Wied tal-Fondoq il-Kbir
Il-Wied tal-Fondoq il-Kbir (bl-Ingliż: Great Rift Valley) huwa parti minn sistema ta' ktajjen muntanjużi intrakontinentali li tgħaddi mill-Kenja mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Huwa parti mill-Fondoq ta' Gregory, il-fergħa tal-Lvant tal-Fondoq tal-Lvant tal-Afrika, li jibda fit-Tanzanija lejn in-Nofsinhar u jibqa' sejjer lejn it-Tramuntana fl-Etjopja.[1] Ifforma fuq l-hekk imsejħa "Koppla tal-Kenja", art olzata ġeografika li nħolqot mill-interazzjonijiet ta' tliet plakek tettoniċi ewlenin: il-plakek tal-Arabja, tan-Nubja u tas-Somalja.[2] Fl-imgħoddi, kien jitqies bħala parti mill-"Wied tal-Fondoq il-Kbir" minn Madagascar sas-Sirja. Il-biċċa l-kbira tal-wied jagħmel parti mill-eks Provinċja tal-Wied tal-Fondoq.
Fil-wied hemm l-Għoljiet ta' Cherangani u katina ta' vulkani, uħud minnhom li għadhom attivi. Il-klima hija waħda miti, bit-temperaturi li normalment ikunu taħt it-28 °C (82 °F). Il-biċċa l-kbira tax-xita tinżel bejn Marzu u Ġunju u bejn Ottubru u Novembru.[3] L-Għoljiet ta' Tugen lejn il-Punent tal-Lag ta' Baringo fihom fossili ppreservati fil-flussi tal-lava ta' bejn 14 u 4 miljun sena ilu. Il-fdalijiet ta' bosta ominidi, l-antenati tal-bnedmin, instabu hawnhekk.[4]
F'Marzu 2018, konsentura ġganteska fid-Dinja, fonda 50 pied u wiesgħa 65 pied, iffurmat fl-art fil-Punent tal-belt kapitali Nairobi.[5] Huwa maħsub li ma għandhiex oriġini tettonika.[6]
Karatteristiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-wied huwa kkonfinat minn promontorji fil-Lvant u fil-Punent. L-art hija miksura mill-vulkani, uħud li għadhom attivi, u minn sensiela ta' lagi. Parti mis-sottoswoli tal-ħamrija huma magħrufa bħala Andisols, tip ta' ħamrija għammiela bis-saħħa tal-attività vulkanika relattivament reċenti.
Il-Lag ta' Turkana jokkupa t-tarf tat-Tramuntana tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir fil-Kenja. Hemm ukoll għadd ta' vulkani fil-Lag ta' Turkana stess. Il-Wied ta' Suguta, jew l-Artijiet Imtajna ta' Suguta, huwa parti arida tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir lejn in-Nofsinhar tal-Lag ta' Turkana. Il-vulkan b'għamla ta' tarka, Emuruangogolak, jikkonfina mal-wied fin-Nofsinhar ta' Suguta, u iktar fin-Nofsinhar mill-art tal-wied ifeġġu l-Muntanji ta' Silali u ta' Paka. Il-Muntanja ta' Paka hija vulkan b'għamla ta' tarka, b'attività ġeotermali mifruxa. Fin-Nofsinhar ta' Paka hemm il-Muntanja ta' Korosi, il-Lag ta' Baringo u l-Lag ta' Bogoria. Menengai huwa vulkan enormi b'għamla ta' tarka li jinsab fl-art tal-fondoq b'kaldera li ffurmat madwar 8,000 sena ilu. Taħtu hemm il-Lag ta' Nakuru lejn in-Nofsinhar. Dan ir-reġjun jinkludi wkoll il-Lag ta' Elementaita, il-Muntanja ta' Kipipiri u l-Lag ta' Naivasha.
Il-Park Nazzjonali tad-Daħla tal-Infern jinsab fin-Nofsinhar tal-Lag ta' Naivasha. Fil-bidu tal-ewwel deċennju tas-seklu 20, żbroffa l-vulkan Longonot, u l-irmied għadu jista' jinħass madwar id-Daħla tal-Infern. Longonot huwa stratovulkan rieqed fix-Xlokk tal-Lag ta' Naivasha. Suswa huwa vulkan b'għamla ta' tarka li jinsab bejn Narok u Nairobi. Il-fluss tal-lava mill-iżjed żbroffar reċenti għadu ma nkesiex bil-veġetazzjoni, u jaf lanqas għandu iktar minn mitt sena. Il-Lag ta' Magadi huwa l-iktar lag fin-Nofsinhar tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir fil-Kenja, għalkemm it-tarf tat-Tramuntana tal-Lag ta' Natron fit-Tanzanija jibqa' dieħel fil-Kenja.
Il-Promontorju ta' Elgeyo jifforma parti mill-ħajt tal-Punent. Il-Wied ta' Kerio jinsab bejn l-Għoljiet ta' Tugen u l-Promontorju ta' Elgeyo f'elevazzjoni ta' 1,000 metru (3,300 pied). Fl-inħawi tal-Wied ta' Kerio hemm depożiti kbar ta' fluworit. Iktar fin-Nofsinhar hemm il-Promontorju ta' Mau li huwa rdum naturali wieqaf għoli madwar 1,000 metru (3,300 pied), tul it-tarf tal-Punent tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir madwar il-Lag ta' Naivasha. Iktar fin-Nofsinhar hemm il-Promontorju ta' Nguruman li huwa twil madwar 50 kilometru u huwa orjentat mit-Tramuntana għall-Punent. It-tarf tat-Tramuntana tiegħu huwa madwar 120 kilometru (75 mil) fil-Lbiċ ta' Nairobi, filwaqt li t-tarf tan-Nofsinhar tiegħu tinsab qrib il-fruntiera mat-Tanzanija, fir-rokna tal-Majjistral tal-Lag ta' Natron. Il-Katina Muntanjuża ta' Aberdare tifforma parti mix-xifer tal-Lvant tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir fit-Tramuntana ta' Nairobi. Il-Muntanja ta' Satima tinsab fit-tarf tat-Tramuntana tal-Katina Muntanjuża ta' Aberdare u hija l-ogħla punt tagħha, u l-Muntanja ta' Kinangop fit-tarf tan-Nofsinhar hija t-tieni l-ogħla punt. Il-muntanji jiffurmaw promontorju bejn dawn iż-żewġ qċaċet. L-Għoljiet ta' Ngong huma qċaċet f'promontorju fil-Lvant tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir, fil-Lbiċ ta' Nairobi.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sistema tal-Lagi tal-Kenja fil-Wied tal-Fondoq il-Kbir ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[7]
Lagi
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Kenja hemm 64 (9.50 %) lag mil-lagi kollha fi ħdan il-kontinent Afrikan. Tmienja minnhom huma l-lagi prinċipali fil-Wied tal-Fondoq il-Kbir tal-Kenja.[8] Mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, dawn il-lagi huma l-Lag ta' Turkana, il-Lag ta' Logipi, il-Lag ta' Baringo, il-Lag ta' Bogoria, il-Lag ta' Nakuru, il-Lag ta' Elmenteita, il-Lag ta' Naivasha, u l-Lag ta' Magadi. Minn dawk it-tmien lagi, il-Lagi ta' Baringo u ta' Naivasha biss huma tal-ilma ħelu.[9]
Il-Lag ta' Turkana, fit-tarf tat-Tramuntana tal-fondoq, huwa twil 250 kilometru (160 mil), wiesa' bejn 15-il kilometru (9.3 mili) u 30 kilometru (19-il mil) u fond massimu ta' 125 metru (410 piedi).[10] Il-biċċa l-kbira tal-lagi l-oħra huma baxxi u bi ftit drenaġġ, għaldaqstant saru alkaliniċi. Għandhom ilmijiet b'rikkezza ta' algi blu-ħodor, li jitimgħu lil-larvi tal-insetti, lill-krustaċji ż-żgħar u lill-fjamingi ż-żgħar. Il-larvi u l-krustaċji huma ikel għall-ħut u għall-fjamingi l-kbar. Instab li l-qatgħat enormi ta' dawn l-għasafar iħallu effett fuq is-sedimenti tax-xtut tal-lag. Minħabba l-għadd kbir tagħhom, jaffettwaw il-livelli ta' depożiti f'ċerti żoni tal-lag, filwaqt li l-postijiet fejn jieklu jiġu ossiġenati bl-azzjoni tal-munqar tagħhom huma u jfittxu għall-ikel fit-tajn. Il-munzelli tal-bejtiet tagħhom jistgħu jiġu ppreservati wkoll u ssolidifikati skont il-bidliet fil-livelli tal-ilma tal-lag. Dawn jiffurmaw irregolaritajiet fit-topografija tax-xtut tal-lag.[11]
It-trona, mineral evaporattiv li jintuża għall-produzzjoni tal-karbonat tas-sodju, ilha tiġi estratta mil-Lag ta' Magadi għal kważi 100 sena. Tipproduċi madwar 250,000 tunnellata metrika fis-sena.[12] Minerali prezzjużi oħra bħar-rubini u ż-żaffiri roża nstabu u ġew estratti mill-inħawi ta' madwar il-Lag ta' Baringo. Fl-2004 ġew estratti iktar minn 2 kilogrammi ta' korondum.[13]
Is-sistema tal-lagi tal-Kenja hija magħmula minn tliet lagi alkaliniċi baxxi u mill-artijiet ta' madwarhom: il-Lag ta' Bogoria b'10,700 ettaru (26,000 akru), il-Lag ta' Nakuru b'18,800 ettaru (46,000 akru) u l-Lag ta' Elementaita b'2,534 ettaru (6,260 akru). Din is-sistema fiha waħda mill-iżjed popolazzjonijiet b'diversità ta' għasafar fid-dinja, u fiha jgħammru tlettax-il speċi ta' għasafar mhedda globalment. Il-lagi huma sit importanti għall-pellikani bojod il-kbar li jbejtu u jitnisslu hemmhekk, u huma l-iżjed sit importanti fid-dinja għall-fjamingi ż-żgħar li jieqfu jieklu hemmhekk. Fis-sistema ta' lagi jgħixu wkoll popolazzjonijiet importanti globalment tal-blonġun sekond, tal-paletta Afrikana, tax-xifa, tal-blonġun żgħir, taċ-ċikonja tal-munqar isfar, tal-fras servjent, tal-gawwi ta' rasu griża u taċ-ċirlewwa tal-munqar bħal tal-gawwi.[7]
Is-sistema ta' lagi tal-Kenja hija post ewlieni tul il-Mogħdija tal-Passa bejn il-Punent tal-Asja u l-Lvant tal-Afrika, rotta li jgħaddu minnha ammont kbar ta' għasafar fil-passa annwali tagħhom mill-postijiet tat-tnissil fit-Tramuntana għall-postijiet tal-mistrieħ fix-xitwa fl-Afrika. L-artijiet madwar il-lagi jinkludu popolazzjoni kbar ta' rinoċeronti suwed, ġiraffi ta' Rothschild, kudu kbar, iljuni, cheetahs u klieb selvaġġi. Is-sistema ta' lagi tal-Kenja hija mdawra mill-promontorju wieqaf tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir, li jipprovdi sfond spettakolari.[7]
Lagi oħra huma l-Lag ta' Chew Bahir fil-Grigal. Dan il-lag jinsab fil-biċċa l-kbira tiegħu fl-Etjopja iżda jestendi fil-Kenja matul l-istaġun tax-xita. Lag żgħir ieħor huwa l-Lag ta' Kamnarok.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Chorowicz, Jean (2005). "The East African Rift System". Journal of African Earth Sciences. 43 (1–3): 379–410.
- ^ Corti, Giacomo (Frar 2012). "Evolution and characteristics of continental rifting: Analog modeling-inspired view and comparison with examples from the East African Rift System". Tectonophysics. 522: 1–33.
- ^ Firestone, Matthew (2009). Kenya. Lonely Planet. ISBN 978-1-74104-773-8. p. 151.
- ^ Firestone, Matthew (2009). Kenya. Lonely Planet. ISBN 978-1-74104-773-8. p. 23.
- ^ Reid, Chip (2018-04-03). "A giant crack in Kenya opens up, but what's causing it? - CBS News". www.cbsnews.com (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-03.
- ^ Hicks, Stephen (2018). "Africa is slowly splitting in two – but this 'crack' in Kenya has little to do with it" (bl-Ingliż).
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Kenya Lake System in the Great Rift Valley". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-03.
- ^ Singh, Ashbindu (2006). Africa's Lakes: Atlas of Our Changing Environment. United Nations Environment Programme. ISBN 92-807-2694-3. p. 2.
- ^ Britton, J. Roberts; Harper, D. M. (Awwissu 2006). "Length–weight relationships of fish species in the freshwater rift valley lakes of Kenya". Journal of Applied Ichthyology. 22 (4): 334–336. p. 334.
- ^ Anadón, P.; Cabrera, Ll; Kelts, K. R. (1991). Lacustrine facies analysis. John Wiley & Sons. ISBN 978-0-632-03149-8. p. 6.
- ^ Scott, Jennifer J.; Robin W. Renaut; R. Bernhart Owen (15 November 2012). "Impacts of flamingos on saline lake margin and shallow lacustrine sediments in the Kenya Rift Valley". Sedimentary Geology. 277: 32–51.
- ^ Warren, John K. (2006). Evaporites: Sediments, Resources and Hydrocarbons. New York: Springer Berlin Heidelberg. p. 861. ISBN 978-3-540-26011-0.
- ^ Blauwet, Dudley; B. M. L. (2005). "New ruby and pink sapphire deposit in the Lake Baringo area, Kenya". Gems & Gemology. 41 (2): 177–178.