Lino Grech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex

Lino Grech (Tas-Sliema 1930 - Mater Dei 1 ta' Diċembru 2013) kien kittieb ta' drammi popolari u attur u direttur tal-palk u t-televixin.

F'Baħar Wieħed[editja]

Grech hu magħruf l-aktar għad-dramm popolari “F’Baħar Wieħed” li hu stess kiteb fl-1975 u kienet l-ewwel serje te­leviżiva bil-Malti mxandra fuq l-is­tazzjon nazzjonali. F’din is-serje huwa interp­re­ta l-parti ta’ Pinu l-Pastizzar, ir-raġel ta’ Ġoma, parti interpretata mill-attriċi daqs­tant ieħor magħrufa Ġemma Portelli. Oriġinarjament, id-dramm F'Baħar Wieħed kien inkiteb għal fuq ir-Rediffusion u meta kien ixxandar fuq it-televiżjoni kien ħalla lil kulħadd imwaħħal mal-iscreen bis-sitwazzjonijiet realistiċi li kienu ddominaw dak iż-żmien.

Teleserials[editja]

Fid-disgħinijiet hu kien kiteb episodji mis-sensiliet televi­żi­vi magħrufin “Ipokriti”, “Sim­patiċi”, "Il-Familja Grech" u "Issa Naraw".

Teatru[editja]

Grech kien strumentali ħafna fit-tisħiħ tax-xogħlijiet teatrali u televiżivi f'Malta. Bħala attur, hu nterpreta partijiet prinċipali fit-teatru b'xogħlijiet, fost oħrajn, ta' Chekov, Lope de Vega u Arthur Miller.

Lino Grech idderieġa diversi drammi fit-Teatru De Porres, fl-Istitut Kattoliku u f'Politeatru. Ma naqsux numru ta' pubblikazzjonijiet mill-pinna tiegħu, fosthom, l-ewwel parti ta' F'Baħar Wieħed, Il-Ġuri Tagħkom u d-dramm L-Aħħar Logħba.

Ħaddiem tal-Posta[editja]

Lino Grech kien jaħdem fil-fergħa tal-posta f’Tas-Sliema. F'kumment ma' ġurnal elettroniku, il-Professur Godfrey Pirotta jirrakkonta kif Lino Grech kien wieħed mill-imħuħ wara l-ewwel u l-itwal strajk tal-ħaddiema tal-posta. Dan hekk kif Lino Grech kien jimmilita favur id-drittijiet tal-ħaddiema.

“Kien marbut mal-ħolma tiegħu li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-kollegi tiegħu u bħala membru tas-sezzjoni tal-posta tal-GWU ħadem kemm felaħ biex jilħaq dan il-għan,” kiteb Pirotta. Fakkar kif fis-snin 60 Grech kien għen biex ikun organizzat l-ewwel u l-itwal strajk tal-ħaddiema tal-posta li wassal biex numru ta’ ħaddiema kisbu kundizzjonijiet aħjar. “Kienu mwissija li jekk jistrajkjaw, dawk li jorganizzaw l-istrajk setgħu jispiċċaw il-ħabs u jitilfu d-dritt tal-pensjoni,” qal il-Profs Pirotta.

Pirotta kompla jispjega kif dak l-istrajk kien kruċjali biex sezzjonijiet oħra tal-ħaddiema tal-gvern bdew jiksbu d-drittijiet tagħhom. Anke għax sa dakinhar id-dritt li ħaddiema jistrajkja kien għadu ma nħoloqx. “Mela Lino ma kienx biss kittieb, attur u direttur kbir, iżda pijunier tad-drittijiet trejdunjonistiċi f’Malta,” qal il-Professur Pirotta.

Mewt[editja]

Mal-aħbar tal-mewt tiegħu kienu bosta n-nies, speċjalment dawk mid­ħla tat-teatru u t-televiżjoni, li esprimew is-sogħba tagħha għat-telfa tiegħu.I s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Josè Herrera rrimarka li “id-drama f’pajjiżna tilfet pilast­ru” u qal li Grech kien persuna li wiċċu se jibqa’ sinoni­mu ma’ ħafna proġetti teatrali u awdjo-viżivi.

Il-Quddiesa tal-Funeral tiegħu saret nhar l-4 ta' Diċembru fil-Knisja tas-Sacro Cuor, Tas-Sliema.