġorġ! inkiteb mill-Professur Oliver Friġġieri fuq mużika tal-Professur Charles Camilleri. Ittella' fil-Kon Katidral ta' San Ġwann nhar il-Ġimgħa 15 ta' Ġunju 2007 taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta. L-Orkestra u l-Kor tal-Collegium Musicum li pparteċipaw fl-oratorju kienu taħt id-direzzjoni ta' Maestro Dr Dione Buhagiar, b'Mario Bisazza bħala Leader tal-Orkestra. Ipparteċipaw ukoll is-Sopran Claire Caruana, is-Sopran Claire Massa u t-Tenur Charles Vella Zarb.

Id-Dramm Agħtini l-Għajnuna

[immodifika | immodifika s-sors]

Lino Grech kiteb id-dramm Agħtini l-Għajnuna fuq il-ħajja ta' Dun Ġorġ Preca. Grech kitbu fuq xewqa ta' Dun Ġorġ Dalli, direttur tal-Istitut Kattoliku, lura fis-snin tmenin. Għall-ewwel Grech raha biċċa xogħol ftit jew wisq diffiċli. Imma aktar tard dahal ghal din l-isfida u ikkonsulta mal-1200 pagna tat-tliet volumi dwar il-hajja ta' Dun Gorg ta' Patri Alexander Bonnici. Id-dramm ittella' fit-Teatru tal-Istitut Kattoliku, is-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta' Mejju 2007 mill-kumpanija Teatrali Karattri. L-attur Anthony Ellul interpreta lill-Qaddis Ġorġ Preca.

  1. ^ There is no other Maltese who did so much good for our people. During these last 100 years since il-Muzew was set up, hundreds of thousands have directly benefited from the evangelising and catechising mission of its members. And all this thanks to San Gorg.
  2. ^ "Dun Ġorġ 1880-1962" (PDF) (bil-Malti). 1980. p. 9.

Bibljografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Bonniċi, Alexander (1977) Dun Ġorġ Preca u s-Soċjeta' M.U.S.E.U.M., Reliġjon u Ħajja.
  • Bonniċi, Alexander (1977) Dun Ġorġ Preca (1880-1962) : fid-dawl tal-ittri tiegħu, M.U.S.E.U.M.
  • Bonniċi, Alexander (1980) Dun Ġorġ Preca : ħajja-xiehda-dokumenti : vol. I : żmien ta' prova (1880-1916), M.U.S.E.U.M.
  • Bonniċi, Alexander (1981) Dun Ġorġ Preca : ħajja-xhieda-dokumenti : vol. II : l-inkjesta tal-Knisja (1916-1917), M.U.S.E.U.M.
  • Bonniċi, Alexander (1989) Dun Ġorġ Preca,1880-1962 : ħajja-xhieda-dokumenti : vol. III, M.U.S.E.U.M.
  • Borġ, Ġorġ (2001) Dun Ġorġ : ġrajjiet minn ħajtu, Librerija Preca.
  • Camilleri, Natalino (2001) Dun Ġorġ : il-qalba ta` ruħu, Media Centre.
  • Fsadni, Mikiel (1995) Dun Ġorġ Preca : f'unjoni kontemplattiva ma' Alla, Pubblikazzjoni Dumnikana.
  • Sammut, Frans (2001) Dun Ġorġ, il-bniedem tal-poplu, Dipartiment tat-Tagħrif, Partit Laburista.