Philip Sciberras

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search

Philip Sciberras (Ħaż-Żebbuġ, 7 ta' Ottubru 1945) kien deputat Parlamentari Laburista u Imħallef, u huwa poeta u kittieb.

Bin Saviour u Mary Ann imwielda Micallef, Sciberras studja fl-Iskola Primarja ta' Ħaż-Żebbuġ, il-Kulleġġ San Alwiġi u l-Università ta' Malta fejn iggradwa u sar avukat fl-1973.

Fil-Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Sar membru parlamentari fl-1979 wara r-riżenja tan-Nutar Ġużè Abela. Fl-elezzjoni tal-1981 kien elett fuq is-sitt distrett. Fiż-żewġ elezzjonijiet ta' wara ma kienx elett. Fil-kwistjoni interna tal-Partit Laburista serva ta' medjatur bejn il-Prim Ministru Alfred Sant u Dom Mintoff.

Nhar id-19 ta' Diċembru 2010, il-Partit Laburista għażel lill-Imħallef Emeritus Philip Sciberras biex jamminista u jqassam il-fondi li l-Kap tal-Oppożizzjoni, flimkien ma’ deputati oħrajn Laburisti rrinunzjaw miż-żieda fis-salarju li ta l-Gvern.

Imħallef[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar id-9 ta' Diċembru 2002 kien maħtur Imħallef. Matul il-karriera tiegħu ta’ Mħallef għal tmien snin, bejn deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Appell Inferjuri u dawk tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ta xejn inqas minn 2,529 sentenza, inklużi 69 sentenza li ta matul l-aħħar jum tiegħu, is-6 ta' Ottubru 2010, jiġifieri medja ta’ 316-il sentenza fis-sena.

Fid-diskors li għamel fl-okkażjoni tal-irtirar tiegħu, l-Imħallef Sciberras qal:

"Kull ġudikant aspirant għandu jifhem li l-fiduċja ma tintilifx biss b’xi att ta’ korruzzjoni jew favoritiżmu, iżda wkoll bl-għażż, in-negliġenza u l-insensibilità anke għax dawn huma ħtijiet gravi. Tajbin kemm huma tajbin l-emendi leġiżlattivi intiżi biex iħaffu l-proċeduri u jegħlbu d-dewmien esaġerat, fih innifsu skandaluż, il-ġudikant aspiranti għandu japprezza li kif kien jgħid il-Calamandrei fl-opra tiegħu “Elogio dei Guidici”, il-ġudikant jappartejni għal dak l-ordni reliġjuż fejn jekk xi wieħed jitnikker u ma jkunx ta’ eżempju tajjeb jista’ jiġi li l-kredenti jitilfu l-fidi. Il-ħidma tal-ġudikant ma għandhiex ikollha waqfien. Dan qed ngħidu għax, kif tafu inthom, evitajt kemm stajt id-dewmien fl-għoti tas-sentenzi u dan mingħajr pressjoni żejda għall-Avukat."

Sciberras qal li huwa daħal f’din il-kariga fis-sena li matulha ftit xhur qabel seħħ l-avveniment li heżżeż lill-ġudikatura:

"Allura tistgħu tobsru x-xorta ta’ magħmudija li dħalt għalija. Ma qtajtx qalbi għax deherli li kont kapaċi nerġa’ fil-mod u ċ-ċokon tiegħi, flimkien mal-maġġjor parti ta’ ġudikanti oħra ħawtiela, nagħti sehemi biex tinkiseb lura l-fiduċja li kienet theżżet...

Ħdimt bil-mod tiegħi, inqum kmieni filgħodu, naqra l-proċess, nagħmel in-notamenti, nirriċerka u nirrediġi s-sentenzi. Dan mingħajr daqq ta’ trombi jew fanfarri... Illum fis-sewwa nistqarrilkom li nħoss ċerta għafsa li se ntemm il-karriera tiegħi ta’ ġudikant meta nqis li għad nista’ nagħti kontribut siewi, żgħir kemm hu żgħir. Qabel ma nagħlaq nixtieq intenni li matul dawn it-tmien snin osservajt kambjament tajjeb fit-tmexxija tal-kawżi u l-kwalità tas-sentenzi dovut għall-isforz kollettiv li sar minn numru ta’ Mħallfin u Maġistrati. Eventwalment qatt mhu biżżejjed. Iżda fil-fehma umli tiegħi dan l-isforz kellu almenu jsib riskontru ta’ apprezzament minn min, fis-setgħa tiegħu, tiddependi l-għażla ‘ad altiora’."

Poeta u Awtur[immodifika | immodifika s-sors]

Kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju. Ippubblika Priżmi ma' Dun Lawrenz Cachia (1968), Dawl fil-Persjani (1972) , Mandala (1984) u "Mirja" (2014).

Bhala pubblikazzjonijiet legali imbarka fuq xoghol monumentali intitolat "L-Alfabett tal-Kodici Civili" li ser jikkonsisti f'ghaxar volumi.

Huwa miżżewweġ lil Rose, imwielda Apap u għandu tlett itfal: Alexander, Lara u Andrew, u sitt neputijiet Ivan, Maya, Anja, Michael, Samuel u Matthew.

Poeżiji[immodifika | immodifika s-sors]

MANDALA

jien hu ċ-ċpar li jaqa' ħabta u sabta,

ir-rimettar ta' mara tqila,

prodott taż-żminijiet,

mit bla identita',


jaqgħad miġnun fi ċrieki mħabblin

ta' msaġar primittivi


jien hu l-frak li jaqa' mill-blat mielaħ,

il-wirt battal ta' xmux maħruqa,

sejba tal-fdalijiet,

ilsir bla isem,


ihewden mifluġ f'xaradi mnassbin

ta' sfinġi 'nkwiżittivi


jien hu t-trab ta' katakombi mdallma,

l-irmied antik ta' għadam sieket,

ġrajja ta' tifkiriet,

nisel bla sekli,


jemmen miblugħ f'ritwali misturin

ta' mqades emotivi


jien hu li hu:


tad-dell - limbu tal-waħx,


tan-nies - landa taż-żibel


irrid ngħajjat u ma nistax.


ISSA LI L-FJURI DBIELU

issa li l-fjuri dbielu

u l-ilma-qiegħed fil-vażett intrema

tista' terġa' torbot iz-zigarella ma xagħrek

u tissokta fi triqtek


għeja il-moħħ iġedded it-tifkira

tad-dirgħajn girlanda ma' rasi


u x-xitan li ħażżeż l-inkejja

fl-irmied tal-bews maħruqa

ħarab u għeb

fl-infern tal-bieraħ


għada r-raġġi ta' xmux ġodda

jixegħlu ġonna oħra

u jbaqqnu ġewwa qalbi

għejun ta' safa u tiġdid


issa li l-fjuri dbielu

u l-ilma-qiegħed fil-vażett intrema.


DATA BASE

f'laboratorji storduti

u sodod illuppjati

kromożomi ultra mġienen

ikklonizzaw

wild il-kompjuter


robotika l-mixja,

drogata n-nisġa

ta' utopiji virtwali

u vojt mingħajr qies.


KOLLOX GĦANDI LEST


Kollox għandi lest:

Bagalja ta’ uġigħ,

Passaport għajjien mingħajr uċuħ,

U portafoll ta’ solitudni


Sal-biljett li taqtgħu darba,

Bla ritorn.


Kollox għandi lest

U m’hemmx li jasal l-ajruplan.