Aqbeż għall-kontentut

Yana Psaila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Yana Psaila
Ħajja
Isem propju Yana Vladislavovna Kirienkou Яна Владиславовна Кириенко
Twelid 8 Mejju 1979 (46 sena)
Nazzjonalità Russja
Malta
Edukazzjoni
Lingwi Malti
Russu
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
lingwista
traduttur

Yana Psaila (xebba Kirienko), twieldet fit-8 ta’ Mejju tal-1979 fis-Siberja, Russja. Hija poetessa Russa-Maltija (bl-għeruq etniċi Russi, Ukreni u Pollakki),  lingwista u traduttriċi, membru tal-Akkademja tal-Malti, tal-Għaqda Poeti Maltin, tal-Għaqda tal-Malti – Università u tal-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti, Dottoressa tax-Xjenza Honoris Causa.

Yana twieldet fit-8 ta’ Mejju fl-1979 fil-belt ta’ Tomsk fil-familja tal-impjegati tal-Istitut Politekniku ta’ Tomsk u tal-Università Statali ta’ Tomsk. Missierha l-Prof. Vladislav Evghenievich Kirienko huwa speċjalista fil-qasam taċ-ċibernetika; ommha Olga Nikolaevna Kirienko hija  filologa; ħuha Felix Vladislavovich Kirienko huwa lingwista. Yana kitbet l-ewwel poeżija meta kellha ħames snin, u fis-sena 1991 dehret l-ewwel pubblikazzjoni tagħha[1].

Iggradwat mill-Università Statali ta’ Tomsk b’Master’s bħala Lingwista-Lettriċi fit-Teorija u l-Metodoloġija tat-Tagħlim tal-Lingwi u l-Kulturi Barranin bis-speċjalizazzjoni fit-tagħlim tal-Ingliż fil-livell terzjarju[2].

Perjodu Malti

[immodifika | immodifika s-sors]

Yana Psaila tgħix u taħdem f'Malta mis-sena 2004. Tgħallmet l-ilsien Malti waħidha u fis-snin 2012-2013 saħansitra għaddiet mill-eżamijiet tal-Malti (bħala lsien nattiv) fil-livell Ordinarju u dak Avvanzat.

Fis-sena 2010 ċ-Ċentru Malti għar-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u ta’ Informazzjoni rrikonoxxa l-lawrea tagħha li kisbet fir-Russja bħala ekwivalenti għal-livell ta’ Master’s[3].

Fis-sena 2013 Yana Psaila saret membru tal-Għaqda Poeti Maltin.

Fis-sena 2014 saret membru tal-Għaqda tal-Malti - Università.

Fis-sena 2015 saret membru tal-Akkademja Tal-Malti.

Fis-sena 2025 Psaila temmiet b'suċċess il-kors universitarju fil-Qari tal-Provi tal-Malti u fl-istess sena saret membru tal-Għaqda Qarrejja tal-Provi tal-Malti.

Xogħlijiet poetiċi tagħha bil-Malti
[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-ewwel snin tal-ħajja tagħha f’Malta Yana kienet tikteb poeżiji bl-Ingliż. Fis-snin 2006-2007  bdiet tesprimi ruħha bil-Malti. Il-poeżiji tagħha jiġu pubblikati f’diversi rivisti u gazzetti. Fis-sena 2013 ħarġet l-ewwel ġabra tal-poeżiji tagħha bil-Malti 'L-Imħabba tal-Istilla Polari'[4], iffinanzjata mill-awtriċi stess, u li minnufih attirat attenzjoni ta’ kritiċi letterarji[5]. Il-poetessa ġiet mistiedna għall-intervisti f’diversi programmi tar-radju u t-televizjoni kif ukoll biex tipparteċipa fl-avvenimenti kulturali bil-qari tal-poeżiji fosthom iċ-ċelebrazjonijiet ta’ Jum il-Furjana, Jum Tas-Sliema u oħrajn. Xi wħud mill-poeżiji tagħha nqraw mill-atturi waqt il-Festival tal-Arti ta’ Malta[6].

Fis-sena 2019 bl-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol ħareġ it-tieni volum tal-antoloġija 'Il-Poezija Maltija'[7], immirata għall-istudenti li qed jippreparaw għall-eżami tal-Malti fil-livell Avvanzat. Fiha dehru x-xogħlijiet tal-poeti kontemporanji Maltin fosthom żewġ poeżiji ta’ Yana Psaila 'Int Kollox Għalija' u 'Min Inti?'[8].

Traduzzjonijiet tal-poeżiji
[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sena 2014 Yana Psaila ġiet mistiedna mill-fundatriċi u direttriċi tal-Mużew u l-Istitut ta’ Vladimir Vysotsky fil-Polonja (Muzeum Wlodzimierza Wysockiego w Koszalinie) Marlena Zimna biex tipparteċipa fil-proġett poetiku internazzjonali li kkonsista fit-traduzzjonijiet tax-xogħlijiet poetiċi tal-kantawtur Vladimir Vysotsky f’bosta ilsna tad-dinja[9]. ’Il fuq minn sittin studjuż, poeta u artist ta’ diversi pajjiżi qalbu l-kanzunetti tiegħu, fosthom Yana Psaila li ttraduċiet numru kbir ta’ xogħlijiet tiegħu għall-Malti. Dawn it-traduzzjonijiet ġew ippubblikati f’żewġ kotba ta’ Marlena Żimna 'Vladimir Vysotsky in New Translations: International poetic project'[10] u 'Vladimir Vysotsky in various languages: International poetic project'[11]. It-traduzzjonijiet ta’ Yana għal dan il-proġett ħarġu wkoll fis-sena 2015 fil-ktieb ippubblikat għalih fl-Iżrael bl-isem 'Fil-Baħar tad-Dmugħ' («В море слёз»)[12]. B'kollox Yana Psaila qalbet għall-Malti 36 kanzunetta ta' Vladimir Vysotsky[13].

It-traduzzjonijiet ta’ Yana Psaila dehru wkoll fir-rivista tal-Akkademja tal-Malti 'Il-Malti'[14] u fir-rivista tal-Għaqda tal-Malti - Università 'Leħen il-Malti'[15]. Fil-librerija tal-Akkademja tal-Malti hemm numru ta’ kotba tagħha[16].

Fil-perjodu bejn is-snin 2014-2020 Yana qalbet mir-Russu għall-Malti x-xogħlijiet tal-poeti Russi tas-sekli XIX u XX, fosthom Alexander Pushkin, Mikhail Lermontov, Pyotr Vyazemsky, Fyodor Tyutchev, Afanasy Fet, Alexander Blok, Igor Severyanin, Andrey Bely, Nikolay Gumilyov, Boris Pasternak, Evgeny Evtushenko, Vladimir Vysotsky, Bella Akhmadulina, Novella Matvyeyeva, Nikolay Rubtsov, Sergei Yesenin. Għamlet ukoll it-traduzzjonijiet tal-kanzunetti popolari taż-żmien tat-Tieni Gwerra Dinjija bħal 'Rożinjoli' («Соловьи»), 'Ġox-Xelter għas-Suldati' («В землянке») u ta’ dawk miktubin wara iżda li xorta jirriferu għat-tema tal-gwerra: 'Ir-Russi Jridu l-Gwerra?' («Хотят ли русские войны»), 'Oqbra tal-Massa' («Братские могилы») eċċ. Ta’ min jinnota li t-traduzzjoni għall-Malti tal-kanzunetta 'Ġox-xelter għas-Suldati' ħarġet awtentika għall-kanzunetta oriġinali fir-rigward tat-test, ir-rima, ir-ritmu u l-melodija u saħansitra kienet kantata b’mod eċċellenti mill-Baritonu Malti Joseph Lia fil-jiem taċ-ċelebrazzjoni tal-75 Anniversarju mir-rebħa, kemm bir-Russu kif ukoll bil-Malti[17].

Bejn is-snin 2023-2025 Psaila qalbet għall-Malti numru ta' xogħlijiet tal-poeti Belarussi wkoll, fosthom Yakub Kolas, Yanka Kupala, Yevgenia Yanishchits, Ales Badak, Victor Shnip, Ryhor Baradulin, Maksim Bahdanovich, li dehru fir-rivisti 'Il-Malti' u 'Leħen il-Malti', il-gazzetta 'It-Torċa' u r-rivista letterarja online 'Il-Pont'[18].

Fil-ktieb ‘L-Ilsien Malti għal Qalbi’[19] li huwa frott il-kampanja nazzjonali bl-istess isem li saret bejn l-2022 u l-2024, imtellgħa mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta u l-għaqdiet ewlenin tal-Malti, deher l-artiklu ta' Yana Psaila 'Poeżija Slavonika bil-Malti fit-traduzzjoni mill-ilsna oriġinali' bit-traduzzjonijiet tagħha tal-poeżiji li saru għall-ewwel darba direttament mill-Belarussu ta' Yakub Kolas, l-Ukren ta' Taras Shevchenko u l-Pollakk ta' Adam Mickiewicz għall-Malti.

Fis-sena 2019 Yana ġiet mistiedna tipparteċipa fil-proġett internazzjonali tat-traduzzjoni organizzat mid-Dar tal-Pubblikazzjoni ŻVEŻDA fir-Repubblika tal-Belarussja, iddedikat għall-pijunier fit-tipografija u edukatur Belarussu Francysk Skaryna. Hi għamlet traduzzjoni tad-daħla ta’ Francysk Skaryna għall-Ktieb ta’ Ġuditta għall-Malti għall-pubblikazzjoni li jmiss fis-sena 2020 tal-ktieb FRANCYSK SKARYNA F’DIVERSI ILSNA TAD-DINJA[20].

Bejn is-snin 2019 u 2020 Yana Psaila ħadet sehem fil-proġett tat-traduzzjoni organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb[21] bil-għan li l-poeżiji ta’ Dun Karm Psaila jiġu maqlubin għall-ħames ilsna prinċipali tad-dinja[22], fejn Yana qalbet mill-Malti għar-Russu 40 xogħol poetiku ta’ Dun Karm: 'L-Arloġġ', 'Il-Wegħda', 'Id-Dar', 'Il-Qalb tal-Bniedem', 'Il-Għira', 'Omm', 'Ħerba', 'Il-Jien u lil Hinn Minnu', 'Ħajr u Talb', 'Il-Għodwa', 'Lid-Dielja', 'It-Tifla tar-Raba’', 'L-Ewwel Xita', 'Lil Malta', 'Paċi u Gwerra', 'Lil Marija Immakulata', 'Illum', 'Warda li Tgħid Ġrajjietha', 'Quddiem Xbieha tal-Madonna', 'Waħdi', 'Żjara lil Ġesù', 'Nofs il-Lejl Sajfi', 'Kewkbet is-Safar', 'Il-Għanja tal-Imħabba', 'U Jiena Fraħt ...', 'Int Ma Tarġax', 'Lampa Ċkejkna', 'Alla', 'L-Għid il-Kbir', 'Innu lill-Madonna', 'Alla Mhux Hekk', 'L-Id tal-Imgħallem', 'Missjunarju', 'L-Għanja Moħbija', 'Lill-Poeżija Tiegħi', 'Trid Taf?', 'Il-Kelma', 'Dell u Dija', 'Ward', 'Lill-Muża'.

Poeti Maltin oħra li xogħlijiet tagħhom Yana qalbet għar-Russu huma Oliver Friggieri ('U l-Friegħi Imxewkin'), Louis Briffa ('Il-Ħolma tal-Brimba s-Safra'), Omar Seguna ('Frustrat' u 'Qaluli'), Immanuel Mifsud ('Aqta' Fjura U Ibni Kamra, Jew iċ-Ċajta tad-Dollaru'), Adrian Grima ('Todo Relaciòn'), Ġorġ Peresso ('Untouched by light' u 'Poeżija hi...') u Charles Coleiro ('Oħroġ Qamar'). Dawn it-traduzzjonijiet dehru fl-almanakk letterarju «Созвучие» [23]('Sożvuċie') maħruġ għat-XXX Fiera Internazzjonali tal-Ktieb li saret fl-2023 f’Minsk. Imbagħad sena wara l-istess kitbiet ġew maqluba did-darba għal-lingwa Belarussa u ħarġu fil-gazzetta letterarja popolari tal-Belarussja “Літаратура і мастацтва” ('Il-Letteratura u l-Arti')[24].

Traduzzjonijiet tal-proża
[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-snin 2016 u 2018 id-Dar tal-Pubblikazzjoni Russa Khudozhestvennaya Literatura ħarġet żewġ kotba ta’ Trevor Zahra bit-traduzzjoni ta’ Yana Psaila.

F’Ġunju 2016 l-Aġenzija tal-Aħbarijiet Russa TASS ħabbret li ħareġ l-ewwel ktieb tal-awtur Malti fir-Russja[25], li kien ir-rumanzett 'Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa'[26], ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fis-sena 2008[27]. Il-qarrejja Russi laqqgħuh tajjeb ħafna[28]. Ktieb ieħor, tradott minn Psaila, ir-rumanz 'Sfidi'[29], ir-rebbieħ tal-Kategorija 'Kotba għall-Adoloxxenti', il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2005, ħareġ fir-Russja fil-ħarifa tal-2018. Yana Psaila teqleb ukoll ix-xogħlijiet letterarji tal-kittieba Maltin fil-ġeneru tan-novella. L-għażla tagħhom hi tispjega hekk[30]:

Dawn l-istejjer ivarjaw ħafna minn xulxin ... L-awturi tagħhom – irġiel u nisa – ġejjin mill-ġenerazzjonijiet differenti, ikollhom professjonijiet u oqsma ta’ interess diversi kif ukoll il-pożizzjoni fis-soċjetà. L-idea hi li l-qarrej Russu jifforma f’moħħu stampa dettaljata tal-ħajja tal-Maltin, jaraha mill-angoli differenti.

Diġà ġew ippubblikati bl-ilsien Russu novelli ta’ Joe Friggieri[31][32][33][34], Trevor Zahra[35][36] [37], Rita Saliba[38][39], Amanda Busuttil[40][41], Victor Fenech[42][43], Oliver Friggieri[44], Immanuel Mifsud[45].

Mis-sena 2022 Psaila bdiet taqleb għall-Malti stejjer tal-kittieba Belarussi bħal Yury Pelyshonok[46], Ales Karlyukevich u Ekaterina Khadasevich-Lisovaja. Ix-xogħlijiet tradotti tal-aħħar żewġ kittieba jidhru b'mod regolari fir-rivista 'Sagħtar'[47].

Proġetti u riċerki
[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sena 2014 ħarġu l-ewwel ta-xorta tagħhom [48]«РУССКО-МАЛЬТИЙСКИЙ СЛОВАРЬ-РАЗГОВОРНИК»[49] (Frażarju Russu-Malti) u 'Frażarju Malti-Russu'[50], iffinanzjati mill-awtriċi stess. Fl-intervista għall-gazzetta tal-Università Statali ta’ Tomsk 'Alma Mater' għall-mistoqsija kif ġietha l-idea toħloq dawn il-frażarji, Yana wieġbet hekk[51]:

Meta ħassejt li kelli biżżejjed għarfien tal-Malti xtaqt naqsmu man-nies Russi oħra li bħali jinteressaw ruħhom f’dan l-ilsien sabiħ. Bdejt naħseb x’l-aħjar li nikteb: dizzjunarju, ktieb biex wieħed jistudja permezz tiegħu s-sisien tal-grammatika u l-vokabularju bażiku tal-Malti jew frażarju. Bdejt  nifli l-kontenut tas-siti elettroniċi ddedikati għall-mistoqsijiet tan-nies mir-Russja dwar Malta u skoprejt li l-aktar imfittex kien il-frażarju Russu-Malti li kien għadu ma jeżistix. Dan il-fatt kien kruċjali għall-għażla tiegħi.

Waqt it-tnedija ta’ dawn il-frażarji fl-Università ta’ Malta tkellem dwarhom l-eks Ambaxxatur Straordinarju u Plenipotenzjarju tar-Repubblika ta’ Malta fl-Unjoni Sovjetika Maurice Lubrano[52] li nnota li[53]:

Ir-relazzjoni dejjem tikber bejn il-popli ta’ Malta u tar-Russja tagħmel parti mill-progress tal-lum il-ġurnata fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi taż-żewġ pajjiżi. Qed jiżdied ukoll in-numru tal-Maltin li jixtiequ jikkomunikaw mal-ħbieb Russi bil-lingwa nattiva tagħhom hawn f’Malta jew waqt il-vjaġġ lejn il-pajjiżi li jitkellmu bl-ilsien Russu. Meta Yana Psaila wrietni x-xogħol irfinut tagħha - 'Frażarju Malti-Russu', jien bqajt għalkollox imgħaġġeb bl-approċċ studjat li mxiet bih f’dan ix-xogħol.

Ir-rilevanza tal-ħolqien tal-frażarji ġiet innotata wkoll waqt il-konferenza internazzjonali online 'Il-Lingwa Russa fid-Djalogu tal-Kulturi' li saret f’Ġunju tal-2014[54], fejn Psaila ppreżentat ir-rapport min-naħa taċ-Ċentru Russu għax-Xjenza u l-Kultura f’Malta.

Minn Ġunju 2017 Yana għandha l-kolonna tagħha ddedikata għal-lingwa u l-letteratura Maltija kif ukoll poeżija Russa tradotta għall-Malti fir-rivista kulturali Russa 'L-Araldu Malti', fejn hi tippubblika regolarment frammenti minn 'Frażarju Russu-Malti' u l-poeżiji tal-poeti Russi fl-oriġinal u t-traduzzjonijiet tagħhom għall-Malti. Yana għandha wkoll il-kanal ta' YouTube għall-qari ta’ dawn il-poeżiji biex il-qarrej Russu jkollu l-opportunità permezz tal-filmati jisma’ l-ħoss tat-test poetiku tradott u l-mużikalità tal-ilsien Malti. Minn Marzu 2019 Psaila bdiet tippubblika wkoll f’din ir-rivista novelli tal-kittieba Maltin maqluba għar-Russu.

It-traduzzjonijiet tal-poeżiji Russi, akkumulati matul bosta snin, saru l-bażi tal-ġabra ta’ Yana Psaila 'Antoloġija tal-Poeżija Russa'[55] li ħarġet f’Malta f’Ġunju 2020[56]. Fil-Kelmtejn Qabel l-Ambaxxatur Straordinarju u Plenipotenzjarju tal-Federazzjoni Russa għar-Repubblika ta’ Malta Vladimir Ardalionovich Malygin[57] qal li[55]:

The poetic collection I am happy to introduce to the Maltese readers includes 30 works of the 15 greatest Russian authors. Some of them, like Alexander Pushkin and Boris Pasternak, belong to the Golden and Silver Age of Poetry in Russia of the 19th and early 20th century, the others, like Yevgeny Yevtushenko and Vladimir Vysotsky, form part of the Sixtiers artistic movement. All of them are Russian classic poets and their masterpieces form part of the Russian culture code.

u l-kittieb, illustratur, poeta u rumanzier Trevor Żahra qal hekk:

Meta bdejt naqra dawn il-poeżiji li ttraduċiet Yana Psaila, flimkien mal-kummenti bijografiċi, ħassejt bħal għafsa ta’ qalb, għax jekkt tneħħi ilil Pushkin u ’l Pasternak, tista’ tgħid li ma kont naf xejn dwar il-poeti l-oħra li semmiet. U għalhekk inħoss li aħna xxurtjati li għandna fostna traduttriċi unika, li waqt li twieldet u trabbiet fil-kultura Russa, illum xorbot sew dik Maltija u għandha ħakma mill-aqwa ta’ lsienna. Din hija verament sitwazzjoni ideali.

Fir-reviżjini dwar dan il-ktieb il-kritiku letterarju u edukatur Tarcisio Zarb kiteb hekk[58]:

… nissuġġerixxi, li dawn il-poeżiji li issa nqalbu għal ilsienna, jintiegħmu mill-poplu Malti, b’mod speċjali l-istudenti, u b’hekk jagħrfu kemm il-poeżija ma tafx fruntieri, u dan minħabba l-fatt, li s-sentimenti, l-emozzjonijiet u l-konjizzjonijiet huma tal-bniedem, indipendentement minn fejn jgħix.

Il-proġetti tagħha Yana Psaila kważi dejjem takkumpanjahom bir-riċerka. Waqt it-tagħlim tal-Malti hi ħarġet bl-idea kif l-għaxar forom tal-verb trilitteru jistgħu jiġu mmemorizzati bl-għajnuna tal-iskema viżiva li ġiet ippubblikata fir-rivista edukattiva 'Sagħtar' fl-2014[59]. Il-parteċipazzjoni fil-proġett poetiku internazzjonali tal-Mużew u l-Istitut ta’ Vladimir Vysotsky f’Koszalin biex ix-xogħlijiet ta’ dan il-poeta jiġu maqluba fil-lingwi tal-popli tad-dinja kkontribwiet għall-analiżi tal-perċezzjoni tal-poeżija ta’ Vysotsky mill-udjenza Maltija. L-esperjenza tat-traduzzjoni ta’ għexieren ta’ testi mir-Russu għall-Malti[60], fejn ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-kollegi fil-qasam tal-istudji ta’ Vysotsky li kienu jaħdmu ma’ ilsna oħra, ġiet riflessa fl-artikli ppubblikati fir-rivisti xjentifiċi Russi riveduti mill-pari[61][62][63][64][65][66].

Fis-snin 2007—2008 Yana Psaila ħadet sehem fit-teledramm popolari 'Gizelle'. F’Ottubru 2014 ġiet mistiedna għall-edizzjoni tas-sensiela “Niltaqgħu mal-Awtur”[67], imtellgħa mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti'. Diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju, pubblikazzjonijiet stampati u online jagħmlulha intervisti u jistidnuha għall-programmi ddedikati għall-kultura, lingwa u letteratura[68][69][70][71][72][73][74][75][76], isemmuha fir-reviżjonijiet tal-letteratura[77][78]. Jikkuntattjawha wkoll rivisti Russi bbażati f’Malta[79][80][81][82][30]. Psaila tagħmel taħditiet għall-istudenti tal-iskejjel, kulleġġi u l-Università ta’ Malta dwar temi relatati mal-impenn tagħha.  Id-delegazzjoni tad-Dar – Mużew  tal-Poeta Lermontov “Tarkhany” iddiskreviet iż-żjara tagħha f’Malta hekk[83]:

Is-serata “Iċ-Ċirku tal-Interessi Mużikali ta’ Michail Lermontov” li saret fl-Iskola tal-Mużika ta’ Malta, kienet unika bil-mod tagħha. Il-Maltin taw il-prestazzjoni tar-rumanzi miktubin mill-poeżiji tal-poeta tagħna bir-Russu! U l-poetessa u filologa Russa-Maltija Yana Psaila ttraduċiet tnejn mill-poeżiji ta’ Lermontov fil-lingwa Maltija - din hija l-ewwel esperjenza tax-xorta tagħha fil-pajjiż.

Fi Frar 2018 fiċ-Ċentru Russu għax-Xjenza u l-Kultura f’Malta saret is-serata mmexxija minn Yana Psaila ddedikata għall-anniversarju ta’ Vladimir Vysotsky li matulha ġew moqrija t-traduzzjonijiet tagħha tal-poeżiji ta’ dan il-kantawtur mir-Russu għall-Malti[84]. Għal dan l-avveniment attendew nies mill-qasam tal-kultura u l-arti ta’ Malta, membri tal-Akkademja tal-Malti u tal-Għaqda Poeti Maltin, studenti tal-korsijiet tal-lingwa Russa. L-udjenza wriet ix-xewqa li titgħallem aktar dwar ix-xogħlijiet ta’ Vysotsky u talbet biex isiru iżjed traduzzjonijiet għall-Malti[63].

Fis-snin 2024-2025 Yana tat lekċers online imtellgħa mill-Ambaxxata Maltija f’Moska għall-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Lingwi li jiġi organizzat kull Settembru mill-Istituti Nazzjonali tal-Kultura tal-Unjoni Ewropea (EUNIC), fejn tat it-tagħrif dwar l-istorja tal-ilsien Malti, il-letteratura Maltija, il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila u l-kontribut kbir tiegħu għall-prosperità tal-lingwa Maltija [85] [86]. Yana ħadet sehem ukoll fil-podcast dwar ilsna Ewropej rari għal "Euro-pulse", il-pjattaforma multimedjali mnedija mid-Delegazzjoni tal-UE dwar l-Ewropa, il-kultura u n-nies tagħha, l-edukazzjoni, ix-xjenza u l-ekoloġija, fejn tat intervista għall-artiklu dwar l-ilsien Malti kif ukoll għadditilhom għall-pubblikazzjoni fil-portal tagħhom mikrostorja li kitbet fuq l-ittra storika l-“Għ”, ibbażata fuq ir-rakkont ta’ Dr Olvin Vella, il-lettur tad-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta [87].

Rikonoxximent tar-riżultati tal-ħidma

[immodifika | immodifika s-sors]

• F’Ġunju 2014 fiċ-Ċentru Russu għax-Xjenza u l-Kultura f’Malta Yana Psaila ngħatat iċ-ċertifikat ta’ Rossotrudnichestvo għall-ħolqien tal-ewwel tax-xorta tagħhom frażarji Russu-Malti u Malti-Russu.

• F’Novembru 2016 fil-Palazz tal-President saret ċerimonja tal-għoti tal-Midalja tad-Deheb tal-Akkademja tal-Malti taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca. Fl-aħħar tas-serata l-membri tal-Akkademja għaddew l-pubblikazzjonijiet tagħhom lil-librerija tal-President, fosthom kien hemm kotba ta’ Psaila: 'Frażarju Russu-Malti', 'Frażarju Malti-Russu', il-ġabra poetika 'L-Imħabba tal-Istilla Polari' u l-ewwel ktieb tal-awtur Malti tradott għar-Russu 'Il-ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa' ta’ Trevor Żahra[88].

• F'Awwissu 2017 ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta semmiet lil Yana Psaila fost nisa tradutturi Maltin oħra u enfasizzat il-kontribuzzjoni enormi tan-nisa għall-qasam tat-traduzzjoni letterarja[89].

• F'Jannar 2019 waqt it-tnedija tal-ktieb ta’ Trevor Żahra 'Sfidi' tradott minn Psaila u ppublikat fir-Russja li saret fil-Palazz San Anton, fid-diskorsi tal-President tar-Repubblika ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ambaxxatur Straordinarju u Plenipotenzjarju tal-Federazzjoni Russa għar-Repubblika ta’ Malta Vladimir Ardalionovich Malygin ġie nnutat l-iżvilupp attiv tar-rabtiet kulturali fil-qasam tal-letteratura, skambju reċiproku tax-xogħlijiet tal-poeżija u l-proża bejn ir-Russja u Malta fit-tieni deċennju tas-seklu XXI[90][91].

• F’Marzu 2019 ħarġet 'Antoloġija tal-Poeżija Maltija. It-Tieni Volum', immirata għall-istudenti li qed jippreparaw għall-eżami tal-Malti fil-livell Avvanzat. Fiha ġew inklużi żewġ poeżiji ta’ Yana Psaila.

• F'Ġunju 2020 Yana ngħatat iċ-ċertifikat tar-rebbieħa bħala traduttriċi bit-traduzzjoni tal-poeżija tal-Imħallef Emeritu Philip Sciberras 'Lil Pushkin' fil-Konkors Internazzjonali Pushkinjan X fil-kategorija 'Pushkin f'Ħajti', organizzat mill-Istitut Statali tal-Ilsien Russu ta’ Pushkin f’Moska[92].

• F'April 2021 fis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa ġie ppubblikat tagħrif dwar il-premjazzjoni ta’ kompatrijotti fis-sena 2020[93]. Yana Psaila ngħatat Ċertifikat tal-Unur bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħha fil-qasam tal-kultura u t-tradizzjonijiet lingwistiċi tal-popli.

• F’April 2024 ingħatat mill-assoċċjazzjoni internazzjonali tax-xjentisti, akkademiċi u speċjalisti International Academy of Natural History Lawrea tad-Duttur tax-Xjenza (Honoris Causa) fit-translotoloġija għall-ħidma tagħha fil-qasam tat-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni letterarja bejn is-snin 2013-2023. S’issa Psaila qalbet mir-Russu (kif ukoll mill-Belarussu, l-Ukren u l-Pollakk) għall-Malti madwar 200 test letterarju u ppubblikat numru ta' artikli akkademiċi (double blind peer reviewed) dwar aspetti differenti tat-traduzzjoni poetika għall-Malti fir-rivisti xjentifiċi ewlenin (indexed by Web of Science, Scopus eċċ.)

• F'Marzu 2025 il-Konsorzju Xjentifiku u Industrijali Ewroasjatiku li jgħaqqad għadd ta’ komunitajiet akkademiċi u edukattivi ta lil Psaila l-Midalja tad-Deheb ‘Kwalità Ewropea’ għar-riżultati tal-ħidma tagħha fil-qasam tat-translotoloġija (it-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni letterarja mill-Malti għar-Russu u viċe versa) li saret bejn is-snin 2013-2025.

  1. Кириенко, Яна (1991). Плачет маленький котенок.... Еженедельный вестник всесоюзного общества защиты животных «Зов» (bir-Russu). 47 (371): 8.
  2. Томский портал запустил проект о выпускниках ТГУ за рубежом. Национа́льный иссле́довательский То́мский госуда́рственный университе́т (bir-Russu). 2019-08-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-21. Miġbur 2020-11-20.
  3. Malta Qualifications Recognition Information Centre, Ref No: MQRIC 299/4 JSU/RD, 16 September 2010.
  4. Psaila, Yana (2013). L-Imħabba tal-Istilla Polari (bil-Malti). Printwell.
  5. Sammut, Patrick, ed. (2014-03-18). "Minn Fuq l-Ixkaffa". il-pont (bil-Malti). Nru. 18. p. 8.
  6. "Emerging Artists – Malta Arts Festival 2013". Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (bl-Ingliż). 2014-07-16. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-22. Miġbur 2020-11-20.
  7. Sciberras, Andrew, ed. (2019). Il-Poeżija Maltija - It-Tieni Volum (bil-Malti). Merlin Publishers. ISBN 9789990917840.
  8. Стихи выпускницы ТГУ вошли в мальтийский учебник для колледжей. Программа повышения конкурентоспособности ТГУ (bir-Russu). 2019-04-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-22. Miġbur 2020-11-20.
  9. Zimna, Marlena (2014). Международный поэтический проект: Владимир Высоцкий. Новые переводы. Владимир Высоцкий (bir-Russu).
  10. Zimna, Marlena (2014). Vladimir Vysotsky in New Translations. International Poetic Project (bir-Russu). CreateSpace Independent Publishing Platform. ISBN 978-1505418583.
  11. Zimna, Marlena (2015). Vladimir Vysotsky in various languages: International poetic project (bir-Russu). CreateSpace Independent Publishing Platform. ISBN 978-1517091910.
  12. Vysotsky, Vladimir (2015). Fil-Baħar Tad-Dmugħ (bil-Malti). Tradott minn Psaila, Yana.
  13. "Vladimir Vysotsky".
  14. "Ħarġa ġdida ta' Il-Malti". L-Akkademja tal-Malti (bil-Malti). 2020-06-04.
  15. "LEĦEN IL-MALTI għadd 40".
  16. "Il-Librerija tal-Akkademja tal-Malti" (PDF) (bil-Malti). Miġbur 2021-04-16.
  17. Cassar, Daphne (2020-06-02). "Il-COVID-19 tħarbat il-pjanijiet tal-artisti – artisti b'ġejjieni inċert". TVM.com.mt (bil-Malti). Miġbur 2021-04-16.
  18. "'Il-Pont', ħarġa nru. 074" (bil-Malti).
  19. 'L-Ilsien Malti għal Qalbi'. Malta: Klabb Kotba Maltin. 2024. pp. 47–53. ISBN 978-99932-7-992-1.
  20. Шычко, Сяргей (2016-09-13). "Проект «Франциск Скорина на языках народов мира» представили в Москве". Звязда (bil-Belarussu). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-11-28. Miġbur 2020-11-20.
  21. "il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb".
  22. "L-Għid it-Tajjeb mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-11-25. Miġbur 2021-11-25.
  23. ""Todo Relacion" ippubblikata l-Belarussja" (bil-Malti).
  24. "IL-POETI TA' MALTA JITKELLMU BIL-LINGWA BELARUSSA" (bil-Malti).
  25. Мальтийский роман был впервые переведен на русский язык. Информацио́нное аге́нтство Росси́и ТАСС (bir-Russu). 2016-06-17.
  26. Зара, Тревор (2016). Гришанов, А. А. (ed.). Тайная жизнь бабушки Женовеффы (bir-Russu). Tradott minn Псайла, Яна. Художественная литература. ISBN 978-5-280-03781-6.
  27. "Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb". Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (bil-Malti).
  28. Приходько, Диана (2016-11-01). "Немного о жизни на Мальте". Эстезис: Журнал о литературе (bir-Russu). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-22. Miġbur 2020-11-20.
  29. Зара, Тревор (2018). Вызовы (bir-Russu). Tradott minn Псайла, Яна. Художественная литература. ISBN 978-5-280-03830-1.
  30. 1 2 «Мальтийский язык стал для меня вторым родным…» (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 30. 2019. pp. 40–42.
  31. Фриджиери, Джо (2019). Дерево (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 21. Tradott minn Псайла, Яна. p. 44.
  32. Фриджиери, Джо (2019). Дерево (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 22. Tradott minn Псайла, Яна. p. 60.
  33. Фриджиери, Джо (2019). Дерево (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 23. Tradott minn Псайла, Яна. p. 58.
  34. Фриджиери, Джо (2019). Дерево (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 24. Tradott minn Псайла, Яна. p. 58.
  35. Зара, Тревор (2019). Любовь во время чумы (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 25. Tradott minn Псайла, Яна. p. 48.
  36. Зара, Тревор (2019). Любовь во время чумы (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 26–27. Tradott minn Псайла, Яна. p. 36.
  37. Зара, Тревор (2020-11-09). Исповедь. Мальтийский вестник (bir-Russu). Tradott minn Псайла, Яна.
  38. Салиба, Рита (2019). Идол (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 28. Tradott minn Псайла, Яна. p. 42.
  39. Салиба, Рита (2019). Идол (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 29. Tradott minn Псайла, Яна. p. 43.
  40. Бузуттил, Аманда (2019). Девочка в красном (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 30. Tradott minn Псайла, Яна. p. 43. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |1= (għajnuna)
  41. Бузуттил, Аманда (2020). Глубокий0 вдох (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 31. Tradott minn Псайла, Яна. p. 41.
  42. Фенек, Виктор (2020). Американский дядя (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 32. Tradott minn Псайла, Яна. p. 35.
  43. Фенек, Виктор (2020). Американский дядя (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 33. Tradott minn Псайла, Яна. p. 37.
  44. Фриджиери, Оливер (2020-10-03). Субботний врач. Мальтийский вестник (bir-Russu). Tradott minn Псайла, Яна.
  45. Мифсуд, Иммануэль (2021). "Happy weekend" (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 35. Tradott minn Псайла, Яна. pp. 44–45.
  46. "'Il-Malti'". 'Ħrafa dwar Kittieb Brikkun'. Malta: L-Akkademja tal-Malti, Klabb Kotba Maltin: 79–80. 2022.
  47. "'Sagħtar'" (bil-Malti).
  48. Выпускница ТГУ выпустила первый в мире русско-мальтийский и мальтийско-русский разговорники. Томские новости (bir-Russu). 2014-01-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-04-10. Miġbur 2020-11-20.
  49. Psaila, Yana (2014). Frażarju Russu-Malti / Русско-мальтийский словарь-разговорник (bir-Russu u bil-Malti). ISBN 978-99957-0-654-8.
  50. Psaila, Yana (2014). Frażarju Malti-Russu (bil-Malti u bir-Russu). ISBN 978-99957-0-655-5.
  51. Сёнинг, Марина (2014-01-04). "Тыткеллем биль-мальти?". Alma Mater: Газета Томского государственного университета (bir-Russu). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-02-18. Miġbur 2020-11-20.
  52. Вручение верительных грамот послом Мальты в СССР. visualrian.ru (bir-Russu).
  53. Vella, Paul, ed. (2015). "Frażarju Malti-Russu" (PDF). Folju t'Aħbarijiet (bil-Malti). Nru. 232. Maltese Literature Group. p. 1.
  54. "Международная интернет-конференция «Русский язык в диалоге культур»". Россия в Кыргызстане (bir-Russu). 2014-06-09.
  55. 1 2 Psaila, Yana, ed. (2020). Antoloġija tal-poeżija Russa XIX-XX (bil-Malti). Tradott minn Psaila, Yana. ISBN 978-99957-1-746-9.
  56. ""Anthology of Russian poetry" translated into Maltese by Yana Psaila". Russian Centre for Science and Culture in Malta (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-07-06. Miġbur 2020-11-20.
  57. "Ambassador Extraordinary and Plenipotentiary of the Russian Federation to the Republic of Malta Vladimir Malygin". Embassy of the Russian Federation to the Republic of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-17.
  58. Zarb, Tarcisio (2020). Sammut, Patrick (ed.). "Poetiċità bla fruntieri – Antoloġija tal-poeżija Russa XIX-XX, traduzzjoni u edizzjoni ta' Yana Psaila". il-pont (bil-Malti). Nru. 58. p. 19.
  59. Psaila, Yana (2015). "Il-Forom tal-Verb Trilitteru". Sagħtar (bil-Malti). Nru. 344. p. 11.
  60. "Vladimir Vysotsky - Malti". Владимир Высоцкий (bil-Malti u bir-Russu). Miġbur 2021-04-17.
  61. Псайла, Яна (2017). Поэзия В. Высоцкого в имагологическом контексте: тенденции переводческого восприятия. Текст. Книга. Книгоиздание. (bir-Russu) (15): 56–71. doi:10.17223/23062061/15/4.
  62. Psaila, Yana (2018). "Images of Winter in the Maltese Translations of V. Vysotsky's Poetry: The Experience of the Transfer of Culture-Specific Concepts" Образы Зимы В Мальтийских Переводах Поэзии В. Высоцкого: Опыт Передачи Культуроспецифичных Концептов (PDF). Ученые Записки: Орловского Государственного Университета (bir-Russu) (78): 163–167. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-04-17. Parametru mhux magħruf |access-date= injorat (għajnuna)
  63. 1 2 Псайла, Яна (2018). "Заметки переводчика: поэзия В.С. Высоцкого на мальтийском языке". Имагология и компаративистика (bir-Russu) (10): 82–92. doi:10.17223/24099554/10/4.
  64. Псайла, Яна (2019). Особенности лингвокультурной адаптации стихов В. Высоцкого при переводе на мальтийский язык. Вестник Томского государственного университета (bir-Russu) (445): 39–47. doi:10.17223/15617793/445/5.
  65. Псайла Яна, Эйдриан Грима (2024). "Современные проблемы науки и образования" (PDF). Мальтийская новелла на русском языке (bir-Russu). Москва: Издательский дом Академии Естествознания. XXV: 73–77. ISBN 978-5-91327-807-4.
  66. Psaila, Yana (2025). "European Journal of Natural History". EXPERTISE OF VLADIMIR VYSOTSKY’S POETRY TRANSLATIONS (bl-Ingliż). Moscow: International Academy of Natural History. Issue №1: 4–9.
  67. Sammut, Patrick J. (2014-10-03). "Laqgħa mal-kittieba Yana Psaila fir-Razzett tal-Markiż fil-Mosta". PJS (bil-Malti). Miġbur 2021-04-17.
  68. Mir-Russu għall-Malti || Yana Psaila (bil-Malti). YouTube. 2019-06-18. Miġbur 2021-04-17.
  69. "Yana Psaila, il-mistiedna fil-programm Inwar" (Programm tar-radju) (bil-Malti). Radju Malta 1. 2015-10-23.
  70. Falzon, Glen (2017-06-15). "Ir-Russa li tgħallmet il-Malti mill-fuljetti li kienet tirċievi mal-posta". TVM.com.mt (bil-Malti).
  71. Il-Malti u l-Barranin ta' Ġewwa (Programm televiżiv) (bil-Malti). TVM. 2019-01-07.
  72. Attard Bezzina, Daniela (2014-01-08). "Ir-Russa Msaħħra mill-Malti". iNews Malta (bil-Malti). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-02-20.
  73. "'Ħajjitna Ktieb', programm 39, Yana Psaila" (bil-Malti).
  74. "Saru Maltin, episodju 1" (bil-Malti).
  75. Bonello, Tonio (2021). "Familja, nru. 17". Niltaqgħu ma' Yana Psaila (bil-Malti). Malta: Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal: 38–40.
  76. Camilleri, Catherine (2023). "THINK 42" (PDF). From Russian to Maltese: Lessons in Linguistics with Yana Psaila (bl-Ingliż). Malta: University of Malta: 67–68.
  77. Scerri, Louis J. (2020-09-06). "A literary melange". Times of Malta (bil-Malti).
  78. Scicluna, Frank L., ed. (2020). "Creative Evening of Vladimir Vysotsky's Poetry in Interpretation of the Russian-Maltese Poetess Yana Psaila" (PDF). Maltese e-Newsletter: The Journal of Maltese Living Abroad (bl-Ingliż). Nru. 325. p. 14.
  79. Псайла, Яна (2014). Творческий вечер Евгения Евтушенко в Русской часовне. Интервью с Яной Псайлой. Моя Мальта (bir-Russu). Nru. 51. p. 9.
  80. Сазонова, Татьяна (2015). «Вернусь к тебе, как корабли из песни...». Моя Мальта (bir-Russu). Nru. 57. p. 4.
  81. "«Я куплет допою»: поэтический вечер памяти В. Высоцкого на Мальте" (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 11. 2018. p. 23.
  82. Ермаченко, Мария (2019). «Вызовы», с которыми справилась Яна Псайла (PDF). Мальтийский вестник (bir-Russu). Nru. 20. p. 17.
  83. На Мальте любят Лермонтова. Тарханы: Государственный Лермонтовский музей-заповедник (bir-Russu). 2018-04-20.
  84. "Creative Evening of Vladimir Vysotsky's Poetry in Interpretation of the Russian-Maltese Poetess Yana Psaila". Russian Centre for Science and Culture in Malta (bir-Russu). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-23. Miġbur 2021-04-17.
  85. "Malta Participates in the European Day of Languages 2024 held in Moscow Russia".
  86. "Malta Participates in the European Day of Languages 2025 held in Moscow, Russia".
  87. "Maltese Features on Podcast for Euro Pulse in Moscow".
  88. Книги выпускницы ТГУ вошли в фонд лучших произведений Мальты. Национа́льный иссле́довательский То́мский госуда́рственный университе́т (bir-Russu). 2016-12-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-22. Miġbur 2020-11-21.
  89. "August: the month to celebrate #WomenInTranslation". European Commission (bl-Ingliż). 2017-08-24.
  90. "Russian edition of a Maltese writer's book presented at President's Palace". Embassy of the Russian Federation to the Republic of Malta (bl-Ingliż). 2019-01-23.
  91. "A book of Maltese author translated into the Russian language was presented at San Anton Palace". Russian Centre for Science and Culture in Malta (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-23. Miġbur 2020-11-21.
  92. "X Международный Пушкинский конкурс «Что в имени тебе моём?»". Образование на русском (bir-Russu). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-06-25. Miġbur 2020-11-21.
  93. "Premjazzjoni ta' kompatrijotti fis-sena 2020".

Ħoloq Esterni

[immodifika | immodifika s-sors]