Manwel Dimech

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Manwel Dimech

 Tkellimt u għedt is-sewwa. Din is-sewwa jien lest biex nissiġillha b'demmi. Alla jaf li għedt is-sewwa. Jekk jien m'għedtx is-sewwa, nitlob il-Ħaqq jagħmel tiegħu kontrija. 

—Manwel Dimech

Manwel Dimech (Valletta, 25 ta' Diċembru 1860Lixandra, 17 ta' April 1921) kien l-ikbar riformatur soċjali ta' Malta kolonja, filosfu, ġurnalist, u awtur.

Tfulija[editja]

Bin Karmenu u Evanġelista mwielda Zammit, Manwel Dimech twieled il-Belt Valletta, fi triq San Ġwann, ħdejn il-Knisja ta' Ġieżu, f'faqar kbir. Tgħammed dakinhar stess fil-Knisja ta' San Pawl. Kien it-tielet wild fost ħames ulied. Ommu kellha erbat itfal oħra mill-ewwel żwieġ tagħha ma' Salvu Testa li ħallieha armla meta kien għad kellha 17-il sena. 7 xhur wara l-mewt ta' Testa żżewġet lil Karmenu, missier Manwel Dimech, li miet hu wkoll 19-il sena wara, ta' 37 sena. Il-familja Dimech kienu joqogħdu f'kamra waħda ġo kerrejja li fiha kienu jgħixu 14-il familja, madwar 60 ruħ. Meta kellu 4 snin marru joqogħdu Santa Venera u iktar tard Ta' Paris, Birkirkara.

Fil-ħabs[editja]

Wara l-mewt ta' missieru, Dimech beda jagħmilha ma' tfal tamparu u ikbar minnu li qabbduh it-triq tal-kriminalità. F'ħames snin spiċċa l-ħabs disa' darbiet.

  1. 1874. Kien għad kellu 13-il sena. Ma' żewġt itfal daqsu seraq xkora ta' 5 soldi. Weħel jumejn ħabs.
  2. 1874. 4 xhur wara, għamel serqa ma' żewġ żgħażagħ ta' 17-il sena f'dar f'San Ġiljan f'oġġetti b'valur ta' sterlina u 9 dinari. Weħel sena ħabs.
  3. 1875. 6 xhur wara, akkużat b'għażż u vagabondaġġ. 20 jum ħabs. Ipprova jaħrab. 3 ijiem oħra ħabs fuq ħobż u ilma.
  4. 1876. 6 xhur wara, seraq 8 xkejjer tal-pannu b'valur ta' 8 xelini. 20 jum ħabs.
  5. 1877. 3 ġimgħat wara, reġa' seraq 3 xkejjer tal-pannu b'valur ta' 3 xelini u 4 soldi. 3 xhur ħabs b'xogħol iebes.
  6. 1877. Xahar wara, żewġ qomos b'valur ta' 2 xelini. 3 xhur ħabs b'xogħol iebes.
  7. 1877. Xahar wara, inqabad jipprova jisraq minn dar u minn kaxxa tal-flus minn niċċa. 20 jum ħabs.
  8. 1877. Ġimagħtejn wara, akkużat b'għażż u vagabondaġġ. Xahar ħabs u 5 liri multa. Flok il-multa għamel xahar ieħor ħabs. F'dawn ix-xahrejn bis-saħħa tal-Kappillan tal-Ħabs beda jitgħallem jaqra.
  9. Nhar it-3 ta' Frar 1878, Dimech u ħabibu Ġużi Azzopardi kienu involuti fi ġlieda l-Furjana li fiha nqatel ċertu Pawlu Genuis. Tawh 20 sena ħabs li tnaqqsulu għal 12-il sena ħabs b'xogħol iebes. Azzopardi nqatgħetlu għal mewt u Dimech ma spiċċax l-istess għax kien taħt l-età. Fil-ħabs sar iħobb il-kotba u beda jinteressa ruħu fil-politika. Huwa sar awto-didatta imma għenuh ħafna żewġ qassisin Protestanti: Rev. George Wisely u Kappillan Presbiterjan. Tgħallem sew il-Malti, l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ġermaniż.
  10. 1891. Instab ħati ta' falsifikazzjoni ta' flus u reżistenza. 9 snin ħabs li tnaqqsulu għal sitt snin u nofs. Din id-darba fil-ħabs waqa' f'dipressjoni kbira tant li bagħtuh xahar il-manikomju. Il-ħabs beda jitmexxa minn Giorgio Barbaro, bniedem korrott għall-aħħar u protett minn Strickland, li mbagħad fl-1904 kien tkeċċa minn direttur tal-ħabs ħabba serq. Dimech beda jikteb kull ma kien qed jiġri fil-ħabs b'mod speċjali l-piena tal-mewt inġusta li kienet ingħatat lil Rużar Mizzi, magħruf bħala l-Lajs.

Nhar il-31 ta' Lulju 1897, Dimech ħareġ mill-ħabs għall-aħħar darba. Kellu 36 sena li 20 minnhom kien qattagħhom fil-ħabs. Meta ħareġ mill-ħabs it-tieni darba kien bniedem mibdul. Mar jgħix ma' ommu Birkirkara, li kellha tmut 3 snin wara.

Il-Bandiera tal-Maltin u ġurnali oħra[editja]

Fi tmiem is-sajf tal-1897 Dimech mar ikellem lil Sigismondo Savona, il-mexxej tal-Partit Riformista, fuq l-abbużi li kienu jsiru fil-ħabs minn Barbaro. Savona qajjem il-każ fil-Kunsill tal-Gvern biex jinħatar kumitat li jistħarreġ il-każ imma l-mozzjoni tiegħu m'għaddietx. Sena wara saret inkjesta mill-Gvern fuq abbużi minn gwardjani fil-ħabs. Dimech xehed fl-inkjesta u 3 gwardjani ġew sospiżi.

Nhar it-8 ta' Jannar 1898, Dimech beda joħroġ ġurnal ġdid ta' kull nhar ta' Sibt, bl-isem "Il-Bandiera tal-Maltin" li fiha beda jesprimi l-fehmiet progressivi u radikali tiegħu. Heddewh li joqtluh u għamlulu frame-up billi ħbewlu l-flus foloz fid-dar fejn kien jgħix ma' ommu. Imma Dimech kien determinat li jbiddel il-qagħda li kienu fiha l-Maltin:

 Tqum ma jridukx, ja poplu, iriduk tibqa’ rieqed, ħalli fil-waqt li int tkun mgħaddas fil-ħolm tiegħek… ikollhom iż-żmien li jagħmlu bik dak kollu li bik jagħmlu jridu… il-ktajjen li… dendlulek dawk li minn fuqek simnu u rabbew is-sonża… dawk li fik ma jarawx ħaġa oħra ħlief… sellum li bih jitilgħu fl-għoli huma biss! Qum! Qum! Qum!… stagħġeb iva kif ghal tant snin stajt tgħaddi l-ħajja tiegħek hekk mitlufa f’dak il-għazz kbir, mixħut minn tulek, tixbah aktar il-mejtin jew inkella l-ħajjin. 

B' Il-Bandiera tal-Maltin kellu suċċess mhux ħażin. Imma Dimech ried jilħaq ukoll lill-barranin u lill-Maltin li kienu jippreferu jaqraw b'ilsna barranin, u allura beda joħroġ il-ġurnali La Guerra u The Bugler. Għal 3 xhur ħareġ ukoll gazzetta letterarja bl-isem Il-Ġurnal tal-Għorrief.

Għalliem u t-twaqqif ta' Ix-Xirka tal-Imdawlin[editja]

Fl-1898 ukoll Dimech fetaħ skola fi Triq Brittanja, il-Belt li fiha beda jgħallem il-lingwi u beda jissejjaħ il-Professur Dimech. Fl-1903 Dimech żar Montenegro għal kważi 3 ġimgħat biex jistudja s-sitwazzjoni politika u soċjali ta' hemmhekk. Mar darbtejn fl-Italja ta' fuq, l-iktar Ġenova, Milan u Turin, fejn b'kollox qatta' kważi 4 snin. Hemmhekk Dimech iffamiljarizza ruħu mal-movimenti tal-ħaddiema u t-trade unions. Ħa interess kbir fir-relazzjonijiet bejn Stat u Knisja li kienu qegħdin ibaqbqu dak iż-żmien fl-Italja. Reġa' lura Malta mħeġġeġ u lest biex iġib il-bidliet soċjali li kienu jħammem fuqhom għal tant snin.

Nhar it-22 ta' Ottubru 1911 waqqaf formalment Ix-Xirka tal-Imdawlin, b'laqgħa pubblika f'Raħal Ġdid. Din kienet għaqda li tiġġieled għad-drittijiet tal-ħaddiema, skola għall-adulti, u partit politiku fl-istess ħin. Permezz tagħha Dimech ried jinfluwenza s-soċjetà Maltija. Żgħażagħ idealisti u persuni ħerqana għall-bidla daħlu f'din ix-Xirka, mhux biss foqra iżda wkoll persuni mill-klassi tan-nofs u l-klassi l-għolja.

Manwel Dimech u Dun Ġorġ Preca[editja]

Fl-istess żmien li Dimech kien taħt l-attenzjoni tal-awtoritajiet ekkleżjastiċi, anke Dun Ġorġ Preca u s-soċji tal-MUSEUM kienu ssuspettati minn ħafna fil-ġerarkija tal-Knisja. Manwel Dimech fl-istess żmien ifaħħarhom u jirreferi għalihom bħala "appostli".

"Alla mhux Bambin"[editja]

Mark Montebello jikteb hekk:

 Kien hemm bosta temi oġġezzjonabbli li fuqhom tkellem Dimech, imma ebda waħda ma baqgħet tissemma daqs dik li fiha qal li "Alla mhux Bambin"... li kien sar kapital kbir minnha mill-għedewwa ta' Dimech biex joskurawh mal-pubbliku. Snin wara nħolqot ukoll il-ħrafa - imxandra l-iktar minn Herbert Ganado u Alessandru Bonnici - li madwar l-1921 Dun Ġorġ Preca kien beda l-Purċissjonijiet bil-Bambin fil-lejl tal-Milied proprju minħabba din l-espressjoni ta' Dimech, imma filfatt ma jeżisti ebda fundament storiku għal din il-ħrafa għajr il-fantasija popolari. 

Xebh bejn Manwel Dimech u Dun Ġorġ?[editja]

Dr. Ronald Sultana, Dekan tal-Fakulta tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta, u ex-soċju tal-MUSEUM, iddedika l-ktieb tiegħu Inside/Outside Schools: Towards a Critical Sociology of Education in Malta lil Dun Ġorġ Preca u lil Manwel Dimech għax fi kliemu

 in their own different ways saw in Education a source of Enlightement for themselves... and others. 

Fl-2007, l-ex Priministru Alfred Sant kiteb hekk:

 Naf li jeżisti ċertu rażan meta wieħed jiġi biex jikkuntrasta lil Dimech ma’ Preca. Imma nara paralleliżmu ċar bejn il-mod kif Dimech fittex li jorganiżża ħidmietu ta’ popolariżazzjoni sekolari, u l-mod li bih mexa dun Ġorġ fil-popolariżazzjoni reliġjuża… jien ngħidilha mistika… tiegħu. It-tnejn fittxew dritt il-bażi tal-kotra, l-irġiel u z-zgħazagħ li setgħu jitkebbsu bil-kurżita` dwar it-tagħlim. It-tnejn emmnu fil-qawwa tal-kitba u tat-taħdit bħala mutur organiżattiv. Mhux konċepibbli li Preca ma kienx jaf sew bil-ħidma u bil-metodi ta’ Dimech, li kien għoxrin sena akbar minnu fl-eta`. Meta Dimech ġie skumnikat fis-sena 1911, Preca kien ilu ħames snin qassis. Fi gżira ċkejkna bħal tagħna… li fil-bidu tas-seklu għoxrin kienet tgħodd popolazzjoni ta’ xi 200,000 ruħ… ftit seta’ jkun li qassis imrawwem ma jkunx konxju sew tal-ħidma “xiżmatika” ta’ Dimech. Bniedem iffukat fuq il-konkret tal-ħajja ta’ kuljum bħal Ġorġ Preca, anki b’mod intwittiv, żgur fehem kif ried jaħdem Dimech. Ħaġa minn ewl id-dinja li t-tnejn li huma, ħergin mill-istess tip ta’ soċjeta`, addottaw l-istess metodi ta’ ħidma. Preca seta’ għamel dan indipendentement minn Dimech, jew billi qiesu bħala mudell. Ma nara xejn skandaluż f’osservazzjoni bħal din, għadilli x-xebh bejn Dimech u Preca jista’ jdarras lil xi wħud. Li t-tnejn kienu qed jimmiraw lejn riżultati differenti hi ħaġa ċara, għalkemm illum nistgħu nagħrfu li fondamentalment ma kinux bilfors f’antagoniżmu qalil ma’ xulxin f’ħidmiethom. 

Ikkundannat mill-Knisja[editja]

L-ewwel twissija mill-Knisja lil Dimech ġiet fl-1900 meta nqara editt fil-knejjes kollha ta' Malta li fiha l-Isqof Pietru Pace ikkundanna l-kitba ta' Dimech li fiha kkritika kardinal Ingliż li kien faħħar x'kienu qed jagħmlu l-Ingliżi fil-gwerra kontra l-Boeri fl-Afrika t'Isfel. Iżda Dimech baqa' bl-istess fehma u reġa' kiteb kontra l-massakri Ingliżi.

Nhar il-11 ta' Ottubru 1911, inqrat pastorali kontra Dimech li kkundannat Ix-Xirka tal-Imdawlin u l-Bandiera tal-Maltin għax permezz tagħhom Dimech kien qed jiżra' ideat soċjalisti bħal li n-nisa "jkunu f'kollox bħall-irġiel... u li għandhom l-istess drittijiet fis-soċjetà, ħaġa li hi kontra t-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa u kontra l-Vanġelu u kontra kull bażi tal-ordni soċjali" u li "l-membri tax-Xirka ma jqisu lil ħadd kbir jekk mhux biss Dak li hu kbir għal kollox, b'tali mod li tiġi esluża indirettament kull awtorità tad-dinja."

Nhar it-23 ta' Ottubru 1911, l-awtoritajiet tal-Knisja skumnikawh u l-iskomunika nqrat fil-knejjes kollha ta' Malta. Fost ir-raġunijiet tal-iskomunika kien hemm li Dimech irribella għall-Pastorali tal-11 ta' Ottubru "billi qal li kienet mimlija gideb u falzitajiet u fittex li jirredikola t-twissijiet tajba li kellha ġo fiha" u "għax dawk li mhumiex attenti u dawk li malajr jitgħawru jistgħu faċilment jieħdu skandlu." Nhar it-12 ta' Jannar 1912 Dimech ġie mħaġġar hu u sejjer Ħal Qormi biex ikellem lin-nies, wara li kienu inċitati mill-Kappillan ta' San Ġorġ. Herbert Ganado jgħid hekk:

 Li kieku Dimech iddefenda biss il-foqra u l-ħaddiema u ried itejjeb il-kundizzjonijiet soċjali tagħhom, l-opra tiegħu kienet tkun ta' ġid... Iżda Dimech kellu ħsieb filosofiku u soċjali kontra kull awtorità, kellu ideat reliġjużi vagi u fl-ajru u mhux marbutin mal-Knisja, kien anti-klerikali, u għalhekk it-tagħlim tiegħu kien qarrieqi. 

Nhar l-1 ta' Diċembru 1912, il-Knisja neħħiet il-piena tal-iskomunika minn fuq Manwel Dimech.

L-eżilju f'Lixandra u l-mewt[editja]

Nhar il-31 ta' Awissu 1914, l-awtoritajiet Ingliżi arrestawh bl-akkuża li kien qed ixewwex kontrihom u eżiljawh Lixandra, l-Eġittu. Manwel Dimech miet nhar is-17 ta' April 1922, fil-kamp ta' konċentrament Tork ta' Sidi Bishr f'Lixandra, erba' snin wara li l-Ewwel Gwerra Dinjija kienet spiċċat u l-priġunieri tal-gwerra nħelsu. Diversi awtoritajiet, fosthom Winston Churchill li kien Segretarju tal-Istat għall-Kolonji, talbu għall-ħelsien tiegħu iżda l-Gvernatur Plumer ma tax il-permess biex l-eżiljat jirritorna Malta. Mark Montebello, studjuż fuq Dimech, isemmi l-possibiltà li Dimech miet f'Malta. Il-qabar tiegħu qatt ma nstab. Ir-ritratt magħruf ta' Juan Mamo fuq il-qabar ta' Dimech fl-Eġittu huwa falz, jew kif jgħid Montebello, frott ta' nuqqas ta' ftehim.

Awtur[editja]

Dimech kiteb bosta kotba tal-grammatika għat-tagħlim tal-lingwi, u numru ta' poeżiji bil-Malti u bit-Taljan. Fi żmienu ħafna Maltin kienu illitterati. Dimech ra fil-Malti wieħed mill-isbaħ ilsna tad-dinja u l-aqwa għodda biex bih jgħallem lill-poplu u jġib qawmien politiku u soċjali. Fost il-kotba tiegħu nsibu:

  • L-Għalliem tiegħu f'Ilsien Taljan (1897) f'faxxikli
  • Majsi Cutajar (1898) rumanz qasir fuq Mattew Falzun
  • Il-Kelliem Ingliż (1902) - l-iktar ktieb ta' Dimech li nbiegħ, anke f'pajjiżi oħra fejn kien hemm emigranti Maltin - ktieb għal min irid jibda jitgħallem l-Ingliż
  • Un Nuovo Dio (1904) poema satirika bit-Taljan - kitibha taħt l-isem Eusebio degli Allori
  • Ivan u Prescovia (1905) rumanz - l-aqwa xogħol letterarju tiegħu
  • Il-Kelliem tal-Erbat Ilsna (1907) - biex Malti jitgħallem jitħaddet l-Ingliż, it-Taljan u l-Franċiż
  • I suicidi (1911) operetta bit-Taljan
  • Is-Sisien tax-Xirka Maltija (1914).

Minbarra dawn il-kotba, Dimech kiteb ħafna kotba oħra ta' tagħlim li qatt ma stampahom. Kien beda jaqleb ukoll il-Bibbja għall-Malti.

Għarfien wara mewtu[editja]

Ghal ħafna snin wara mewtu lil Manwel Dimech ħadd ma kien ifakkru. Ġeraldu Azzopardi, il-professur Henry Frendo, il-Prim Ministru Dom Mintoff, li fl-1976 ried li jsir monument tiegħu quddiem Kastilja, u Patri Dr. Mark Montebello taw sehem kbir biex Manwel Dimech jingħata l-għarfien li jistħoqqlu.

Ġeraldu Azzopardi[editja]

F'Ġunju 1956, Ġeraldu Azzopardi, taħt l-isem "Xwejjaħ", beda jxandar sensiela ta' 12-il artiklu fil-ġurnal Laburista Is-Sebħ bl-isem "Meta l-poplu kien ġwejjed". Azzopardi kien sema' bih mingħand zijuh, Peppi Dalli. Dawn l-artikli ġabu reazzjoni mill-ġurnal tal-Azzjoni Kattolika Leħen is-Sewwa. Fl-1975 Azzopardi ppubblika X'Ġarrab Manwel Dimech u fl-1978 Għejdut Manwel Dimech.

Henry Frendo[editja]

Henry Frendo kien għażel lil Manwel Dimech bħala t-tema tat-teżi tiegħu għal-lawrija. F'Jannar 1971, Frendo beda jikteb għadd ta' artikli dwar Dimech f' Il-Ħajja ,li tagħha kien editur. L-Arċisqof Mikiel Gonzi ma riedx li dawn l-artikli jibqgħu jidhru u hekk ġara. Fl-1971 Frendo pprubblika t-teżi tiegħu bl-Ingliż fuq Dimech bl-isem Birth Pangs of a Nation. Fl-1978 ippubblikaha bil-Malti fil-ktieb Lejn Tnissil ta' Nazzjon.

Mark Montebello[editja]

Fl-2004, il-patri Dumnikan studjuż Mark Montebello ħareġ il-bijografija monumentali Dimech, ktieb ta' 576 paġna b'daqs kbir ta' 280 X 198 millimetri. Fl-2006, ħareġ edizzjoni mqassra tal-ktieb bl-isem "Jien Manwel Dimech" li fih jistħajjel lil Dimech qed jirrakkonta ħajtu fl-ewwel persuna lill-qarrej. Fl-2010 ħareġ is-CD "Manwel Dimech - Fi Kliemi". Montebello jsostni l-Knisja f'Malta għandha tagħmel apoloġija lil Manwel Dimech għall-mod kif trattatu.

Monument[editja]

Nhar l-1 ta' Mejju 1976 inkixef il-monument ta' Manwel Dimech, xogħol sabiħ tal-iskultur Anton Agius, fil-pjazza ta' quddiem Kastilja mill-Ministru Lorry Sant.

Pont u Toroq[editja]

Il-Gvern Laburista ta' Mintoff kien semma l-Pont tas-'Sliema Regional Road Project' (ta' fuq San Ġiljan) Pont Manwel Dimech. Kien tbierek mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Fl-istess żmien il-Bank Ċentrali kien ħareġ munita bix-xbieha tiegħu. Hemm toroq imsemmijin għalih f'Tas-Sliema u Ħal-Għaxaq.

Il-Partit Laburista[editja]

Ta' kull sena, f'jum mewtu nhar is-17 t'April jew f'xi ġurnata qrib, il-Partit Laburista jfakkar lil Manwel Dimech b'ċerimonja sempliċi fuq il-monument tiegħu quddiem Kastilja u b'diskors tal-mexxej tal-Partit.

Musical "Manwel! Manwel! - Il-Bandiera tal-Maltin"[editja]

F'Awissu 2000, il-Partit Laburista tella' l-musical oriġinali "Manwel! Manwel! - Il-Bandiera tal-Maltin" bħala l-avveniment ewlieni tal-festival "Iljieli Mediterranji" fil-fdalijiet tat-Teatru Rjal. Il-musical b'kitba u direzzjoni ta' Narcy Calamatta, lirika ta' Ray Mahoney u mużika ta' Dominic Galea kellu attendenza kbira u ntlaqa' ferm tajjeb. Il-kantant Lawrence Gray kien interpreta l-parti ta' Dimech tifel u żagħżugħ u ta wkoll il-vuċi għall-kant ta' Dimech adult. Dan il-musical ittella' wkoll mill-Għaqda Kulturali Maltija f'Sydney l-Awstralja fl-2004.

Wirt[editja]

Fl-1988 fuq TVM kien intwera l-ewwel telefilm tax-xorta tiegħu, bl-isem "Wirt" li fih Lino Grech kien interpreta l-parti ta' Manwel Dimech.

Dokumentarju[editja]

Il-Kumpanija Where's Everybody ipproduċiet dokumentarju ta' sagħtejn maqsum f'żewġ partijiet fuq Manwel Dimech fis-sensiela Bijografiji li xxandar fuq TVM f'April 2010. Id-dokumentarju kien jinkludi siltiet minn intervisti ma' Mark Montebello u Henry Frendo u siltiet mill-musical "Manwel! Manwel! - Il-Bandiera tal-Maltin".

Ħoloq esterni[editja]