Xanthos
Xanthos jew Xanthus (bit-Tork: Ksantos, bil-Liċjan: 𐊀𐊕𐊑𐊏𐊀 Arñna, bil-Grieg: Ξάνθος, bil-Latin: Xanthus), magħrufa wkoll fost l-istudjużi bħala Arna, l-isem tal-belt bil-Liċjan,[1] kienet belt antika qrib il-villaġġ attwali ta' Kınık, fil-Provinċja ta' Antalya, it-Turkija. Il-fdalijiet jinsabu fuq għolja fix-xatt tax-xellug tax-xmara Xanthos. L-għadd u l-kwalità tal-oqbra eżistenti fi Xanthos huma karatteristika notevoli tas-sit arkeoloġiku, li flimkien ma' Letoon fil-qrib, tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]
Xanthos kien ċentru tal-kultura u tal-kummerċ għal-Liċjani, u iktar 'il quddiem għall-Persjani, għall-Griegi u għar-Rumani li ħakmu lir-reġjun suċċessivament. Bħala belt importanti tal-Liċjani, Xanthos kellha influwenzi arkitettoniċi fuq il-ġirien tagħha; il-Monument tan-Nerejdi ispira direttament il-Mawżolew f'Halicarnassus fir-reġjun ta' Caria.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Sarpedon, eroj Liċjan tal-Gwerra ta' Trojja, jiġi deskritt fl-Ilijade bħala alleat ta' Trojja.[3]
L-akropoli ta' Xanthos tmur lura għas-seklu 8 Q.K.[4] Il-belt issemmiet minn kittieba Griegi u Rumani tal-qedem. L-istoriku Grieg Strabo nnota li Xanthos kienet l-ikbar belt f'Liċja.[5] Is-santwarju reliġjuż importanti ta' Leto f'Letoon, 4 kilometri (2.5 mili) fin-Nofsinhar ta' Xanthos, imur lura għall-aħħar tas-seklu 6 Q.K.,[6] u kien assoċjat mill-qrib mal-belt u kien ikkollegat permezz ta' triq sagra.[7]
Imperu Persjan
[immodifika | immodifika s-sors]L-istoriċi Griegi Erodotu u Appjanu t-tnejn li huma ddeskrivew il-ħakma tal-belt mill-ġeneral Medjan Arpagu f'isem l-Imperu Persjan. Skont Erodotu, il-Persjani rebħu kontra armata żgħira tal-Liċjani fl-artijiet ċatti fit-Tramuntana tal-belt għall-ħabta tal-540 Q.K.[8] Il-Liċjani rtiraw fil-belt, li mbagħad ġiet assedjata minn Arpagu. Il-Liċjani qerdu l-akropoli tagħhom, u qatlu lin-nisa, lit-tfal u lill-iskjavi tagħhom, qabel ma ħaduha kontra l-għadu f'attakk suwiċida.
Matul l-okkupazzjoni Persjana, ġiet stabbilita tmexxija lokali u sal-520 Q.K. din kienet qed tizzekka l-muniti.[9] Sal-516 Q.K., Xanthos kienet ġiet inkluża fl-ewwel nomos ta' Darius I fil-ħajr.[10]
Alessandru l-Kbir
[immodifika | immodifika s-sors]Minn Telmessos, l-armata ta' Alessandru l-Kbir avvanzat mill-muntanji lejn Xanthos. Ir-rappreżentanti ta' kull waħda mill-bliet tal-Lega tal-Liċjani, inkluż il-port ta' Phaselis, offrew personalment is-sottomissjoni tal-Liċjani, li ġiet aċċettata. Alessandru ġie mħeġġeġ meta sab fawwara sagra qrib ix-xmara Xanthus, u minn hemmhekk kiseb tavla mnaqqxa tal-bronż li bassret li l-Griegi kienu se jeqirdu lill-Imperu Persjan.[11]
Ir-rapporti dwar kif il-belt arrendiet fil-konfront ta' Alessandru l-Kbir ivarjaw: Arrjan jirrapporta li dan seħħ b'mod paċifiku, iżda Appjanu jsostni li r-rikkezzi tal-belt ġew misruqa. Wara l-mewt ta' Alessandru, Xanthos inħatfet minn Tolomew I Soter minn Antigonos.[12]
Imperu Ruman
[immodifika | immodifika s-sors]Xanthus kienet il-provinċja Rumana ta' Liċja.[13] Fit-42 Q.K., Brutu wasal f'Liċja fil-Gwerer Ċivili Rumani, sabiex jikseb il-fondi għall-kampanja militari tiegħu dik is-sena qabel il-Battalja ta' Philippi. Il-Lega Liċjana rrifjutat li tikkontribwixxi; Brutu assedja lil Xanthos u l-belt reġgħet inqerdet għalkollox u 150 raġel baqgħu ħajjin fi Xanthos.[14] Il-belt ġiet rikostruwita taħt Marku Antonju.[15]
Arkeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskavi fi Xanthos urew li l-istrutturi tal-injam inqerdu għall-ħabta tal-470 Q.K., x'aktarx minn Kimon ta' Ateni. Iktar 'il quddiem Xanthos reġgħet inbniet bil-ġebel.[16]
Il-Monument tan-Nerejdi, il-Qabar ta' Payava, u l-istrutturi oriġinali tal-Qabar ta' Harpy jinsabu għall-wiri fil-Mużew Brittaniku (bl-Ingliż: British Museum). Il-Qabar ta' Harpy innifsu jinsab fis-sit oriġinali fi Xanthos, u issa għandu repliki tar-riljievi.[17]
L-iskavi arkeoloġiċi u l-investigazzjonijiet fil-wiċċ fi Xanthos żvelaw bosta kitbiet imnaqqxa kemm bil-lingwa Liċjana kif ukoll bil-Grieg, inkluż testi bilingwi li huma utli fil-fehim tal-lingwa Liċjana.[18] L-Obelisk ta' Xanthos, magħruf ukoll bħala l-Pilastru bil-Kitbiet Imnaqqxa, huwa stele trilingwi li nstabet fil-belt; tirreġistra lingwa iktar antika tal-Anatolja, magħrufa konvenzjonalment bħala l-Miljan.[19]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit arkeoloġiku ta' Xanthos jinsab qrib il-villaġġ modern ta' Kınık.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Xanthos u Letoon ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]
l-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Fried, Lisbeth S. (2004). The Priest and the Great King: Temple-palace Relations in the Persian Empire. Eisenbrauns. ISBN 978-15750-6-090-3. p. 145.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Xanthos-Letoon". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-24.
- ^ Akşit, İlhan (2006). Kline, Stuart (ed.). Lycia: The Land of Light. Istanbul: Aksit Kultur Turizm Sanat Ajans Lt. ISBN 975-7039-11-X. p. 56.
- ^ Fried, Lisbeth S. (2004). The Priest and the Great King: Temple-palace Relations in the Persian Empire. Eisenbrauns. ISBN 978-15750-6-090-3. p. 148.
- ^ "Strabo, Geography, Book 14, chapter 3, section 6". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2023-08-24.
- ^ Dusinberre, Elspeth R. M. (2013). Empire, Authority, and Autonomy in Achaemenid Anatolia. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 978-11070-1-826-6. p. 219.
- ^ Dusinberre, Elspeth R. M. (2013). Empire, Authority, and Autonomy in Achaemenid Anatolia. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 978-11070-1-826-6. p. 173.
- ^ "Herodotus, The Histories, Book 1, chapter 176". www.perseus.tufts.edu. Miġbur 2023-08-24.
- ^ Keen, Antony G. (1992). "The Dynastic Tombs of Xanthos: Who Was Buried Where?". Anatolian Studies. 42: 53–63. p. 58.
- ^ Fitzpatrick-McKinley, Anne (2015). Empire, Power and Indigenous Elites: A Case Study of the Nehemiah Memoir. Lieden: Brill Publishers. ISBN 978-90042-9-222-2. p. 98.
- ^ Freeman, Philip (2011). Alexander the Great. New York: Simon & Schuster. ISBN 978-14391-9-328-0. p. 98.
- ^ Akşit, İlhan (2006). Kline, Stuart (ed.). Lycia: The Land of Light. Istanbul: Aksit Kultur Turizm Sanat Ajans Lt. ISBN 975-7039-11-X. p. 58.
- ^ Bunson, Matthew (2014). Encyclopedia of the Roman Empire (Revised ed.). New York: Facts on File, Inc. ISBN 978-14381-1-027-1. p. 335.
- ^ Tempest, Kathryn (2017). Brutus: The Noble Conspirator. Londra: Yale University Press. ISBN 978-0-300-18009-1. pp. 246-247.
- ^ Akşit, İlhan (2006). Kline, Stuart (ed.). Lycia: The Land of Light. Istanbul: Aksit Kultur Turizm Sanat Ajans Lt. ISBN 975-7039-11-X. p. 60.
- ^ Jenkins, Ian (2006). Greek Architecture and its Sculpture. Cambridge, Massachusetts: Harvard University Press. ISBN 978-06740-2-388-8. p. 23.
- ^ Jenkins, Ian (2006). Greek Architecture and its Sculpture. Cambridge, Massachusetts: Harvard University Press. ISBN 978-06740-2-388-8. p. 163.
- ^ Keen, Antony G. (1992). "The Dynastic Tombs of Xanthos: Who Was Buried Where?". Anatolian Studies. 42: 53–63. p. 59.
- ^ Dusinberre, Elspeth R. M. (2013). Empire, Authority, and Autonomy in Achaemenid Anatolia. Cambridge: Cambridge University Press. ISBN 978-11070-1-826-6. p. 192.