Aqbeż għall-kontentut

Zabid

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Zabid
 Jemen
Amministrazzjoni
Stat sovranJemen
Governorate of YemenGovernorat ta' Al-Hudaida
Ismijiet oriġinali زبيد
Ġeografija
Koordinati 14°12′N 43°19′E / 14.2°N 43.32°E / 14.2; 43.32Koordinati: 14°12′N 43°19′E / 14.2°N 43.32°E / 14.2; 43.32
Zabid is located in Yemen
Zabid
Zabid
Zabid (Yemen)
Superfiċjenti 1.35 kilometru kwadru
Għoli 114 m
Demografija
Popolazzjoni 50,781 abitanti (2005)
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+3

Zabid (bl-Għarbi: زَبِيد; spelluta wkoll Zabīd, Zabeed u Zebid) hija belt b'popolazzjoni urbana ta' madwar 52,590 ruħ, li tinsab fil-pjanura kostali tal-Punent tal-Jemen. Hija waħda mill-eqdem bliet fil-Jemen, u ilha fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1993.[1] Madankollu, fis-sena 2000, is-sit tqiegħed fil-lista tas-siti fil-periklu.

Il-Moskea l-Kbira ta' Zabid, magħrufa wkoll bħala l-Moskea ta' Al-Asha'ir, inbniet fis-628 W.K. minn Abu Musa Ashaari, wieħed mis-segwaċi ta' Muħammed. Il-belt kienet il-belt kapitali tal-Jemen mis-seklu 13 sas-seklu 15.

Il-belt, imsemmija għal Wadi Zabid, il-wadi (jew il-wied) fin-Nofsinhar tagħha, hija waħda mill-eqdem bliet fil-Jemen. Abu Musa Ashaari, wieħed mis-sħab tal-Profeta Muħammed, oriġinarjament kien minn Zabid, u ordna li tinbena l-Moskea l-Kbira tal-belt fis-628 W.K., matul il-ħajja tal-Profeta. Skont it-tradizzjoni, din kienet il-ħames moskea li nbniet fl-istorja tal-Iżlam. Sahabi jew sieħeb il-Profeta, Amru bin Ma'adi Yakrib, oriġinarjament kien ukoll minn Zabid mill-familja ta' Zubaid, tribù tal-Arabja li ħadet isem il-belt.

Zabid kienet il-belt kapitali tal-Jemen mis-seklu 13 sas-seklu 15. Kienet magħrufa bħala ċentru tad-dinja Għarbija u Musulmana, speċjalment għall-edukazzjoni Iżlamika, l-iktar minħabba l-Università famuża ta' Zabid. Kienet il-belt kapitali tad-dinastija Zijadida mit-819 sal-1018, u tad-dinastija Naġaħida mill-1022 sal-1158.[2]

Fl-1067, matul il-pellegrinaġġ lejn il-Mekka, il-klan ta' Banu Najah taħt Sa'id Ibn Najah, il-prinċep ta' Zabid, attakka l-grupp tal-ivvjaġġar tas-sultan Sulayhid, Ali al-Sulayhi, u martu Asma bint Shihab. Il-klan qatel lil Ali u ħa lil Asma bħala priġuniera. Hija ġiet sekwestrata u ntefgħet f'ħabs sigriet f'Zabid, u jingħad li r-ras maqtugħa tar-raġel tagħha tpoġġiet fuq lasta li kienet viżibbli miċ-ċella tagħha.[3] Wara sena bħala priġuniera, irnexxielha twassal messaġġ lil binha u lil bintha tar-rispett f'Sanaa, u binha attakka lil Zabid u ħelisha.

Ali ibn Mahdi al-Himyari, li twieled fl-artijiet għoljin tal-Jemen, stabbilixxa d-dinastija Maħdida fir-reġjun ta' Tihama. Al-Himyari u s-segwaċi tiegħu taw in-nar lil diversi distretti fit-Tramuntana ta' Zabid. Huwa kien ħalef li jpoġġi lill-Abissinjani fi skjavitù u ordna lill-irġiel tiegħu biex joqtlu lil kulħadd, inkluż in-nies b'diżabbiltà.[4] Bħala att ta' disprament, il-poplu ta' Zabid fittex l-assistenza mill-imam Zaydi Ahmed ibn Sulayman kontra al-Himyari. L-imam Zaydi ordna li Fatiq III jiġi ġġustizzjat peress li allegatament kien omosesswali. Fatiq III inqatel mill-imam, mill-Maħdidi jew mis-suldati tiegħu stess. B'hekk, id-dinastija tal-iskjavitù ntemmet u l-Maħdidi ħadu l-kontroll ta' Zabid fl-1158.

It-truppi tal-prinċep Ajjubid Turan Shah malajr ħakmu l-biċċa l-kbira tal-Jemen u ħatfu lil Zabid fit-13 ta' Mejju 1174.

Hadım Suleiman Pasha estenda l-awtorità tal-Imperu Ottoman biex jinkludi lil Zabid fl-1539.[5] Zabid saret il-kwartieri ġenerali amministrattivi tal-Ejalet tal-Jemen.

Madankollu, illum il-ġurnata Zabid tinsab fil-marġnijiet intellettwali u ekonomiċi tal-Jemen modern.[6] Ir-rumanz ta' Muhammad Abdul-Wali Sana'a: An Open City jirrakkonta l-ġrajja ta' żagħżugħ li vvjaġġa lejn Zabid f'nofs is-seklu 20 u baqa' sorpriż li l-belt kienet saret mandraġġ.

Il-Mawżolew ta' Muhammad Ezzuddin.

Zabid għandha popolazzjoni urbana ta' madwar 52,590 ruħ. Tinsab fil-pjanura kostali tal-Punent tal-Jemen, fir-reġjun ta' Tihama.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt Storika ta' Zabid ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1][8] Il-Moskea l-Kbira ta' Zabid tokkupa post prominenti fil-belt u wieħed jista' jżur ukoll il-fdalijiet tal-università tal-belt.

Fis-sena 2000, Zabid tpoġġiet fil-lista tas-siti fil-periklu. Dan sar f'isem il-gvern tal-Jemen minħabba l-qagħda u l-konservazzjoni mwegħra tagħha. Skont rapport tal-UNESCO, bejn wieħed u ieħor "40 % tad-djar tal-belt ġew sostitwiti b'binjiet tal-konkos, u d-djar l-oħra u s-suq antik jinsabu fi stat ta' deterjorament".[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Mill-1920, Zabid kienet wieħed minn żewġ postijiet fl-Arabja fejn titkabbar il-pjanta indigo (Indigofera tinctoria). F'Zabid jitkabbar u jiġi prodott ukoll il-qoton.[9] Il-Brittaniċi jsostnu li t-tilwim tribali xekkel l-ekonomija f'Zabid fil-bidu tas-seklu 20.[10]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Town of Zabid". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.
  2. ^ "Britannica Academic". academic.eb.com. Miġbur 2023-11-01.
  3. ^ Mernissi, Fatima; Mary Jo Lakeland (2003). The Forgotten Queens of Islam. Oxford University Press. ISBN 978-0-19-579868-5.
  4. ^ Henry Cassels Kay (1999). Yaman its early medieval history. Adegi Graphics LLC. p. 127. ISBN 1421264641.
  5. ^ Muḥammad ibn Aḥmad Nahrawālī (2002). Lightning Over Yemen: A History of the Ottoman Campaign in Yemen, 1569–71 [البرق اليماني في الفتح العثماني] (bl-Għarbi). OI.B.Tauris. p. 88. ISBN 1860648363.
  6. ^ Eickelman, Dale F. "The Middle East and Central Asia." (Prentice Hall, Upper Saddle River: 2002).
  7. ^ "GeoNames.org". www.geonames.org. Miġbur 2023-11-01.
  8. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "17 COM XI - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-11-01.
  9. ^ Prothero, G.W. (1920). Arabia. Londra: H.M. Stationery Office. p. 85.
  10. ^ Prothero, G.W. (1920). Arabia. Londra: H.M. Stationery Office. p. 103.