Aqbeż għall-kontentut

Wied ta' Kathmandu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Istupa ta' Boudnath

Il-Wied ta' Kathmandu (bin-Nepaliż: काठमाडौं उपत्यका, bin-Nepaliż Bhasa: स्वनिगः, नेपाः गाः), magħruf storikament bħala l-Wied tan-Nepal jew il-Wied tan-Nepa, jinsab fis-salib it-toroq ta' ċivilizzazzjonijiet tal-qedem tas-subkontinent Indjan u l-kontinent Asjatiku usa', u fih mill-inqas 130 monument importanti, inkluż diversi siti tal-pellegrinaġġi għall-Induisti u għall-Buddisti. Hemm seba' komponenti fil-wied li flimkien ġew rikonoxxuti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Storikament, il-wied u ż-żoni tal-madwar kienu jiffurmaw konfederazzjoni magħrufa bħala Mandala tan-Nepal. Sas-seklu 15, Bhaktapur kienet il-belt kapitali tagħha, u mbagħad ġew stabbiliti żewġ bliet kapitali oħra, Kathmandu u Lalitpur (Patan).[2]

Il-Wied ta' Kathmandu huwa l-iktar post żviluppat u popolat fin-Nepal. Il-maġġoranza tal-uffiċċji u tal-kwartieri ġenerali jinsabu fil-wied, u b'hekk hija ċ-ċentru ekonomiku tan-Nepal. Il-wied huwa popolari mat-turisti għall-arkitettura unika tiegħu u għall-kultura rikka tiegħu li tinkludi l-ogħla għadd ta' jatra (festivals fit-toroq) fin-Nepal. L-istoriċi Brittaniċi kienu jirreferu għall-wied stess bħala n-"Nepal Proprja".

Fl-2015, il-Wied ta' Kathmandu ġie mheżżeż mit-terremot tan-Nepal ta' April 2015.[3] It-terremot ikkawża eluf ta' mwiet u l-qerda ta' ħafna infrastrutturi fil-Wied ta' Kathmandu, li jinkludi l-irħula ta' Lalitpur, Kirtipur, Madhyapur Thimi, Bhaktapur u l-muniċipalitajiet fil-Wied ta' Kathmandu, b'popolazzjoni totali ta' madwar 1.5 miljun ruħ. Kathmandu hija wkoll l-ikbar belt fir-reġjun tal-għoljiet taż-żona muntanjuża tal-Himalayas.

Dese Maru Jhya, tieqa unika tal-Wied ta' Kathmandu fin-Nepal

Kathmandu mhuwiex l-isem nattiv li kien jintuża mill-poplu Nepa indiġenu tal-wied. Il-poplu Nepa indiġenu kien juża t-terminu "Swa Nhi Gha" (स्व नि ग:) biex jirreferi għaż-żona kollha tal-Wied ta' Kathmandu u "Ye"(ये ) biex jirreferu għall-belt ta' Kathmandu biss. B'mod simili, it-terminu Newari għal Patan huwa "Yela"(यल ) filwaqt li għal Bhaktapur huwa "Khwopa" (ख्वप ). It-terminu "Nepa-al" ifisser "art tal-poplu Nepa" u kien jintuża tradizzjonalment biex jirreferu għal dan il-wied.[4]

L-isem Pahari ta' Kathmandu oriġina minn struttura fil-Pjazza ta' Durbar imsejħa b'isem Sanskritu, Kāsṣtha mandapa, jiġifieri "Xelter tal-injam". Dan it-tempju uniku, magħruf ukoll bħala l-Maru Sattal, inbena fl-1596 mir-Re Lakshmi Narasimha Malla. L-istruttura kollha ma kien fiha l-ebda musmar jew riffieda tal-ħadid u kienet magħmula mill-injam kollha kemm hi. Skont leġġenda jingħad li l-injam li ntuża għal din il-pagoda ta' żewġ sulari kien inkiseb minn siġra waħda.

It-Tempju ta' Changu Narayan

Il-Wied ta' Kathmandu jaf ilu abitat minn saħansitra t-300 Q.K., peress li l-iktar oġġetti antiki li nstabu fil-wied imorru lura għal dak iż-żmien. L-iktar iskrizzjoni bikrija magħrufa tmur lura għall-185 W.K. L-eqdem binja datata b'mod ċert fil-wied għandha iktar minn 2,000 sena. Erba' stupi madwar il-belt ta' Patan x'aktarx li nbnew minn Charumati, li jingħad li kienet bint Ashoka, l-imperatur tal-Imperu Maurya fis-seklu 3 Q.K. Fir-rigward tal-ġrajjiet dwar iż-żjara tal-Buddha, ma hemmx l-ebda evidenza dwar dan. Il-Liċċavi, li l-iskrizzjonijiet l-iktar bikrin tagħhom imorru lura għall-464, kienu l-mexxejja ta' wara fil-wied u kellhom rabtiet mill-qrib mal-Imperu Gupta tal-Indja. Il-Malla mexxew il-Wied ta' Kathmandu u ż-żona tal-madwar mis-seklu 12 sas-seklu 18, meta d-dinastija Shah tar-Renju Gorkha taħt Prithvi Narayan Shah ħakmet il-wied u ħolqot in-Nepal kif nafuh illum. Din ir-rebħa fil-Battalja ta' Kirtipur kienet il-bidu tal-ħakma tal-wied kollu.[5]

L-arkitettura Newar fil-Pjazza ta' Durbar f'Lalitpur (Patan)

In-Newar huma l-abitanti indiġeni u l-ħallieqa taċ-ċivilizzazzjoni storika tal-wied. Il-lingwa tagħhom illum hija magħrufa bħala n-Nepaliż Bhasa.[6] X'aktarx li kienu d-dixxendenti tad-diversi gruppi etniċi u razzjali li għexu u mexxew f'dan il-wied tul storja ta' żewġ millenji. Xi studjużi ddeskrivew ukoll in-Newar bħala nazzjon.[7] Huma żviluppaw diviżjoni tax-xogħol u ċivilizzazzjoni urbana sofistikata li ma feġġet imkien ieħor fl-għoljiet ta' taħt iż-żona muntanjuża tal-Himalayas. Dawn baqgħu magħrufa għall-kontributi tagħhom fl-arti, fl-iskultura, fl-arkitettura, fil-kultura, fil-letteratura, fil-mużika, fl-industrija, fil-kummerċ, fl-agrikoltura u fil-gastronomija, u ħallew l-impatt tagħhom fuq l-arti tal-Asja Ċentrali.

Il-Pjazza ta' Durbar f'Kathmandu

L-arkitettura Newari tikkonsisti minn pagodi, stupi, shikharas, chaityas u stili oħra. L-arkitettura ikonika li tispikka fil-wied hija dik tal-pagodi b'saffi differenti ta' soqfa li setgħu oriġinaw f'din iż-żona u nfirxu fl-Indja, fiċ-Ċina, fl-Indoċina, u fil-Ġappun.[8] L-iktar artiġjan famuż li influwenza l-iżviluppi stilistiċi fiċ-Ċina u fit-Tibet kien Araniko, raġel Newar li vvjaġġa lejn il-qorti ta' Kublai Khan fis-seklu 13 W.K. Huwa baqa' magħruf talli bena l-istupa bajda tat-Tempju ta' Miaoying f'Beijing. Attwalment, in-nies minn inħawi oħra tan-Nepal għandhom it-tendenza li jemigraw internament lejn il-wied għal ħajja aħjar minħabba l-livell għoli ta' żviluppp kulturali u ekonomiku fil-wied. Minkejja l-urbanizzazzjoni li seħħet, in-Newar żammew il-kultura tagħhom fil-Wied ta' Kathmandu.

Skont l-iskrittura Buddista tas-Swayambhu Purana, il-Wied ta' Kathmandu xi darba kien lag, li x-xjenzati jsostnu li kien il-Lag Paleolitiku ta' Kathmandu. L-għolja fejn hemm l-Istupa ta' Swayambu kellha pjanti tal-lotus li kienu jarmu l-fjuri b'mod kostanti. Ġrajja partikolari ssostni li l-alla Manjusri qata' ħandaq f'wied jismu Kashapaal (li iktar 'il quddiem sar magħruf bħala Chobhar) b'xabla jisimha Chandrahrasha u wassal għad-drenaġġ tal-ilmijiet sabiex tiġi stabbilita art abitabbli.

Skont Gopal Banshawali, Krishna qata' ħandaq biċ-Chakra ta' Sudarshana tiegħu biex jiżvojta l-ilma. Imbagħad wettaq id-drenaġġ tal-wied u tah lill-poplu ta' Gopal Vansi, li kienu nomadi li kienu jieħdu ħsieb merħliet tal-baqar.

Veduta tal-Himalayas mill-Ajruport ta' Kathmandu

Il-Wied ta' Kathmandu għandu għamla ta' skutella. Il-parti ċentrali iktar baxxa qiegħda xi 1,425 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-Wied ta' Kathmandu huwa mdawwar b'erba' żoni muntanjużi: l-għoljiet ta' Shivapuri (b'elevazzjoni ta' 2,732 metru), ta' Phulchowki (2,695 metru), ta' Nagarjun (2,095 metru) u ta' Chandragiri (2,551 metru). L-ikbar xmara li tgħaddi mill-Wied ta' Kathmandu hija l-Bagmati.

Il-wied huwa magħmul mid-Distrett ta' Kathmandu, mid-Distrett ta' Lalitpur u mid-Distrett ta' Bhaktapur, li jkopru erja ta' 570 km2. Il-wied jikkonsisti miż-żoni muniċipali ta' Kathmandu, ta' Patan, ta' Bhaktapur, ta' Kirtipur u ta' Madhyapur Thimi; il-bqija tal-erja hija okkupata minn għadd ta' muniċipalitajiet u muniċipalitajiet rurali (fid-Distrett ta' Lalitpur). Il-wied huwa ċentru kulturali u politiku tan-Nepal.

Attrazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
Tliet Saddhu fil-Pjazza ta' Durbar, f'Kathmandu

Din hija lista mhux kompluta ta' tempji u ta' monumenti notevoli fil-Wied ta' Kathmandu. Seba' minnhom f'daqqa jiffurmaw Sit wieħed ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

  • Id-Distrett ta' Bhaktapur:
    • il-Pjazza ta' Durbar f'Bhaktapur (komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO)
    • it-Tempju ta' Changu Narayan (komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO)
    • it-Tempju ta' Doleshwor Mahadeva
    • l-Istatwa ta' Kailashnath Mahadev
    • it-Tempju ta' Suryavinayak
  • Id-Distrett ta' Kathmandu:
    • it-Tempju ta' Pashupatinath (komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO)
    • it-Tempju ta' Aditnath
    • l-Istupa ta' Boudhanath (komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO)
    • it-Tempju ta' Bagh Bhairab
    • it-Tempju ta' Dakshinkali
    • it-Tempju ta' Guhyeshwari
    • il-Pjazza ta' Durbar f'Kathmandu (komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO)
    • il-Palazz ta' Narayanhiti
    • Ranipokhari
    • l-Istupa ta' Swayambhunath (komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO)
    • it-Tempju ta' Uma Maheshwar
    • it-Tempju ta' Ajima
    • it-Tempju ta' Jal Binayak
    • it-Tempju ta' Chandra Binayak
    • it-Tempju ta' Budhanilkantha
    • it-Tempju ta' Bajrayogini
  • Id-Distrett ta' Lalitpur:
    • il-Pjazza ta' Durbar f'Lalitpur (komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO)
    • it-Tempju ta' Rato Macchindranath, Bungmati

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Istupa ta' Swayambhu

Fl-1979 il-Wied ta' Kathmandu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO b'seba' komponenti ppreservati ewlenin: iċ-ċentri tat-tliet bliet primarji, il-Pjazza ta' Durbar ta' Kathmandu, ta' Lalitpur u ta' Bhaktapur, l-iżjed żewġ stupi Buddisti importanti, Swayambhunath u Boudhanath u żewġ santwarji Induisti famużi, it-tempju ta' Pashupatinath u t-tempju ta' Changu Narayan. Fl-2003, l-UNESCO elenkat is-siti fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji "fil-Periklu" minħabba tħassib ta' telf kontinwu ta' awtentiċità u tal-valur universali straordinarju tas-sit kulturali. L-istatus "fil-periklu" tneħħa fl-2007.[9] Fl-2006 saret ukoll modifika minuri fil-konfini tas-sit.[1][10]

Fl-imgħoddi, l-Imgħallmin Buddisti Tibetani Marpa, Milarepa, Rwa Lotsava, Ras Chungpa, Dharma Swami, it-XIII-il Karmapa, is-XVI-il Karmapa u diversi oħra żaru l-Wied ta' Kathmandu u vvjaġġaw fih. Madankollu, l-ikbar grupp ta' Tibetani wasal fis-snin 60 tas-seklu 20. Ħafna bdew jgħixu madwar jew qrib l-Istupi ta' Swayambhunath u ta' Boudhanath. Ħafna Lamas famużi oħra magħrufin mad-dinja kollha għandhom il-monasteri u ċ-ċentri Buddisti tagħhom fil-Wied ta' Kathmandu.[11]

L-istorja ta' 1,500 sena ta' arkitettura funebri fil-wied tipprovdi fost l-aqwa eżempji ta' arkitettura bil-ġebel eżistenti fis-subkontinent. Xi Chaitya tinsab f'kull pjazza ewlenija fi bliet bħal Lalitpur. Barra minn hekk, l-iskrizzjonijiet fil-ġebel tal-Wied ta' Kathmandu huma sorsi importanti għall-istorja tan-Nepal.[12]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Veduta panoramika ta' Patan wara nżul ix-xemx

Il-Wied ta' Kathmandu għandu popolazzjoni totali ta' 2,517,023 ruħ skont iċ-ċensiment tal-2011.[13]

Kathmandu (Żona Kapitali Nazzjonali)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gvern tan-Nepal saritlu proposta biex jiżviluppa l-Wied ta' Kathmandu bħala żona jkapitali nazzjonali separata u mhux bħala parti minn Bagmati Pradesh.[14][15][16]

Il-Wied ta' Kathmandu fih tliet distretti ta' Bagmati Pradesh b'popolazzjoni totali ta' 2,472,071 ruħ u erja totali ta' 933.73 kilometru kwadru.

Distrett Erja Popolazzjoni
Kathmandu 413.69 kilometru kwadru 1,699,288
Bhaktapur 123.12 kilometru kwadru 304,651
Latipur 396.92 kilometru kwadru 468,132
Kathmandu 933.73 kilometru kwadru 2,472,071
L-arkitettura b'diversi saffi ta' soqfa f'Kathmandu

Korpi fil-livell lokali

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Budanilkantha
  • Chandragiri
  • Dakshinkali
  • Gokarneshwar
  • Kageshwari Manohara
  • Kathmandu
  • Kirtipur
  • Nagarjun
  • Shankharapur
  • Tarakeshwar
  • Tokha
  • Bhaktapur
  • Changunarayan
  • Madhyapur Thimi
  • Suryabinayak
  • Lalitpur
  • Muniċipalità ta' Mahalaxmi
  • Muniċipalità ta' Godawari
  • Muniċipalità Rurali ta' Konjyoson
  • Muniċipalità Rurali ta' Bagmati
  • Muniċipalità Rurali ta' Mahankal
  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Kathmandu Valley". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-04.
  2. Slusser, Mary (1982). Nepal Mandala: A Cultural Study of the Kathmandu Valley. Princeton University. ISBN 978-0-691-03128-6. p. vii.
  3. "Nepal Disaster Risk Reduction Portal". drrportal.gov.np. Miġbur 2021-08-04.
  4. Rajendra S. Khadka Travelers' Tales Nepal
  5. Asiatic Researches: Or, Transactions of the Society Instituted in Bengal, for Inquiring Into the History and Antiquities, the Arts, Sciences, and Literature, of Asia (bl-Ingliż). Reprinted for Vernor and Hood. 1799. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  6. von Furer-Haimendorf, Christoph (1956). "Elements of Newar Social Structure". Journal of the Royal Anthropological Institute. Royal Anthropological Institute of Great Britain and Ireland. 86: 15.
  7. "Mesocosm". publishing.cdlib.org. Miġbur 2021-08-04.
  8. American University (Washington, D. C. ) Foreign Areas Studies Division; United States. Army (1964). Area handbook for Nepal (with Sikkim and Bhutan). Washington, For sale by the Supt. of Docs., U.S. Govt. Print. Off.
  9. Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - State of Conservation (SOC 2003) Kathmandu Valley (Nepal)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-04.
  10. Centre, UNESCO World Heritage. "Royal Palaces of Abomey and Kathmandu removed from Danger List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-04.
  11. "Observation on the influence of Tibetan Buddhism in the Kathmandu Valley". web.archive.org. 2008-11-20. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-11-20. Miġbur 2021-08-04.
  12. Gutschow, Niels (1997). The Nepalese Caitya: 1500 Years of Buddhist Votive Architecture in the Kathmandu Valley. ISBN 978-3-930698-75-2. pp. 30-31.
  13. "Census 2011" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-12-04. Miġbur 2021-08-04.
  14. Neupane, Gyan P. "Call for integrated development of Kathmandu Valley". My Republica (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-03-27. Miġbur 2021-08-04.
  15. "Road Map for Making Kathmandu Valley Development Concept Plan Risk Sensitive" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2018-12-22. Miġbur 2021-08-04.
  16. Nasana (2015-07-15). "Valley envisioned as national capital of federal Nepal". The Himalayan Times (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-04.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]